Language of document :

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-27 ta’ April 2017 (1)

Kawża C‑248/16

Austria Asphalt GmbH & Co OG

vs

Bundeskartellanwalt

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija)]

“Kompetizzjoni – Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (‘kontroll ta’ konċentrazzjonijiet’) – Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (‘Regolament KE dwar il-konċentrazzjonijiet’) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Kunċett ta’ konċentrazzjoni – Trasferiment minn kontroll uniku għal kontroll bi sħab ta’ impriża – Bidla minn impriża eżistenti li ma twettaqx il-funzjonijiet kollha għal impriża konġunta li ma twettaqx il-funzjonijiet kollha – Delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet”






I.      Introduzzjoni

1.        Jaf għaddew ħafna ħsibijiet minn moħħ it-trovatur Ulrich von Liechtenstein meta, fis-sena 1227, għadda mill-villaġġ ta’ Mürzzuschlag (2), li jinsab fl-Awstrija tal-lum (3), matul il-vjaġġ tiegħu minn Venezja lejn ir-reġjun tal-Boħemja, immortalizzat letterarjament. Tgħid dak iż-żmien kien jobsor li din il-belt pittoreska u żgħira biswit ix-xtut tax-xmara Mürz xi darba kienet ser tkun ix-xena għall-ewwel proċedura għal deċiżjoni preliminari dwar il-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet?

2.        Din il-kawża għandha l-oriġini tagħha f’fabbrika għat-taħlit tal-asfalt, li sa issa kienet tappartjeni esklużivament għal grupp kbir tal-kostruzzjoni, iżda fil-futur mistennija tiġi operata b’mod konġunt proprju minn dan il-grupp tal-kostruzzjoni flimkien ma’ grupp tal-kostruzzjoni ieħor. Għalhekk, fi kliem ieħor, l-intenzjoni hija li l-fabbrika diġà eżistenti għat-taħlit tal-asfalt tinbidel f’impriża konġunta. Mil-lat tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, il-problema li tqum hija li din il-fabbrika ma hijiex impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha, peress li l-attività tagħha tikkonsisti biss fil-provvista għall-kumpannija omm attwali tagħha – u fil-futur għaż-żewġ kumpanniji omm tagħha – mingħajr ebda preżenza indipendenti sinjifikattiva fis-suq.

3.        F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiċċara l-kwistjoni fundamentali ħafna dwar x’jikkostitwixxi konċentrazzjoni bejn l-impriżi fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 (4). Speċifikament, huma kkonċernati l-Artikolu 3(1)(b) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004, fejn għandu jiġi diskuss jekk, skont dawn id-dispożizzjonijiet, impriżi bħal dik f’Mürzzuschlag, li, minħabba li ma jkollhomx preżenza indipendenti fis-suq, ma jistgħux jitqiesu bħala impriżi li jwettqu l-funzjonijiet kollha, ikunux xorta waħda suġġetti għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet jekk terzi jiksbu ishma fihom.

4.        Mal-ewwel daqqa t’għajn, il-problema deskritta, dwar il-bidla ta’ impriża eżistenti li ma twettaqx il-funzjonijiet kollha f’impriża konġunta, tidher estremament teknika u żgur li hija iktar xotta mill-minnesang ta’ Ulrich von Liechtenstein. Madankollu, għas-sistema legali tal-Unjoni tal-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq intern Ewropew, din hija ta’ sinjifikat prattiku li ma għandux jiġi ssottovalutat. Fil-fatt, bl-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, ma tinqatax biss linja orizzontali bejn il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament Nru 139/2004 u l-implementazzjoni tad-dritt fil-qasam tal-akkordji skont ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 (5), iżda ssir ukoll delimitazzjoni vertikali bejn il-kompetenzi tal-Kummissjoni Ewropea bħala l-awtorità li tikkontrolla l-konċentrazzjonijiet fis-suq intern u l-awtoritajiet tal-Istati Membri aditi bil-konċentrazzjonijiet, fid-dawl tal-fatt li l-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet huwa bbażat fuq sistema ta’ tqassim preċiż tal-kompetenzi (6).

II.    Il-kuntest ġuridiku

5.        Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża fid-dritt tal-Unjoni huwa ddeterminat permezz tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, li jinsab taħt it-titolu “Definizzjoni ta’ konċentrazzjoni” u jipprevedi kif ġej (estratti):

“1.      Għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’:

[…]

b)      l-akkwist, minn persuna jew minn aktar minn persuna waħda li diġa tikkontrolla jew jikkontrollaw mill-anqas impriża waħda, jew minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda, ta’ kontroll dirett jew indirett ta’ impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda, jew ta’ partijiet minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda. Dan l-akkwist jista’ jsir kemm permezz tax-xiri ta’ titoli jew ta’ assi, permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ kull mezz ieħor.

