Language of document : ECLI:EU:C:2013:145

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fis-7 ta’ Marzu 2013 (1)

Kawża C‑521/11

Amazon.com International Sales Inc.

Amazon EU Sàrl

Amazon.de GmbH

Amazon.com GmbH, in Liquidation

Amazon Logistik GmbH

vs

Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof, (l-Awstrija)]

“Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – L-eċċezzjoni ta’ kopja għal użu privat – Kumpens ġust – Possibbiltà ta’ rimbors tal-ħlas għall-kopji għal użu privat applikata għal tagħmir, apparat u materjal konnessi mar-riproduzzjoni diġitali – Finanzjament ta’ istituzzjonijiet bi skop soċjali jew kulturali għad-detenturi ta’ drittijiet – Ħlas ta’ kumpens ġust f’diversi Stati Membri”





1.        Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur huwa qasam ta’ dritt kumpless ħafna fejn l-interessi involuti huma bosta u fejn it-tibdil teknoloġiku mgħaġġel bidel u jkompli jibdel fil-fond in-natura nnifisha tax-xogħlijiet protetti, il-mod kif jintużaw, kif ukoll il-mudelli tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, kontinwament joħloq sfidi ġodda għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awturi tax-xogħlijiet infushom kif ukoll għall-bilanċ ġust bejn l-interessi nvoluti.

2.        Fil-kuntest ta’ strateġija maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-Ewropa, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea pprova jarmonizza wħud mill-aspetti tad-drittijiet tal-awtur permezz ta’, fost l-oħrajn, l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva 2001/29”) (2) li hija s-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija). Id-Direttiva 2001/29 ġiet adottata bl-għan iddikjarat li tipprovdi qafas legali armonizzat fis-suq intern billi tiżgura l-assenza ta’ distorsjonijiet li jirriżultaw mid-diversità tal-liġijiet tal-Istati Membri (3) u li jippermetti l-adattament għal forom ġodda ta’ esplojtazzjoni ta’ drittijiet, għal forom ġodda ta’ użu u għall-iżvilupp teknoloġiku (4).

3.        Madankollu, bħala kompromess bejn id-diversi tradizzjonijiet u kunċetti legali li jeżistu fl-Istati Membri tal-Unjoni (5), id-Direttiva 2001/29 spiċċat ma armonizzatx diversi aspetti tar-regolamentazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, ipprovdiet bosta derogi u ħalliet lill-Istati Membri marġini ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli fil-kuntest tal-implementazzjoni tagħha, tant hu hekk li kien mistoqsi jekk, minkejja l-objettivi ddikjarati, fir-realtà l-leġiżlatur tal-Unjoni ma rrinunzjax fil-prattika li jarmonizza d-drittijiet tal-awtur (6).

4.        F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva tat lok għal diversi problemi ta’ implementazzjoni u l-proċedura nazzjonali li fil-kuntest tagħha saru l-erba’ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti, hija eżempju tipiku ta’ dan. Fil-fatt, din il-proċedura tikkonċerna kwistjoni bejn grupp internazzjonali attiv fil-kummerċjalizzazzjoni permezz tal-internet ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni u soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur rigward il-ħlas ta’ “kumpens ġust” skont id-Direttiva 2001/29 bħala kumpens għall-użu ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur. L-applikazzjoni fil-prattika mill-Istati Membri tal-kunċett ta’ kumpens ġust hija waħda mill-iktar kwistjonijiet kumplessi tad-Direttiva 2001/29 u għadha toħloq problemi fir-relazzjoni bejnha u d-diversi liġijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tindirizza din il-kwistjoni u li tifformula ċerti linji gwida dwar is-suġġett (7) u fil-futur qarib għandha terġa’ tittratta l-kwistjoni f’diversi okkażjonijiet (8).

5.        Madankollu, qabel ma nanalizza l-kwistjonijiet sottostanti f’din il-kawża fejn il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, minn naħa, li tintegra l-ġurisprudenza tagħha dwar il-kunċett ta’ kumpens ġust u, min-naħa l-oħra, li tirrispondi għal ċerti kwistjonijiet speċifiċi ġodda li jinqalgħu f’dan ir-rigward, ma nistax nonqos li nirrileva li r-risposti li pprovdiet il-Qorti tal-Ġustizzja u li se tipprovdi għad-diversi domandi magħmula mill-qrati nazzjonali, jinkwadraw irwieħhom neċessarjament fil-kuntest legali definit mir-regoli eżistenti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, għalkemm f’kuntest regolatorju definit it-tweġibiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jagħtu indikazzjonijiet importanti għall-identifikazzjoni konkreta tal-forom, tal-estensjoni u tal-mezzi ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u għall-ibbilanċjar tad-diversi interessi inkwistjoni, madankollu huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jipprovdi qafas regolatorju xieraq li, abbażi ta’ għażliet anki ta’ natura politika, jippermetti li jkunu stabbiliti b’mod ċar kemm dawn il-forom, din l-estensjoni u dawn il-mezzi ta’ protezzjoni kif ukoll l-imsemmi bilanċ. F’dan ir-rigward, għandha titqies li hija pożittiva l-inizjattiva reċenti meħuda mill-Kummissjoni Ewropea bl-approvazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni bil-ħsieb li jiġu modernizzati d-drittijiet tal-awtur (9).

6.        F’dan ir-rigward, naħseb li huwa importanti li wieħed jinnota li mill-analiżi ta’ ċerti kwistjonijiet li tqajjmu f’din il-kawża se jirriżulta evidenti li bosta problemi fl-implementazzjoni tad-Direttiva 2001/29 joħorġu mil-livell insuffiċjenti ta’ armonizzazzjoni tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur. Dan juri fil-fehma tiegħi li, minkejja li huwa importanti li d-diversi tradizzjonijiet u kunċetti legali li jeżistu fl-Istati Membri dwar is-suġġett jiġu rrispettati, madankollu sabiex jiġi żviluppat qafas legali modern fl-Ewropa għad-drittijiet tal-awtur, li filwaqt li jagħti qies tad-diversi interessi involuti, jippermetti li tiġi żgurata l-eżistenza ta’ suq wieħed ġenwin f’dan is-settur li jinkoraġġixxi l-kreattività, l-innovazzjoni, u l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ attività ekonomika ġodda, jeħtieġ li nimxu fid-direzzjoni tal-insegwiment ta’ livell ħafna ogħla ta’ armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali minn dak milħuq bid-Direttiva 2001/29.

I –    Il-kuntest legali

A –    Id-dritt tal-Unjoni

7.        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri jipprovdu, bħala prinċipju, lill-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kompletament jew parzjalment, tax-xogħlijiet tagħhom.

8.        Madanollu, skont l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29 l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal dan id-dritt. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-istess direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal-awtur fuq ix-xogħol tiegħu għal dak li jikkonċerna r-“riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat” (l-eċċezzjoni msejjħa “ta’ kopja privata”) (10).

B –    Id-dritt nazzjonali

9.        L-Artikolu 42 tal-Urheberrechtsgesetz (11) (il-liġi Awstrijaka dwar id-drittijiet tal-awtur; iktar ’il quddiem: l-“UrhG”) tipprovdi kif ġej:

“1. Kulħadd jista’ jagħmel kopji iżolati, fuq il-karta jew mezz ieħor simili, ta’ xogħol għall-użu personali tiegħu.

2. Kulħadd jista’ jagħmel kopji iżolati, fuq media differenti minn dik indikata fil-paragrafu 1, ta’ xogħol, għall-użu personali tiegħu u għal skopijiet ta’ riċerka sal-punt li dan ikun iġġustifikat mill-objettiv mhux kummerċjali segwit.

3. Kulħadd jista’ jagħmel kopji iżolati ta’ xogħlijiet li jkunu ġew ippubblikati fl-ambitu ta’ xogħlijiet ġurnalistiċi għall-użu personali tiegħu, u, sakemm dan ikun għal użu simili.

4. Kull persuna fiżika tista’ tagħmel kopji iżolati ta’ xogħol fuq media differenti minn dik indikata fil-paragrafu 1 għal użu privat u għal skopijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali.

5. Ħlief għal dak li huwa pprovdut fil-paragrafi 6 u 7 ta’ dan l-artikolu, ma jkunx hemm riproduzzjoni għall-użu privat jew personali jekk din issir bl-objettiv li x-xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tal-kopja. Il-kopji li jsiru għall-użu privat jew personali ma jistgħux jintużaw biex ix-xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

[…]”.

10.      L-Artikolu 42(6) tal-UrhG jipprovdi, taħt kundizzjonijiet stabbiliti, l-hekk imsejjħa eċċezzjoni tal-użu personali għat-tagħlim minn skejjel u universitajiet. L-Artikolu 42(7) jipprovdi, taħt ċerti kundizzjonijiet stabbiliti, eċċezzjoni ta’ kopji riprodotti minn entitajiet aċċessibbli għall-pubbliku li għandhom kollezzjonijiet ta’ xogħlijiet għal skopijiet mhux direttament jew indirettament ekonomiċi jew kummerċjali (l-hekk imsejjħa kopja għall-użu personali ta’ kollezzjonijiet).

11.      L-Artikolu 42ter tal-UrhG jipprovdi:

“1. Jekk min-natura tiegħu huwa aċċettat li wieħed jistenna li xogħol imxandar jew imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew reġistrat fuq mezz ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes, prodott għal skopijiet kummerċjali, jiġi riprodott skont l-Artikolu 42(2) sa (7), bl-iffissar fuq mezz ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes, għall-użu personali jew privat, l-awtur għandu dritt għal remunerazzjoni ġusta (ħlas għal casettes ġodda) jekk il-mezzi ta’ reġistrazzjoni jitqegħdu fis-suq nazzjonali, għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas; huma meqjusa li huma mezzi għar-reġistrazzjoni, il-mezzi ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes ġodda u tajbin għal dawn ir-riproduzzjonijiet jew mezzi oħra ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes maħsuba għal dan l-iskop.

[…]

3. Il-persuni li ġejjin għandhom iħallsu r-remunerazzjoni ġusta:

(1)      fir-rigward tar-remunerazzjoni għal cassettes ġodda u dik għall-apparat, il-persuna li, minn post li jinsab fit-territorju nazzjonali jew barra l-pajjiż, iqiegħed għall-ewwel darba fis-suq, għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas, il-mezzi ta’ reġistrazzjoni u l-apparat;

[…]

5. Huma biss is-soċjetàjiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li jistgħu jasserixxu d-dritt għal remunerazzjoni prevista fil-paragrafi 1 u 2.

6. Is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur hija obbligata li tirrimborsa r-remunerazzjoni ġusta:

(1)       lil min jesporta barra l-pajjiż mezzi ta’ reġistrazzjoni jew apparat għar-riproduzzjoni qabel il-bejgħ tiegħu lill-konsumatur finali;

(2)       lill-persuna li tuża mezzi ta’ reġistrazzjoni għal riproduzzjoni bil-kunsens tal-persuna intitolata; indizji f’dan is-sens huma suffiċjenti”.

12.      L-Artikolu 13 tal-Verwertungsgesellschaftengesetz (il-liġi Awstrijaka dwar is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva, iktar ’il quddiem il-“VerwGesG” (12)) tipprovdi:

“1. Is-soċjetàjiet għall-amministrazzjoni kollettiva jistgħu joħolqu istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali u kulturali għall-persuni benefiċjarji intitolati li huma jirrappreżentaw kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom.

2. Is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva li jasserixxu d-dritt għall-ħlas għal cassettes ġodda għandhom l-obbligu li joħolqu istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali jew kulturali u li jħallsu li dawn 50 % tal-ammont tad-dħul minn dan il-ħlas, nett mill-ispejjez relattivi tal-amministrazzjoni”.

