Language of document : ECLI:EU:T:2021:568

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

15 ta’ Settembru 2021 (*)

“Ambjent – Regolament (KE) Nru 443/2009 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/158 – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/583 – Emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju – Metodoloġija tal-ittestjar – Karozzi tal-passiġġieri”

Fil-Kawża T‑359/19,

Daimler AG, stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja), irrappreżentata minn N. Wimmer, C. Arhold u G. Ollinger, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Talabér-Ritz u A. Becker, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba skont l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/583 tat‑3 ta’ April 2019 li tikkonferma jew temenda l-kalkolu proviżorju tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 u l-miri tal-emissjonijiet speċifiċi għall-manifatturi tal-karozzi tal-passiġġieri għas-sena kalendarja 2017 u għal ċerti manifatturi li jappartjenu għall-konsorzju Volkswagen għas-snin kalendarji 2014, 2015 u 2016 skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2019, L 100, p. 66), inkwantu hija teskludi għal dak li jikkonċerna lir-rikorrenti l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 u t-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 miksuba għall-ekoinnovazzjonijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, V. Tomljenović, F. Schalin (Relatur), P. Škvařilová-Pelzl u I. Nõmm, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑1 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Fil-kuntest tal-għan stabbilit mill-Unjoni Ewropea li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju (CO2) tal-vetturi ħfief filwaqt li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief (ĠU 2009, L 140, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 336, p. 60).

2        Sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 443/2009 jipprevedi li, għas-sena kalendarja li tibda mill‑1 ta’ Jannar 2012 u kull sena kalendarja sussegwenti, kull manifattur tal-karozzi tal-passiġġieri għandu jiżgura li l-emissjonijiet speċifiċi medji tiegħu ta’ CO2 ma jeċċedux l-objettiv ta’ emissjonijiet speċifiċi allokat lilu taħt l-Anness I tal-imsemmi regolament jew, fejn manifattur ikun ingħata deroga taħt l-Artikolu 11 ta’ dan l-istess regolament, b’mod konformi ma’ din id-deroga.

3        Id-determinazzjoni tal-objettiv ta’ emissjonijiet speċifiċi ta’ manifattur għandha ssir konformement mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 443/2009, moqri flimkien mal-Anness I tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 ta’ manifattur, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw id-data msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 443/2009, moqri flimkien mal-Anness II tal-imsemmi regolament, b’mod partikolari l-emissjonijiet ta’ CO2 għall-vetturi tal-passiġġieri l-ġodda kollha rreġistrati fit-territorju tagħhom matul is-sena preċedenti, kif iddeterminati fil-kuntest tal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi u indikati fiċ-ċertifikat ta’ konformità previst fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU 2007, L 263, p. 1).

4        Il-Kummissjoni Ewropea tirreġistra din id-data f’reġistru pubbliku. Konformement mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 443/2009, hija tistabbilixxi wkoll, sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, kalkolu provviżorju tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2, għall-objettiv ta’ emissjonijiet speċifiċi u tad-differenza bejn dawn iż-żewġ valuri matul is-sena kalendarja preċedenti, għal kull manifattur, u hija għandha tikkomunika din id-data lill-imsemmija manifatturi.

5        Fi tmiem terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri minn din il-komunikazzjoni, li matulu l-manifatturi jistgħu jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe żball potenzjali, il-Kummissjoni tikkonferma jew temenda d-data provviżorja kkalkolata sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, konformement mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 443/2009. Hija tippubblika d-data finali taħt il-forma tal-lista msemmija fl-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, li tindika, għal kull manifattur, l-objettiv stabbilit għas-sena kalendarja preċedenti, l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 tas-sena preċedenti kif ukoll id-differenza bejn dawn iż-żewġ valuri.

6        Jekk l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 ta’ manifattur jeċċedu l-objettiv tiegħu stabbilit għall-istess sena kalendarja, il-Kummissjoni timponi l-ħlas tal-premium għall-eċċess ta’ emissjonijiet previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament 443/2009. Waqt il-ġbir ta’ dan il-premium, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq id-data stabbilita skont l-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament.

7        Ir-Regolament Nru 443/2009 għandu bħala għan mhux biss il-protezzjoni tal-ambjent u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi tal-passiġġieri l-ġodda, iżda wkoll il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u huwa intiż, b’mod partikolari, li jinkoraġġixxi l-investimenti fit-teknoloġiji l-ġodda. Għaldaqstant, sabiex tiġi promossa l-kompetittività fit-tul tal-industrija tal-karrozzi Ewropea, ir-Regolament “jippromwovi attivament l-eko-innovazzjoni u jqis l-iżviluppi teknoloġiċi tal-ġejjieni” (ara l-premessa 13 tar-Regolament Nru 443/2009).

8        Konsegwentement, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 443/2009, dwar l-ekoinnovazzjonijiet, jipprevedi li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 miksuba permezz tal-użu ta’ teknoloġiji innovattivi għandu jittieħed inkunsiderazzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet. Għal dan il-għan, huma jitnaqqsu mill-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 tal-vetturi fejn dawn it-teknoloġiji jintużaw meta jsir il-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 ta’ manifattur.

9        Fil‑25 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 li jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 (ĠU 2011, L 194, p. 19).

10      Sabiex jibbenefika minn tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 ibbażat fuq teknoloġija innovattiva matul id-determinazzjoni tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 ta’ manifattur, dan tal-aħħar jista’ jitlob lill-Kummissjoni sabiex tapprova teknoloġija innovattiva bħala ekoinnovazzjoni. Sabiex isir dan, huwa għandu jressaq talba għall-approvazzjoni ta’ teknoloġija innovattiva bħala ekoinnovazzjoni li tinkludi l-elementi elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011. It-talba għandha, skont l-Artikolu 4(2)(e) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011, tinkludi metodoloġija tal-ittestjar li għandha tintuża sabiex jintwera t-tnaqqis tal-emissjonijiet CO2 magħmul possibbli mit-teknoloġija innovattiva jew, jekk din il-metodoloġija tkun diġà ġiet approvata mill-Kummissjoni, riferiment għall-metodoloġija approvata. Din il-metodoloġija tal-ittestjar għandha, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011, tipprovdi riżultati li jistgħu jiġu vverifikati, riprodotti u kkomparati u jippermettu li jiġi pprovat, b’mod realistiku u b’livell għoli ta’ sinjifikat statistiku, l-effetti benefiċi tat-teknoloġija innovattiva fuq l-emissjonijiet ta’ CO2, kif ukoll, jekk ikun il-każ, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-interazzjoni ma’ ekoinnovazzjonijiet oħra. Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011, il-Kummissjoni għandha tippubblika gwida dwar il-preparazzjoni ta’ metodoloġiji tal-ittestjar għal teknoloġiji innovattivi potenzjali differenti li jissodisfaw il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu.