[…]

4.      Il-ħolqien ta’ joint venture li twettaq, fuq bażi dewwiema, il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma għandha tammonta għal konċentrazzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 1(b).

[…]”

6.        L-Artikolu 3(1) u (4) tar-Regolament Nru 139/2004 huwa spjegat fil-premessa 20 tal-istess regolament:

“Ikun jaqbel li jiġi definit il-kunċett ta’ konċentrazzjoni b’mod li jkopri operazzjonijiet li jwasslu għal bidla fil-tul fil-kontroll ta’ l-impriżi konċernati u għalhekk fl-istruttura tas-suq. Għaldaqstant, huwa xieraq li fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikunu inklużi l-joint ventures kollha li jħaddmu, fuq bażi dejjiema, l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. […]”

7.        B’mod komplementari, għandha tissemma l-premessa 8 ta’ dan ir-regolament:

“Id-dispożizzjonijiet li ħa jkunu adottati b’dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal bidliet strutturali sinifikanti li l-impatt tagħhom fuq is-suq jinħass ukoll lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri. Bħala regola ġenerali, dawn it-tip ta’ konċentrazzjonijiet għandhom ikunu eżaminati mill-ġdid esklużivament fuq livell Komunitarju u dan bħala applikazzjoni tas-sistema ta’ ‘one-stop shop’ u b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Bħala prinċipju, l-konċentrazzjonijiet li ma jaqgħux taħt dan ir-Regolament jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri.”

8.        Finalment, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004, li huwa intitolat “Applikazzjoni tar-Regolament u ġurisdizzjoni” u – sa fejn huwa rilevanti hawnhekk – jaqra kif ġej (7):

“1.      Dan ir-Regolament biss għandu japplika għal konċentrazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 3, u [r-Regolament Nru 1/2003 ma għandux japplika], minbarra fir-rigward ta’ joint ventures li ma għandhomx dimensjoni Komunitarja u li għandhom bħala skop jew effett il-kordinazzjoni ta’ l-imġieba kompetittiva li baqgħa indipendenti.

2.      Il-Kummissjoni biss għandha jkollha ġurisdizzjoni biex tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija f’dan ir-Regolament. Dan iżda bla ħsara għal reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

3.      L-ebda Stat Membru ma għandu japplika l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjoni li għandha dimensjoni Komunitarja.

[…]”

9.        L-avviż ġuriżdizzjonali konsolidat tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ġurisdizzjonali (8)ma huwiex parti mill-kuntest ġuridiku għall-finijiet ta’ din il-kawża, peress li dan jikkostitwixxi biss avviż li ma huwiex legalment vinkolanti, fejn għal raġunijiet ta’ trasparenza l-Kummissjoni qed tiddikjara l-opinjoni legali tagħha u l-prassi amministrattiva tagħha dwar kwistjonijiet ta’ kompetenza fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (9).

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

10.      Austria Asphalt GmbH & Co OG (iktar ’il quddiem “AA”) hija sussidjarja indiretta ta’ Strabag SE, filwaqt li Teerag Asdag AG (iktar ’il quddiem “TA”) hija parti mill-grupp Porr. Kemm Strabag kif ukoll Porr huma gruppi tal-kostruzzjoni stabbiliti fuq il-livell internazzjonali li, fost affarijiet oħra huma attivi fl-industrija tal-kostruzzjoni tat-toroq.

11.      L-impjant għat-taħlit tal-asfalt ta’ Mürzzuschlag jinsab fil-muniċipalità ta’ Mürzzuschlag fil-land ta’ Steiermark, fl-Awstrija. Dan l-impjant jipproduċi l-asfalt għall-kostruzzjoni tat-toroq u jforni kważi esklużivament lil TA, li fil-preżent huwa proprjetà esklużiva tagħha.

12.      AA u TA għandhom l-intenzjoni li joħolqu kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata u in akkomandita (GmbH & Co KG), fejn AA u TA għandhom jieħdu 50 % tal-ishma fis-soċjetà in akkomandita kull wieħed kif ukoll 50 % kull wieħed tal-ishma fis-soċju akkomandanti. Il-kwistjonijiet kollha fil-laqgħa ġenerali tal-kumpannija ġdida għandhom jiġu deċiżi b’mod unanimu.

13.      Huwa previst li l-impjant għat-taħlit tal-asfalt jiġi ttrasferit minn TA lill-kumpannija ġdida. Kif qed jiġi indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju, meta jittieħed inkunsiderazzjoni mil-lat ekonomiku, dan il-proċess għandu jinftiehem fis-sens li AA ser takkwista 50 % mill-impjant għat-taħlit tal-asfalt bħala l-impriża fil-mira diġà eżistenti, filwaqt li TA, bħala ċ-ċedent li sa issa kellu kontroll uniku fuq l-impriża fil-mira, minn issa ser teżerċita kontroll bi sħab fl-impriża fil-mira. L-asfalt immanifatturat fl-impjant għandu jiġi pprovdut, kważi esklużivament, lil AA u TA.

