Language of document : ECLI:EU:C:2014:2095

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ Lulju 2014 (*)

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Standards u proċeduri komuni applikabbli fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment — Artikolu 16(1) — Detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija — Detenzjoni f’ħabs — Impossibbiltà li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitqiegħdu f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni — Assenza ta’ tali ċentru fil-Land fejn ikun iddetenut iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz”

Fil-Kawżi magħquda C‑473/13 u C‑514/13,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof u mil-Landgericht München I (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-11 ta’ Lulju u tas-26 ta’ Settembru 2013, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Settembru u fit-8 ta’ Ottubru 2013, rispettivament, fil-proċeduri

Adala Bero

vs

Regierungspräsidium Kassel (C‑473/13),

u

Ettayebi Bouzalmate

vs

Kreisverwaltung Kleve (C‑514/13),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, A. Borg Barthet u M. Safjan, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, G. Arestis (Relatur), J. Malenovský, D. Šváby, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ April 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. Bero, minn P. Fahlbusch, avukat,

–        għal E. Bouzalmate, minn G. Meyer u H. Habbe, avukati,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. de Ree, M. Bulterman u H. Stergiou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn L. Swedenborg u A. Falk, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, A. Bero u r-Regierungspräsidium Kassel (kunsill reġjonali tal-belt ta’ Kassel) u, min-naħa l-oħra, E. Bouzalmate u l-Kreisverwaltung Kleve (awtorità ċentrali tal-belt ta’ Kleve), dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ tqegħid taħt detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija meħuda kontra tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 2, 6, 16 u 17 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdu:

“(2) Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[...]

(6)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. Skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-UE, deċiżjonijiet meħuda skond din id-Direttiva għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jimplika li l-konsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali. [...]

[...]

(16)      L-użu tad-detenzjoni għall-fini ta’ tneħħija għandu jkun limitat u soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Id-detenzjoni hija ġustifikata biss biex jiġi ppreparat r-ritorn jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija u jekk l-applikazzjoni ta’ miżuri anqas koerżivi ma tkunx suffiċjenti.

(17)      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu detenuti għandhom jiġu trattati b’mod uman u dinjituż fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom u f’konformità mal-liġi internazzjonali u nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għall-arrest inizjali mill-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, irregolat mil-leġislazzjoni nazzjonali, id-detenzjoni għandha bħala regola tkun f’faċilitajiet speċjalizzati għad-detenzjoni.”

4        L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5        Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/115, din id-direttiva tapplika bla ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li jadottaw jew li jżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika din id-direttiva, bil-kundizzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli mal-imsemmija direttiva.

6        L-Artikolu 15 tal-istess direttiva, intitolat “Detenzjoni”, jipprovdi:

“1.       Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

(a)      jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

(b)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

[...]

5.       Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.       L-Istati Membri jistgħu ma jestendux [ma jistgħux jestendu] il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

(a)      nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

(b)      dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

7        L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Kondizzjonijiet tad-detenzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.”

 Id-dritt Ġermaniż

8        L-Artikolu 62a(1) tal-liġi dwar ir-residenza, l-attività professjonali u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet) tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGB1. 2011 I, p. 2258), kif emendata (BGB1. 2008 I, p. 162), li jittrasponi l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/155, jipprovdi:

“Id-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija għandha sseħħ, bħala regola, f’faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati. Meta Land ma jkollux faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni, id-detenzjoni tista’ sseħħ f’ħabsijiet oħra ta’ dan il-Land; f’dak il-każ, il-persuni li jkunu detenuti sakemm isseħħ it-tneħħija tagħhom, għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji. […]”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawża C‑473/13

9        A. Bero, li, skont il-qorti tar-rinviju, hija probabbilment ta’ nazzjonalità Sirjana, kienet applikat għall-ażil fil-Ġermanja. Peress li din l-applikazzjoni kienet ġiet irrifjutata, id-dipartiment tal-barranin talab it-tneħħija tagħha mit-territorju Ġermaniż quddiem l-Amtsgericht Frankfurt am Main. Fis-6 ta’ Jannar 2011, dik il-qorti ordnat li A. Bero titqiegħed taħt detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija tagħha sas-17 ta’ Frar 2011. Ir-rikors ippreżentat minn A. Bero kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mil-Landgericht Frankfurt am Main.

10      Peress li, fil-Ġermanja, l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija taqa’ fir-responsabbiltà tal-Länder, il-Land ta’ Hessen qiegħed lil A. Bero fil-ħabs ta’ Frankfurt, li huwa ħabs ordinarju. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni preżenti f’Länder oħra ta’ dan l-Istat Membru, fil-Land ta’ Hessen ma hemmx faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni fis-sens tad-Direttiva 2008/115.