II – Il-fatti, il-proċedura nazzjonali u d-domandi preliminari

13.      Is-soċjetà attriċi fil-kawża prinċipali, Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft m.b.H. (iktar ’il quddiem: “Austro-Mechana”) hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li tamministra fl-Awstrija, bħala tali u bis-saħħa ta’ kuntratti ma’ soċjetajiet oħra għall-amministrazzjoni kollettiva barranin u Awstrijaċi, id-drittijiet tal-awturi u tad-detenturi ta’ drittijiet relatati. Din hija, b’mod partikolari, il-persuna li għandha dritt tirċievi l-ħlas għall-cassettes ġodda skont l-Artikolu 42ter(1) tal-UrhG.

14.      Il-kumpanniji konvenuti, Amazon.com International Sales Inc., Amazon EU Sàrl, Amazon.de GmbH, Amazon.com GmbH, in Liquidation u Amazon Logistik GmbH (iktar ’il quddiem flimkien ukoll: il-“kumpanniji tal-grupp Amazon”), ilkoll jappartjenu għall-grupp internazzjonali Amazon, li huwa attiv, fost l-oħrajn, fil-bejgħ ta’ prodotti permezz tal-internet, fosthom anki mezzi ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħoss skont it-termini tal-liġi Awstrijaka.

15.      Mill-inqas mill-2003, il-kumpanniji tal-grupp Amazon b’kollaborazzjoni bejniethom u fuq il-bażi ta’ ordnijiet magħmula permezz tal-internet, qegħdu fiċ-ċirkulazzjoni fl-Awstrija mezzi ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħoss bħal CDs u DVDs, kards tal-memorja u MP3 plejers.

16.      L-Austro-Mechana fetħet kawża kontra l-kumpanniji tal-grupp Amazon fejn talbet il-ħlas mingħandhom, in solidum, tar-remunerazzjoni ġusta skont l-Artikolu 42ter(1) tal-UrhG għall-mezzi ta’ reġistrazzjoni li tqiegħdu fis-suq fl-Awstrija bejn l-2002 u l-2004. Fir-rigward tal-ewwel sitt xhur tal-2004, l-Austro-Mechana ressqet talba għall-valur ta’ EUR 1 856 275. Fir-rigward tas-snin 2002 u 2003, u l-perijodu minn Ġunju 2004, l-Austro-Mechana talbet li l-kumpanniji tal-grupp Amazon jiġu obbligati li jipprovdu informazzjoni dwar il-kontabbiltà tagħhom rigward il-mezzi ta’ reġistrazzjoni mdaħħla fl-Awstrija u rriżervat li tikkwantifika t-talba għall-ħlas għal dawk il-perijodi.

17.      Il-qorti tal-ewwel istanza, permezz ta’ sentenza parzjali, laqgħet it-talba għal informazzjoni dwar il-kontabbiltà u rriżervat li tagħti deċiżjoni dwar it-talba għall-ħlas. Il-qorti tal-appell ikkonfermat is-sentenza fl-ewwel grad.

18.      Meta tressaq quddiemha appell mis-sentenza tal-appell, l-Oberster Gerichtshof, il-qorti tar-rinviju, issospendiet il-proċeduri fil-kawża prinċipali u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin (13):

“1)      Ikun hemm ‘kumpens ġust’ skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 meta:

(a)      il-benefiċjarji ta’ drittijiet skont l-Artikolu 2 tad-direttiva msemmija jkollhom dritt għal remunerazzjoni adegwata miksub fil-konfront tal-persuna li twettaq l-ewwel tqegħid fis-suq fit-territorju nazzjonali, għal finijiet kummerċjali u b’titolu oneruż [bi ħlas], ta’ formats ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni tax-xogħolijiet tagħhom, liema dritt dawn jistgħu jinvokaw b’mod esklużiv permezz ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur,

(b)      dan id-dritt ma jkunx jiddependi mill-fatt jekk it-tqegħid fis-suq isirx permezz ta’ intermedjarji, permezz ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi intiż għal użu għal finijiet mhux privati, jew permezz ta’ persuni fiżiċi intiż għal użu privat,

(c)      filwaqt li l-persuna li tuża dawn il-formats ta’ reġistrazzjoni għal riproduzzjoni bil-kunsens tal-benefiċjarju tad-dritt, jew li terġa’ tesporthom qabel il-bejgħ tagħhom lill-konsumatur finali, tista’ titlob mingħand is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur ir-rimbors tar-remunerazzjoni?

2)      F’każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda 1:

a)      Ikun hemm ‘kumpens ġust’ skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jekk id-dritt imsemmi fid-domanda 1(a) ikun jeżisti biss f’każ ta’ tqegħid fis-suq permezz ta’ persuni fiżiċi li jużaw il-formats ta’ reġistrazzjoni għal riproduzzjoni għal finijiet privati?

b)      F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għad-domanda a:

F’każ ta’ tqegħid fis-suq permezz ta’ persuni fiżiċi, għandu jiġi preżunt, sa kemm ma titressaqx prova kuntrarja, li dawn ser jużaw il-formats ta’ reġistrazzjoni għal riproduzzjoni għal finijiet privati?

3)            F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għad-domanda 1 jew għad-domanda 2.1:

Mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, jew minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li d-dritt għal kumpens ġust li għandu jiġi invokat minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur ma jkunx jeżisti meta din tal-aħħar tkun marbuta, bil-liġi, li tagħti nofs id-dħul mhux lill-benefiċjarji, iżda li tagħtih lil stabbilimenti soċjali u kulturali?

4)      F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għad-domanda 1 jew għad-domanda 2.1:

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, jew dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludu d-dritt għal kumpens ġust li għandu jiġi invokat minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur meta t-tqegħid fis-suq tal-formats ta’ reġistrazzjoni jkun diġà wassal għall-ħlas ta’ remunerazzjoni xierqa fi Stat Membru ieħor (eventwalment fuq bażi legali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni)?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Id‑digriet tar‑rinviju wasal fir‑Reġistru tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fit‑12 ta’ Ottubru 2011. Ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom il-kumpanniji tal-grupp Amazon, l-Austro-Mechana, il-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Finlandja, ta’ Franza u tal-Polonja, kif ukoll il-Kummissjoni. Waqt is-seduta, li nżammet fis-6 ta’ Diċembru 2012, intervjenew il-kumpanniji tal-grupp Amazon, l-Austro-Mechana, il-Gvernijiet tal-Awstrija u tal-Polonja, kif ukoll il-Kummissjoni.

IV – Analiżi legali

A –    Osservazzjonijiet preliminari

20.      Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju kollha jikkonċernaw il-kunċett ta’ “kumpens ġust” skont id-Direttiva 2001/29 (14).

21.      Kif jirriżulta mill-Artikolu 42(4) tal-UrhG, ir-Repubblika tal-Awstrija introduċiet fil-liġi nazzjonali tagħha l-“eċċezzjoni ta’ kopja privata” skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Il-“kumpens ġust” f’dan ir-rigward favur l-awturi huwa previst fl-Artikolu 42ter(1) tal-UrhG fil-forma ta’ “remunerazzjoni ġusta”.

22.      Madankollu, mill-Artikolu 42ter(1) tal-UrhG jirriżulta li, fl-Awstrija, il-ħlas ta’ remunerazzjoni ġusta lill-awtur hija prevista mhux biss fil-każ ta’ riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu minn persuna fiżika għal skopijiet privati skont l-Artikolu 42(4) tal-UrhG, imma fil-każijiet kollha ta’ riproduzzjoni tax-xogħol innifsu skont l-Artikolu 42(2) sa (7) tal-UrhG. Għalhekk jirriżulta li, fid-dritt Awstrijak, ir-remunerazzjoni ġusta ma tirreferix biss għall-kumpens ġust dovut lill-persuna fiżika għall-eċċezzjoni ta’ kopja privata, imma hija dovuta wkoll f’każijiet oħra kkunsidrati mill-UrhG bħala għal “użu personali” li jaqgħu taħt eċċezzjonijiet oħra previsti fl-Artikolu 42 tal-UrhG (15).

23.      Din il-kunsiderazzjoni preliminari, li se titqajjem, kif se naraw, matul l-analiżi, twassalni biex insostni li, apparti t-tieni domanda preliminari li tikkonċerna esklużivament l-eċċezzjoni skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, il-portata tad-domandi preliminari l-oħra ma hijiex limitata għall-eċċezzjoni ta’ kopja privata, imma għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-kunċett tal-kumpens ġust b’mod ġenerali skont id-Direttiva 2001/29.

24.      F’dan ir-rigward, nillimita ruħi biex nerġa’ nirrileva, b’mod inċidentali, li, bil-kundizzjoni li l-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, sistema ta’ din ix-xorta, li tipprovdi għall-ħlas ta’ kumpens għal eċċezzjonijiet differenti mill-“eċċezzjoni ta’ kopja privata”, ma hijiex fiha nnifisha kuntrarja għad-Direttiva 2001/29 (16). Madankollu hija l-qorti tar-rinviju, jekk dan ikun neċessarju, li eventwlament għandha tivverifika abbażi tal-kriterji tad-dritt tal-Unjoni (17) il-kompatibbiltà ta’ dawn l-eċċezzjonijiet mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (18).

25.      Fuq din il-premessa, bl-iskop li nirrispondi b’mod xieraq għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju nsostni li huwa xieraq li nirrikapitola xi prinċipji li ġew espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-kunċett tal-kumpens ġust skont id-Direttiva 2001/29.

B –    Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “kumpens xieraq” skont id-Direttiva 2001/29

26.      Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 4, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha diversi okkażjonijiet fejn tippronunzja ruħha dwar il-kunċett ta’ kumpens ġust skont id-Direttiva 2001/29. B’mod partikolari mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan il-kunċett jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha li ntroduċew l-eċċezzjoni ta’ kopja privata. Din l-interpretazzjoni uniformi hija indipendenti mid-dritt tal-Istati Membri stess li jistabbilixxu, fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mid-Direttiva nnifisha, il-forma, l-arranġamenti għall- finanzjament u l-irtirar, kif ukoll il-livell tal-imsemmi kumpens ġust (19).

27.      Il‑kunċett u l‑livell tal-kumpens ġust huma marbutin mal‑ħsara li tirriżulta għall‑awtur mir‑riproduzzjoni tax‑xogħol protett tiegħu li ssir mingħajr l‑awtorizzazzjoni tiegħu għal użu privat. F’din il‑perspettiva, il‑kumpens ġust għandu jitqies bħala l‑kontroparti tal‑ħsara li jsofri l‑awtur. Minn dan isegwi li l‑kumpens ġust għandu neċessarjament jiġi kkalkolat abbażi ta’ kriterju tal-ħsara kkawżata lill‑awturi tax‑xogħlijiet protetti bl‑introduzzjoni tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata (20). Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ li jinżamm “bilanċ ġust” bejn id-drittijiet u l-interessi tal-awturi, benefiċjarji tal-kumpens ġust, minn naħa, u dawk tal-utenti tal-materjali protetti, minn-naħa l-oħra (21).

28.      Il‑ħolqien ta’ kopja minn persuna fiżika li taġixxi b’mod privat għandu jiġi kkunsidrat bħala att ta’ natura li joħloq ħsara lill‑awtur tax‑xogħol ikkonċernat. Għalhekk, bħala prinċipju, hija l-persuna li kkawżat il-ħsara lid-detentur tad-dritt esklużiv, jiġifieri l-awtur, li għandha tagħmel tajjeb għad-danni konnessi ma’ tali riproduzzjoni, billi tiffinanzja l-kumpens li għandu jitħallas lid-detentur tad-dritt (22).