14.      Fit-3 ta’ Awwissu 2015, AA nnotifikat din l-operazzjoni mal-awtorità federali tal-kompetizzjoni skont il-liġi Awstrijaka dwar l-akkordji tal-2005 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-akkordji”). Kif jirriżulta mill-proċess, AA kienet diġà ġiet informata f’ittra amministrattiva mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li l-proġett ma kienx jidher li jikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 (10). Madankollu, din id-dikjarazzjoni kienet marbuta man-nota espliċita li din tirrappreżenta biss il-fehma ta’ dipartiment tal-Kummissjoni, li ma torbotx lill-Kummissjoni inkwantu istituzzjoni tal-Unjoni.

15.      Wara n-notifika tat-3 ta’ Awwissu 2015, il-Bundeskartellanwalt Awstrijak (prosekutur federali tal-akkordji) ippreżenta, fiż-żmien stipulat, talba għal eżami lill-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna) fil-kwalità tagħha bħala qorti kompetenti fil-qasam tal-akkordji skont l-Artikolu 11(1) tal-liġi dwar l-akkordji. Madankollu, il-qorti kompetenti fil-qasam tal-akkordji ċaħdet din it-talba b’digriet tas-6 ta’ Ottubru 2015. Bħala motivazzjoni, il-qorti kompetenti fil-qasam tal-akkordji spjegat li l-operazzjoni nnotifikata kienet konċentrazzjoni b’dimensjoni Ewropea, u għalhekk ma japplikax id-dritt tal-kompetizzjoni Awstrijak, iżda biss id-dritt tal-Unjoni, fil-forma tar-Regolament Nru 139/2004.

16.      L-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) (11), fil-kwalità tagħha bħala qorti superjuri fil-qasam tad-dritt tal-akkordji, issa għandha tieħu deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn AA kontra d-digriet inkwistjoni tal-qorti kompetenti fil-qasam tal-akkordji. Bir-rikors tagħha, AA tixtieq li d-digriet tal-qorti kompetenti fil-qasam tal-akkordji jiġi annullat u li l-operazzjoni tagħha tiġi ttrattata bħala proġett ta’ konċentrazzjoni suġġett għal notifika skont id-dritt tal-kompetizzjoni Awstrijak (Artikoli 7 u 9 tal-liġi dwar l-akkordji).

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      B’digriet tal-31 ta’ Marzu 2016, li wasal fit-2 ta’ Mejju 2016, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE:

“L-Artikolu 3(1)(b) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 […], għandhom jiġu interpretati fis-sens li bidla minn kontroll uniku għal kontroll bi sħab ta’ impriża eżistenti, f’ċirkustanzi fejn l-impriża li qabel kellha kontroll uniku ssir impriża li teżerċita kontroll bi sħab, tikkostitwixxi konċentrazzjoni biss meta l-impriża kkontrollata jkollha l-funzjonijiet kollha ta’ entità awtonoma fuq bażi dewwiema?”

18.      Austria Asphalt, il-Bundeskartellanwalt u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u dawn l-istess partijiet ġew irrappreżentati wkoll fis-seduta tat-22 ta’ Marzu 2017.

V.      Analiżi

19.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-bidla fil-kontroll ta’ impriża eżistenti – f’dan il-każ, il-bidla minn kontroll uniku għal kontroll bi sħab fir-rigward tal-impjant għat-taħlit tal-asfalt ta’ Mürzzuschlag – tistax titqies bħala konċentrazzjoni bejn l-impriżi fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, anki jekk l-impriża konġunta li tirriżulta minn din l-operazzjoni ma tkunx impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha.

20.      Il-punt tat-tluq ma huwiex ikkontestat: kif speċifikat fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, konċentrazzjoni tfisser kull proċess li jwassal għall-akkwist fit-tul tal-kontroll uniku jew bi sħab fuq impriża jew parti minnha. Madankollu, l-interazzjoni bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 toħloq problemi. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tinkorpora taħt il-kunċett ta’ konċentrazzjoni wkoll il-“ħolqien ta’ joint venture [impriża konġunta]”, madankollu bil-kundizzjoni li din l-impriża konġunta “twettaq, fuq bażi dewwiema, il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma”, jiġifieri tkun impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha.

