Language of document : ECLI:EU:C:2024:431

Kawża C627/22

AB

vs

Finanzamt Köln-Süd

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Köln)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat30 ta’ Mejju 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni – Ħaddiem ta’ Stat Membru li ttrasferixxa d-domiċilju tiegħu lejn l-Isvizzera – Vantaġġi fiskali – Taxxa fuq id-dħul – Mekkaniżmu ta’ ‘impożizzjoni volontarja’ – Kontribwenti benefiċjarji – Limitazzjoni għall-ħaddiema impjegati parzjalment taxxabbli li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru jew fi Stat parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Ugwaljanza fit-trattament”

1.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehim KE-Svizzera fuq il-moviment liberu tal-persuni – Moviment liberu tal-persuni – Interpretazzjoni tal-ftehim – Ħaddiem impjegat – Kunċett – Kontribwent ċittadin ta’ Stat Membru li ttrasferixxa r-residenza tiegħu mill-imsemmi Stat Membru lejn l-Isvizzera filwaqt li żamm il-post tax-xogħol tiegħu fl-Istat Membru – Inklużjoni – Possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tinvoka l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-Istat ta’ oriġini tagħha

(Ftehim KE-Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, Artikolu 15 u Anness I, Artikoli 6 u 9)

(ara l-punti 66 sa 70, 75)

2.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehim KE-Svizzera fuq il-moviment liberu tal-persuni – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi fiskali – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi vantaġġ fiskali favur kontribwenti ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew ta’ Stat li jagħmel parti miż-Żona Ekonomika Ewropea, li jirrisjedu fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati – Esklużjoni ta’ dan il-vantaġġ fiskali għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru li jirċievu dħul taxxabbli hemmhekk iżda li jirrisjedu fl-Isvizzera – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni – Assenza

(Ftehim KE-Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, Artikoli 7 u 15 u Anness I, Artikolu 9(2) u Artikolu 21(2) u (3))

(ara l-punti 83 sa 87, 102, 104, 106, 108, 118, u d-dispożittiv)

3.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehim KE-Svizzera fuq il-moviment liberu tal-persuni – Regola ta’ waqfien tal-Artikolu 13 – Portata – Dritt tal-Istati Partijiet għall-Ftehim li jżommu r-restrizzjonijiet eżistenti fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Ftehim KE-Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, Artikolu 13)

(ara l-punti 111, 113)


Sunt

Fil-kuntest ta’ tilwima dwar it-trattament fiskali minn Stat Membru tad-dħul minn attività bħala persuna impjegata eżerċitata minn wieħed miċ-ċittadini tiegħu ma’ impriża nazzjonali stabbilita fit-territorju tiegħu, filwaqt li dan iċ-ċittadin ittrasferixxa r-residenza tiegħu fl-Isvizzera, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-FMLP (1) jipprekludi sistema fiskali li tistabbilixxi trattament differenti tal-persuni taxxabbli minħabba r-residenza tagħhom.

Mill-2017 sal-2019, AB, ċittadin Ġermaniż, eżerċita attività bħala persuna impjegata għal kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, b’telexogħol mid-dar tiegħu fl-Isvizzera kif ukoll fil-kuntest ta’ kollokamenti professjonali lejn il-Ġermanja.

Filwaqt li fil-Ġermanja kien suġġett parzjalment għat-taxxa fuq id-dħul għal dan id-dħul Ġermaniż, is-salarju kollu tiegħu kien suġġett għal taxxa fuq is-salarji mħallsa f’ras l-għajn mill-persuna li timpjegah. Minbarra d-dħul mix-xogħol bħala persuna impjegata, AB irċieva dħul mill-kiri ta’ żewġ proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Ġermanja.

Wara li sostna spejjeż professjonali, jiġifieri spejjeż marbuta mal-użu ta’ vettura personali kif ukoll spejjeż oħra ta’ kollokamenti marbuta mal-attività taxxabbli tiegħu fil-Ġermanja, AB ippreżenta talba għal impożizzjoni fuq id-dħul li tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż professjonali u l-imputazzjoni tat-taxxa Ġermaniża fuq is-salarji diġà mħallsa mit-taxxa f’ras l-għajn fuq l-ammont ikkalkolat tat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul.

L-awtorità tat-taxxa rrifjutat l-imsemmija talba, peress li din kienet limitata għall-ħaddiema li jkollhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru tal-Unjoni jew fi Stat li huwa parti mill-Ftehim ŻEE (2).

Wara diversi lmenti amministrattivi mingħajr suċċess, AB ippreżenta rikors quddiem il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju. Skont AB, il-limitazzjoni tal-impożizzjoni volontarja għall-kontribwenti residenti fi Stat Membru jew fi Stat ieħor parti mill-Ftehim ŻEE tmur kontra l-FMLP.

Sabiex taqta’ din it-tilwima, il-qorti tar-rinviju staqsiet, essenzjalment, jekk tali sistema fiskali li kienet tirriżerva ċerti vantaġġi fiskali għall-kontribwenti li jkollhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru jew fi Stat parti għall-Ftehim ŻEE, bl-esklużjoni taċ-ċittadini ta’ Stat Membru residenti fl-Isvizzera u li jirċievu d-dħul minn attività bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru, kinitx kompatibbli mal-Artikoli 7 u 15 tal-FMLP, moqrija flimkien mal-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-FMLP.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fin-negattiv għal din id-domanda.

Ilkunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li AB kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FMLP bħala ħaddiem fruntalier impjegat fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Anness I tal-FMLP (3) jew, jekk il-kundizzjoni dwar ir-ritorn lejn id-domiċilju ma kinitx issodisfatta, bħala ħaddiem impjegat fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan l-istess anness (4).

