Language of document : ECLI:EU:T:2015:756

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika ekonomika u monetarja – BĊE – Banek ċentrali nazzjonali – Ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg – Programm ta’ xiri ta’ titoli – Ftehim ta’ skambju ta’ titoli favur il-banek ċentrali tal-Eurosistema biss – Involviment tas-settur privat – Klawżoli ta’ azzjoni kollettiva – Tisħiħ tal-kollateral fil-forma ta’ programm ta’ xiri mill-ġdid intiż sabiex tissaħħaħ il-kwalità tat-titoli bħala garanziji – Kredituri privati – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Aspettattivi leġittimi – Ugwaljanza fit-trattament – Responsabbiltà mill-fatt ta’ att normattiv leċitu – Dannu anormali u speċjali”

Fil-Kawża T‑79/13,

Alessandro Accorinti, residenti fi Nichelino (l-Italja), u r-rikorrenti li isimhom jidher fl-anness, irrappreżentati minn S. Sutti, R. Spelta u G. Sanna, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), inizjalment irrappreżentat minn S. Bening, u P. Papapaschalis, sussegwentement minn P. Senkovic u P. Papapaschalis, u fl-aħħar nett minn P. Senkovic, bħala aġenti, assistiti minn E. Castellani, B. Kaiser u T. Lübbig, avukati,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors intiż għall-kisba tal-kumpens għad-dannu sostnut mir-rikorrenti bħala riżultat ta’, b’mod partikolari, l-adozzjoni, mill-BĊE, tad-Deċiżjoni 2012/153/UE, tal-5 ta’ Marzu 2012, dwar l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-offerta għall-iskambju ta’ dejn tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 77, p. 19), kif ukoll miżuri oħra tal-BĊE marbuta mar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka u V. Kreuschitz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-25 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 127(1) u (2) TFUE jistabbilixxi l-għanijiet u l-ħidmiet bażiċi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ).

2        L-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU 2010, C 83, p. 230, iktar ’il quddiem l-“Istatuti”) jiddefinixxu dawn l-għanijiet u dawn il-ħidmiet b’mod identiku.

3        L-Artikolu 18 tal-Istatuti jipprovdi:

“1.      Sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-SEBĊ u sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu:

–        joperaw fis-swieq finanzjarji billi jixtru u jbiegħu fil-mument (spot and forward) jew taħt ftehim ta’ rkupru u b’titoli ta’ self, ta’ kreditu, u li jkunu trasferibbli sew jekk f’euro jew f’muniti oħra, kif ukoll f’metalli prezzjużi;

–        imexxu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, meta is-self ikun ibbażat fuq garanziji kollaterali adegwati.

2.      Il-BĊE jistabbilixxi prinċipji ġenerali għal operazzjonijiet tas-suq miftuħ u ta’ kreditu li jitwettqu minnu stess jew mill-banek ċentrali nazzjonali, inkluż għal mod kif jitħabbru il-kondizzjonijiet li taħthom huma jkunu lesti li jidħlu fi tranżazzjonijiet bħal dawn.”

4        Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddefinixxa l-prinċipji ġenerali tal-operazzjonijiet tas-suq miftuħ u ta’ kreditu, qabel kollox, fil-Linji Gwida tiegħu 2000/776/BĊE, tal-31 ta’ Awwissu 2000, dwar l-istrumenti tal-politika monetarja u l-proċedura tal-Ewrosistema (BĊE/2000/7) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 268). Dawn il-Linji Gwida ġew sussegwentement emendati diversi drabi u, fl-aħħar nett, ġew ikkonsolidati u ssostitwiti, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012, permezz tal-Linji Gwida tal-BĊE 2011/817/UE, tal-20 ta’ Settembru 2011, dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2011/14) (ĠU L 331, p. 1). L-Anness I tal-imsemmija Linji Gwida, intitolat “Dokumentazzjoni ġenerali fuq l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema” (iktar ’il quddiem id-“dokumentazzjoni ġenerali”), jesponi l-kriterji li jirregolaw l-implementazzjoni uniformi tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro, fosthom id-definizzjoni tal-“assi eliġibbli” (punt 6). Il-BĊE ppreċiża din id-definizzjoni, fl-aħħar lok, fil-Linji Gwida 2011/817 tiegħu, b’mod partikolari billi stabbilixxa, fil-punti 6.3.1 u 6.3.2 tad-dokumentazzjoni ġenerali, il-kriterji li jirregolaw kemm ir-rekwiżit minimu fil-qasam tal-istandards ta’ kreditu jew tal-limitu ta’ kwalità tal-kreditu kif ukoll l-istandards ta’ kreditu għoljin għal assi negozjabbli.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        F’Mejju 2010, minħabba l-kriżi finanzjarja tal-Istat Grieg u minħabba d-diskussjonijiet dwar pjan ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg sostnut mill-Istati Membri taż-żona tal-euro u mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), l-evalwazzjoni normali mis-swieq finanzjarji tat-titoli ta’ dejn maħruġa mill-Gvern Grieg ġiet imfixkla, u dan kellu riperkussjonijiet negattivi fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro.