11      Fit-2 ta’ Frar 2011, A. Bero nħelset wara li tressaq rikors quddiem il-kummissjoni dwar każijiet ta’ sofferenza tal-Land ta’ Hessen. Permezz tal-appell tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, hija qiegħda tfittex li jiġi kkonstatat li d-drittijiet tagħha kienu miksura minħabba d-deċiżjoni tal-Amtsgericht Frankfurt am Main li tqiegħda taħt detenzjoni u minħabba ċ-ċaħda tar-rikors sussegwenti mil-Landgericht Frankfurt am Main.

12      Skont il-Bundesgerichtshof, is-soluzzjoni tal-kawża li għandha quddiemha tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

13      Għaldaqstant, huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [2008/115] jista’ jiġi dedott id-dmir ta’ Stat Membru li [bħala regola ġenerali] jwettaq id-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija f’ċentri ta’ detenzjoni speċjalizzati anki fil-każ li fl-imsemmi Stat Membru l-imsemmija ċentri jeżistu biss f’xi wħud mill-entitajiet territorjali tal-istruttura federali tiegħu u f’oħrajn le?”

 Kawża C‑514/13

14      E. Bouzalmate, li huwa ċittadin Marokkin, daħal illegalment fil-Ġermanja fl-24 ta’ Settembru 2010 u fit-8 ta’ Ottubru tal-istess sena talab li jingħata l-istatus ta’ refuġjat.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2012, li saret definittiva u eżegwibbli fil-25 ta’ Jannar 2012, il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Uffiċċju federali għall-migrazzjoni u r-refuġjati) ċaħad din it-talba u ordna lil E. Bouzalmate jitlaq mit-territorju Ġermaniż fi żmien ġimgħa min-notifika ta’ din id-deċiżjoni għaliex altrimenti kellu jiġi rripatrijat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-belt ta’ Geldern (li taqa’ taħt l-awtorità ċentrali ta’ Kleve), li E. Bouzalmate kien tqiegħed taħt l-awtorità tagħha, ikkunsidrat li dan kien telaq mill-belt mingħajr ma kien magħruf l-indirizz il-ġdid tiegħu.

16      E. Bouzalmate kien arrestat fil-25 ta’ Marzu 2013 u, fid-9 ta’ April tal-istess sena, l-Amtsgericht München ikkundannatu għal piena sospiża ta’ priġunerija ta’ ħames xhur minħabba residenza irregolari. Wara li nħeles sussegwentement għad-detenzjoni provviżorja tiegħu, E. Bouzalmate la ppreżenta ruħu quddiem id-dipartiment tal-barranin tal-Landratsamt Kleve (servizzi amministrattivi tal-awtorità ċentrali ta’ Kleve) u lanqas quddiem xi awtorità oħra.

17      Fit-13 ta’ Lulju 2013, E. Bouzalmate reġa’ ġie arrestat f’München u, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju tal-istess sena, l-Amtsgericht München ordnat li jitqiegħed taħt detenzjoni fl-istennija tat-tneħħija tiegħu, għal perijodu ta’ mhux iktar minn għaxar ġimgħat b’effett mill-14 ta’ Lulju 2013, jiġifieri sa mhux iktar tard mill-21 ta’ Settembru 2013.

18      Wara li pprova jwettaq suwiċidju, fit-12 ta’ Settembru 2013, E. Bouzalmate tqiegħed fi klinika psikjatrika. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, id-dipartiment tal-barranin tal-Landratsamt Kleve annulla d-data prevista għat-tneħħija ta’ E. Bouzalmate, jiġifieri s-16 ta’ Settembru 2013.

19      Peress li t-trattament psikjatriku ta’ E. Bouzalmate ntemm fl-20 ta’ Settembru 2013, l-Amtsgericht München, wara li saritilha talba ġdida mil-Landratsamt Kleve, ordnat, permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, li E. Bouzalmate jinżamm taħt detenzjoni f’parti speċifika tal-ħabs ta’ München, iddedikata għall-persuni li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, sakemm tkun tista’ sseħħ it-tneħħija tiegħu, u dan sa mhux iktar tard mid-19 ta’ Ottubru 2013.

20      E. Bouzalmate ppreżenta rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni tal-Amtsgericht München quddiem il-Landgericht München I.

21      Peress li għandha dubju dwar il-kwistjoni li tikkonċerna t-tqegħid ta’ persuni koperti mid-Direttiva 2008/155 f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni, previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, il-Landgericht München I iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [2008/115] jirriżulta li Stat Membru għandu, bħala regola ġenerali, iżomm persuna għall-finijiet ta’ tneħħija f’ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni, inkluż meta ċentri bħal dawn jeżistu biss f’parti mill-istruttura federali tal-Istat, iżda mhux f’dik fejn id-detenzjoni għandha tiġi eżerċitata konformement mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istruttura federali ta’ dan l-Istat?”