21.      Fid-dawl ta’ din il-formulazzjoni u tal-pożizzjoni sistematika tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004, ma huwiex ċar jekk l-impriżi konġunti humiex ġeneralment suġġetti għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet biss meta jkunu “entitajiet ekonomiċi awtonomi”, jiġifieri – fi kliem ieħor – impriżi li jwettqu l-funzjonijiet kollha. Fil-fatt, huwa konċepibbli wkoll li l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jiġi interpretat fis-sens li jfisser li r-riferiment restrittiv għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet kollha jkollu effett biss fil-każ tal-ħolqien ta’ impriżi konġunti ġodda, iżda mhux fil-każ tat-tibdil ta’ impriża eżistenti f’impriża konġunta li hija kkontrollata b’mod konġunt minn żewġ gruppi. Jekk wieħed jibbaża ruħu fuq l-interpretazzjoni tal-aħħar, il-proċessi kollha li fil-każ tagħhom ser jinbidel, fuq bażi dewwiema, il-kontroll fuq impriżi (konġunti) fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 jkunu suġġetti għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, irrispettivament minn jekk tkunx ikkonċernata impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha jew – bħal fil-każ tal-impjant għat-taħlit tal-asfalt ta’ Mürzzuschlag – sempliċement entitajiet ta’ produzzjoni mingħajr preżenza indipendenti fis-suq.

22.      Huwa interessanti li f’din il-proċedura ġudizzjarja, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tiddefendi l-interpretazzjoni msemmija l-aħħar, filwaqt li fl-istess kawża d-dipartiment tal-Kummissjoni kompetenti għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet kien ħa l-pożizzjoni totalment opposta (12). Huwa pjuttost ta’ dispjaċir li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx linja ċara u uniformi minn qabel fir-rigward ta’ tali kwistjoni ta’ kompetenza tant fundamentali u li tirrepeti ruħha ta’ spiss, sabiex imbagħad tapplikaha konsistentement (13). Fil-fatt, huwa hekk biss li l-operaturi jkunu jistgħu jistrieħu fuq opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet tad-dipartimenti tal-Kummissjoni kompetenti għall-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi – anki jekk dawn jaf ikunu espressi f’ittri amministrattivi mhux vinkolanti – sabiex jivvalutaw b’mod utli l-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni.

23.      Jidhirli li ftit ikun jagħmel sens jekk noqogħdu naħsbu, b’mod purament astratt, jekk fir-rigward tal-qasam tal-impriżi konġunti l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 iwassalx għal estensjoni, għal restrizzjoni jew sempliċement għal preċiżazzjoni tal-kunċett ta’ konċentrazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004. Iktar huwa xieraq li tinstab soluzzjoni prattika għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004. F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita, għal dan l-għan għandhom jitqiesu t-test, il-kuntest u l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni (14).

 Test

24.      It-test tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 ma jipprovdix informazzjoni preċiża dwar il-kwistjoni diskussa hawnhekk. L-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jillimita ruħu li jikkonstata li l-ħolqien ta’ impriża konġunta, li fit-terminu twil ser tissodisfa l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma, jikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004. Fil-każ ta’ din il-formulazzjoni, ma huwiex ċar jekk l-eżerċizzju tal-funzjonijiet kollha – jiġifieri l-fatt li fit-terminu twil ser jiġu ssodisfatti l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma – huwiex meħtieġ biss fil-każ tal-ħolqien ta’ impriża konġunta ġdida jew jekk hijiex involuta wkoll it-trasformazzjoni ta’ impriża li diġà teżisti f’impriża konġunta, b’tali mod li anki din tkun suġġetta għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet biss jekk l-impriża kkonċernata tkun impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha.

25.      It-tilwima li biha hija adita l-Qorti tal-Ġustizzja, turi b’mod ċar li ż-żewġ interpretazzjonijiet huma aċċettabbli. Fil-fatt, wieħed jista’ jifhem l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 f’konformità mal-perspettiva espressa minn AA, fis-sens li b’mod ġenerali ħafna, huma suġġetti għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet biss dawk l-impriżi konġunti li jwettqu l-funzjonijiet kollha, irrispettivament minn jekk waqt il-“ħolqien” tagħhom inħolqitx impriża totalment ġdida jew inkella jekk impriża eżistenti nbidlitx f’impriża konġunta. Iżda fid-dawl tat-test tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004, wieħed jista’ jaqbel ukoll mal-Kummissjoni u jqis li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet kollha bħala prerekwiżit għall-eżekuzzjoni ta’ kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet għandu jitqies biss fil-każ tal-ħolqien ta’ impriża konġunta ġdida, filwaqt li l-bidla fil-kontroll fuq impriża diġà eżistenti – permezz tat-trasformazzjoni tagħha f’impriża konġunta – tkun suġġetta għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet fi kwalunkwe każ, anki meta ma tkunx impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha; fil-fatt, la l-Artikolu 3(4) u lanqas l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 ma jistabbilixxu espliċitament il-bżonn li anki impriżi eżistenti jridu jissodisfaw il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma fuq bażi dewwiema.