11      Il-Kummissjoni għaldaqstant ippubblikat dokument intitolat “Linji Gwida Tekniċi għat-Tħejjija tal-Applikazzjonijiet għall-Approvazzjoni ta’ Teknoloġiji Innovattivi skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009” (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida Tekniċi”). Fil-punt 4, intitolat “Metodoloġija tal-ittestjar”, tal-imsemmija linji gwida, huwa previst li l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ ekoinnovazzjoni għandha tinkludi metodoloġija tal-ittestjar li tagħti riżultati preċiżi u li jistgħu jiġu vverifikati. Għaldaqstant, minn dan il-punt jirriżulta li l-applikant jista’ jagħżel bejn żewġ approċċi differenti, jiġifieri l-approċċ komplet jew l-approċċ issemplifikat. Skont l-approċċ komplet, l-applikant għandu jiżviluppa metodoloġija tal-ittestjar u, jekk ikun neċessarju, jibbaża l-imsemmija metodoloġija fuq data u materjal. L-imsemmija dokumentazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi pprovduta mal-applikazzjoni għal approvazzjoni u għandha tiġi evalwata minn korp indipendenti u ċċertifikat sabiex jiġi stabbilit ir-rapport ta’ verifika. L-approċċ issemplifikat jimplika li l-applikant jista’ juża funzjonijiet iddefiniti minn qabel u data medja pprovduta fil-Linji Gwida Tekniċi.

12      Il-Kummissjoni tipproċedi mbagħad għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni, konformement mal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 u, jekk ikun il-każ, tadotta deċiżjoni li tapprova t-teknoloġija innovattiva bħala ekoinnovazzjoni. Din id-deċiżjoni tippreċiża l-informazzjoni meħtieġa għaċ-ċertifikazzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 konformement mal-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

13      Manifattur ta’ vetturi li, sabiex jilħaq l-objettiv tiegħu ta’ emissjonijiet speċifiċi, ikun jixtieq jibbenefika minn tnaqqis tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 tiegħu grazzi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 li jirriżulta minn ekoinnovazzjoni fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 443/2009, ikun jista’ sussegwentement, billi jirreferi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-approvazzjoni ta’ ekoinnovazzjoni konkreta, jitlob lill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-approvazzjoni, imsemmija mid-Direttiva 2007/46, iċ-ċertifikazzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 miksub permezz tal-użu ta’ din l-ekoinnovazzjoni fil-vetturi tiegħu, konformement mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011. It-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2, li huwa ċċertifikat għat-tipi ta’ vetturi, jissemma kemm fid-dokumentazzjoni ta’ approvazzjoni skont it-tip korrispondenti, maħruġa mill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-approvazzjoni, kif ukoll fiċ-ċertifikat ta’ konformità tal-vetturi kkonċernati, maħruġ mill-manifattur.

14      F’dak li jirrigwarda ċ-ċertifikazzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-approvazzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet ta’ CO2 sabiex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 ta’ manifattur, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 jipprevedi, fl-Artikolu 12 tiegħu, eżami taċ-ċertifikazzjonijiet mill-Kummissjoni mwettaq fuq bażi ad hoc. Il-modalitajiet ta’ din il-verifika ad hoc u l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minnha huma ddefiniti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

15      Fit‑2 ta’ Diċembru 2013 u fis‑6 ta’ Mejju 2014, Robert Bosch GmbH ippreżentat żewġ applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ żewġ tipi ta’ alternaturi ta’ effiċjenza għolja bħala ekoinnovazzjonijiet. L-ewwel applikazzjoni, li hija inkwistjoni fil-każ ineżami, kienet tikkonċerna l-alternaturi ta’ effiċjenza għolja b’dijodi b’effiċjenza għolja (iktar ’il quddiem l-“alternaturi HED”). Għall-imsemmija applikazzjoni Robert Bosch ressqet talba għall-approvazzjoni bħala ekoinnovazzjoni għal diversi mudelli ta’ alternaturi HED bid-denominazzjonijiet PL 3Q‑130 HED, PL 3Q‑150 HED, EL 6–140 HED, EL 7–150 HED, EL 7–150 Plus HED, EL 7–175 Plus HED, EL 8–180 HED, EL 8Q‑180 HED u EL 8Q–190 HED. Meta ressqet it-talba, Robert Bosch segwiet l-approċċ issemplifikat previst mil-Linji Gwida Tekniċi. B’mod partikolari, hija pprovdiet protokoll ta’ miżuri ta’ ttestjar għal kull mudell ta’ alternaturi. F’dawn il-protokolli ta’ miżuri hija pprovdiet informazzjoni dwar il-metodoloġija tal-ittestjar tal-alternaturi. Għal uħud mill-alternaturi kien hemm indikat li kienu ġew “imħejjija”(EL 7‑175 Plus HED u EL 8Q‑190 HED), li l-kwantità ta’ griż kienet tnaqqset b’25 % (PL 3Q‑130 HED u PL 3Q‑150 HED), li kienu ġew ottimizzati (EL 7‑150 HED) jew anki li pjanċi kienu ġew miżjuda (EL 8Q‑190 HED). It-tħejjija, li tista’ tikkonsisti fit-tnaqqis tal-griż tal-bearings tal-alternaturi, fis-sostituzzjoni tal-oil seal rings tal-ball bearings minn pjanċa ta’ protezzjoni jew anki fiż-żieda ta’ pjanċi li għandhom bħala funzjoni li jeliminaw il-griż żejjed malajr kemm jista’ jkun, għandha l-għan li tnaqqas il-fażi ta’ running in. It-terminu ġeneriku għad-diversi metodi ta’ tħejjija inkluż ir-running in huwa l-prekundizzjonament.

16      Konformement mal-Artikolu 4(2)(g) u mal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011, l-applikazzjoni ppreżentata minn Robert Bosch kien fiha rapport ta’ verifika stabbilit fl‑14 ta’ Novembru 2013 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ verifika”) minn korp indipendenti u ċċertifikat, jiġifieri TÜV SÜD Industrie Service GmbH (iktar ’il quddiem “TÜV SÜD”). B’mod konformi mal-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011, TÜV SÜD ivverifikat il-metodoloġija tal-ittestjar użat minn Robert Bosch. Sussegwentement, fir-rapport ta’ verifika, hija kkonfermat li l-imsemmija metodoloġija tal-ittestjar kienet xierqa sabiex tiċċertifika t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 magħmul possibbli permezz tal-ekoinnovazzjoni. Il-metodoloġija tal-ittestjar ivverifikata kienet dik deskritta fir-rekwiżiti ta’ kejl ta’ effiċjenza tal-Verband der Automobilindustrie (il-Federazzjoni tal-Industrija tal-Karozzi, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“VDA”) Nru 0 124 90A 0 GB, edizzjoni tat‑2 ta’ Novembru 2010. Il-punt 6.1.1 tal-imsemmija rekwiżiti ta’ kejl ta’ effiċjenza huwa fformulat kif ġej:

“6.1.1 Running in tal-bearings ‘bearings imħejjija’

Sabiex tkun tista’ titkejjel l-effiċjenza tal-alternatur b’livell ta’ preċiżjoni aċċettabbli, il-bearings il-ġodda għandhom jingħataw running in minn qabel.