29.      Madankollu, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi fl-identifikazzjoni ta’ utenti privati sabiex jiġu obbligati jikkumpensaw lid-detenturi ta’ drittijiet għall-ħsara li tkun saritilhom, kif ukoll fid-dawl tal-fatt li l-ħsara li tista’ tirriżulta minn kull użu privat, jekk titqies individwalment, tista’ tirriżulta li hija waħda minima mingħajr, għalhekk, ma tagħti lok għal obbligu ta’ ħlas (23), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għall-skopijiet ta’ finanzjament tal-kumpens ġust, “għal kopja privata” li jitħallas mhux mill-persuni privati interessati, imma minn dawk li jkollhom tagħmir, apparat u mezzi ta’ reġistrazzjoni diġitali u li, għalhekk, konsegwentement, b’mod legali jew fattwali, iqiegħdu tagħmir għad-dispożizzjoni ta’ persuni privati jew jipprovdulhom servizz ta’ riproduzzjoni. Fil‑kuntest ta’ tali sistema, huma l‑persuni li għandhom dan l‑apparat li għandhom jagħmlu l‑ħlas għal kopja privata (24).

30.      Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, peress li l-imsemmija sistema tippermetti li d-debituri jgħaddu l-ispiża tal-kumpens għall-kopja privata fuq il-prezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali tagħmir, apparat jew mezzi ta’ reġistrazzjoni għar-riproduzzjoni, jiġifieri fil-prezz tas-servizz tar-riproduzzjoni mogħti minnhom, l-obbligu tal-ħlas tal-kumpens jaqa’ definittivament fuq l-utent privat li jħallas dan il-prezz li għandu jiġi kkunsidrat, fir-realtà, bħala “debitur indirett” tal-kumpens ġust. Tali sistema hija konformi mal-“bilanċ ġust” li jrid jintlaħaq bejn l-interessi tal-awturi u dawk tal-utenti tal-materjali protetti (25).

31.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li teżisti rabta neċessarja bejn l‑applikazzjoni tas‑sistema ta’ ħlas għal kopja privata fir‑rigward tal‑imsemmi apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u l‑użu ta’ dawn tal‑aħħar għal skopijiet ta’ riproduzzjoni privata. Konsegwentement, l‑applikazzjoni mingħajr distinzjoni tas‑sistema ta’ ħlas għal kopja privata fir‑rigward ta’ kull tip ta’ apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali, inkluż fl‑ipoteżi, imsemmija espliċitament mill‑qorti tar‑rinviju, fejn dawn ikunu nxtraw minn persuni li ma humiex persuni fiżiċi, għal skopijiet manifestament differenti minn dawk ta’ kopja privata, ma hijiex konformi mal‑Artikolu 5(2) tad‑Direttiva 2001/29 (26).

32.      Min‑naħa l‑oħra, jekk l‑apparat inkwistjoni jitqiegħed għad‑dispożizzjoni tal‑persuni fiżiċi għal skopijiet privati, bl-ebda mod ma huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li dawn effettivament għamlu kopji privati permezz tal-apparat innifsu u għalhekk ikkawżaw effettivament ħsara lill‑awtur tax‑xogħol protett. Fil‑fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hemm preżunzjoni leġittima li dawn il‑persuni fiżiċi jibbenefikaw b’mod sħiħ minn dan it‑tqegħid għad‑dispożizzjoni, jiġifieri li huma jistgħu jisfruttaw il‑funzjonijiet kollha assoċjati mal‑imsemmi apparat, inkluża l-funzjoni ta’ riproduzzjoni. Minn dan isegwi li s‑sempliċi kapaċità ta’ dan l‑apparat jew ta’ dan it‑tagħmir li jagħmel kopji huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l‑applikazzjoni tas‑sistema ta’ ħlas għal kopja privata, bil‑kundizzjoni li l‑imsemmija apparat jew tagħmir ikun tqiegħed għad‑dispożizzjoni tal‑persuni fiżiċi bħala utenti privati (27).

C –    Dwar l-ewwel domanda preliminari

1.      Osservazzjonijiet preliminari

33.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ikunx hemm kumpens ġust skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/29 jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi għal ħlas għal kopja privata fil-forma ta’ remunerazzjoni ġusta, li jista’ jiġi asserit b’mod mhux diskriminatorju biss minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, dovut lill-persuna li tqiegħed fis-suq nazzjonali għall-ewwel darba, għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas, apparat għar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet, iżda fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, id-dritt għar-rimbors ta’ din ir-remunerazzjoni ġusta f’każ li l-ħlas tagħha ma jkunx dovut.

34.      Il-qorti tar-rinviju ssostni li, sa fejn il-liġi Awstrijaka tipprevedi l-applikazzjoni fuq bażi mhux diskriminatorja tal-kumpens għal kopja privata din hija “manifestament” f’kontradizzjoni mas-sentenza Padawan (28). Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-liġi nazzjonali inkwistjoni għandha differenza fundamentali minn dik li kienet s-suġġett fil-kawża Padawan, peress li din tikkontempla l-possibbiltà ta’ rimbors tal-imsemmi kumpens.

35.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li din il-possibbiltà hija prevista espliċitament fl-Artikolu 42ter(6) tal-UrhG f’żewġ każijiet biss: l-esportazzjoni sussegwenti tat-tagħmir u r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet bil-kunsens tal-awtur. Fid-dritt Awstrijak l-obbligu tal-ħlas ta’ remunerazzjoni ġusta jeżisti anki fejn l-użu tat-tagħmir ma jinvolvi ebda ksur tad-drittijiet tal-awtur (29). Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment b’mod partikolari għal żewġ sitwazzjonijiet: fl-ewwel lok, għall-każijiet ta’ riproduzzjoni tax-xogħol previsti fl-Artikolu 42 tal-UrhG li jinkwadraw irwieħhom f’eċċezzjoni oħra msemmija fl-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva 2001/29, li għalihom, madankollu l-liġi nazzjonali tipprovdi, konformi mad-direttiva, għall-ħlas ta’ “kumpens ġust” favur l-awtur (30) u, fit-tieni lok, fil-każ tal-użu ta’ tagħmir għall-memorizzazzjoni ta’ data “iġġenerata” mill-utent, każ li, però, skont il-qorti tar-rinviju għandu jiġi assimilat ma’ dak tar-riproduzzjoni bil-kunsens tal-awtur u għandu, għalhekk, jagħti lok, b’analoġija, għal obbligu ta’ rimbors tal-kumpens (31).

36.      Skont il-qorti tar-rinviju jibqa’ għalhekk dubju wieħed dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tas-soluzzjoni tar-rimbors adottata mil-liġi nazzjonali inkwistjoni. Sistema bbażata fuq il-possibbiltà ta’ rimbors a posteriori tinvolvi l-ħlas ta’ kumpens ġust anki fil-każ ta’ provvisti ta’ tagħmir lil utenti imprendituri li jużawhom għal skopijiet, li fis-sistema prevista bid-direttiva u mil-liġi nazzjonali, ma għandhomx jagħtu lok għall-kumpens ġust u b’hekk il-piż tal-ispejjez u r-riskji marbuta mal-eventwali ksib ta’ tali rimbors jitqiegħed fuq persuni li ma għandhomx ikunu obbligati jħallsu l-kumpens ġust. Il-qorti tar-rinviju ma teskludix li liġi ta’ din ix-xorta tista’ tkun kollha kemm hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

37.      L-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju hija maqsuma fi tliet partijiet. Ser nanalizza fid-dettall kull waħda minn dawn it-tliet partijiet u mbagħad inkun nista’ nipprovdi risposta globali għall-ewwel domanda preliminari.

2.      Dwar l-ewwel domanda preliminari, ittra (a)

38.      Fl-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari, li tikkorrispondi għall-ittra (a), il-qorti tar-rinviju ssemmi tliet elementi li jikkaratterizzaw il-liġi nazzjonali li fir-rigward tagħhom l-imsemmija qorti tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-kunċett ta’ kumpens ġust previst fid-Direttiva 2001/29.

39.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-liġi nazzjonali inkwistjoni tipprovdi għall-kumpens ġust fil-forma ta’ remunerazzjoni. Ir-remunerazzjoni ġusta hija kunċett inkluż fid-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (32). Mill-ġurisprudenza jirriżulta li anki din hija kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (33). F’dan ir-rigward, insostni li, meta wieħed jikkunsidra l-awtonomija li jgawdu l-Istati Membri fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mid-Direttiva 2001/29 dwar id-determinazzjoni tal-forma tal-“kumpens ġust” (34), xejn ma jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi l-kumpens ġust fil-forma ta’ “remunerazzjoni ġusta”, bil-kundizzjoni li s-sistema stabbilita minnu tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2001/29 u jkollha l-karatteristiċi tal-kumpens ġust skont id-direttiva nnifisha u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (35).

40.      Fit-tieni lok, l-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari tenfasizza li l-liġi inkwistjoni tipprovdi li r-remunerazzjoni ġusta tista’ tintalab biss mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, dispożizzjoni ta’ dan it-tip, fil-fehma tiegħi, minnha nnifsha lanqas ma tmur kontra d-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq fil-punt 26 jirriżulta li l-Istati Membri jgawdu awtonomija anki fid-determinazzjoni, fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva nnifisha, tal-metodu ta’ ħlas tal-“kumpens ġust” (36). Il-funzjoni ta’ intermedjarju tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva fil-ġbir tad-dħul minn drittijiet tal-awtur hija mifruxa ħafna fl-Istati Membri u hija mnebbħa primarjament minn raġunijiet prattiċi (37). Minn dan isegwi li d-dritt esklużiv għall-ġbir tal-kumpens ġust minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur prevista b’liġi nazzjonali, sal-punt li tali soċjetà tkun effettivament rappreżentattiva tad-diversi detenturi tad-drittijiet, ma tagħmilx din il-leġiżlazzjoni minnha nnifisha inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

41.      Fit-tielet lok, l-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari tenfasizza li l-liġi nazzjonali tistipula li r-remunerazzjoni ġusta għandha titħallas minn min iqiegħed l-ewwel fis-suq nazzjonali, għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas, mezzi ta’ reġistrazzjoni għal riproduzzjoni ta’ xogħlijiet. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 26-32 iktar ’il fuq jirriżulta li, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li d-debitur tal-kumpens ġust huwa l-persuna li kkawżat il-ħsara lill-awtur meta rriproduċiet mingħajr permess ix-xogħol tiegħu u li, għalhekk bħala prinċipju, hija din il-persuna li hija obbligata tħallsu l-kumpens ġust konness mal-ħsara li kkawżat, madankollu l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistema li tqiegħed l-obbligu tal-ħlas tal-kumpens ġust fuq persuni oħra, u b’mod partikolari fuq persuni li jagħmlu t-tgħamir għad-dispożizzjoni tal-utenti, li jistgħu jgħaddu dan il-ħlas fuq il-prezz ta’ tali tqegħid għad-dispożizzjoni. Għalhekk, minn din il-ġurisprudenza jsegwi li l-fatt li l-ħlas tal-kumpens ġust huwa addebitat lil persuni li qegħdin f’livell ogħla fil-katina tad-distribuzzjoni mill-persuni privati ma huwiex minnu nnifsu kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni.

3.      Dwar l-ewwel domanda preliminari, ittra (b)

42.      Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari, li tikkorrispondi għall-ittra (b), jeħtieġ li jiġi rrilevat li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li, hekk kif wara kollox ġie rrilevat mill-istess qorti tar-rinviju u bla ħsara għall-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni diskussa fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet parti tal-ewwel domanda preliminari, sa fejn il-liġi inkwistjoni tipprovdi għall-applikazzjoni mingħajr distinzjoni tal-ħlas li jikkorrispondi għall-ħlas tal-kumpens ġust għal kull użu tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni, inkluż għalhekk il-każijiet ta’ użu tal-mezzi ta’ riproduzzjoni għal skopijiet manifestament estranji għar-riproduzzjoni li għaliha huwa dovut il-ħlas tal-kumpens ġust, din tmur kontra d-direttiva kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (38).