26.      Meta t-test ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni – bħal hawnhekk fil-każ tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 – jippermetti interpretazzjonijiet varji, l-interpretazzjoni korretta għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-għan tagħha u l-mod li bih hija inkorporata fl-istruttura ġenerali tat-test. Addizzjonalment, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġenesi tad-dispożizzjoni.

 Għanijiet

27.      Id-dispożizzjoni kontenzjuża tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 hija spjegata iktar fid-dettall fit-tieni sentenza tal-premessa 20 ta’ dan ir-regolament. Din tipprovdi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament jinkludi wkoll l-impriżi konġunti kollha li jwettqu, fuq bażi dewwiema, il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma – jiġifieri fi kliem ieħor l-impriżi konġunti kollha li jwettqu l-funzjonijiet kollha.

28.      Għalhekk, il-preambolu tar-Regolament Nru 139/2004 ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn impriżi konġunti li nħolqu ġodda u dawk li – bħalma huwa l-każ hawnhekk – jirriżultaw mit-trasformazzjoni ta’ impriżi li diġà jeżistu, mill-kontroll uniku ta’ grupp għall-kontroll bi sħab ta’ żewġ gruppi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi preżunt li lanqas fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 ma hija stabbilita tali distinzjoni, iżda li dan jistabbilixxi, b’mod ġenerali ħafna, ir-rekwiżit tal-funzjonalità sħiħa għall-impriżi konġunti kollha, irrispettivament minn jekk l-impriża konġunta kkonċernata hijiex waħda maħluqa ġdida jew jekk il-“ħolqien” tagħha jirriżultax mit-trasformazzjoni ta’ impriża eżistenti f’impriża konġunta.

29.      Barra minn hekk, anki l-għan ġenerali tal-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet huwa favur din il-perspettiva. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 139/2004, dan ir-regolament għandu japplika għal bidliet strutturali sinjifikattivi, li l-konsegwenzi tagħhom fuq is-suq jinħassu wkoll lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta’ Stat Membru partikolari. Fl-istess sens, l-ewwel sentenza tal-premessa 20 tipprovdi li l-kunċett ta’ konċentrazzjoni għandu jiġi ddefinit b’tali mod li jkopri l-operazzjonijiet li jwasslu għal bidla, fuq bażi dewwiema, fil-kontroll tal-impriżi kkonċernati u, għaldaqstant, fl-istruttura tas-suq.

30.      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan l-għan, il-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet huwa intiż għal tali operazzjonijiet li jwasslu għal bidla fl-istruttura tas-suq. Madankollu, bidla ta’ dan it-tip fl-istruttura tas-suq issir biss jekk jirriżultaw bidliet notevoli fil-kontroll ta’ dawk l-impriżi li verament jkunu attivi fis-suq jew li għall-inqas qegħdin jippjanaw bis-serjetà li jagħmlu dan.

31.      Jekk it-trasformazzjoni ta’ impriża eżistenti li ma twettaqx il-funzjonijiet kollha f’impriża konġunta tiġi suġġetta għall-kontroll ex ante obbligatorju mill-Kummissjoni abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Nru 139/2004, dan jispiċċa jmur kontra l-essenza nnifisha tal-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet. Dan għaliex jekk entità ma jkollhiex preżenza indipendenti fis-suq, imbagħad lanqas bidla fil-kontroll fuq din l-entità ma tista’ twassal għal tibdil fl-istruttura tas-suq.

32.      Jidhirli li, f’dan il-kuntest, ir-riferiment tal-Kummissjoni għall-kelma “[anki]” fit-tieni sentenza tal-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 ma tantx huwa utli. Fil-fatt, minn naħa waħda, din il-kelma, qabelxejn, tinstab biss f’uħud mill-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament, bħal, pereżempju, fil-verżjoni lingwistika Ġermaniża, filwaqt li f’għadd ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħrajn –mhux l-inqas il-verżjoni lingwistika Ingliża u Franċiża – din hija nieqsa għalkollox. Min-naħa l-oħra, l-argument tal-Kummissjoni lanqas ma huwa wisq konvinċenti mil-lat sostantiv. Huwa minnu li, prima facie, il-formulazzjoni skont liema “[anki] l-joint ventures [l-impriżi konġunti] kollha li jħaddmu, fuq bażi dejjiema, l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma” (15) għandhom ikunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 jaf ma teskludix li l-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet, barra minn hekk, ikopri wkoll tipi oħrajn ta’ impriżi konġunti – jiġifieri dawk li ma jwettqux il-funzjonijiet kollha. Madankollu, wara analiżi f’iktar dettall, ikun jikkontradixxi l-għan ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004 jekk jiġi applikat kontroll ex ante fuq dawk il-proġetti li jwasslu għal bidliet fl-istruttura tas-suq.