Għaldaqstant, running in ta’ siegħa b’veloċità ta’ n=10 000 dawrien/minuta u tgħabija massima b’vultaġġ tal-ġeneratur ta’ U=13.5V huwa mitlub. Dan ir-running in jista’ wkoll jiġi ssostitwit b’kejl ta’ kurva twila bil-piż massimu (pereżempju sħana “RB-warm” b’mill-inqas erba’ sigħat ta’ funzjonament tal-alternatur b’veloċitajiet ta’ rotazzjoni differenti).

Ir-running in deskritt preċedentement (siegħa ta’ tagħbija massima b’veloċità ta’ n=10 000 dawrien/minuta jew il-kurva twila b’tagħbija massima) jikkostitwixxi sempliċement rekwiżit minimu. Wara dan ir-running in, il-varjazzjoni tal-frizzjoni tal-bearings tibqa’ tant għolja li ma jkunx possibbli li jitkejjel il-livell ta’ effiċjenza bi preċiżjoni.

Sabiex titnaqqas il-varjazzjoni dovuta għall-frizzjoni tal-bearings u sabiex tkun tista’ titkejjel l-effiċjenza bi preċiżjoni, huwa neċessarju li jintużaw “bearings imħejjija” meta jsir id-disinn. L-użu ta’ “bearings imħejjija” huwa rrakkomandat ukoll għall-kejl fil-fabbrika (kontroll tal-indikatur tal-kwalità).

“Bearings imħejjija” tfisser bearings li għandhom naħa A u naħa B mingħajr sealing gasket u bi kwantità ta’ griż imnaqqsa b’madwar 20 % meta mqabbla ma’ bearings ġodda. Il-bearings imħejjija jippermettu li jiġu ssimulati l-bearings mogħtija running in.”

17      Barra minn hekk, skont ir-rapport ta’ verifika, TÜV SÜD ivverifikat, abbażi tal-provi prodotti minn Robert Bosch, jekk it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 miksub mit-teknoloġija innovattiva kienx jaqbeż il-limitu ta’ 1 g CO2/km previst fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011.

18      Fit‑30 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni approvat iż-żewġ tipi ta’ alternaturi billi adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/158 dwar l-approvazzjoni ta’ żewġ alternaturi ta’ effiċjenza għolja Robert Bosch GmbH bħala t-teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2015, L 26, p. 31).

19      Ir-rikorrenti, Daimler AG, hija manifattur tal-karozzi Ġermaniż li jipprovdu lil ċerti karozzi tal-passiġġieri b’alternaturi ta’ effiċjenza għolja ta’ Robert Bosch.

20      Fil-fatt, ir-rikorrenti ilha mill-2015 u l-2016 tarma l-mudelli ta’ alternaturi HED Bosch EL 7–150 Plus HED u Bosch EL 7–175 Plus HED (iktar ’il quddiem l-“alternaturi inkwistjoni”) f’uħud mill-vetturi tagħha.

21      Konformement mal-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011, dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 miksub minn ekoinnovazzjonijiet, ir-rikorrenti talbet u kisbet, mingħand il-Kraftfahrt‑Bundesamt (l-Uffiċċju Federali għaċ-Ċirkulazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“KBA”), iċ-ċertifikazzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 miksub permezz tal-użu tal-alternaturi inkwistjoni f’uħud mill-vetturi tagħha.

22      Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/144, tad‑19 ta’ Jannar 2018, li tikkonferma jew temenda l-kalkolu proviżjorju tal-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 u l-miri ta’ emissjonijiet speċifiċi għall-manifatturi tal-karozzi tal-passiġġieri għas-sena kalendarja 2016 skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018, L 25, p. 64), il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 miksuba mill-alteraturi inkwistjoni.

23      Matul is-sena 2017, il-Kummissjoni għamlet, abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011, dwar l-eżami taċ-ċertifikazzjonijiet, eżami ad hoc taċ-ċertifikazzjonijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 tar-rikorrenti miksuba permezz tal-użu tal-ekoinnovazzjonijiet inkwistjoni.

24      Il-Kummissjoni kkonstatat li t-tnaqqis iċċertifikat ta’ emissjonijiet ta’ CO2 mill-KBA kien ħafna ikbar mit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 li seta’ jintwera billi tiġi applikata l-metodoloġija tal-ittestjar mitluba mill-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158, moqri flimkien mal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/341/UE tas‑27 ta’ Ġunju 2013 dwar l-approvazzjoni tal-Alternatur ta’ Ġenerazzjoni Effiċjenti Valeo bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 179, p. 98).

25      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bid-differenzi kkonstatati u stabbilixxiet terminu ta’ 60 jum sabiex hija tipproduċi l-prova li t-tnaqqis iċċertifikat ta’ emissjonijiet ta’ CO2 kien korrett.

26      Bejn is‑16 ta’ Marzu u l‑24 ta’ Lulju 2018, saru diversi skambji dwar il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni bejn il-Kummissjoni, ir-rikorrenti u l-manifattur tal-alternaturi inkwistjoni, jiġifieri, issa, wara bidla fl-isem tal-kumpannija u wara bejgħ tal-attività ta’ starters u ta’ alternaturi minn Robert Bosch, SEG Automotive GmbH.

27      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Ottubru 2018, intitolata “Komunikazzjoni ta’ Rtirar tat-Tnaqqis ta’ Emissjonijiet ta’ CO2 miksub permezz ta’ Ekoinnovazzjonijiet mogħtija lill-Vetturi ta’ Daimler AG mgħammra bl-Alternaturi ta’ Effiċjenza Għolja Bosch HED EL 7-150 u 175 plus”, il-Kummissjoni essenzjalment informat lir-rikorrenti li, wara l-iskambji tagħha ma’ din tal-aħħar u l-manifattur tal-alternaturi, hija kienet ikkonkludiet li d-differenzi kkonstatati fil-livelli ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 kienu dovuti għal metodoloġiji tal-ittestjar differenti użati. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti li t-tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet ta’ CO2 b’riferiment għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158 ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 li jikkonċernawha għas-sena 2017. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti sabiex tivverifika l-lista tal-vetturi kkonċernati u tinnotifikaha b’kull żball jew ommissjoni fi żmien xahar minn meta tirċievi l-imsemmija ittra.

28      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti kkonfermat il-lista tal-vetturi kkonċernati u kkontestat il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fl-ittra tat‑22 ta’ Ottubru 2018.

29      Fil‑21 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal annullament, irreġistrat taħt in-numru T‑751/18, kontra l-ittra tat‑22 ta’ Ottubru 2018.

30      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni rrispondiet għall-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tat‑22 ta’ Novembru 2018.

31      Il-Kummissjoni adottat, fit‑3 ta’ April 2019, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/583 li tikkonferma jew temenda l-kalkolu proviżorju tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 u l-miri tal-emissjonijiet speċifiċi għall-manifatturi tal-karozzi tal-passiġġieri għas-sena kalendarja 2017 u għal ċerti manifatturi li jappartjenu għall-konsorzju Volkswagen għas-snin kalendarji 2014, 2015 u 2016 skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 (ĠU 2019, L 100, p. 66, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Il-premessa 13 tal-imsemmija deċiżjoni tindika li t-tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet ta’ CO2 attribwit lill-alternaturi inkwistjoni ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi medji tar-rikorrenti.