6        Fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni, permezz ta’ Deċiżjoni 2010/268/UE, tas-6 ta’ Mejju 2010, dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Grieg (BĊE/2010/3) (ĠU L 117, p. 102), il-BĊE ddeċieda li b’mod temporanju jissospendi “[i]r-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal-limiti tal-kwalità tal-kreditu, kif speċifikat fir-regoli tal-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema għal titoli għas-suq [fil-punt] 6.3.2 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali” (Artikolu 1(1) tal-imsemmija deċiżjoni). Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, “[i]l-limitu tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema m’għandux japplika għal strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin mill-Gvern Grieg” u “[d]an l-attiv għandu jikkostitwixxi garanzija eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema irrispettivament mill-klassifika esterna tal-kreditu tiegħu.” L-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni jipprevedi regola analoga għal “strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin minn entitajiet imwaqqfa fil-Greċja u ggarantiti bis-sħiħ mill-Gvern Grieg”.

7        Skont il-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2010/268, b’mod partikolari, “[d]in il-miżura eċċezzjonali [...] [g]ħandha tapplika temporanjament, sakemm il-Kunsill Governattiv iqis illi l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tippermetti l-applikazzjoni normali tal-qafas tal-Eurosistema għal operazzjonijiet ta’ politika monetarja”.

8        Fl-14 ta’ Mejju 2010, il-BĊE adotta d-Deċiżjoni 2010/281/UE li tistabbilixxi programm għas-swieq tat-titoli (BĊE/2010/5) (ĠU L 124, p. 8), abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti.

9        Fil-premessi 2 sa 5 tad-Deċiżjoni 2010/281 huwa, b’mod partikolari, indikat dan li ġej:

“(2) Fid-9 ta’ Mejju 2010 l-Kunsill Governattiv iddeċieda u ħabbar pubblikament li, minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li hawn bħalissa fis-swieq finanzjarji, ikkaratterizzati b’tensjonijiet kbar f’ċerti setturi tas-suq li qed itellfu l-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-politika monetarja u b’hekk it-tħaddim effettiv tal-politika monetarja orjentata lejn l-istabbiltà tal-prezzijiet fi żmien medju, għandu jiġi mniedi programm temporanju għas-swieq tat-titoli (minn hawn ‘il quddiem il-“programm”). Taħt il-programm, il-[banek ċentrali nazzjonali] taż-żona tal-euro, skont l-ishma ta’ persentaġġ tagħhom fl-iskema ta’ sottoskrizzjoni għall-kapital tal-BĊE, u l-BĊE, f’kuntatt dirett mal-kontropartijiet, jistgħu jagħmlu interventi b’titolu definittiv fis-swieq tat-titoli ta’ dejn pubbliku u privat taż-żona tal-euro.

(3) Il-programm jifforma parti mill-politika monetarja waħdanija tal-Eurosistema u ser japplika temporanjament. L-għan tal-programm huwa li jindirizza l-funzjonament ħażin tas-swieq tat-titoli u jqajjem mill-ġdid mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja xieraq.

[...]

(5) Bħala parti mill-politika monetarja waħdanija tal-Eurosistema, ix-xiri b’titolu definittiv ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli eliġibbli minn banek ċentrali tal-Eurosistema taħt il-programm għandu jiġi implimentat skont il-kundizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni”.