43.      Fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tiddistingwi bejn tliet kategoriji ta’ xerrejja potenzjali tal-mezz ta’ reġistrazzjoni mingħand il-persuna li hija obbligata tagħmel l-ewwel ħlas tar-remunerazzjoni ġusta, jiġifieri l-persuna li tqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas. Mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi analizzata fid-dettall is-sitwazzjoni tal-persuni differenti kollha li jistgħu jakkwistaw il-mezzi ta’ reġistrazzjoni mingħand dik il-persuna, naħseb li hemm żewġ kunsiderazzjonijiet li jidhirli li madankollu huma rilevanti.

44.      Fl-ewwel lok, kif ġie rrilevat fil-punt 22 iktar ’il fuq, il-liġi nazzjonali inkwistjoni tistipula l-obbligu li titħallas remunerazzjoni ġusta mhux biss abbażi tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata li ssir minn persuna fiżika skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, imma anki għall-użi oħra, imfissra bħala personali li jidħlu taħt eċċezzjonijiet oħra previsti minn din il-liġi Awstrijaka. Madankollu, f’dan il-kuntest, ma huwiex eskluż li dawn l-eċċezzjonijiet l-oħra japplikaw għal persuni li ma jkunux persuni fiżiċi bħal pereżempju libreriji u istituti ta’ riċerka. Għalhekk huwa possibbli li persuni li ma humiex persuni fiżiċi jistgħu jkunu obbligati jħallsu r-remunerazzjoni ġusta (li tikkorrispondi għall-kumpens ġust) peress li jużaw il-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal għanijiet li għalihom il-ħlas huwa dovut. Għalhekk fil-każ ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni, il-fatt li l-persuna li tixtri l-mezzi ta’ reġistrazzjoni ma tkunx persuna fiżika, imma tkun persuna legali, mhux bilfors li jeżentaha awtomatikament mill-ħlas tar-remunerazzjoni ġusta, u dan ma jmurx neċessarjament kontra d-dritt tal-Unjoni.

45.      Fit-tieni lok, u viċe versa, il-fatt li tkun persuna fiżika li tixtri l-mezzi ta’ reġistrazzjoni fil-fehma tiegħi ma jfissirx neċessarjament li tali persuna tuża l-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet privati b’tali mod li jkun inevitabbilment meħtieġ li tiġi applikata l-preżunzjoni prevista fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 u konsegwentement isir applikabbli l-obbligu tal-ħlas tal-kumpens ġust. Il-kwistjoni se tiġi analizzata f’iktar dettal fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari, imma nsostni li huwa importanti li jiġi enfasizzat minn issa li huwa possibbli li persuna fiżika ma tixtrix il-mezzi ta’ reġistrazzjoni bħala persuna privata imma, pereżempju fil-kwalità tagħha ta’ imprenditur jew bħala professjonist. Madankollu, jekk il-persuna fiżika tkun f’pożizzjoni li tipprova li xtrat il-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet manifestament differenti milli biex isiru kopji privati (jew l-użu tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet oħra suġġetti għall-ħlas tal-kumpens ġust), insostni li din ma għandhiex tkun suġġetta għall-ħlas tiegħu.

4.      Dwar l-ewwel domanda preliminai, ittra (ċ)

46.      Jekk wieħed jgħaddi għat-tielet parti tal-ewwel domanda preliminari, li tikkorrispondi għall-ittra (ċ), huwa proprju hawnhekk li jinsab il-qofol tal-kwistjoni li tqajjmet mill-qorti tar-rinviju. Il-kwistjoni li tqajjem l-imsemmija qorti hija, fis-sustanza, din li ġejja: jista’ l-fatt li tkun prevista sistema ta’ rimbors tal-kumpens ġust lil dawk li ma humiex obbligati li jħallsuh ipatti għall-illeġittimità li tirriżulta mill-applikazzjoni bla distinzjoni tal-ħlas li jikkorrispondi għall-kumpens ġust?

47.      F’dan ir-rigward għandu qabel xejn jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 35 iktar ’il fuq, fid-digriet tar-rinviju l-qorti tar-rinviju ċċarat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tar-rimbors previst fl-Artikolu 42ter(6) tal-UrhG ma huwiex limitat għaż-żewġ każijiet imsemmija espressament fil-liġi, imma jestendi wkoll għal ċerti każijiet oħra. Madankollu, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi li tistipula r-rimbors għall-każijiet l-oħra msemmija mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi kkunsidrata bħala xi ħaġa aċċettata (39).

48.      Barra minn hekk nikkunsidra li, bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet li ġejjin dwar il-possibbiltà ta’ eżenzjoni a priori tal-ħlas ta’ kumpens ġust, sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal sistema ta’ rimbors ta’ kumpens ġust tkun tista’ eventwalment titqies li hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, huwa meħtieġ li din is-sistema ma tapplikax għal każijiet individwali speċifiċi imma b’mod ġenerali għall-każijiet kollha fejn il-ħlas tal-kumpens ġust ma jkunx dovut peress li l-użu tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni ma jikkostitwixxix att li jista’ jikkawża ħsara lill-awtur tax-xogħol (40).

49.      Madankollu, id-dubji li l-qorti tar-rinviju għandha u li dwarhom saru domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja huma indipendenti mill-portata tas-sistema tar-rimbors. Il-qorti tar-rinviju tosserva, fil-fatt, li sistema bbażata fuq ħlas bla distinzjoni tal-kumpens ġust u fuq il-possibbiltà, għalkemm ġenerali, suċċessiva ta’ rimbors iżżid l-ispejjeż u r-riskji assoċjati mar-rimbors għal persuni li ma humiex obbligati jħallsu l-kumpens ġust skont id-Direttiva 2001/29. Dawn il-persuni, għalkemm jużaw il-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal użi li ma humiex suġġetti għall-ħlas tal-kumpens ġust, għandhom qabel xejn iħallsuh, u sussegwentement biss jiksbu r-rimbors, bir-riskji u l-ispejjeż konnessi.

50.      Fir-rigward ta’ dawn id-dubji, il-Kummissjoni, kif ukoll il-kumpanniji tal-grupp Amazon, isostnu li l-għażla mogħtija lill-Istati Membri biex jiddeterminaw il-forma u l-metodi tal-ħlas tal-kumpens ġust ma testendix sal-punt li tippermettilhom jagħżlu sistema ta’ rimbors li timponi piżijiet fuq persuni li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “kumpens ġust”, li t-tifsira tiegħu hija stabbilita bid-Direttiva 2001/29 u ma taqax taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-possibbiltà li jinkiseb rimbors ma teliminax l-inkompatibbiltà mal-imsemmija direttiva ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-ħlas ta’ kumpens ġust anki fin-nuqqas tar-rabta, rikjesta mill-ġurisprudenza, bejn dan u l-użu tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni.

51.      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li mill-proċess jirriżulta li, fl-Awstrija, jekk il-persuna li għall-ewwel darba tqiegħed fis-suq nazzjonali mezzi ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas tiggarantixxi b’mod affidabbli li la hija u lanqas il-klijenti tagħha ma huma se jużaw il-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet li għalihom ikunu obbligati jħallsu r-rimunerazzjoni ġusta għall-użu privat jew personali, hija għandha l-possibbiltà li tibbenedika minn speċi “eżenzjoni a priori” mill-obbligu li tħallas din ir-remunerazzjoni ġusta.

52.      Din l-“eżenzjoni a priori” tista’ tinkiseb mingħand l-Austro‑Mechana billi tintuża formula disponibbli għal dan l-iskop u tingħata lil dawk l-impriżi li fir-rigward tagħhom jista’ sa mill-bidu jitqies li bi probabbiltà qawwija mhux se jagħmlu kopji ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur għall-użi suġġetti għal ħlas ta’ remunerazzjoni ġusta. Skont kif ġie affermat mill-Austro‑Mechana waqt is-seduta, il-bażi ta’ tali “eżenzjoni a priori” tinsab fit-test tal-Artikolu 42ter(1) tal-UrhG li tipprovdi li l-awtur jikseb id-dritt għal remunerazzjoni ġusta biss fil-każ fejn “ikun mistenni” li x-xogħol se jkun riprodott fuq il-mezzi ta’ reġistrazzjoni. Għaldaqstant jekk għal kuntrarju jista’ raġonevolment ikun mistenni li l-mezz ta’ reġistrazzjoni se jintużaw għal skopijiet differenti mir-riproduzzjoni ta’ xogħol, dan id-dritt ma jinħoloqx ab initio.

53.      Issa, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni proprja tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha li tevalwa l-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni (41). F’dan il-kuntest, insostni li tkun kompatibbli mad-Direttiva 2001/29 liġi li, minn naħa, tipprovdi għall-possibbiltà ta’ eżenzjoni a priori mill-ħlas tal-kumpens ġust lil persuni fiżiċi jew legali, li fir-rigward jista’ raġonevolment jitqies abbażi ta’ elementi oġġettivi — anki purament ċirkustanzjali — li huma se jixtru l-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet ovvjament manifestament differenti minn dawk li huma suġġetti għall-ħlas tal-kumpens ġust (42) u, min-naħa l-oħra, li tipprovdi l-possibbiltà ġenerali li r-rimbors ta’ dan il-kumpens ġust ikun jista’ jinkiseb a posteriori fil-każijiet kollha fejn jintwera li l-użu tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni ma jkunx jinvolvi xi att li x’aktrax jikkawża ħsara lill-awtur tax-xogħol.

54.      Fil-fatt, tali sistema, minn naħa tippermetti li jitnaqqsu a priori l-każijiet fejn il-persuni li ma humiex suġġetti għall-ħlas tal-kumpens ġust jiġu suġġetti għall-eventwali riskji u spejjeż konnessi mal-ħlas ta’ dan u, min-naħa l-oħra, tippermetti li anki fil-każ fejn ikun sar ħlas mhux dovut tal-kumpens ġust, jinkiseb ir-rimbors. Sistema ta’ din ix-xorta, fil-fehma tiegħi, hija intiża biex tiggarantixxi kemm il-protezzjoni effettiva u riġoruża tad-drittijiet tal-awtur, kif ukoll il-bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi tal-kategoriji differenti ta’ persuni involuti (43).

55.      Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-effett reali u l-effettività tal-funzjonament tas-sistema ta’ eżenzjoni a priori fil-każ imsemmi fil-kawża prinċipali. Fil-fehma tiegħi, l-imsemmija qorti għandha għal dan l-iskop tivverifika b’mod partikolari serje ta’ elementi, fosthom, fl-ewwel lok, jekk is-sistema ta’ eżenzjoni a priori għandhiex tabilħaqq il-bażi tagħha fil-liġi Awstrijaka, kif isostni l-Austro-Mechana u, fit-tieni lok, jekk il-liġi inkwistjoni tobbligax lill-Austro-Mechana tuża din is-“setgħa li teżenta a priori” b’mod oġġettiv jew jippermettix li jkollha ċertu marġini ta’ diskrezzjonalità fl-applikazzjoni ta’ din is-setgħa. F’dan it-tieni każ fil-fatt iqumu bla dubju kwistjonijiet dwar l-imparzjalità ta’ Austro-Mechana, li jirriżultaw min-natura tagħha ta’ kumpannija privata, għalkemm għandha ċerti aspetti li huma ta’ interess pubbliku, li għandha interess fid-deċiżjoni jekk tagħtix jew le l-eżenzjoni.

56.      Fl-aħħar nett, jekk il-qorti tar-rinviju jkollha tikkunsidra li s-sistema ta’ eżenzjoni a priori ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq, nistaqsi wkoll, barra minn hekk, jekk liġi li tipprovdi għall-possibbiltà ġenerali ta’ rimbors tistax madankollu titqies li hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni anki jekk tkun tfisser li l-ispejjeż u r-riskju tal-ħlas bil-quddiem ta’ kumpens ġust jiġu addebitati lil persuni li ma humiex obbligati li jħallsuhom.

