Language of document : ECLI:EU:C:2014:2151

Kawża C‑114/12

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea — Ftehimiet internazzjonali — Protezzjoni tad-drittijiet relatati ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir — Negozjati dwar konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa — Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li tawtorizza l-parteċipazzjoni konġunta tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fin-negozjati — Artikolu 3(2) TFUE — Kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-4 ta’ Settembru 2014

1.        Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri miġbura fil-Kunsill — Inklużjoni

(Artikoli 218(3) u (4) TFUE u 263 TFUE)

2.        Ftehimiet internazzjonali — Konklużjoni — Kompetenza tal-Unjoni — Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir — Natura esklużiva — Bażi — Effetti tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mid-Direttivi 93/83, 2001/29, 2004/48, 2006/115 u 2006/116

(Artikolu 3(2) TFUE; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, 2004/48, 2006/115 u 2006/116)

3.        Ftehimiet internazzjonali — Konklużjoni — Kompetenza tal-Unjoni — Natura esklużiva — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżenza ta’ regoli komuni tal-Unjoni f’ċertu qasam li huma mifruxa f’diversi strumenti legali — Assenza ta’ effett

(Artikolu 3(2) TFUE)

1.        Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li tawtorizza l-parteċipazzjoni konġunta tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fin-negozjati ta’ ftehim internazzjonali tgħaqqad flimkien l-awtorizzazzjonijiet għal negozjati mogħtija lill-Kummissjoni, minn naħa, u lill-Istati Membri kif ukoll lill-President tal-Kunsill, min-naħa l-oħra, isegwi neċessarjament li l-Kunsill ipparteċipa għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni waħda jew tat-tnejn li huma. Għaldaqstant, anki jekk ir-rikors huwa parzjalment dirett kontra deċiżjoni adottata mir-Rappreżentanti tal-Istati Membri fil-kwalità ta’ rappreżentanti tal-Gvern tagħhom, u mhux ta’ membri tal-Kunsill, l-imsemmi rikors huwa ammissibbli fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi.

(ara l-punti 38, 41)

2.        Jeżisti riskju li r-regoli komuni tal-Unjoni jiġu ppreġudikati minn impenji internazzjonali, jew li tinbidel il-portata ta’ dawn ir-regoli, li jkun tali li jiġġustifika kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni, meta dawn l-impenji jkunu jaqgħu fil-qasam tal-applikazzjoni tal-imsemmija regoli jew, għall-inqas, f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu jkun diġà kopert mill-imsemmija regoli.

Il-kontenut tan-negozjati għall-konklużjoni ta’ konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir, kif iddefinit mir-Rakkomandazzjoni tal-2002, il-Memorandum tal‑2008 u r-Rapport tal-2010, jaqa’ f’qasam kważi kollu kopert minn regoli komuni tal-Unjoni. Fil-fatt, mid-Direttivi 93/83, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-cable, 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, 2004/48, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, 2006/115, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, u 2006/116, dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati, jirriżulta li l-imsemmija drittijiet huma koperti, fid-dritt tal-Unjoni, minn qafas legali armonizzat li jfittex, b’mod partikolari, li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li stabbilixxa sistema ta’ protezzjoni għolja u uniformi favur organizzazzjonijiet tax-xandir.

Għalhekk, dawn in-negozjati jistgħu jaffettwaw regoli komuni tal-Unjoni jew ibiddlu l-portata tagħhom. Għaldaqstant, l-imsemmija negozjati jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

(ara l-punti 68, 70, 79, 102)

3.        L-eżistenza ta’ kompetenza esterna ta’ natura esklużiva tal-Unjoni, għandha tkun ibbażata fuq konklużjonijiet misluta minn analiżi konkreta tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-ftehim internazzjonali previst u d-dritt tal-Unjoni fis-seħħ, li minnha jirriżulta li tali ftehim jista’ jaffettwa r-regoli komuni tal-Unjoni jew ibidlilhom il-portata tagħhom.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-qafas legali armonizzat tal-qasam tad-dritt tal-Unjoni kkonċernat ġie stabbilit minn diversi strumenti legali ma huwiex tali li jimmina l-fondatezza ta’ dan l-approċċ. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju li regoli komuni tal-Unjoni jiġu ppreġudikati jew li l-portata tagħhom tiġi mibdula minn impenji internazzjonali ma tistax tiddependi fuq distinzjoni artifiċjali bbażata fuq il-preżenza jew le ta’ tali regoli fl-uniku u l-istess strument tad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 74, 81, 82)