32      Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Jannar 2020, Daimler vs Il‑Kummissjoni (T‑751/18, EU:T:2020:5), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament kontra l-ittra tat‑22 ta’ Ottubru 2018 bħala inammissibbli minħabba, b’mod partikolari, li l-imsemmija ittra ma kinitx att li jista’ jiġi kkontestat.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti bdiet din l-azzjoni.

34      Ir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit‑2 ta’ Settembru, fis‑16 ta’ Ottubru u fit‑28 ta’ Novembru 2019, rispettivament,

35      Fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

36      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet iwieġbu bil-miktub għal numru ta’ mistoqsijiet qabel is-seduta.

37      Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-termini imposti.

38      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tispeċifika għal dak li jikkonċernaha, fl-Artikolu 1(1), moqri flimkien mal-kolonni D u I tat-tabelli 1 u 2 tal-Anness I, l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 miksuba minn ekoinnovazzjonijiet;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

39      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

40      Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158 minħabba l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ Willans żbaljat; it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 minħabba l-assenza ta’ prekundizzjonament speċifiku waqt il-verifika ad hoc; it-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis iċċertifikat ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għas-sena kalendarja 2017; ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ u l-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

41      Waqt is-seduta r-rikorrenti rrinunzjat għall-ewwel motiv, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbal tas-seduta. Minn dan isegwi li ma hemmx iktar lok li jiġi eżaminat l-imsemmi motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 minħabba l-assenza ta’ prekundizzjonament speċifiku waqt il-verifika ad hoc

42      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158 tipprevedi prekundizzjonament speċifiku.

43      B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti tiddeduċi mill-formulazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158 li din tipprevedi prekundizzjonament. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni kienet taf li Robert Bosch kienet wettqet it-testijiet li fuqhom kienet ibbażata l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-ekoinnovazzjoni tagħha b’alternaturi li kienu suġġetti għal prekundizzjonament speċifiku. Fil-fatt, mill-fajl li kienet ipprovditilha Robert Bosch kienet jirriżulta li l-alternaturi inkwistjoni kienu għaddew minn prekundizzjonament.

44      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li r-rekwiżiti legali ġenerali applikabbli għall-metodoloġija tal-ittestjar jimponu prekundizzjonament speċifiku.

45      L-għan tar-Regolament Nru 443/2009 huwa li jinkoraġġixxi l-iżvilupp u l-użu ta’ ekoinnovazzjonijiet effiċjenti taħt kundizzjonijiet reali. Dan jeħtieġ prekundizzjonament tal-alternaturi li jikkorrispondu għal running in ta’ madwar 250 siegħa. Il-Kummissjoni kellha għaldaqstant tapplika metodoloġija tal-ittestjar bi prekundizzjonament. Kieku alternatur jiġi ttestjat mingħajr prekundizzjonament, kif għamlet il-Kummissjoni, ir-riżultati kienu jirrappreżentaw biss madwar 1 % tat-tul tal-ħajja normali globali tal-alternatur. Għar-rikorrenti, ir-riżultati tat-testijiet huma, barra minn hekk, ġeneralment impreċiżi u varjabbli matul dan il-perijodu.

46      Dan l-approċċ huwa wkoll konformi ma’ dak li huwa previst mill-proċedura ta’ ttestjar irregolata mir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1), jiġifieri ċ-ċiklu Ewropew il-ġdid ta’ sewqan jew il-proċedura ta’ ttestjar armonizzata fuq livell dinji għall-vetturi ħfief (worldwide harmonized light vehicles test procedure), li jintuża bħala riferiment komuni għall-kejl tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 miksub mill-użu ta’ ekoinnovazzjonijiet.

47      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li prekundizzjonament speċifiku tal-alternaturi ta’ effiċjenza għolja awtorizzati bħala ekoinnovazzjonijiet konformi mal-istruzzjonijiet tal-manifattur jikkostitwixxi parti integrali obbligatorja tal-metodoloġija tal-ittestjar li għandu jiġi applikat għal dawn l-ekoinnovazzjonijiet bil-għan li tiġi ggarantita l-kompatibbiltà tagħhom mal-kriterji tan-natura verifikabbli, riproduċibbli u komparabbli tar-riżultati ta’ din il-metodoloġija tal-ittestjar.

48      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni, essenzjalment, li la d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/341 u lanqas id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158 ma jirrikjedu espliċitament prekundizzjonament bħala li jagħmel parti mill-metodoloġija tal-ittestjar mitluba.

49      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158 hija att legali ta’ portata ġenerali li għandu jiġi interpretat skont kriterji oġġettivi. Fil-fehma tagħha, anki jekk dokumenti dwar l-oriġini ta’ din id-deċiżjoni jistgħu jittieħdu bħala riferiment għall-interpretazzjoni tagħha, din tista’ tkun biss informazzjoni disponibbli b’mod ġenerali — pereżempju, id-deskrizzjonijiet sommarji tal-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ ekoinnovazzjoni ppubblikati fuq is-sit internet tagħha.

50      Minbarra l-fatt li għarfien jew intenzjoni potenzjali min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ prekundizzjonament speċifiku mwettaq mill-awtur tal-applikazzjoni huwa irrilevanti għall-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Implimentazzjoni 2015/158, il-Kummissjoni ssostni li hija ma kinitx taf bil-fatt li l-metodoloġija tal-ittestjar applikat minn Robert Bosch tinvolvi prekundizzjonament tal-alternaturi inkwistjoni. Is-sempliċi riferiment fir-rapport ta’ verifika għar-rekwiżiti ta’ kejl tat‑2 ta’ Novembru 2010 ma huwiex biżżejjed. Fi kwalunkwe każ, ebda informazzjoni preċiża dwar in-natura u l-modalitajiet speċifiċi jew it-tul ta’ prekundizzjonament neċessarju skont dawn ir-rekwiżiti ma tista’ tiġi rtirata mill-punt 6.1.1 tagħhom.

51      Minn dan isegwi li anki kieku r-rekwiżiti ta’ kejl jew dettalji oħra tal-ittestjar kienu ġew miżjuda mal-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-alternaturi inkwistjoni bħala ekoinnovazzjoni u anki kieku l-Kummissjoni setgħet tiddeduċi minn dan l-informazzjoni li l-awtur tal-applikazzjoni kien wettaq prekundizzjonament speċifiku għall-finijiet tal-kejl tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 magħmul possibbli bl-użu ta’ teknoloġija innovattiva użata f’dawn l-alternaturi b’effiċjenza għolja, xorta waħda ma jirriżultax li l-Kummissjoni approvat (impliċitament) prekundizzjonament fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158 jew li dan it-tip konkret ta’ prekundizzjonament jikkostitwixxi parti mill-metodoloġija tal-ittestjar mitlub fl-anness ta’ din id-deċiżjoni.