57.      Issa, nemmen li sabiex tiġi stabbilita l-eventwali kompatibbiltà ta’ liġi ta’ dix-xorta mad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li jkun hemm bilanċ, b’riferiment għaċ-ċirkustanzi tal-każ konkret, bejn id-dritt tal-awturi li jiksbu protezzjoni sħiħa tad-drittijiet relatati max-xogħlijiet tagħhom, dritt li jsib l-ogħla espressjoni tiegħu fl-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u d-dritt tal-impriżi li jikkumerċjalizzaw il-mezzi ta’ reġistrazzjoni li ma jinkorrux spejjeż mhux dovuti, dritt li huwa konness mal-libertà tal-impriża rikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-istess Karta.

58.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat proprju fir-rigward tad-Direttiva 2001/29, li l-Istati Membri huma obbligati, meta jagħmlu t-traspożizzjoni tagħha li jibbażaw fuq interpretazzjoni tagħha li tkun tiggarantixxi bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti bis-sistema legali Komunitarja. Barra minn hekk, meta jimplementaw il-miżuri li jittrasponu d-Direttiva, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li jkun konformi magħha, imma wkoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħha li tkun f’konflitt mad-drittijiet fundamentali jew ma’ prinċipji ġenerali oħra tad-dritt Komunitarju (44).

59.      F’dan ir-rigward nosserva għal darb’oħra li l-fatt li l-ħlas tal-kumpens ġust jiġi “provviżorjament” addebitat lil persuni li ma humiex obbligati li jħallsuh bil-kundizzjoni li dawn ikunu jistgħu iktar tard jingħataw rimbors għal tali ħlas, huwa inerenti fis-sistema msemmija fis-sentenza Padawan. F’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, ammettiet li huwa possibbli li l-ħlas tal-kumpens ġust jiġi addebitat lil persuni li ma humiex il-vera debituri tiegħu, imma li mbagħad jgħadduh fuq ix-xerrejja sussegwenti (45).

D –    Dwar it-tieni domanda preliminari

60.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel it-tieni domanda preliminari għall-eventwalità biss ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda. Fil-fatt din il-qorti ssostni li, fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta negattiva u, għalhekk, fil-każ li l-imsemmija qorti kellha tiddikjara l-liġi nazzjonali inkwistjoni bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, madankollu hija għandha, sabiex issolvi l-kwistjoni sottostanti fil-kawża prinċipli, tipprova tidentifika interpretazzjoni ta’ dik il-liġi li tkun konformi mad-Direttiva 2001/29. Naqbel mal-approċċ tal-qorti tar-rinviju (46).

61.      Madankollu, peress li abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li għamilt fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet sostnejt li l-ewwel domanda jista’ jkollha risposta pożittiva, insostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel ma’ dan l-argument, ma jkunx meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda. Għalhekk huwa biss f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja, tadotta approċċ differenti minn dak li qiegħed nirrakkomanda jien, u tagħti risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari li qiegħed nippreżenta l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

62.      It-tieni domanda preliminari hija maqsuma f’żewġ partijiet. Bl-ewwel parti (punt 2.1), il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk hemmx kumpens ġust skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jekk id-dritt għal remunerazzjoni ġusta previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni jeżistix biss fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal persuni fiżiċi li jużawhom għal skopijiet privati. Kif ġie osservat mill-partijiet kollha li intervjenew u ppreżentaw osservazzjonijiet dwar it-tieni domanda, din id-domanda ma tistax tingħata risposta affermattiva. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed, fil-fatt li jiġi rrilevat li mit-test innifsu tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li meta l-mezzi ta’ reġistrazzjoni jitqiegħdu fis-suq għal persuni fiżiċi li jużawhom għal skopijiet privati, ikun hemm l-obbligu tal-ħlas ta’ kumpens ġust.

63.      It-tieni parti tat-tieni domanda preliminari (punt 2.2), li għandha titwieġeb biss fil-każ ta’ tweġiba affermattiva għall-ewwel parti, għall-kuntrarju tqanqal interess ikbar. B’din id-domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk fil-każ ta’ tqegħid fis-suq ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni għall-persuni fiżiċi, għandux jiġi preżunt, sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja, li dawn se jużawhom għal skopijiet privati.

64.      Issa, kif jirriżulta mill-punt 32 iktar ’il fuq, fis-sentenza Padawan li ġiet iċċitata kemm-il darba, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà affermat li jekk il-mezzi ta’ reġistrazzjoni jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet privati, jista’ jiġi preżunt li dawn jużawhom għal skopijiet ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi fis-sustanza jekk din il-preżunzjoni tistax tiġi estiza peress li jekk il-mezzi ta’ reġistrazzjoni jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi jista’ jiġi preżunt li dawn se jużawhom għal skopijiet privati (u għalhekk, skont il-preżunzjoni msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, jekk jistax jiġi preżunt li dawn se jużawhom biex jirriproduċu xogħlijiet protetti).

65.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-ratio tal-preżunzjoni rrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 54 sa 56 tas-sentenza Padawan jinstab fil-fatt li, fil-konkret, huwa prattikament impossibbli li jiġi stabbilit jekk il-persuni fiżiċi jużawx jew le l-mezz ta’ reġistrazzjoni mixtri għar-riproduzzjoni, għal skopijiet privati, ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur bl-obbligu li jirriżulta li jħallsu l-kumpens ġust. Huwa minħabba din l-impossibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li jekk persuna fiżika takkwista l-mezz ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet privati jista’ jiġi preżunt li hija se tużah biex tirriproduċi xogħlijiet protetti. Madankollu, f’dan il-kuntest, insostni li t-tħaddim ta’ din il-preżunzjoni fil-prattika jista’ jiġi ppreġudikat jekk wieħed ma jkunx jista’ jassumi li, sakemm ma tiġix prodotta prova kuntrarja, mill-mument li persuna fiżika tixtri mezz ta’ reġistrazzjoni din se tużah għal skopijiet privati. Fil-fatt, kieku dan ma kienx il-każ, kull darba li persuna fiżika tixtri mezz ta’ reġistrazzjoni din tibqa’ fi stat ta’ inċertezza dwar liema użu tagħmel minnu u, għalhekk, dwar l-eżistenza jew le tal-obbligu li jitħallas il-kumpens ġust (47).

66.      Għaldaqstant, fid-dawl tar-raġunament espost iktar ’il fuq, għandha tingħata tweġiba affermattiva għat-tieni parti tat-tieni domanda preliminari. Madankollu, kif diġà ġie speċifikat fil-punt 45 iktar ’il fuq, huwa xorta waħda meħtieġ li l-preżunzjoni dwar l-użu tal-mezz ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet privati f’każ ta’ xiri minn persuna fiżika titqies bħala preżunzjoni konfutabbli. Il-persuna fiżika nnifisha jew il-persuna li għandha l-obbligu li tħallas il-kumpens ġust għalhekk għandha tkun tista’ turi, għall-iskopijiet ta’ eżenzjoni a priori mill-ħlas tal-kumpens ġust jew ir-rimbors eventwali tiegħu, li l-persuna fiżika xtrat il-mezz ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet manifestament differenti mir-riproduzzjoni ta’ kopji privati jew mill-użu tal-mezz ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet oħra suġġett għal ħlas tal-kumpens ġust. F’dak il-każ ma hemmx dubju li l-ħlas tal-kumpens ġust ma jkunx dovut.

E –    Dwar it-tielet domanda preliminari

1.      Osservazzjonijiet ġenerali u ammissibbiltà

67.      Bit-tielet domanda preliminari, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda jew għat-tieni domanda (sub 2.1), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, jew minn xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, jirriżultax li ma hemmx dritt għall-għoti ta’ kumpens ġust li għandu jiġi infurzat minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fejn l-imsemmija soċjetà hija obbligata bil-liġi li tgħaddi nofs l-introjtu mhux lill-benefiċjarji leġittimi, imma lil istituzzjonijiet soċjali u kulturali.

68.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk bl-obbligu impost bl-Artikolu 13 tal-VerwGesG fuq soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li joħolqu istituzzjonijiet għal skopijiet soċjali jew kulturali għad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u li jħallsu nofs dan l-introjtu ġġenerat mir-“remunerazzjoni fil-forma ta’ cassettes vojta” jista’ jagħmel is-sistema Awstrijaka tar-remunerazzjoni ġusta inkompatibbli mal-kunċett tal-kumpens ġust imsemmi fid-Direttiva 2001/29. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha żewġ dubji. Minn naħa, l-awturi jkollhom jikkuntentaw li jirċievu fi flus kontanti n-nofs biss tal-kumpens għall-ħsara li jkunu sofrew bl-użu tax-xogħlijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għad-diskriminazzjoni de facto li tista’ tkun possibbli bejn awturi Awstrijaċi u barranin rigward il-possibbiltà li jużaw l-imsemmija istituzzjonijiet soċjali jew kulturali.

69.      Fir-rigward ta’ din id-domanda preliminari jeħtieġ l-ewwel nett li jiġu ċċarati ċerti kwistjonijiet dwar l-ammissibbiltà tagħha.

70.      L-ewwel nett inqis li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajjma mill-Gvern Awstrijak fir-rigward ta’ din id-domanda minħabba li, kif tirrikonoxxi l-istess qorti tar-rinviju, din ma għandha l-ebda rilevanza għall-eżitu tal-kawża prinċipali, għandha tiġi miċħuda. F’dan ir-rigward minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fid-dawl tal-preżunzjoni tar-rilevanza li għandu jkollhom id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwarhom biss meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mal-fatti attwali jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta d-domanda tkun ta’ tip ipotetiku jew, ukoll, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji biex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (48). Madankollu, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju ma teskludix il-possibbiltà li jekk il-liġi nazzjonali eventwalment tiġi ddikjarata inkompatibbli mad-Direttiva 2001/29, wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat risposta għat-tielet domanda, din jista’ jkollha bħala konsegwenza r-rifjut tad-domanda attriċi fil-kawża prinċipali. Għalhekk huwa ċar li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kwistjoni tista’ tkun deċiżiva għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Għalhekk din id-domanda għandha fil-fehma tiegħi tiġi kkunsidrata ammissibbli.

71.      It-tieni nett, min-naħa l-oħra nqis li t-tielet domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli sa fejn din tirreferi mingħajr distinzjoni għal kwalunkwe “dispożizzjoni oħra tal-liġi tal-Unjoni Ewropea”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li domanda li hija wisq ġenerika ma tagħtix lok għal soluzzjoni utli (49). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, f’talba għal deċiżjoni preliminari huwa indispensabbli li l-qorti tar-rinviju, minn naħa, tindika r-raġunijiet preċiżi li wassluha biex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u ssostni li huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar tali dispożizzjonijiet, u min-naħa l-oħra, li tipprovdi minimu ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-għażla tal-liġijiet tal-Unjoni li tagħhom qiegħdha titlob l-interpretazzjoni u dwar il-konnessjoni bejn dawn u l-liġi nazzjonali applikabbli għat-tilwima (50). Minn dawn ir-rekwiżiti jirriżulta li rinviju ġeneriku u li ma jkunx immotivat dwar kwalunkwe “dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni” bħal dik li tinsab fit-tielet domanda preliminari ma tistax tkun ikkunsidrata ammissibbli. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonferamata mill-kliem tal-Artikolu 94(ċ) introdott fir-Regoli tal-Proċedura l-ġodda tal-Qorti tal-Ġustizzja li jgħid li, t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi kemm l-espożizzjoni tal-motivi li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dawar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn l-imsemmija dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali.

72.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi biss dwar dawk l-aspetti tad-domanda preliminari li jikkonċernaw id-Direttiva 2001/29 kif indikati fid-digriet tar-rinviju. Madankollu ma huwiex meħtieġ, fil-fehma tiegħi, li tingħata deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-argumenti varji li saru mill-partijiet, sa fejn il-qorti nazzjonali ma qajjmet ebda kwistjoni f’dan ir-rigward (51).