10      Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2010/281, bit-Titolu “Twaqqif tal-programm għas-swieq tat-titoli”, b’mod partikolari, “il-banek ċentrali tal-Eurosistema jistgħu jixtru [,...] fis-suq sekondarju, strumenti ta’ dejn negozzjabbli eliġibbli maħruġin mill-gvernijiet ċentrali jew minn entitajiet pubbliċi tal-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro [...]”. L-Artikolu 2 jipprevedi bħala kriterji ta’ eliġibbiltà għat-titoli ta’ debitu, b’mod partikolari, li dawn ikunu “denominati f’euro” u maħruġin mill-imsemmija amministrazzjonijiet ċentrali jew mill-imsemmija organi pubbliċi.

11      Skont stqarrija għall-istampa tal-1 ta’ Lulju 2011 tal-Istitut Internazzjonali tal-Finanzi (IIF), l-assoċjazzjoni globali tal-istituzzjonijiet finanzjarji ddikjarat, b’mod partikolari:

“Il-Bord tad-Direttur tal-Istitut Internazzjonali tal-Finanzi jfittex li jaħdem mal-assoċjati tiegħu u mal-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra, mas-settur pubbliku u l-awtoritajiet Elleniċi, mhux biss sabiex joffri lir-[Repubblika Ellenika] kontribuzzjoni sostanzjali f’termini ta’ likwidità, iżda wkoll sabiex jistabbilixxi l-pedamenti ta’ pożizzjoni ta’ dejn iktar sostenibbli.

Il-komunità finanzjarja privata hija lesta li tagħmel sforz volontarju ta’ kooperazzjoni, trasparenti u fuq skala kbira, sabiex tappoġġja lir-[Repubblika Ellenika], fid-dawl tan-natura unika u eċċezzjonali taċ-ċirkustanzi. […]

Il-kontribuzzjoni tal-investituri privati ser tkun qiegħda tikkumplimenta s-sostenn finanzjarju u tat-teżor pubbliku u se tkun limitata għal numru limitat ta’ opzonijiet […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Fil-21 ta’ Lulju 2011, il-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern taż-żona tal-euro u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu sabiex jiddeliberaw dwar miżuri li għandhom jittieħdu sabiex id-diffikultajiet li kienet qiegħda tiffaċċja ż-żona tal-euro jingħelbu.

13      Fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tal-21 ta’ Lulju 2011, hemm espost, b’mod partikolari, dan li ġej:

“1. Aħna sodisfatti bil-miżuri meħuda mill-Gvern Grieg sabiex jistabbilizza l-finanzi pubbliċi tiegħu u [sabiex] jirriforma l-ekonomija tiegħu, kif ukoll is-sensiela l-ġdida ta’ miżuri, inklużi dawk ta’ privatizzazzjoni, li ġiet adottata reċentement mill-Parlament Grieg. Dawn il-miżuri jikkostitwixxu sforzi mingħajr preċedent, iżda li huma neċessarji sabiex l-ekonomija Griega terġa’ taqbad it-triq ta’ tkabbir sostenibbli. Aħna nagħrfu l-isforzi li l-miżuri ta’ aġġustament jikkawżaw liċ-ċittadini Griegi u ninsabu konvinti li dawn is-sagrifiċċji huma indispensabbli għall-irkupru ekonomiku u li dawn se jikkontribwixxu għall-istabbiltà u għall-prosperità futuri tal-pajjiż.

2. Aħna naqblu li nappoġġjaw programm ġdid għar-[Repubblika Ellenika] u, flimkien mal-FMI u l-kontribuzzjoni volontarja tas-settur privat, li nkopru b’mod sħiħ id-defiċit ta’ finanzjament. Il-finanzjament pubbliku totali se jkun ta’ ammont stmat li jlaħħaq EUR 109 biljun. Dan il-programm se jkun intiż, b’mod partikolari bis-saħħa ta’ tnaqqis tar-rati ta’ interess u ta’ estensjoni taż-żmien għal ħlas lura, sabiex id-dejn jerġà jinġieb għal livell ħafna iktar sopportabbli u sabiex il-profil ta’ finanzjament mill-ġdid [tar-Repubblika Ellenika] jitjieb. Inħeġġu lill-FMI sabiex ikompli jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-programm il-ġdid [għar-Repubblika Ellenika]. Għandna l-intenzjoni nużaw il-[Fond Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja] bħala strument ta’ finanzjament għall-iżborż li jmiss. Se nsegwu mill-qrib ħafna l-implementazzjoni rigoruża tal-programma abbażi ta’ evalwazzjoni regolari mwettqa mill-Kummissjoni b’ħidma mal-BĊE u l-FMI.