Fil-fatt, dan l-artikolu ma jipprekludix li l-Istat ta’ oriġini ta’ ċittadin ikun jista’ jitqies li huwa l-“Istat ospitanti”, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u li dan iċ-ċittadin ikun jista’ jitqies li huwa “ħaddiem impjegat” fis-sens tal-Kapitolu II tal-Anness I tal-FMLP. Id-dritt ta’ residenza stabbilit mill-FMLP, jiġifieri d-dritt taċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra indipendentement mill-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, kienet tikkorrobora din l-analiżi.

Għaldaqstant, ħaddiem impjegat bħal AB, ċittadin ta’ parti kontraenti li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u li jkollu impjieg fl-Istat ta’ oriġini tiegħu, jista’, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja  (5), jinvoka l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-FMLP, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fir-rigward tal-Istat ta’ oriġini tiegħu, sabiex jibbenefika mill-istess vantaġġi fiskali bħall-ħaddiema impjegati nazzjonali. Dan ir-rikonoxximent jippermetti għalhekk lil dan il-ħaddiem impjegat jibbenefika b’mod sħiħ mid-dritt ta’ residenza previst mill-FMLP, filwaqt li jżomm l-attività ekonomika tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret sussegwentement li, skont ġurisprudenza preċedenti għall-iffirmar tal-FMLP, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni manifesta, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, bħall-kriterju tar-residenza, iwasslu, fil-fatt, għall-istess riżultat u li din il-ġurisprudenza hija valida wkoll fir-rigward tal-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, konformement mal-Artikolu 16(2) tiegħu. Konsegwentement, leġiżlazzjoni li tistabbilixxi, fir-rigward tal-possibbiltà li wieħed jibbenefika minn vantaġġ fiskali, differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-residenza tal-ħaddiem impjegat tista’ twassal għall-istess riżultat bħal diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, ipprojbita mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-FMLP.

Għalkemm tali trattament differenzjat huwa permess fil-qasam fiskali, skont l-Artikolu 21(2) tal-FMLP, fir-rigward tal-kontribwenti li jinsabu f’sitwazzjoni mhux komparabbli, din id-dispożizzjoni ma tistax isservi bħala bażi għar-rifjut ta’ vantaġġ fiskali lil ħaddiem impjegat għas-sempliċi raġuni li r-residenza tiegħu tinsab fl-Isvizzera u mhux fil-Ġermanja, peress li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tassimila s-sitwazzjoni tal-kontribwenti residenti għas-sitwazzjoni ta’ ċerti kontribwenti mhux residenti u ebda element ma huwa ta’ natura li juri li r-residenza ta’ kontribwent preċiżament fl-Isvizzera tirrendi s-sitwazzjoni tiegħu oġġettivament differenti minn dik ta’ kontribwent residenti fil-Ġermanja, għall-finijiet tal-impożizzjoni tas-salarji miġbura fil-Ġermanja.

Barra minn hekk, la l-Artikolu 21(3) tal-FMLP (6) u lanqas l-invokazzjoni ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali relatata mal-allegata neċessità li tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża ma jistgħu jiġġustifikaw tali differenza fit-trattament f’dan il-każ. Fil-fatt, minn naħa, ir-rifjut tal-impożizzjoni volontarja ma jidhirx li huwa xieraq sabiex jiżgura l-impożizzjoni, il-ħlas u l-irkupru effettiv tat-taxxi jew sabiex jiġi evitat l-evitar tat-taxxa u, min-naħa l-oħra, ma teżisti ebda rabta diretta bejn il-benefiċċju tal-impożizzjoni volontarja u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ ġbir fiskali ddeterminat.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li la mill-kliem tal-Artikolu 13 tal-FMLP, li jipprevedi klawżola ta’ waqfien, la mill-kuntest li fih jinsab dan l-artikolu, u lanqas mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-FMLP ma jirriżulta li jeżisti dritt eventwali tal-Istati partijiet għall-FMLP li jżommu restrizzjonijiet eżistenti, li jmur kontra l-għanijiet tal-FMLP fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni.


1      Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2009, L 353, p. 71) kif adattat l-aħħar mill-Protokoll tal-4 ta’ Marzu 2016 rigward il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja bħala Parti Kontraenti, wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 31, p. 3, iktar ’il quddiem il- “FMLP”).


2      Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).


3      L-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-FMPL jiddefinixxi l-ħaddiem fruntalier impjegat bħala ċittadin ta’ parti kontraenti li jkollu r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ parti kontraenti u jwettaq attività bħala persuna impjegata fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, fejn ġeneralment jirritorna lejn id-domiċilju tiegħu kuljum, jew mill-inqas darba f’ġimgħa


4      Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi anness, ċittadin ta’ parti kontraenti li għandu impjieg fis-servizz tal-persuna li timpjega tal-Istat ospitanti huwa meqjus ħaddiem impjegat.


5      Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C‑425/11, EU:C:2013:121, punti 33 u 39), tad‑19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky (C‑241/14, EU:C:2015:766, punti 36 u 47); tal‑21 ta’ Settembru 2016, Radgen (C‑478/15, EU:C:2016:705, punti 39 u 40), u tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler (C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 53).


6      L-Artikolu  21(3) tal-FMLP jipprevedi, b’mod partikolari li dan il-ftehim ma għandux jimpedixxi lill-partijiet kontraenti milli jadottaw jew japplikaw miżuri sabiex jiżguraw l-impożizzjoni, il-ħlas u l-irkupru effettiv ta’ taxxi jew sabiex jimpedixxu l-evitar tat-taxxa taħt id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali ta’ parti kontraenti.