52      Il-Kummissjoni tfakkar li l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-ekoinnovazzjoni kkonċernata fil-każ ineżami kienet ibbażata biss fuq l-approċċ issemplifikat tal-Linji Gwida Tekniċi. Dan l-approċċ issemplifikat huwa bbażat esklużivament fuq il-Kapitolu 5 tal-imsemmija linji gwida. Kull differenza meta mqabbla mal-indikazzjonijiet li jinsabu fih għandha, skont il-Kummissjoni, tiġi ġġustifikata.

53      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżiti legali ġenerali invokati mir-rikorrenti fil-qasam tad-definizzjoni ta’ metodoloġija tal-ittestjar għall-ekoinnovazzjonijiet ma jikkostitwixxux raġuni li tippermetti li jiġi konkluż li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/341 jew id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158 huma illegali, jew li dawn id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni għandhom jinqraw fis-sens li l-metodoloġija tal-ittestjar li huma jirrikjedu tinkludi l-prekundizzjonament speċifiku mixtieq mir-rikorrenti.

54      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li jekk it-tul u n-natura tal-prekundizzjonament ta’ ekoinnovazzjoni li ma hijiex irregolata mill-att legali inkwistjoni kellhom jiġu allinjati mal-istruzzjonijiet tal-manifattur ikkonċernat, in-natura komparabbli tal-metodoloġija tal-ittestjar hekk imposta ma tkunx iggarantita, ħaġa li tmur kontra l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 443/2009, jew l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011. Hija tqis li, skont din l-interpretazzjoni, huwa probabbli li kull manifattur jirrikjedi prekundizzjonament speċifiku li jipprevedi li jitkejjel it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 miksub permezz tal-użu tal-ekoinnovazzjoni kkonċernata fl-aqwa tal-prestazzjoni tagħha.

55      Il-Kummissjoni żżid tgħid li, mill-perspettiva taċ-ċertezza legali u tal-ugwaljanza fit-trattament, prekundizzjonament speċifiku li ma huwiex rekwiżit espliċitament bħala li jagħmel parti mill-metodoloġija tal-ittestjar applikabbli ma jistax jiġi awtorizzat. Fil-fehma tagħha, il-kundizzjonijiet ta’ metodoloġija tal-ittestjar li jinfluwenzaw ir-riżultat tat-test huma validi biss jekk huma espressament imsemmija fl-att ġuridiku inkwistjoni. Il-Kummissjoni tqis li kundizzjonijiet mhux irregolati ma għandhomx japplikaw u li lakuna leġiżlattiva ma tistax timtela permezz tal-istruzzjonijiet tal-manifattur.

56      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tiżgura li ċ-ċertifikazzjonijiet u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 allokati għall-vetturi jiġu vverifikati fuq bażi ad hoc. Meta ssib li hemm differenza bejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 iċċertifikat u t-tnaqqis li jkun ivverifikat permezz tal-metodoloġija jew il-metodoloġiji tal-ittestjar rilevanti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-manifattur dwar dan. Il-manifattur jista’ fi żmien 60 jum minn meta jirċievi n-notifika jipprovdi lill-Kummissjoni b’evidenza li turi l-eżattezza tat-tnaqqis ta’ CO2 iċċertifikat. Meta din l-evidenza ma tiġix prodotta fil-perijodu ta’ żmien indikat, jew issib li l-evidenza prodotta ma hijiex sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ma tikkunsidrax it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 iċċertifikat għall-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi medji tal-manifattur għas-sena kalendarja sussegwenti.

57      Għandu wkoll jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 jipprovdi li “[i]l-metodoloġija tal-ittestjar imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 4(2) għandha tipprovdi riżultati li huma verifikabbli, li jistgħu jiġu ripetuti u komparabbli. Għandha tkun kapaċi turi b’mod realistiku l-benefiċċji, b’sinifikanza statistika qawwija, tat-teknoloġija innovattiva f’termini ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u, fejn rilevanti, tikkunsidra l-interazzjoni ma’ eko-innovazzjonijiet oħrajn”.

58      Fil-każ ineżami, id-differenzi kkonstatati mill-Kummissjoni huma bbażati fuq il-fatt li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 magħmul possibbli permezz tal-użu tal-alternaturi kkonċernati ġie ddeterminat skont prekundizzjonament speċifiku għall-finijiet taċ-ċertifikazzjoni mill-KBA, iżda mingħajr ebda prekundizzjonament għall-verifika ad hoc magħmula mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2013/341 u 2015/158 ma jgħidu xejn dwar jekk l-alternaturi inkwistjoni kinux is-suġġett ta’ prekundizzjonament.

59      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti pprovdiet lill-Kummissjoni, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011, provi li juru l-eżattezza tat-tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet ta’ CO2 fid-dawl tal-metodoloġija tal-ittestjar li hija tiddefendi li fiha l-alteraturi inkwistjoni kienu suġġetti għal prekundizzjonament speċifiku.

60      L-elementi fil-proċess ta’ din il-kawża jippermettu wkoll li jiġi konkluż li Robert Bosch kienet applikat metodoloġija tal-ittestjar bi prekundizzjonament speċifiku għall-finijiet tal-approvazzjoni tal-alternaturi inkwistjoni bħala ekoinnovazzjoni. Fil-fatt, ir-rappreżentanti tal-kumpannija SEG Automotive indikaw li l-predeċessur legali tal-imsemmija kumpannija, Robert Bosch, kiseb ir-riżultati li jidhru fid-dokumenti prodotti abbażi ta’ testijiet li fihom il-bearings tal-alternaturi ġew mgħammra bi pjanċi u barra minn hekk tneħħilhom il-ġriż. Bl-istess mod, mill-iskambji bejn ir-rappreżentanti tar-rikorrenti, tal-Kummissjoni u ta’ SEG Automotive jirriżulta li r-rappreżentanti ta’ din tal-aħħar indikaw li kien sar prekundizzjonament speċifiku. Il-proċess jippermetti wkoll li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet il-verifiki tagħha bl-għan tal-approvazzjoni tal-alternaturi inkwistjoni bħala ekoinnovazzjoni abbażi tar-rapport ta’ verifika. L-imsemmi rapport jindika, fil-paġna 5, li Robert Bosch iddeterminat ir-riżultati tat-testijiet abbażi tar-rekwiżiti ta’ kejl tal-effiċjenza VDA Nru 0 124 90A 0 GB, edizzjoni tat‑2 ta’ Novembru 2010. Dawn ir-rekwiżiti jindikaw espliċitament li r-riżultati tat-testijiet ma humiex affidabbli mingħajr prekundizzjonament.