[…]

5. Is-settur finanzjarju indika li kien lest jappoġġja [lir-Repubblika Ellenika] fuq bażi volontarja billi jagħmel użu minn diversi possibbiltajiet li jippermettu li l-vijabbiltà globali tissaħħaħ iktar. Il-kontribuzzjoni netta tas-settur privat hija stmata li tilħaq EUR 37 biljun […]. Tisħiħ tal-kollateral se jkun ipprovdut sabiex isaħħaħ il-kwalità tal-garanzija, sabiex jiġi permess l-użu kontinwu tagħha sabiex il-banek Griegi jkunu jistgħu jaċċedu għall-operazzjonijiet ta’ likwidità tal-Eurosistema. Aħna se nipprovdu riżorsi xierqa għall-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-banek Griegi jekk dan ikun neċessarju.”

14      Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tas-settur privat, l-imsemmija dikjarazzjoni tindika, fil-punt 6 tagħha, dan li ġej:

“F’dak li jikkonċerna l-approċċ ġenerali fir-rigward tal-parteċipazzjoni tas-settur privat fiż-żona tal-euro, nixtiequ nippreċiżaw li [r-Repubblika Ellenika] teħtieġ soluzzjoni eċċezzjonali u speċifika immens.”

15      Matul is-sammit tagħhom tas-26 ta’ Ottubru 2011, il-kapijiet tal-Istat jew ta’ gvern taż-żona tal-euro ddikjaraw, b’mod partikolari, dan li ġej:

“12. Il-parteċipazzjoni tas-settur privat għandha rwol vitali sabiex id-dejn [tar-Repubblika Ellenika] jerġà jitpoġġa f’livell sopportabbli. Dan huwa għaliex aħna sodisfatti bid-diskussjonijiet li għaddejjin bejn [ir-Repubblika Ellenika] u l-investituri privati tagħha intiżi sabiex tinstab soluzzjoni li tippermetti li l-parteċipazzjoni tas-settur privat tiżdied. B’mod parallel għal programm ta’ riforma ambizzjuż għall-ekonomija Griega, il-parteċipazzjoni tas-settur privat għandha tiggarantixxi t-tnaqqis tal-proporzjon bejn id-dejn Grieg u l-Prodott Gross Domestiku, bl-għan ikun li tintlaħaq ir-rata ta’ 120 % minn issa sal-2020. Għal dan l-għan, nistiednu [lir-Repubblika Ellenika], lill-investituri privati u l-partijiet kollha kkonċernati sabiex jistabbilixxu skambju volntarju ta’ bonds bi tnaqqis nominali ta’ 50 % fuq il-valur kunċettwali tad-dejn Grieg miżmum mill-investituri privati. L-Istati Membri taż-żona tal-euro se jikkontribwixxu għall-miżuri kollha relatati mal-parteċipazzjoni tas-settur privat sa EUR 30 biljun. Abbażi ta’ dan, is-settur pubbliku huwa lest jipprovdi finanzjament addizzjonali skont il-programm ta’ ammont li jlaħħaq sa EUR 100 biljun sal-2014, inkluż il-kapitalizzazzjoni mill-ġdid meħtieġa tal-banek Grieg. Il-programm il-ġdid għandu jiġi deċiż minn issa sa tmiem l-2011 u l-iskambju ta’ bonds għandu jiġi implementat sal-bidu tal-2012. Nitolbu lill-FMI sabiex ikompli jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-programm Grieg il-ġdid.

[…]

14. Tisħiħ tal-kollateral se jiġi pprovdut sabiex tissaħħaħ il-kwalità tal-garanzija, u dan sabiex tippermetti lill-banek Griegi jkomplu jagħmlu użu minnha sabiex ikollhom aċċess għall-operazzjonijiet ta’ għoti ta’ likwidità fil-kuntest tal-Eurosistema.

15. F’dak li jikkonċerna l-approċċ ġenerali tagħna fir-rigward tal-parteċipazzjoni tas-settur privat fiż-żona tal-euro, infakkru d-deċiżjoni li ħadna fil-21 ta’ Lulju [2011], li tgħid li s-sitwazzjoni [tar-Repubblika Ellenika] teħtieġ soluzzjoni eċċezzjonali u unika.”