2.      Dwar il-mertu tat-tielet domanda preliminari

73.      Rigward il-mertu ta’ din id-domanda preliminari, jeħtieġ li jiġi osservat li dak li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sustanza huwa, jekk l-eventwali nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 2001/29 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-ħlas ta’ nofs il-kumpens ġust mhux direttament lill-awturi imma lill-istituzzjonijiet soċjali u kulturali li jwettqu attivitajiet favur tagħhom jistax jeżenta lid-debitur mill-ħlas tal-kumpens ġust dovut.

74.      F’dan ir-rigward, preliminarjament nosserva li mill-prinċipji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja, mfakkra fil-punti 27 u 28 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-kunċett ta’ kumpens ġust huwa definit f’termini ta’ kumpens lill-awtur għall-ħsara li huwa sofra bir-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu mingħajr awtorizzazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni jipprovdi li d-dritt tal-awtur għall-kumpens ġust huwa dritt irrinunzjabbali. Għalhekk, l-awtur għandu neċessarjament jirċievi l-ħlas (52). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv u li għalhekk ma tistax tkun estiża lil hinn minn dak li huwa stipulat b’mod ċar mid-dispożizzjoni inkwistjoni u ma tistax għalhekk tkun applikata għad-drittijiet għar-remunerazzjoni tal-awtur (53). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-Istati Membri huma suġġetti għal obbligu li jinkisbu riżultati fir-rigward tal-irkupru tal-kumpens ġust biex jikkumpensaw lid-detenturi tad-drittijiet affettwati mill-ħsara mġarrba fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru (54).

75.      Issa, fil-fehma tiegħi huwa korollarju loġiku ta’ dawn il-prinċipji li joħorġu mill-ġurisprudenza li d-dritt għall-kumpens ġust, dritt irrinunzjabbli u neċessarju, għandu jkun effettiv. Dispożizzjoni tad-dritt intern li tillimita l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, anki jekk tnaqqas biss parti minn dan il-kumpens lil dawk li għandhom dritt għalih ma hijiex, għalhekk, fil-fehma tiegħi, kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (55).

76.      Madankollu, wara li ntqal dan, ma hemm l-ebda element, la fid-dritt tal-Unjoni u lanqas fil-ġurisprudenza, li jwassalni biex insostni li l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati li jillikwidaw fi flus kontanti lill-awturi l-kumpens ġust kollu jew li jipprekludi lill-Istati Membri milli jipprovdu li parti minn dan il-kumpens tingħata fil-forma ta’ kumpens indirett. Il-provvediment fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ forom ta’ kumpens indirett lill-awturi fil-fehma tiegħi bl-ebda mod ma huwa minnu nnifisu kuntrarju għall-kunċett ta’ kumpens ġust. Bl-istess mod, insostni li ma hijiex minnha nnifisha kuntrarja għall-kunċett ta’ kumpens ġust il-possibbiltà li jiġi pprovdut li parti minn dan il-kumpens ġust issir permezz ta’ forom ta’ kumpens kollettiv lill-awturi kollha kemm huma (56).

77.      Ċertament, sistema li tipprevedi li t-totalità tal-ħlas tal-kumpens ġust issir fil-forma ta’ kumpens indirett jew kollettiv tirriskja li ma tkunx kompatibbli mar-rekwiżit tal-effettività sottostanti l-kunċett stess tal-kumpens ġust. Għalhekk, tqum il-kwistjoni ta’ sa fejn forom ta’ kumpens indirett huma ammissibbli sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-kumpens ġust.

78.      F’dan ir-rigward, nosserva, madankollu, li l-forom u l-metodi ta’ distribuzzjoni tal-kumpens ġust minn entitajiet li jirċievu l-ħlas ma humiex speċifikament irregolati mid-dritt tal-Unjoni b’tali mod li l-Istati Membri għandhom ċertu marġini ta’ diskrezzjonalità fid-determinazzjoni tagħhom, fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tieħu post l-Istati Membri fid-determinazzjoni ta’ dawn il-form u metodi peress li d-Direttiva 2001/29 ma timponi fuqhom ebda kriterju partikolari f’dan ir-rigward (57), ħlief dak tal-effettività tal-kumpens ġust.

79.      F’dak li jirrigwarda, speċifikament, l-attivitajiet li jsiru minn istituzzjonijiet maħluqa u ffinanzjati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, nemmen li benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali favur l-awturi b’mod ġenerali u favur il-familji tagħhom jistgħu jkunu, mingħajr dubju, it-tipi ta’ kumpens indirett u kollettiv kompatibbli mal-kunċett ta’ kumpens ġust u mal-iskopijiet proprji tad-Direttiva 2001/29 (58). Fil-fehma tiegħi kunsiderazzjonijiet simili jgħoddu wkoll għall-attivitajiet ta’ promozzjoni kulturali li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju, minbarra għall-protezzjoni u għall-iżvilupp tal-kultura b’mod ġenerali, konformi mal-għanijiet kemm tal-TFUE (59) u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur innifsu (60), anki direttament għall-awturi nfushom fil-forma ta’ promozzjoni, ftit jew wisq speċifika, tax-xogħlijiet tagħhom.

80.      Għal dak li jirrigwarda d-diskriminazzjoni possibbli bejn awturi Awstrijaċi u awturi barranin fir-rigward tal-benefiċċju ta’ dawn il-forom possibbli ta’ kumpens indirett, fil-fehma tiegħi hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk din effettivament tkunx teżisti jew le fil-konkret. Madankollu, insostni li fil-każ fejn l-aċċess għal dawn il-benefiċċji soċjali jkun miftuħ b’mod indiskriminat għall-awturi kollha, Awstrijaċi jew barranin, u fil-każ fejn il-benefiċċji kulturali jkunu forma effettiva ta’ kumpens indirett tali li jkun ta’ benefiċċju b’mod indiskriminat, anki jekk mhux bilfors b’mod ekwivalenti, kemm għall-awturi nazzjonali u anki għal dawk barranin, ma jkunx hemm diskriminazzjoni li tista’ tagħmel il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

81.      Fl-aħħar nett, biex inwieġeb b’mod speċifiku għall-kwistjoni li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, irrid nirrileva wkoll li, kieku kellu jiġi aċċettat li kwistjoni dwar it-tqassim tal-kumpens ġust kellha tirriżulta fil-ħelsien mill-obbligu li dan jitħallas mid-debitur, ir-riżultat ikun li l-awturi ma jkunu bl-ebda mod ikkumpensati għall-ħsara li jkunu sofrew fir-rigward tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni mibjugħa fil-każ konkret. Fil-fehma tiegħi riżultat ta’ din ix-xorta jidher li huwa minnu nnifsu kontra d-dritt tal-Unjoni u għalhekk huwa inaċċettabbli (61).

82.      Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, fil-każ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dħul kollu mill-ħlas tal-kumpens ġust huwa intiż li jkun ta’ benefiċċju għall-awturi, nofsu bħala kumpens dirett u n-nofs l-ieħor bħala kumpens indirett, ir-risposta għad-domanda preliminari intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk id-debitur huwiex meħlus mill-obbligu li jħallas il-kumpens ġust tista tkun biss negattiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, u b’liema mod, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinvolvix effettivament forom ta’ kumpens indirett lill-awturi (62).

F –    Dwar ir-raba’ domanda preliminari

83.      Bir-raba’ domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, jew xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludux id-dritt li jiġi pprovdut kumpens ġust, jekk ikun diġà tħallas fi Stat Membru ieħor kumpens simili għat-tqegħid fis-suq ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni.

84.      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li din il-kwistjoni hija bbażata fuq l-argument imressaq mill-kumpanniji tal-grupp Amazon, konvenuti fil-kawża prinċipali, li jgħid li huma diġà ħallsu fil-Ġermanja ammont bħala kumpens ġust għal parti mill-mezzi ta’ reġistrazzjoni kkummerċjalizzati fl-Awstrija. Għalhekk dawn il-kumpanniji jsostnu li, peress li t-tieni ħlas bħala kumpens ġust huwa illeġittimu, dawn ma humiex obbligati jagħmlu dan il-ħlas fl-Awstrija (63).

85.      F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi osservat b’mod preliminari li, skont il-kunsiderazzjonijiet li għamilt fil-punti 71 u 72 iktar ’il fuq, anki r-raba’ domanda preliminari fil-fehma tiegħi għandha tiġi ddikjarata parzjalment inammissibbli sa fejn din tagħmel riferiment ġeneriku għal kwalunkwe “dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni”. Anki għal din id-domanda għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi biss dwar dawk l-aspetti indikati fid-digriet tar-rinviju mingħajr ma għandha għalfejn tiddeċiedi dwar id-diversi argumenti mressqa mill-partijiet, imma li ma tqajjmux mill-qorti nazzjonali.

86.      Fil-mertu, insostni li, bħala prinċipju, il-ħlas doppju tal-kumpens ġust għall-istess mezz ta’ reġistrazzjoni ma huwiex ammissibbli. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 27 u 28 iktar ’il fuq, imsemmija kemm-il darba fil-konklużjonijiet preżenti, jirriżulta li l-kumpens ġust jikkorrispondi bħala korrispettiv tal-ħsara li sofra l-awtur minħabba r-riproduzzjoni mhux awtorizzata tax-xogħol. Madankollu, fil-fehma tiegħi hija konsegwenza loġika ta’ din it-tifsira tal-kunċett ta’ kumpens ġust li, bħala prinċipju, il-kumpens għandu jsir darba waħda biss b’riferiment għall-użu ta’ kull mezz ta’ reġistrazzjoni għar-riproduzzjoni suġġetta għall-ħlas tal-kumpens xieraq. Ma hemm l-ebda raġuni li tiġġustifika l-ħlas ta’ kumpens ġust darbtejn. Għalhekk fil-fehma tiegħi ma huwiex aċċettabbli l-argument li sar mill-Gvern Pollakk li d-diskrezzjoni mħollija lill-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-kumpens ġust, ma hijiex ta’ ostaklu għall-ħlas tat-tieni ħlas bħala kumpens ġust għall-istess mezz ta’ reġistrazzjoni (64).

87.      Madankollu, wara li ntqal dan, ma nistax ma nirrilevax, kif wara kollox għamlet il-qorti tar-rinviju, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ obbligu li l-Istat Membru fejn tkun saret il-ħsara jikseb riżultati fil-ġbir ta’ kumpens ġust biex jiġu kkumpensati l-awturi għall-ħsara li tkun saret bl-użu tax-xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, iddikjarat li, jekk Stat Membru jkun introduċa eċċezzjoni ta’ kopja privata fid-dritt nazzjonali tiegħu, u jekk l-utenti finali li jagħmlu, privatament, ir-riproduzzjoni ta’ xogħol protett jgħixu fit-territorju tiegħu, dan l-Istat Membru huwa obbligat li jiżgura, skont il-kompetenza territorjali tiegħu, ħlas effettiv tal-kumpens ġust bħala kumpens għad-dannu mġarrab mill-awturi fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru (65).

88.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, minn naħa, li jista’ jiġi preżunt li l-ħsara li għandha tiġi kkumpensata saret fit-territorju tal-Istat Membru fejn jgħixu l-utenti finali li jwettqu r-riproduzzjoni tax-xogħol u li jikkawżaw għalhekk il-ħsara (66) u, min-naħa l-oħra, li s-sempliċi fatt li l-bejjiegħ professjonali tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni għar-riproduzzjoni jkun stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak fejn jgħixu x-xerrejja ma għandu l-ebda effett fuq dan l-obbligu li jinkisbu riżultati impost fuq l-Istati Membri (67).