61      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li fil-protokolli ta’ miżuri ta’ ttestjar li jinsabu fil-fajl relatat mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158, huwa indikat li mudell tal-alternaturi inkwistjoni, jiġifieri l-mudell EL 7–175 Plus HED, kien is-suġġett ta’ prekundizzjonament speċifiku. Fil-fatt, l-indikazzjoni “b’bearings imħejjija” tinsab fil-protokoll ta’ miżuri 10s01855T 5 tat‑13 ta’ Ottubru 2010 u fil-protokoll ta’ miżuri 10s01855 tat‑13 ta’ Ottubru 2010. Dawn il-protokolli ta’ miżuri ta’ ttestjar jippermettu, barra minn hekk, li jiġi kkonstatat li ħames mudelli oħra ta’ alternaturi li huma s-suġġett tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158, iżda li ma humiex inkwistjoni fil-każ ineżami, kienu ġarrbu prekundizzjonament (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

62      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti spjegat waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet ikkontradetta fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, li l-prekundizzjonament kien jikkostitwixxi prattika komuni fl-industrija. Il-Kummissjoni stess spjegat li, wara d-digriet tat‑22 ta’ Jannar 2020, Daimler vs Il‑Kummissjoni (T‑751/18, EU:T:2020:5), hija ġiet ikkuntattjata minn madwar għaxar manifatturi ta’ alternaturi li kienu jagħmlu prekundizzjonament fuq l-alternaturi tagħhom b’diversi modi u xtaqu jkunu jafu x’kienet il-pożizzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

63      Madankollu, kif jikkonfermaw il-partijiet, il-metodu ta’ prekundizzjonament jista’ jvarja sostanzjalment skont il-partikolaritajiet tekniċi ta’ kull alternatur (numru ta’ sigħat ta’ running in, tneħħija tal-ġriż, pjanċi, eċċ.), kemm jekk ikunu alternaturi tal-istess manifattur u kemm jekk ta’ manifatturi differenti.

64      Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni sempliċement targumenta li l-metodoloġija tal-ittestjar difiż mir-rikorrenti ma kienx permess. Fil-fatt, il-Kummissjoni sempliċement tindika fl-ittra tat‑22 ta’ Ottubru 2018, li r-rikorrenti ma kinitx applikat il-metodoloġija tal-ittestjar “uffiċjali” prevista mid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2013/341 u 2015/158 u, fid-deċiżjoni kkontestata, li prekundizzjonament la kien previst u lanqas permess mill-imsemmija deċiżjonijiet.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li metodoloġija tal-ittestjar bi prekundizzjonament hija, kif huwa indikat fil-punt 62 iktar ’il fuq, prattika abitwali fl-industrija tal-alternaturi u tikkostitwixxi r-regola fil-leġiżlazzjonijiet relatati bħar-Regolament Nru 715/2007 li jipprevedi metodoloġiji ta’ ttestjar li jirriproduċu kundizzjonijiet ta’ sewqan reali.

66      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li mill-punt 6.1.1 tar-rekwiżiti ta’ kejl VDA Nru 0 124 90A 0GB, edizzjoni tat‑2 ta’ Novembru 2010, jirriżulta li, sabiex titnaqqas il-varjazzjoni minħabba frazzjoni tal-bearings u sabiex tkun tista’ titkejjel l-effiċjenza bi preċiżjoni, huwa neċessarju li jintużaw “bearings imħejjija” meta jsir id-disinn. L-użu ta’ “bearings imħejjija” huwa rrakkomandat ukoll għall-kejl fil-fabbrika (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

67      Barra minn hekk, il-metodoloġija tal-ittestjar difiża mir-rikorrenti ġiet ikkontrollata wkoll minn TÜV SÜD li, fil-kwalità tiegħu ta’ korp indipendenti u ċċertifikat, ivverifika u kkonferma, skont l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011, li l-metodoloġija tal-ittestjar ta’ Robert Bosch kienet xierqa sabiex jiġi ċċertifikat it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 magħmul possibbli minħabba l-alternaturi inkwistjoni u li hija tissodisfa r-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tal-istess regolament.

68      Minn dan isegwi li l-metodoloġija difiża mir-rikorrenti għandha titqies li hija rilevanti u adatta għall-ħtiġijiet tal-evalwazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, xejn fil-proċess ma jippermetti li jiġi konkluż li l-imsemmija metodoloġija tal-ittestjar tipprovdi riżultati li ma jistgħux jiġu vverifikati, riprodotti u kkumparati fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011. Bil-kontra, meta l-Kummissjoni esprimiet id-domandi tagħha dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 iċċertifikat lir-rikorrenti, din tal-aħħar, konformement mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011, ipprovdiet evidenza li tipprova l-eżattezza ta’ dan it-tnaqqis. Mill-proċess jirriżulta effettivament li, wara mistoqsijiet tal-Kummissjoni, SEG Automotive wettqet kejl ġdid fir-rigward tal-alteraturi inkwistjoni li wrew li l-effiċjenza (ir-relazzjoni bejn il-qawwa elettrika prodotta u l-qawwa mekkanika assorbita) ta’ dawn l-alteraturi kienet fuq livell mistenni u li l-valur miksub kien jikkorrispondi għall-valuri ta’ effiċjenza kkonfermati minn TÜV SÜD fir-rapport ta’ verifika. SEG Automotive kkonkludiet li d-differenzi bejn it-testijiet imwettqa mill-Kummissjoni u minnha stess kienu dovuti għall-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet prekundizzjonament.

69      Il-metodoloġija tal-ittestjar użata mill-Kummissjoni waqt il-verifika ad hoc ma tinkludix, fil-fatt, prekundizzjonament, fatt li huwa paċifiku bejn il-partijiet. Barra minn hekk, l-imsemmija metodoloġija ma kinitx preċiżament mitluba mit-testi leġiżlattivi u lanqas ma kienet tikkostitwixxi l-istandard fl-industrija. Din il-metodoloġija tal-ittestjar kienet għalhekk fundamentalment differenti mill-metodoloġija tal-ittestjar użata minn Robert Bosch u difiża mir-rikorrenti.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 ma jiddefinixxix il-metodoloġija tal-ittestjar li għandha tiġi applikata sabiex titwettaq verifika ad hoc. Madankollu, qari tal-premessa 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 jippermetti li jinftiehem li l-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tal-verifika ad hoc, tivverifika jekk it-tnaqqis iċċertifikat jikkorrispondix għal-livell tat-tnaqqis li jirriżulta mid-deċiżjoni li tapprova teknoloġija bħala ekoinnovazzjoni. Issa, il-metodoloġija tal-ittestjar użat mill-Kummissjoni ma tikkorrispondix, fir-realtà, għal verifika bejn it-tnaqqis iċċertifikat tar-rikorrenti u t-tnaqqis li jirriżulta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158. Bil-kontra, peress li użat metodoloġija tal-ittestjar differenti, il-Kummissjoni effettivament irrendiet impossibbli l-paragun bejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet iċċertifikat meta mqabbel mat-tnaqqis li jirriżulta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158.

71      Il-Kummissjoni tiġġustifika l-metodoloġija tal-ittestjar tagħha permezz ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali. Madankollu, minn dak li ntqal jirriżulta li l-metodoloġija tal-ittestjar tal-Kummissjoni tikkonsisti f’li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, ħaġa li ma tippermettix li tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jimponi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għadaqstant, għalkemm il-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni t-teknikalitajiet speċifiċi ta’ kull alternatur u l-mod kif ikun ġie prekundizzjonat, il-metodoloġija tal-ittestjar tagħha, li tikkonsisti fit-twettiq ta’ testijiet fuq alternaturi mhux prekundizzjonati, tirriskja li tkun favorevoli fir-rigward ta’ ċerti produtturi tal-vetturi u sfavorevoli fir-rigward ta’ oħrajn.