16      Skont stqarrija għall-istampa tal-Ministeru tal-Finanzi Elleniku tas-17 ta’ Novembru 2011, l-imsemmi Ministru kien nieda negozjati mad-detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi bl-għan li jipprepara tranżazzjoni ta’ skambju volontarju ta’ tali titoli bi tnaqqis (“haircut”) nominali ta’ 50 % fuq il-valur kunċettwali (“notional value”) tad-dejn Grieg miżmum mill-investituri privati, kif previst fil-punt 12 tad-dikjarazzjoni tas-26 ta’ Ottubru 2011.

17      Fil-15 ta’ Frar 2012, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema, minn naħa, ir-Repubblika Ellenika, min-naħa l-oħra, laħqu ftehim ta’ skambju bl-għan li jsir skambju tat-titoli ta’ dejn Griegi miżmuma mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjoni ma’ titoli ta’ dejn Griegi ġodda bl-istess valuri nominali, l-istess rati ta’ interess, l-istess dati ta’ ħlas tal-interessi u ta’ ħlas lura bħal tat-titoli intiżi li jiġu skambjati, iżda li għandhom numru tas-serje u dati differenti.

18      Fis-17 ta’ Frar 2012, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Grieg skont l-Artikolu 127(4) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 282(5) TFUE, il-BĊE ta opinjoni pożittiva fuq abbozz ta’ liġi Grieg dwar il-parteċipazzjoni tal-kredituri privati fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku tar-Repubblika Ellenika, ibbażata b’mod partikolari fuq l-applikazzjoni tal-“klawżoli ta’ azzjoni kollettiva” (iktar ’il quddiem il-“KAK”).

19      Skont id-dikjarazzjoni tal-Eurogrupp tal-21 ta’ Frar 2012, b’mod partikolari:

“[...] Il-Eurogrupp jagħraf li l-awtoritajiet Griegi u s-settur privat waslu għal ftehim dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-offerta ta’ skambju skont il-[Private Sector Involvement (PSI)] li jikkonċerna lid-detenturi kollha ta’ titoli tas-settur privat. Dan il-ftehim jiggarantixxi rata ta’ tnaqqis ta’ 53.5 %. Il-Eurogrupp iqis li dan il-ftehim jikkostitwixxi bażi xierqa għall-ftuħ tal-istedina għall-iskambju magħmul mid-detenturi ta’ titoli tal-Istat Griegi (PSI). Is-suċċess tal-operazzjoni ta’ PSI jikkostitwixxi kundizzjoni preliminari neċessarja għal programm intiż li jieħu post il-programm attwali. Il-Eurogrupp qiegħed iserraħ fuq parteċipazzjoni kbira tal-kredituri privati fl-iskambju tad-dejn, li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għas-sostenibbiltà tad-dejn [tar-Repubblika Ellenika].

[...]

Il-Eurogrupp jagħraf li t-titoli tal-Istat Griegi huma miżmuma mill-Eurosistema (il-BĊE u l-[banek ċentrali nazzjonali]) għal finijiet ta’ interess pubbliku. Il‑Eurogrupp jagħraf li l-profitti ġġenerati mit-titoli tal-Istati griegi miżmuma mill-Eurosistema sejrin jikkontribwixxu għall-profitti tal-BĊE u tal-[banek ċentrali nazzjonali]. Il-profitti tal-BĊE se jitħallsu lill-[banek ċentrali nazzjonali] skont ir-regoli statutorji tad-distribuzzjoni tal-profitti tal-BĊE. Il-profitti tal-[banek ċentrali nazzjoni] se jit]allsu lill-Istati Membri taż-żona tal-euro, skont ir-regoli statutorji [tal-imsemmija banek] dwar id-distribuzzjoni tal-profitti”.

20      Fi stqarrija għall-istampa tal-21 ta’ Frar 2012, il-Ministeru tal-Finanzi Grieg, minn naħa, żvela l-karatteristiċi essenzjali tat-tranżazzjoni mbassra ta’ skambju volontarju ta’ titoli ta’ dejn Griegi u, min-naħa l-oħra, ħabbar il-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ liġi għal dan l-għan. Din it-tranżazzjoni kellha tinkludi talba ta’ ftehim u stedina indirizzata lid-detenturi privati ta’ ċerti titoli ta’ dejn Griegi bl-għan li dawn tal-aħħar jiġu skambjati mat-titoli l-ġodda b’valur nominali ugwali għal 31.5 % tal-valur tad-dejn skambjat kif ukoll ma’ titoli maħruġa mill-Fond Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja (FESF) li jimmaturaw wara 24 xahar u li għandhom valur nominali ta’ 15 % ta’ dak tad-dejn skambjat, u dawn it-titoli għandhom jiġu pprovduti mir-Repubblika Ellenika mal-għeluq tal-ftehim. Barra minn hekk, kull investitur privat parteċipanti f’din it-tranżazzjoni kellu jirċievi sigurtajiet separabbli tar-Repubblika Ellenika marbuta mal-prodott gross domestiku b’valur kunċettwali ugwali għal dak tat-titoli ta’ dejn il-ġodda.