33.      Kuntrarjament għall-fehma tal-Kummissjoni, it-trasformazzjoni ta’ impriża li ma twettaqx il-funzjonijiet kollha f’impriża konġunta lanqas ma tista’ tiġi suġġetta għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet taħt l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004. Dan peress li d-definizzjoni ġenerali tal-konċentrazzjoni inklużi f’din id-dispożizzjoni tirrikjedi li ser ikun hemm tibdil, fuq bażi dewwiema, fil-kontroll fuq impriża jew parti mill-impriża. F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ impriża – l-istess bħas-soltu fid-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew – għandu jinftiehem funzjonalment u jkopri kull entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (16). Peress li, min-naħa l-oħra, attività ekonomika tkopri kull attività li tikkonsisti fil-provvista ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari (17), l-impriżi konġunti mingħajr preżenza indipendenti fis-suq – jiġifieri li ma jwettqux il-funzjonijiet kollha – mill-bidu nett ma jistgħux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004.

 Kuntest

34.      Il-konklużjoni ma tkunx differenti jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004.

35.      Kemm ir-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll ir-Regolament Nru 1/2003 relatat miegħu, fl-aħħar mill-aħħar, għandhom l-għan li jimplementaw ir-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq intern inklużi fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, filwaqt li dejjem huwa wieħed biss miż-żewġ regolamenti li jista’ japplika [ara, dwar dan, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004].

36.      Filwaqt li fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 ġiet stabbilita sistema għall-kontroll ex ante ta’ natura preventiva u obbligatorja għal bidliet fl-istruttura tas-suq, għall-bqija, skont ir-Regolament Nru 1/2003, l-aġir fis-suq ta’ impriżi – kemm jekk tkun ikkonċernata mġiba kollużiva jew inkella abbużi unilaterali minn pożizzjonijiet dominanti – għandu jkun sempliċement suġġett għal kontroll ex post ta’ natura repressiva li l-eżekuzzjoni tiegħu, barra minn hekk, tiddependi mis-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

37.      Kif jindika l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004, il-kunċett ta’ konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tal-istess regolament jikkostitwixxi l-linja ta’ separazzjoni bejn iż-żewġ suddiviżjonijiet imsemmijin tad-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew (18). B’hekk, qari konformi mas-sistema tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 jeħtieġ li l-kunċett ta’ konċentrazzjoni jiġi interpretat fis-sens li biss bidliet veri fl-istruttura tas-suq jiġu suġġetti għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet, u mhux is-sempliċi mġiba tal-impriżi fis-suq.

38.      Konsegwentement, l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li anki jekk impriża eżistenti tinbidel f’impriża konġunta, din tkun tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 biss meta tkun ikkonċernata impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha. Dan għaliex f’dan il-każ biss tkun ser tirriżulta bidla fl-istruttura tas-suq li tista’ tiġġustifika l-eżekuzzjoni ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, jekk l-operazzjoni inkwistjoni twassal għall-formazzjoni ta’ impriża konġunta li ma twettaqx il-funzjonijiet kollha, mill-iktar jista’ jkun hemm biża’ ta’ koordinazzjoni tal-imġiba fis-suq taż-żewġ kumpanniji omm fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħhom fi ħdan l-impriża konġunta. Tali koordinazzjoni tal-imġiba fis-suq, anki jekk effettivament tista’ tkun rilevanti fid-dawl tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, ma hijiex kwistjoni li taqa’ taħt il-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet, iżda kwistjoni koperta mir-Regolament Nru 1/2003.

39.      Il-Bundeskartellanwalt ifakkar li, jekk jirrinunzjaw għal kontroll ex ante f’każijiet bħal dan, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ma jkunux jistgħu jintervjenu daqshekk malajr kontra eventwali effett ħażin fuq il-kompetizzjoni f’suq li diġà huwa kkonċentrat ħafna. Madankollu, din hija l-konsegwenza neċessarja tas-sistema tal-implementazzjoni tad-dritt fil-qasam tal-akkordji, introdotta bir-Regolament Nru 1/2003. Il-leġiżlatur tal-Unjoni xjentement irrinunzja għan-notifika minn qabel obbligatorja tal-akkordji mill-1 ta’ Mejju 2004 ’l quddiem sabiex, minn naħa, il-parteċipanti fis-suq jerfgħu iktar responsabbiltà u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jkollhom iktar riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom li, fl-aħħar mill-aħħar, jestendi l-marġni ta’ manuvra tagħhom għall-iffissar tal-prijoritajiet fil-qasam tal-implementazzjoni tad-dritt fil-qasam tal-akkordji. Jekk permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett tal-konċentrazzjoni wieħed irid jiġbor iktar każijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet, dan iwassal għal ksur tas-sistema ġdida għall-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni Ewropej, li ilha teżisti mill-1 ta’ Mejju 2004 bir-Regolament Nru 139/2004, flimkien mar-Regolament Nru 1/2003. Xejn ma jżomm lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni milli jagħtu attenzjoni partikolari, fil-kuntest tal-prijoritajiet tagħhom għall-implementazzjoni tad-dritt fil-qasam tal-akkordji (Artikoli 101 u 102 TFUE), lill-avvenimenti fi swieq ikkonċentrati ħafna, bħal dak inkwistjoni hawnhekk.