72      Bl-istess mod, l-approċċ tal-Kummissjoni ma jistax jiġi ġġustifikat għal raġunijiet ta’ ċertezza legali. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi (sentenza tat‑22 ta’ April 2015, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑290/12, EU:T:2015:221, punt 50). Issa, peress li l-verifika ad hoc jista’ jkollha konsegwenzi serji għall-manifatturi tal-vetturi bil-mutur, li l-metodoloġija tal-ittestjar użata mill-Kummissjoni f’dan il-każ ma hijiex prevista b’mod ċar u preċiża la mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158 u lanqas minn ebda test leġiżlattiv ieħor u li din il-metodoloġija ma tikkostitwixxix il-prattika kurrenti fl-industrija, dan ma jistax jitqies bħala mezz xieraq sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

73      Dawn il-konklużjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati mill-fatt li Robert Bosch kienet ippreżentat l-applikazzjoni tagħha għall-approvazzjoni tal-alternaturi inkwistjoni bħala ekoinnovazzjoni abbażi tal-approċċ issemplifikat tal-Linji Gwida Tekniċi.

74      Fil-fatt, anki jekk applikazzjoni tiġi ppreżentata abbażi tal-approċċ issemplifikat tal-Linji Gwida Tekniċi, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-applikazzjoni qabel l-approvazzjoni tagħha u, jekk ikun il-każ, tqajjem oġġezzjonijiet fir-rigward tar-rilevanza tal-metodoloġija tal-ittestjar, fil-kuntest tal-eżami komplet tal-fajl li hija għandha twettaq b’applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011. Kif imsemmi fil-punti 15 u 16 u 60 sa 63 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha informazzjoni li tinsab b’mod partikolari fir-rapport ta’ verifika redatt minn TÜV SÜD li hija ma setgħetx tinjora mingħajr ma ċċaħħad mill-effett utli lil dan ir-rapport, previst mill-Artikolu 4(2)(g) u mill-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha informazzjoni li tinsab fil-protokolli ta’ miżuri ta’ ttestjar li jippermettulha tifhem li l-alternaturi inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ prekundizzjonament għall-finijiet tal-approvazzjoni tagħhom bħala ekoinnovazzjoni, u dan speċjalment peress li l-użu ta’ prekundizzjonament kien prattika komuni fl-industrija. Għaldaqstant, jekk il-prekundizzjonament qajjem mistoqsijiet jew oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kien messha interrogat lil Robert Bosch dwar dan is-suġġett qabel ma adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li Robert Bosch ibbażat ruħha fuq l-approċċ issemplifikat tal-Linji Gwida Tekniċi ma jikkostitwixxix ċirkustanza li tippermetti li jiġi ġġustifikat li oġġezzjonijiet fir-rigward tal-metodoloġija tal-ittestjar tqajmu biss fl-istadju tal-verifika ad hoc.

75      L-istess japplika għall-argument li matul il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-alternaturi HED Robert Bosch, fi kwalunkwe każ, ma pprovdietx data speċifika dwar il-prekundizzjonament. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 74 iktar ’il fuq, huwa matul din il-proċedura li l-Kummissjoni hija awtorizzata tqajjem oġġezzjonijiet jew titlob preċiżazzjonijiet addizzjonali għal dak li jirrigwarda l-metodoloġija tal-ittestjar, li, fil-każ ineżami, kien jinkludi prekundizzjonament speċifiku msemmi fir-rapport ta’ verifika. Fl-assenza ta’ oġġezzjonijiet jew ta’ talbiet għal preċiżazzjonijiet matul l-imsemmija proċedura, il-Kummissjoni ma tistax validament, waqt il-verifika ad hoc magħmula fir-rigward tar-rikorrenti, tuża metodoloġija tal-ittestjar differenti.

76      Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-informazzjoni li ma tiġix żvelata pubblikament ma tistax titqies li tagħmel parti mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/158 u mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/341, meta dawn huma deċiżjonijiet ta’ portata ġenerali. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011, il-Kummissjoni hija obbligata twettaq “deskrizzjoni fil-qosor tat-teknoloġija innovattiva u l-metodoloġija tal-ittestjar imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 4(2)”. In-natura “fil-qosor” ta’ din id-deskrizzjoni timplika neċessarjament li l-imsemmi żvelar ma għandux ikollu natura eżawrjenti.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx il-verifika ad hoc b’mod konformi mal-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 u li hija wettqet żball ta’ liġi billi eskludiet metodoloġija tal-ittestjar bi prekundizzjonament.

78      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi milqugħ bħala fondat, li huwa biżżejjed sabiex id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata skont it-talbiet tar-rikorrenti.

79      Il-Qorti Ġenerali tqis madankollu opportun li teżamina wkoll it-tielet motiv.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 iċċertifikat għas-sena kalendarja 2017

80      Ir-rikorrenti tqis li l-kliem tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Implimentazjoni Nru 725/2011 huwa ċar u inekwivoku: nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni jista’ jiġi previst biss għas-sena kalendarja sussegwenti, jiġifieri, fil-każ ineżami, għas-sena 2019. Għar-rikorrenti, din id-dispożizzjoni hija l-espressjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u għandha tippermetti lill-manifattur isegwi b’mod affidabbli l-“ippjanar tal-flotta tiegħu” billi jieħu inkunsiderazzjoni, għall-emissjonijiet ta’ CO2, tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 magħmula possibbli mill-ekoinnovazzjonijiet. Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 iċċertifikat, għas-snin li għaddew (ex tunc) jikser dan il-prinċipju.

81      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Hija ssostni, essenzjalment, li l-mod kif ipproċediet huwa konformi mar-Regolament Nru 443/2009 u mal-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011.

82      Fil-fatt, għall-Kummissjoni, mill-imsemmija leġiżlazzjoni jirriżulta li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-prestazzjonijiet fil-qasam ta’ CO2 tal-manifatturi għas-sena kalendarja preċedenti. Fil-prattika, hija għandha tipproċessa d-data trażmessa mill-Istati Membri biss ċertu żmien wara tmiem is-sena kalendarja. Dan japplika wkoll għad-data dwar l-ekoinnovazzjonijiet.

83      Minn dan isegwi li, meta l-Kummissjoni tikkonstata li l-emissjonijiet iċċertifikati ta’ ekoinnovazzjoni ma jkunux verifikabbli, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għas-sena ta’ qabel dik li fiha tkun saret din l-iskoperta. Għaldaqstant, għall-Kummissjoni, il-kliem “sena kalendarja ta’ wara” għandu jinftiehem fis-sens li hija ma għandhiex id-dritt teskludi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 li hija tkun diġà kkonfermat f’deċiżjoni formali għal ċertu sena.