21      Fi stqarrija għall-istampa tal-24 ta’ Frar 2012, il-Ministeru tal-Finanzi Grieg ippreċiża l-kundizzjonijiet li jirregolaw it-tranżazzjoni ta’ skambju volontarju ta’ titoli ta’ dejn li jinvolvu lill-investituri privati [Private Sector Involvement (iktar ’il quddiem il-“PSI”] billi għamel riferiment għal-Liġi Ellenika Nru 4050/2012 dwar id-detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi, li kienet ġiet adottata mill-Parlament Grieg fit-23 ta’ Frar 2012. Din il-liġi tintroduċi proċedura skont il-KAK, li skontha l-emendi proposti saru legalment vinkolanti għal kull detentur ta’ titoli ta’ dejn irregolati mid-dritt Grieg u maħruġa qabel il-31 ta’ Diċembru 2011, kif identifikati fl-att tal-Kunsill tal-Ministri li japprova l-istediniet PSI, jekk l-imsemmija emendi jiġu approvati, b’mod kollettiv u mingħajr distinzjoni skont is-serje, permezz ta’ quorum ta’ detenturi ta’ titoli li jirrappreżentaw tal-inqas żewġ terzi mill-valur nominali tal-imsemmija titoli. Fil-preambolu tal-imsemmija liġi, b’mod partikolari hemm indikat li “[...] il-B[ĊE] u l-membri l-oħra tal-Eurosistema kkonkludew ftehimiet partikolari mar-[Repubblika Ellenika] sabiex jiġi evitat li l-missjoni tagħhom u r-rwol istituzzjonali tagħhom, l-istess bħar-rwol tal-B[ĊE] fil-qasam ta’ tfassil tal-politika monetarja, kif jirriżultaw mit-trattat, ma jkunux kompromessi”.

22      Skont il-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2012/433/UE, tat-18 ta’ Lulju 2012, li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2012/3 dwar l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-offerta għall-iskambju ta’ dejn tar-Repubblika Ellenika (BĊE/2012/14) (ĠU L 199, p. 26), b’mod parallel, fl-24 ta’ Frar 2012, tisħiħ ta’ kollateral fil-forma ta’ programm ta’ xiri mill-ġdid, intiż sabiex jappoġġja l-kwalità tat-titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti mir-Repubblika Ellenika, ġie pprovdut favur il-banek ċentrali nazzjonali.

23      Ir-rikorrenti, Alessandro Accorinti u r-rikorrenti li isimhom jidher fl-Anness, detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi, ipparteċipaw fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg u soffrew telf sostanzjali tal-valur nominali tat-titoli tagħhom waqt l-implementazzjoni tal-offerta ta’ skambju ta’ bonds Griegi fil-kuntest tal-PSI u fil-kuntest tal-proċedura skont il-KAK li tirrendi obbligatorju l-iskambju ta’ titoli għall-investituri privati kollha kkonċernati, abbażi tal-Liġi Ellenika Nru 4050/2012.

24      Fis-27 ta’ Frar 2012, il-BĊE adotta d-Deċiżjoni 2012/133/UE li tħassar Deċiżjoni BĊE/2010/3 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Grieg (BĊE/2012/2) (ĠU L 59, p. 36) (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), u dan kellu l-effett li jissospendi l-eliġibbiltà tat-titoli ta’ dejn Griegi bħala sigurtajiet għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ politika monetarja tal-Eurosistema.