 Ġenesi

40.      Fl-aħħar nett, lanqas ħarsa lejn il-ġenesi tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 ma twassal għal konklużjoni differenti.

41.      L-oriġini tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 tinstab fir-Regolament (KE) Nru 1310/97 (19), li permezz tiegħu kienet diġà ġiet introdotta dispożizzjoni identika fil-leġiżlazzjoni li ppreċediet ir-Regolament Nru 139/2004 tal-lum.

42.      U dak iż-żmien il-leġiżlatur tal-Unjoni kien diġà qagħad attent li l-bidliet fuq bażi dewwiema fl-istruttura tal-impriżi jiġu suġġetti għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. L-għan iddikjarat tar-regola li dak iż-żmien kienet ġdida, u li barra minn hekk t-test tagħha għad għandu forza ta’ liġi (20), kienet li l-impriżi konġunti kollha li jwettqu l-funzjonijiet kollha jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet (21).

43.      Min-naħa l-oħra, is-sempliċi kooperazzjonijiet bejn l-impriżi li, filwaqt li jwasslu għall-ħolqien ta’ impriżi konġunti, xorta waħda ma jwasslux għal preżenza indipendenti ta’ dawn l-impriżi konġunti fis-suq, qatt ma kienu s-suġġett tal-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet, la skont ir-Regolament Nru 139/2004 u lanqas skont il-predeċessur tiegħu (22).

 Osservazzjonijiet finali

44.      Kollox ma’ kollox, il-kunċett ta’ konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 għandu għaldaqstant jiġi interpretat fis-sens li l-ħolqien ta’ impriżi konġunti – irrispettivament minn jekk huwiex involut il-ħolqien ta’ impriżi ġodda għalkollox jew it-trasformazzjoni ta’ impriżi eżistenti f’impriżi konġunti – huwa suġġett għall-kontroll tal-Ewropew tal-konċentrazzjonijiet biss meta tkun ikkonċernata impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha.

45.      Fil-fatt, dak li japplika għall-ħolqien ta’ impriża konġunta ġdida għandu japplika iktar u iktar meta impriża eżistenti tinbidel f’impriża konġunta. Dan japplika speċjalment f’każ bħal dak preżenti, fejn l-operazzjoni kontenzjuża minħabba l-ħolqien ippjanat ta’ kumpannija kummerċjali ġdida (23) hija qrib ħafna għal ħolqien ta’ impriża ġdida.

46.      Ma narax għalfejn għandu jkun hemm lok għat-tħassib espress mill-Kummissjoni fis-seduta, jiġifieri li l-applikazzjoni kontinwa tal-kriterju ta’ funzjonalità sħiħa tista’ twassal għal vulnerabbiltà fl-infurzar effettiv tal-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet (bl-Ingliż: “enforcement gap”). Għall-kuntrarju, jidhirli li n-nuqqas ta’ applikazzjoni, kif tippreferixxi l-Kummissjoni, tal-kriterju tal-funzjonalità sħiħa waqt it-trasformazzjoni ta’ impriżi eżistenti f’impriżi konġunti, jista’ jwassal għad-dilwizzjoni tal-kunċett ta’ konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 u jista’ jfixkel lill-Kummissjoni milli tagħti attenzjoni lill-operazzjonijiet verament rilevanti għall-istruttura tas-suq.

47.      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma naħsibx li huwa meħtieġ li f’dan il-każ nagħmel dikjarazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-għajbien possibbli ta’ impriża konġunta mis-suq għandu jiġi suġġett għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet. Fil-fatt, il-każ inkwistjoni ma jikkonċernax l-għajbien, iżda, b’mod kompletament oppost, il-formazzjoni ta’ impriża konġunta. Jekk ikollu jagħti l-każ li wara li tkun saret it-trasformazzjoni tagħha f’impriża konġunta – jiġifieri wara li tkun saret il-bidla fil-kontroll fuq din l-impriża – impriża titneħħa mis-suq mill-kumpanniji omm tagħha, din iktar tkun kwistjoni dwar l-imġiba fis-suq tal-kumpanniji omm (Artikoli 101 jew 102 TFUE) milli kwistjoni ta’ bidla tal-istrutturi tas-suq.