89.      Issa, fil-każ preżenti ma hemmx dubju li, peress li l-mezzi ta’ reġistrazzjoni inxtraw mill-utenti finali fl-Awstrija, il-ħsara li għandha tiġi kkumpensata permezz tal-ħlas tal-kumpens ġust seħħet f’dan il-pajjiż. Għalhekk skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq l-awtorità Awstrijaka għandha l-obbligu li tiggarantixxi l-ġbir effettiv tal-kumpens ġust biex jiġu kkumpensati l-awturi għall-ħsara li sofrew fl-Awstrija. F’dan il-kuntest, debitur tal-kumpens ġust ma jistax għalhekk, fil-fehma tiegħi, jippretendi li jista’ jillibera ruħu mill-obbligu tal-ħlas tiegħu fl-Awstrija billi jsostni li huwa diġà ħallas dan fi Stat Membru ieħor fejn ma tkunx seħħet il-ħsara lill-awtur li tiġġustifika l-ħlas. Fil-każ li l-ħlas ta’ ammont għal dan l-iskop ikun seħħ verament fi Stat Membru ieħor, id-debitur għandu jirkupra dan l-ammont fl-Istat Membru inkwistjoni permezz tar-rimedji previsti minn dik is-sistema legali.

90.      Il-kumpanniji tal-grupp Amazon isostnu li fil-Ġermanja huma ma jistgħux jasserixxu ebda dritt biex jirkupraw il-ħlas tal-kumpens ġust li jkun diġà tħallas għal ċerti mezzi ta’ reġistrazzjoni li sussegwentement ikunu ġew ikkummerċjalizzati fl-Awstrija. Madankollu l-Istat Membru fejn ikun seħħ il-ħlas mhux dovut għandu jiggarantixxi lil dawk li mhux obbligati jħallsu l-kumpens ġust il-possibbiltà xierqa li jiksbu, jekk meħtieġ permezz ta’ kawżi quddiem il-qrati nazzjonali, ir-rimbors tal-ħlasijiet bħala kumpens ġust mhux dovut.

91.      Ċertament, jekk fil-każ preżenti tabilħaqq seħħ ħlas doppju tal-kumpens ġust, jidhirli li dan ikun konsegwenza mhux mixtieqa tal-livell insuffiċjenti ta’ koordinament bejn il-liġijiet tal-Istati Membri, riżultat ta’ nuqqas ta’ armonizzazzjoni tas-sistema tal-kumpens ġust. Huwa d-dmir tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jintervjeni biex isaħħaħ il-livell ta’ armonizzazzjoni bejn il-liġijiet nazzjonali, bl-iskop li jiġi evitat li jinħolqu sitwazzjonijiet ta’ din ix-xorta fil-futur (68).

V –    Konklużjoni

92.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għad-domandi preliminari tal-Oberster Gerichtshof:

(1)      Ikun hemm kumpens ġust skont id-Direttiva 2001/29 meta:

(a)      il-persuni benefiċjarji, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, għandhom dritt għal remunerazzjoni ġusta li jista’ jiġi asserit biss minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, li tkun rappreżentattiva tad-diversi detenturi ta’ drittijiet, bla ebda distinzjoni fir-rigward ta’ min għall-ewwel darba jkun qiegħed fis-suq nazzjonali, għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas, mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom, u

(b)      il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi, minn naħa, il-possibbiltà ta’ eżenzjoni a priori mill-ħlas tal-kumpens ġust fir-rigward ta’ persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, li fir-rigward tagħhom jista’ raġonevolment jiġi preżunt abbażi ta’ elementi oġġettivi — anki sempliċement ċirkustanzjali — li huma jixtru l-mezzi ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet manifestament estranji għal dawk suġġetti għall-ħlas tal-kumpens ġust u, min-naħa l-oħra, l-possibbiltà li wieħed jikseb b’mod ġenerali a posteriori r-rimbors ta’ dan il-kumpens ġust fil-każijiet kollha fejn jintwera li l-użu tal-mezz ta’ reġistrazzjoni ma jkunx wassal għal att li jista’ jikkawża ħsara lill-awtur tax-xogħol.

(2)      Fid-dawl tar-risposta li qiegħed nirrakkomanda għall-ewwel domanda, ma nħossx li huwa neċessarju li nirrispondi għat-tieni domanda preliminari. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li għandha twieġeb, nirrakkomanda li għandha twieġeb kif ġej:

(2.1)  ikun hemm “kumpens ġust” skont id-Direttiva 2001/29, meta d-dritt għal remunerazzjoni ġusta jeżisti biss fir-rigward ta’ tqegħid fis-suq permezz ta’ persuni fiżiċi li jużaw għal skopijiet privati l-mezz ta’ reġistrazzjoni għar-riproduzzjoni, u

(2.2) f’każ ta’ tqegħid fis-suq permezz ta’ persuni fiżiċi, għandu jiġi preżunt, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, li dawn jużaw il-mezz ta’ reġistrazzjoni għar-riproduzzjoni għal skopijiet privati. Għandu jkun possibbli li wieħed juri għal skopijiet ta’ eżenzjoni a priori mill-ħlas tal-kumpens ġust jew ir-rimbors eventwali tiegħu, li l-persuna fiżika xtrat il-mezz ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet manifestament differenti mir-riproduzzjoni ta’ kopji privati jew mill-użu tal-mezz ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet oħra li huma suġġetti għall-ħlas tal-kumpens ġust.

(3)      Mid-Direttiva 2001/29 ma jirriżultax li ma hemmx dritt għall-benefiċċju tal-kumpens ġust fejn ikun hemm leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dħul kollu li jkun ġej mill-ħlas tiegħu jkun maħsub li jingħata lill-awturi, nofsu bħala kumpens dirett u n-nofs l-ieħor bħala kumpens indirett. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, u b’liema mod l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tinvolvi b’mod konkret forom ta’ kumpens indirett u mingħajr diskriminazzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ awturi.

(4)      Fejn il-ħsara li għandha tiġi kkumpensata tkun saret fit-territorju ta’ Stat Membru, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludux id-dritt li jiġi pprovdut kumpens ġust f’dak l-Istat Membru, fil-każ fejn ikun diġà tħallas kumpens simili fi Stat Membru ieħor għat-tqegħid fis-suq tal-mezz ta’ reġistrazzjoni. Madankollu huwa l-Istat Membru fejn ikun seħħ il-ħlas mhux dovut li għandu jiggarantixxi lil dawk li mhux obbligati jħallsu l-kumpens ġust il-possibbiltà xierqa li jiksbu, jekk meħtieġ permezz ta’ kawżi quddiem il-qrati nazzjonali, ir-rimbors tal-ħlasijiet bħala kumpens ġust mhux dovut.


1 –      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 –      Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230). Ara b’mod partikolari il-premessa 2 ta’ din id-direttiva.


3 – Ara l-premessa 1 tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken (C‑479/04, Ġabra p. I‑8089, punti 26 u 31-34), u tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C‑467/08, Ġabra p. I-10055, punt 35).


4 – Ara l-premessi 5, 6, 7, 39 u 47 tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll il-punt 29 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2013 fil-kawżi VG Wort, Fujitsu Technology Solutions, Hewlett-Packard (C‑457/11 sa C‑460/11).


5 – Għal iktar kunsiderazzjonijiet u referenzi f’dan ir-rigward ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak ippreżentati fil-11 ta’ Mejju 2010 fil-kawża Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 41-44.


6 – Ara, f’dan ir-rigward il-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-punti 28 u 30 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi VG Wort et (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).


7 – Ara b’mod partikolari, is-sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie (C‑462/09, Ġabra p. I‑5331) u tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan (C‑277/10).


8 – Minbarra din il-kawża u l-kawżi VG Wort et (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), il-Qorti tal-Ġustizzja fil-futur immedjat se tissejjaħ biex tieħu pożizzjoni dwar kwistjonijiet preliminari li jikkonċernaw il-kumpens ġust skont id-Direttiva 2001/29 fil-kawżi, ACI Adam BV (C‑435/12) u Copydan Båndkopi (C‑463/12).


9 –      Komunikat Stampa tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2012 (Memo/12/950). F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li proprju l-kwistjoni tal-kumpens ġust, is-suġġett tal-kawża preżenti, bir-raġun kienet identifikata mill-Kummissjoni bħala waħda mill-kwistjonijiet l-iktar problematiċi li tirregola d-drittijiet tal-awtur li teħtieġ azzjoni immedjata.


10 –      Barra minn hekk l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, jissuġġetta l-ħolqien ta’ din l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(4)(e) ta’ din id-direttiva għal kundizzjoni trippla, jiġifieri, l-ewwel nett, li din l-eċċezzjoni hija applikabbli biss f’każijiet speċjali, imbagħad, li din ma tippreġudikax l-isfruttament normali tax-xogħol u, finalment, li din ma tikkawżax ħsara mingħajr raġuni lill-interessi leġittimi tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur.


11 – Urheberrechtsgesetz tad-9 ta’ April 1936 (BGBl. Nru 111/1936), kif ġiet emendata sussegwentement. Il-verżjonijiet attwali tal-Artikoli 42 u 42ter tal-UrhG kienu emendati fl-2003 bil-Urheberrechtsgesetz-Novelle 2003 (BGBl. I Nru 32/2003) li kienet użata biex tiġi trasposta fid-dritt Awstrijak id-Direttiva 2001/29.


12 – Il-Liġi tat-13 ta’ Jannar 2006 (BGBl. I Nru 9/2006).


13 – Il-qorti tar-rinviju tosserva li, minkejja li s-sentenza li għandha quddiemha tikkonċerna biss il-kwistjoni tal-obbligu li tipprovdi informazzjoni dwar il-kontabbiltà bil-għan li tiġi kkwantifikata t-talba għall-ħlas, din il-kwistjoni hija strettament konnessa ma’ dik tal-eżistenza tad-dritt għall-ħlas ta’ remunerazzjoni xierqa skont il-liġi Awstrijaka.


14 – Il-kunċett ta’ “kumpens ġust” jissemma f’diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29. Minbarra l-Artikolu 5(2)(b) tagħha, li tagħmel riferiment għalih il-qorti tar-rinviju fid-domandi preliminari tagħha, il-kumpens ġust lill-benefiċjarji huwa previst ukoll anki għall-eċċezzjonijiet skont l-Artikolu 5(2)(a) u (e), kif ukoll f’diversi premessi tad-direttiva nnifisha.


15 – Dawn jikkonċernaw b’mod partikolari l-każijiet ta’ użu personali għal skopijiet ta’ riċerka, ta’ informazzjoni ġurnalistika, ta’ tagħlim fl-iskejjel u fl-universitajiet kif ukoll għal skopijiet ta’ self lill-pubbliku. Ara rispettivament l-Artikolu 42(2), (3), (6) u (7) tal-UrhG.


16 – Fil-fatt mill-premessa 36 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kumpens ġust lid-detenturi tad-drittijiet anki meta japplikaw dispożizzjonijiet mhux obbligatorji dwar eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li ma jinħteġux dan il-kumpens.


17 – Dwar l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali mad-Direttiva 2001/29, nagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-punti 37 u 38 tal-konklużjonijiet fil-kawżi VG Wort et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).


18 – F’dan il-każ, huwa ċar li l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 42(2), (3), (6) u (7) tal-UrhG, filwaqt li wħud minnhom ifakkruk f’dawk previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 [ara b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(ċ) u (3)(a) u (ċ)], dawn ma humiex eżatt bħalhom. Madankollu, sal-punt li dawn jipprovdu għar-rekwiżit li l-użu li jsir mix-xogħol għall-iskop indikat ikun għal “użu personali”, dawn l-eċċezzjonijiet jidhru li għandhom ambitu ta’ applikazzjoni iktar ristrett mill-eċċezzjonijiet relattivi previsti fid-Direttiva.


19 –      Sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 33 u 37.


20 – Ara s-sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 40 u 42 u Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7) punt 24. F’dan ir-rigward ara l-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29 li minnha jirriżulta li, meta jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ, il-kriterju tal-ħsara mġarrba mid-detenturi tad-dritt tal-awtur li tirriżulta mill-użu tal-materjal protett jikkostitwixxi kriterju validu f’każ ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fejn huwa previst kumpens ġust, u għalhekk, mhux biss fil-każ ta’ eċċezzjoni ta’ kopja privata.


21 – Ara s-sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 43 u Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 25.


22 – Ara s-sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 44 u 45 Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 26.


23 –      Il-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29.