25      Insostenn ta’ dan it-tħassir, il-premessi 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2012/133 jesponu, minn naħa, li “[i]r-Repubblika Ellenika ddeċidiet li tniedi offerta għall-iskambju ta’ dejn fil-kuntest tal-involviment tas-settur privat lil detenturi ta’ strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin mill-Gvern Grieg” u, min-naħa l-oħra, li “[l-]adegwatezza bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-Eurosistema tal-istrumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin mill-Gvern Grieg, jew maħruġin minn entitajiet stabbiliti fil-Greċja u ggarantiti bis-sħiħ mill-Gvern Grieg, kompliet tintlaqat b’mod negattiv b’din id-deċiżjoni tar-Repubblika Ellenika”.

26      Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, din daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Frar 2012.

27      Fi protokoll ta’ ftehim tal-1 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni Ewropea, li kienet qiegħda taġixxi f’isem l-Istati Membri taż-żona tal-euro, u r-Repubblika Ellenika qablu, b’mod partikolari, fuq dan li ġej:

“Ir-Repubblika Ellenika se tniedi offerta ta’ skambju għal titoli ta’ dejn eliġibbli għadhom ma tħallsux, bl-għan li jitnaqqas il-valur nominali tagħhom b’53.5 %. Id-detenturi ta’ tali titoli se jiġu offruti l-iskambju tat-titoli ta’ dejn eżistenti ma’ titoli ġodda tar-Repubblika Ellenika b’valur nominali ta’ 31.5 % tal-valur nominali oriġinali. Barra minn hekk, 15 % tal-valur nominali oriġinali se jkun kopert fil-forma ta’ titoli mogħtija lill-imsemmija detenturi […]”

28      Fir-rigward tal-krediti li għandhom jingħataw mill-FESF, fih hemm sostnut, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Ammont ta’ EUR 35 biljun se jintuża sabiex tiġi ffaċilitata ż-żamma tal-eliġibbiltà tal-istrumenti negozjabbli ta’ dejn maħruġa jew iggarantiti mill-Gvern Grieg bħala sigurtà għall-finijiet tal-operazzjonijiet ta’ politika monetarja tal-Eurosistema. Dan se jinkiseb permezz tal-implementazzjoni ta’ programm ta’ xiri mill-ġdid sakemm klassifikazzjoni awtomatika jew selettiva ta’ ħlas tkun attribwita lir-Repubblika Ellenika jew lit-titoli ta’ dejn tagħha bħala konsegwenza tal-offerta ta’ skambju ta’ dejn […]”

29      Fl-1 ta’ Marzu 2012, il-FESF, ir-Repubblika Ellenika, il-Fond ta’ Stabbiltà Finanzjarja Ellenika, bħala garanti, u l-Bank Ċentrali Grieg laħqu ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja ta’ EUR 35 biljun għall-finanzjament tat-tisħiħ tal-kollateral fil-forma ta’ programma ta’ xiri mill-ġdid u sabiex tiġi ffaċilitata ż-żamma tal-eliġibbiltà tat-titoli ta’ dejn Griegi bħala garanziji fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema.

30      Fil-5 ta’ Marzu 2012, il-BĊE adotta d-Deċiżjoni 2012/153/UE dwar l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-offerta għall-iskambju ta’ dejn tar-Repubblika Ellenika (BĊE/2012/3) (ĠU L 77, p. 19).

31      Skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2012/153, “[l-]użu, bħala kollateral għal operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika li ma jissodisfawx ir-rekwiziti minimi tal-Eurosistema għal-limiti tal-kwalità tal-kreditu, [...] filwaqt illi jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà l-oħrajn speċifikati [fid-dokumentazzjoni ġenerali], għandhom ikunu kundizzjonali fuq il-provvista mir-Repubblika Ellenika [lill-banek ċentrali nazzjonali] ta’ tisħiħ tal-kollateral f’forma ta’ skema ta’ riakkwist. L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2012/153 jipprovdi li “[l‑]istrumenti ta’ dejn negozzjabbli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jibqgħu eliġibbli għad-dewmien tat-tisħiħ tal-kollateral.” Skont l-Artikolu 2 tagħha, l-imsemmija deċiżjoni daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Marzu 2012.

32      Fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2012/153, hemm indikat dan li ġej:

“Fil-21 ta’ Lulju 2011, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern taż-żona tal-euro u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ħabbru miżuri biex jistabilizzaw il-finanzi pubbliċi Griegi, li kienu jinkludu l-impenn tagħhom li jtejbu l-kollateral biex tissaħħaħ il-kwalità ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti mir-Repubblika Ellenika. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda illi dan it-tisħiħ tal-kollateral [kellu] jsir mir-Repubblika Ellenika għall-benefiċċju tal-banek ċentrali nazzjonali [...].”