22      Fuq talba tal-qorti tar-rinviju, l-Awla nnominata eżaminat in-neċessità li din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, l-imsemmija Awla ddeċidiet li ma tilqax din it-talba.

23      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 2013, il-Kawżi C‑473/13 u C‑514/13 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

24      Permezz tad-domandi tagħhom, il-qrati tar-rinviju qegħdin essenzjalment jistaqsu jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru huwa obbligat, bħala regola ġenerali, iqiegħed f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni ta’ dan l-Istat liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment miżmuma taħt detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija tagħhom, u dan anki meta l-imsemmi Stat Membru jkollu struttura federali u l-parti mill-istruttura federali tal-Istat li tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi u teżegwixxi tali tqegħid skont id-dritt nazzjonali ma jkollhiex tali faċilità ta’ detenzjoni.

25      Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi l-prinċipju li d-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment għandha ssir f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. It-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tipprevedi deroga minn dan il-prinċipju li, bħala tali, għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 86).

26      Kif osserva l-Gvern Ġermaniż, din it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 ma hijiex ifformulata bl-istess mod fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha. Fil-fatt, fil-verżjoni tagħha bil-Ġermaniż, din id-dispożizzjoni tipprovdi li “meta Stat Membru ma jkollux faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni u meta t-tqegħid taħt detenzjoni jkollu jsir f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mqiegħda taħt detenzjoni għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji”. Fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tirreferix għall-fatt li ma jkunx hemm faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni iżda għall-fatt li Stat Membru “ma jkunx jista’” jqiegħed lill-imsemmija ċittadini f’tali faċilitajiet.

27      Skont dan l-istess gvern, dawn l-aħħar verżjonijiet lingwistiċi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 iħallu marġni ta’ diskrezzjoni usa’ lill-awtoritajiet nazzjonali minn dak li jirriżulta mill-verżjoni Ġermaniża, b’tali mod li l-impossibbiltà li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati jitqiegħdu f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni tista’ tkun marbuta wkoll mal-fatt li fil-parti mill-istruttura federali ta’ Stat Membru, li skont id-dritt nazzjonali tkun responsabbli għall-implementazzjoni tal-miżura ta’ detenzjoni, ma jkunx hemm faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu, previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, li d-detenzjoni ssir bħala regola ġenerali f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni japplika għall-Istati Membri bħala tali, u mhux għall-Istati Membri skont l-istruttura amministrattiva jew kostituzzjonali rispettiva tagħhom.

29      Għaldaqstant, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115 għandhom ikunu jistgħu jwettqu d-detenzjoni f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni.

30      B’hekk, jekk fi Stat Membru l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2008/115 tkun ir-responsabbiltà ta’ awtoritajiet li jaqgħu taħt parti mill-istruttura federali tal-Istat, il-fatt li, f’ċerti partijiet mill-istruttura federali tal-Istat, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-possibbiltà li jwettqu tali detenzjonijiet ma jistax jikkostitwixxi traspożizzjoni suffiċjenti tad-Direttiva 2008/115 mill-Istat Membru kkonċernat jekk l-awtoritajiet kompetenti f’partijiet oħra mill-istruttura federali tal-Istat ta’ dan l-istess Stat Membru ma jkollhomx din il-possibbiltà.

31      Madankollu, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 ma timplikax li Stat Membru li, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ikollu struttura federali huwa obbligat jistabbilixxi faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni f’kull parti mill-istruttura federali tal-Istat. Madankollu, għandu jiġi ggarantit, b’mod partikolari permezz ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni amministrattiva, li l-awtoritajiet kompetenti ta’ parti mill-istruttura federali tal-Istat li ma jkollhomx tali faċilitajiet ikunu jistgħu jqiegħdu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni li jkunu jinsabu f’partijiet oħra mill-istruttura federali tal-Istat.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domandi preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru huwa obbligat, bħala regola ġenerali, iqiegħed f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni ta’ dan l-Istat liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment miżmuma taħt detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija tagħhom, u dan anki meta l-imsemmi Stat Membru jkollu struttura federali u l-parti mill-istruttura federali tal-Istat li tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi u teżegwixxi tali tqegħid skont id-dritt nazzjonali ma jkollhiex tali faċilità ta’ detenzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru huwa obbligat, bħala regola ġenerali, iqiegħed f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni ta’ dan l-Istat liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment miżmuma taħt detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija tagħhom, u dan anki meta l-imsemmi Stat Membru jkollu struttura federali u l-parti mill-istruttura federali tal-Istat li tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi u teżegwixxi tali tqegħid skont id-dritt nazzjonali ma jkollhiex tali faċilità ta’ detenzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.