84      Il-Kummissjoni tallega, f’dan ir-rigward, li hija kienet prekluża, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, milli temenda a posteriori, pereżempju, l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 tar-rikorrenti għas-sena kalendarja 2016 li kienu stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/144, billi tieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 inkwistjoni fil-każ ineżami meta hija kkonstatat, matul is-sena 2018, li l-eżattezza taċ-ċertifikazzjonijiet inkwistjoni ma setgħetx tiġi pprovata fil-kuntest tal-verifika tagħhom u lanqas mir-rikorrenti.

85      Barra minn hekk, ir-riferiment għall-espressjoni “mhuwiex jiġi kkunsidrat aktar” fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 jikkonferma li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 iċċertifikat miksub permezz tal-użu ta’ ekoinnovazzjonijiet li ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-passat għad-definizzjoni tal-prestazzjonijiet fil-qasam tal-emissjonijiet ta’ manifattur “ma” jistgħux “aktar”, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 443/2009, jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-mument li fih jiġi stabbilit li dawn ma jistgħux jiġu vverifikati. Il-Kummissjoni ssostni li, kieku kellha tapplika r-raġunament tar-rikorrenti, fil-prattika, hija kellha tadotta deċiżjoni li fiha hija tieħu inkunsiderazzjoni tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 minkejja li hija taf li dawn ma humiex verifikabbli.

86      Il-Kummissjoni tqis li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 huwa kunfliġġenti mar-Regolament Nru 443/2009, li jeżiġi d-data bażika l-iktar eżatta possibbli għall-konstatazzjoni tal-prestazzjonijiet fil-qasam tal-emissjonijiet tal-manifatturi kollha. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-premessa 25 tal-imsemmi regolament u għall-premessa 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1014/2010 tal‑10 ta’ Novembru 2010 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ dejta fuq ir-reġistrazzjoni ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 (ĠU 2010, L 293, p. 15). Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, jekk hija tapplika r-Regolament Nru 443/2009 f’dan is-sens, hija tikser l-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament li jippreżupponi li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 miksub permezz tal-użu ta’ ekoinnovazzjonijiet meħuda inkunsiderazzjoni għall-prestazzjonijiet fil-qasam tal-emissjonijiet ta’ manifattur “għandhom jagħtu kontribut ta’ tnaqqis tas-CO2 li jkun verifikat”.

87      Għandu jitfakkar li l-kliem tal-Artikolu 12(2) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 huwa s-segwenti:

“2. Meta l-evidenza msemmija fil-paragrafu 1 ma tiġix ipprovduta fil-perjodu ta’ żmien indikat, jew issib li l-evidenza pprovduta mhijiex sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ma tikkunsidrax l-iffrankar ta’ CO2 iċċertifikat għall-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ dak il-manifattur għas-sena kalendarja ta’ wara.

3. Manifattur li l-iffrankar ta’ CO2 ċċertifikat tiegħu mhuwiex jiġi kkunsidrat aktar jista’ japplika għal ċertifikazzjoni ġdida tal-vetturi kkonċernati skont il-proċedl-ura stipulata fl-Artikolu 11.”

88      Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni twettaq kull sena, skont l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament Nru 443/2009, kalkolu provviżorju għal kull manifattur tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2, tal-objettiv ta’ emissjonijiet speċifiċi u tad-differenza bejn dawn iż-żewġ valuri matul is-sena kalendarja preċedenti (ara l-punti 4 u 5 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni għandha tikkonferma jew temenda d-data provviżorjament ikkalkolata sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 443/2009. Dan il-kalkolu għandu jsir abbażi tad-data mibgħuta mill-Istati Membri għas-sena kalendarja preċedenti.

89      Huwa fid-dawl ta’ dan il-kuntest li l-Kummissjoni interpretat l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 billi kkunsidrat li ma kienx hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 iċċertifikat għall-kalkolu fl-2018 tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 għas-sena kalendarja preċedenti, jiġifieri l-2017. Madankollu, anki jekk din l-interpretazzjoni tirriżulta minn ċerta loġika, għandu jiġi kkonstatat li din tmur kontra l-formulazzjoni ċara u inekwivoka tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011. Fil-fatt, ma huwiex konċepibbli li l-espressjoni “sena kalendarja ta’ wara” tista’ tiġi interpretata fis-sens li tirreferi fir-realtà għas-sena kalendarja preċedenti. Tali interpretazzjoni tqajjem, barra minn hekk, mistoqsijiet fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara l-punt 72 iktar ’il fuq).

90      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, minbarra n-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tagħha, hija sfavorevoli għar-rikorrenti sa fejn id-deċiżjoni kkontestata għandha retroattivament konsegwenzi serji għal din tal-aħħar filwaqt li dan kellu jseħħ biss għas-“sena kalendarja ta’ wara”.

91      L-espressjoni “mhuwiex jiġi kkunsidrat aktar” li tinsab fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 lanqas ma tista’, barra minn hekk, tkun biżżejjed sabiex tagħti sens kuntrarju għall-kliem ċar u inekwivoku tal-espressjoni “sena kalendarja ta’ wara”.

92      Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 725/2011 għandu jiġi interpretat b’mod li jirrendih konformi mar-Regolament Nru 443/2009, għandu jitfakkar li għalkemm, skont ġurisprudenza stabbilita, regolament ta’ implimentazzjoni għandu wkoll ikun suġġett, jekk possibbli, għal interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku, din il-ġurisprudenza ma tapplikax fir-rigward ta’ dispożizzjoni ta’ regolament ta’ implimentazzjoni li s-sens tagħha jkun ċar u nieqes minn ambigwità u li għalhekk ma teħtieġ ebda interpretazzjoni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2017, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill, T‑162/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:124, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-każ kuntrarju, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tat-testi ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni jservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni, u dan ma jistax jiġi aċċettat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑17 ta’ Lulju 2015, EEB vs Il‑Kummissjoni, T‑685/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:560, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-interpretazzjoni li tgħid li s-“sena kalendarja ta’ wara” tirreferi għas-sena kalendarja ta’ wara s-sena ta’ verifika ad hoc għandha tiġi aċċettata.

94      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jintlaqa’ bħala fondat u, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati r-raba’ u l-ħames motiv tar-rikors, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn hija tippreċiża, fl-Artikolu 1(1) tagħha, moqri flimkien mal-kolonni D u I tat-tabelli 1 u 2 tal-Anness I, l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 miksuba permezz ta’ ekoinnovazzjonijiet għar-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

96      Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(1), moqri flimkien mal-kolonni D u I tat-tabelli 1 u 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/583 tat3 ta’ April 2019 li tikkonferma jew temenda l-kalkolu proviżorju tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 u l-miri tal-emissjonijiet speċifiċi għall-manifatturi tal-karozzi tal-passiġġieri għas-sena kalendarja 2017 u għal ċerti manifatturi li jappartjenu għall-konsorzju Volkswagen għas-snin kalendarji 2014, 2015 u 2016 skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, hija annullata sa fejn tippreċiża, għal Daimler AG, l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 u t-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 miksuba permezz ta’ ekoinnovazzjonijiet.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk imġarrba minn Daimler.

Papasavvas

Tomljenović

Schalin

Škvařilová-Pelzl

 

      Nõmm

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Settembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.