VI.    Konklużjoni

48.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof Awstrijaka kif ġej:

It-trasferiment ta’ impriża eżistenti jew parti tal-impriża mill-kontroll uniku ta’ grupp għall-kontroll bi sħab proprju minn dan il-grupp flimkien ma’ grupp ieħor li huwa indipendenti minnu, jikkostitwixxi konċentrazzjoni bejn l-impriżi fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 biss meta l-impriża konġunta li tirriżulta minn din l-operazzjoni twettaq il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma fuq bażi dewwiema.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      [ˌmyrts’tsu:ʃla:k].


3      It-terminu “Murzuslage”, li l-poeta, imwieled madwar is-sena 1200 u li miet fl-1275, juża fil-poeżija epika “Frauendienst”, fl-istess waqt jitqies bħala l-ewwel riferiment bil-miktub għall-belt ta’ Mürzzuschlag.


4      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).


5      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1/2003”.


6      Sentenzi tal-25 ta’ Settembru 2003, Schlüsselverlag J. S. Moser et vs Il-Kummissjoni (C‑170/02 P, EU:C:2003:501, punt 32), u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑42/01, EU:C:2004:379, punt 50); ara, fl-istess sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni (C‑202/06 P, EU:C:2007:814, punt 37).


7      Ir-riferimenti għal regolamenti oħrajn għajr ir-Regolament Nru 1/2003, kif inklużi fit-test oriġinali tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004, ma għadhomx applikabbli u għalhekk ħallejthom barra fil-kwotazzjoni li ġejja sabiex din tinqara aħjar.


8      Avviż ġuriżdizzjonali konsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 95, p. 1).


9      Ara, b’mod partikolari, il-punt 3 tal-avviż ġuriżdizzjonali konsolidat.


10      Ittra tat-22 ta’ Diċembru 2015 (Konsultazzjoni C.1493 – STRABAG/PORR/AMA Mürzzuschlag), iffirmata mid-direttur kompetenti għall-oqsma tal-industrija tal-materjal bażiku, is-settur tal-manifattura u l-agrikoltura fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni.


11      Iktar ’il quddiem ukoll il-“qorti tar-rinviju”.


12      Ara l-punt 14 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


13      Il-qorti tar-rinviju tirrimarka li saż-żmien reċenti, il-Kummissjoni, fil-prassi deċiżjonali tagħha, kultant tivverifika u kultant tinjora l-kriterju tal-funzjonalità sħiħa fir-rigward tal-każijiet li jikkonċernaw il-bdil minn kontroll uniku għal kontroll bi sħab.


14      Ara, inter alia, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Spanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑44/14, EU:C:2015:554, punt 44), u fl-istess sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 31).


15      Enfasi miżjud minni.


16      Sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C‑41/90, EU:C:1991:161, punt 21), tas-16 ta’ Marzu 2004, AOK Bundesverband et (C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, EU:C:2004:150, punt 46), u tas-17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il-Kummissjoni (C‑597/13 P, EU:C:2015:613, punt 33); b’mod simili s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau (170/83, EU:C:1984:271, punt 11).


17      Sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑35/96, EU:C:1998:303, punt 36), tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C‑180/98 sa C‑184/98, EU:C:2000:428, punt 75), tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 108), tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 22), u tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 149).


18      Il-prassi preċedenti ta’ applikazzjoni sporadika tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 101 TFUE) jew tal-Artikolu 86 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 102 TFUE) kif ukoll id-dispożizzjonijiet proċedurali adottati (illum ir-Regolament Nru 1/2003) li jikkonċernaw il-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, EU:C:1973:22, u tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, EU:C:1987:490) ma baqgħetx tapplika ladarba daħlu fis-seħħ dispożizzjonijiet awtonomi dwar il-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet, kif issa huma stabbiliti fir-Regolament Nru 139/2004.


19      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta’ Ġunju 1997, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 4064/89 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 8, Vol. 1, p. 164).


20      L-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 applikabbli llum sempliċement wasslet għal rinumerazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004.


21      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 5 tar-Regolament Nru 1310/97, li tipprevedi kif ġej: “Billi huwa xieraq li jkun definit il-kunċett ta’ konċentrazzjoni b’tali mod li jkopri operazzjonijiet li jwasslu għal tibdil fit-tul fl-istruttura tal-impriżi kkonċernati; billi fil-każ speċifiku ta’ proġetti [impriżi] konġunti huwa xieraq li jkun inkluż mal-iskop u l-proċedura tar-Regolament (KEE) Nru 4064/89 proġetti [impriżi] konġunti kollha li jagħmlu l-funzjonijiet kollha […]”.


22      Skont ir-regola oriġinali fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4064/89, l-impriżi konġunti koperattivi – b’mod totalment kuntrarju għall-impriżi konġunti konċentrattivima kinux suġġetti għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet.


23      Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.