24 – Ara s-sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 46 u Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7) punt 27.


25 – Ara s-sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 48 u 49 u Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7) punt 28.


26 –      Ara s-sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 52 u 53.


27 –      Sentenzi Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 54 sa 56.


28 – Ara speċifikament punt 53 ta’ din is-sentenza u l-punt 31 iktar ’il fuq.


29 – Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll il-każ ta’ riproduzzjonijiet illegali li jsiru bi ksur tad-drittijiet tal-awtur li għalihom, fil-fehma tagħha, ma jistax jeżisti ovvjament ebda dritt ta’ rimbors tal-kumpens ġust. Skont il-qorti tar-rinviju mit-termini tal-Artikolu 5(2) jew (3) tad-direttiva ma jirriżultax li dan l-artikolu ma jippermettix il-ħlas ta’ kumpens ġust għal tali tipi ta’ mġiba illegali. Fil-fehma tiegħi ma huwiex meħtieġ li wieħed jippronunzja ruħu għall-iskopijiet tal-kawża preżenti dwar ir-relazzjoni bejn kopji illegali u kumpens ġust. Din il-kwistjoni se tkun is-suġġett għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi ACI Adam BV u Copydan Båndkopi (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 hawn fuq). Madankollu ma nsib li hemm ebda bażi għal dawn l-argumenti mressqa mill-kumpanniji tal-grupp Amazon maħsuba biex jeċċepixxu l-illegalità tal-liġi nazzjonali inkwistjoni peress li din tippermetti li jiġi impost kumpens ġust għall-ħsara kkawżata lill-awtur meta saru kopji illegali tax-xogħol.


30 – Ara l-premessa 36 tad-Direttiva msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ’il fuq.


31 – Il-qorti tar-rinviju ssostni, fil-fatt, li min juża t-tagħmir biex jirreġistra data ġġenerata minnu stess, ma jistax jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli minn min juża t-tagħmir biex jirriproduċi data ġġenerata minn terzi persuni bil-kunsens tagħhom.


32 – ĠU L 376, p. 28. Din id-direttiva ħassret id-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120).


33 – Sentenza tas-6 ta’ Frar 2003, SENA (C‑245/00, Ġabra p. I‑1251, punti 22 u 24).


34 – Ara s-sentenza Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), u punt 26 iktar ’il fuq.


35 – Anzi dan jidher li ġie espressament previst fil-premessa 38 tad-Direttiva 2001/29 li tipprevedi għall-possibbiltà li jiġu introdotti jew li jinżammu sistemi ta’ “remunerazzjoni” bħala kumpens ġust. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “remunerazzjoni” għandu l-istess skop bħal dak tal-“kumpens”, jiġifieri dak li jintroduċi indenizz għall-awturi biex jikkumpensa għall-ħsara li ssir lil dawn tal-aħħar. Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, VEWA (C‑271/10, Ġabra p. I‑5815, punt 29), kif ukoll is-sentenza Luksan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 34.


36 –      Ara s-sentenza Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 37).


37 – Fil-fatt, din tippermetti t-tħaddim ta’ sistema li tissimplifika l-ġbir u t-tqassim tal-qligħ għall-vantaġġ, bħala prinċipju, kemm tad-dententuri tad-drittijiet u tad-debituri ta’ qligħ bħal dan.


38 – Ara punti 31 u 34 iktar ’il fuq; ara s-sentenza Padawan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 53.


39 – Effettivament, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tas-sistema ta’ koperazzjoni ġudizzjarja stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jinterpretaw il-liġijiet nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain (C‑162/06, Ġabra p. I‑9911, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40 –      Ara l-punt 28 iktar ’il fuq.


41 – Fil-ġurisprudenza vasta dwar dan ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Varzim Sol (C‑25/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27 u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).


42 – Dwar l-argument imqajjem mir-rappreżentanti tal-kumpanniji Amazon li l-possibbiltà ta’ “eżenzjoni a priori” ma tirriżultax mid-digriet tar-rinviju, insostni li kemm mill-proċess kif ukoll mit-trattazzjoni li saret waqt is-seduta jirriżulta li l-effett tas-sistema ta’ rimbors prevista mil-liġi li tagħmel riferiment għaliha t-tielet parti tal-ewwel domanda preliminari, fil-prattika huwa ridott kunsiderevolment bl-eżistenza ta’ tali possibbiltà ta’ eżenzjoni a priori. L-eżistenza ta’ din il-possibbiltà, element li jirriżulta b’mod ovvju mill-proċess, tikkostitwixxi fil-fehma tiegħi punt ta’ liġi u ta’ fatt li ma jistax jiġi injorat fl-analiżi li ssir mill-Qorti tal-Ġustizzja.


43 –      Skont il-premessi 9 u 31 tad-Direttiva 2001/29.


44 – Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, Ġabra p. I‑271, punt 68) u, iktar reċenti fir-rigward ta’ direttivi oħra, tad-19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et  (C‑461/10, punt 56).


45 –      Is-sentenza Padawan (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 46). Piż ta’ din ix-xorta jista’ jitqies li fis-sustanza huwa kkunsidrat bħala l-“prezz” li għandu jitħallas għal protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-awtur.


46 – Il-kumpanniji tal-grupp Amazon ma jaqblux mal-approċċ tal-qorti tar-rinviju billi jsostnu li dan imur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt, fosthom, b’mod speċifiku, dak taċ-ċertezza legali. Madankollu, huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat espliċitament li fid-dawl tal-obbligu tar-riżultat li jimponi fuq l-Istat Membru li jiggarantixxi lill-awturi affettwati l-ħlas effettiv ta’ kumpens ġust bħala kumpens għal ħsara li tkun saret fit-territorju tiegħu (ara hawn taħt il-punti 74 lejn l-aħħar u l-punt 87), “huma l-awtoritajiet ġudizzjarji li għandhom ifittxu li tinghata interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mal-obbligu ċċitat tar-riżultat, li jiżgura l-ġbir ta’ tali kumpens mill-bejjiegħ li jkun ta sehmu fl-importazzjoni tal-imsemmija mezzi ta’ reġistrazzjoni u qegħdhom għad-dispożizzjoni tal-utenti finali” (ara s-sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 39). Għalhekk inħoss li l-approċċ tal-qorti tar-rinviju, ma tistax tiġi kkontestata bl-ebda mod u hija, għall-kuntrarju, konformi għal kollox mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.


47 – Ħlief għal każ, li fil-fehma tiegħi fil-prattika huwa ftit li xejn probabbli, fejn il-persuna fiżika qabel il-bejgħ tiddikjara sistematikament l-użu li se tagħmel mill-mezz ta’ reġistrazzjoni. De lege ferenda, huwa possibbli li jintużaw metodi li kapaċi jobbligaw persuna fiżika li tagħmel dikjarazzjoni b’tali mod li tali preżunzjoni ma tkunx meħtieġa. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tista’ fil-futur tkun limitata bl-iżvilupp jew l-espansjoni ta’ metodi teknoloġiċi għat-tqegħid fis-suq tax-xogħlijiet. Madankollu dawn il-kunsiderazzjonijiet fil-fehma tiegħi jmorru lil hinn mill-kuntest ta’ din il-kawża, li tinkwadra ruħha fi ħdan l-isfond fattwali u legali eżistenti.


48 – Fil-ġurisprudenza abbundanti f’dan is-sens, kien hemm, reċentement, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne ASBL (C‑41/11, punt 35), u tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et (C‑599/10, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49 – Sentenza tat-28 ta’ Marzu 1979, Beneventi (C‑222/78, Ġabra p. 1163, punt 20).


50 – Digriet tat-3 ta’ Mejju 2012, Ciampaglia (C‑185/12, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 5 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, punt 84).


51 – Sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 1990, Nespoli u Crippa (C‑196/89, Ġabra p. I‑3647, punt 23) u tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et (C‑435/97, Ġabra p. I‑5613, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52 –      Sentenza Luksan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punti 100, 105 u 108. Korsiv miżjud minni.


53 –      Ara s-sentenza Luksan, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 101.


54 – Sentenzi Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 106. F’dan ir-rigward, ara b’mod partikolari l-punt 87 hawn taħt.


55 – F’dan ir-rigward, ara wkoll il-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak inklużi fil-punti 168 sa 177 tal-konklużjonijiet ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2011 fil-kawża Luksan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7).


56 – Fir-rigward tal-oġġezzjoni possibbli li sistema ta’ din ix-xorta ma tqisx biżżejjed ir-rabta individwali bejn il-ħsara kkawżata lill-awtur u l-kumpens dovut lilu, wieħed jista’ jwieġeb kif osservat il-Kummissjoni, li sistema ta’ remunerazzjoni għal kopja privata hija sistema neċessarjament impreċiża peress li, kif issemma fil-punt 65 preċedenti, fil-prattika, huwa impossibbli li jiġi determinat liema xogħol ġie riprodott minn liema utent u b’liema mezz.


57 – Ara, b’analoġija, is-sentenza VEWA (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35) punt 35, rigward il-kriterji tad-determinazzjoni tal-ammont tar-remunerazzjoni li jmiss lill-awturi f’każ ta’ self minn istituzzjonijiet pubbliċi skont id-Direttiva 92/100 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32).


58 – F’dan ir-rigward fil-fehma tiegħi huwa elokwenti r-riferiment li jsir fil-premessa 11 tad-Direttiva 2001/29 għaċ-ċirkustanza li wieħed mill-iskopijiet ta’ sistema effiċjenti u rigoruża ta’ protezzjoni tad-dritt tal-awtur hija dik li tiggarantixxi l-awtonomija u d-dinjità lil kreaturi, interpreti u eżekuturi.


59 –      Ara l-Artikolu 167(1) TFUE.


60 – Ara pereżempju, il-premessi 9 u 11 tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll il-premessa 3 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/115.


61 – Il-ħtieġa li fil-każ konkret jiġi ggarantit il-ġbir tal-kumpens ġust jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 39 tas-sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7).


62 – Fil-każ li l-qorti nazzjonali tistabbilixxi effettivament li parti mid-dħul miksub bħala kumpens ġust ma jiġix użat bħala kumpens indirett għall-benefiċċju tal-awturi, insostni li ma huwiex eskluż li l-imsemmija qorti tista’ anki, eventwalment, tnaqqas bħala konsegwenza l-pretensjonijiet attriċi.


63 – Fid-digriet tagħha, il-qorti tar-rinviju turi madankollu li huwa kontroversjali jekk, għal xi wħud mill-mezzi ta’ reġistrazzjoni li sussegwentement jitqegħdu fis-suq fl-Awstrija, effettivament ikunux saru jew le ħlasijiet ta’ kumpens ġust fil-Ġermanja. Il-qorti tal-ewwel istanza ma setgħatx tivverifika dawn il-ħlasijiet u l-qorti tat-tieni istanza ħalliet il-kwistjoni miftuħa billi sostniet li din hija irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża.


64 – Dan l-argument fil-fehma tiegħi huwa eżempju ta’ kif, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tas-sistema tal-kumpens ġust, approċċi tabilħaqq differenti u inkompatibbli bejniethom jistgħu jiġu adottati fil-livell nazzjonali.


65 – Sentenzi Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punti 34 u 36, kif ukoll Luksan (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 106. Fil-fehma tiegħi din id-dikjarazzjoni ta’ prinċipju hija indipendenti miċ-ċirkustanza li fil-kawża inkwistjoni l-kumpens ġust kien ġie mħallas jew le. Għalhekk ma huwiex rilevanti l-argument imressaq mill-kumpanniji tal-grupp Amazon li din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli għall-każ inkwistjoni peress li f’dan il-każ il-kumpens ġust ikun diġà tħallas fi Stat Membru ieħor.


66 –      Sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 35.


67 –      Sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 41.


68 – Huwa f’dan ir-rigward li jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li wieħed jifhem, fid-dawl tas-sentenza suċċessiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dikjarazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen inklużi fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fl-10 ta’ Marzu 2011 fil-kawża Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7).