33      Skont il-premessa 3 tal-imsemmija deċiżjoni:

“Il-Kunsill Governattiv iddeċieda illi l-limitu tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema [kellu] jiġi sospiż fir-rigward ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika li [kienu] koperti mit-tisħiħ tal-kollateral[.]”

34      Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2012/153, din daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Marzu 2012.

35      Permezz tad-Deċiżjoni 2012/433, il-BĊE ħassar id-Deċiżjoni 2012/153 b’effett mill-25 ta’ Lulju 2012 (Artikoli 1 u 2).

36      Fil-premessa 3 tal-imsemmija deċiżjoni, hemm indikat dan li ġej:

“Fil-kuntest tal-offerta għall-iskambju ta’ dejn varata mir-Repubblika Ellenika lid-detenturi ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Grieg, fl-24 ta’ Frar 2012 sar provvediment għal tisħiħ tal-kollateral fil-forma ta’ skema ta’ riakkwist biex issostni l-kwalità ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti mir-Repubblika Ellenika għall-benefiċċju tal-banek ċentrali nazzjonali.”

37      B’riżultat ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, dan ippubblika, fis-6 ta’ Settembru 2012, bit-Titolu “6 ta’ Settembru 2012 – Karatteristiċi tekniċi marbuta mal-operazzjonijiet monetarji definittivi”, l-istqarrija għall-istampa li ġejja:

“Kif tħabbar fit-2 ta’ Awwissu 2012, il-Kunsill Governattiv tal-[BĊE] illum ħa deċiżjonijiet li jikkonċernaw ċertu numru ta’ karatteristiċi tekniċi dwar l-operazzjonijiet monetarji definittivi tal-Eurosistema fis-swieq sekondarji tad-dejn sovran, intiżi sabiex jippreżervaw trażmissjoni xierqa tal-politika monetarja kif ukoll l-uniċità tal-politika monetarja. Dawn l-operazzjonijiet se jissejħu operazzjonijiet monetarji definittivi (Outright Monetary Transactions – OMT) u se jitwettqu skont il-qafas li ġej:

Kundizzjonalità

Kundizzjoni neċessarja tal-operazzjonijiet monetarji definittivi tirrelata mal-kundizzjonalità stretta u effettiva marbuta ma’ programm xieraq tal-Fond Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja/Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (FESF/MES). Dawn il-programmi jistgħu jieħdu l-forma ta’ programm komplet ta’ aġġustament makroekonomiku jew ta’ programm ta’ prekawzjoni (linja ta’ kreditu b’kundizzjonijiet imsaħħa – Enhanced Conditions Credit Line) tal-FESF/MES, bil-kundizzjoni li dawn jipprevedu l-possibbiltà għall-FESF/MES li jixtru titoli fis-suq primarju. Il-parteċipazzjoni tal-FMI għandha wkoll titfittex għad-definizzjoni tal-kundizzjonalità speċifika għal kull pajjiż u l-monitoraġġ ta’ tali programm.

Il-Kunsill Governattiv se jikkunsidra l-possibbiltà li jwettaq Operazzjonijiet Monetarji Definittivi sa fejn dawn ikunu ġġustifikati mill-perspettiva tal-politika monetarja, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonalità tal-programm tkun osservata b’mod sħiħ, u ttemmhom meta dawn ikunu laħqu l-għan tagħhom jew fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku jew tal-programm ta’ prekawzjoni.

Wara eżami fil-fond, se jkun totalment f’idejn il-Kunsill Governattiv sabiex jiddeċiedi dwar il-bidu, il-kontinwazzjoni u s-sospensjoni tal-Operazzjonijiet Monetarji Definittivi, billi jaġixxi skont il-mandat tiegħu ta’ politika monetarja.

Kamp Kopert

L-operazzjonijiet monetarji definittivi se jiġu kkunsidrati għall-każijiet futuri ta’ programmi ta’ aġġustament makroenomiku jew ta’ programmi ta’ prekawżjoni tal-FESF/MES, kif indikat iktar ’il quddiem. Huma jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati għall-Istati Membri li diġà qegħdin japplikaw programm ta’ aġġustament makroekonomiku, meta dawn ikunu kisbu mill-ġdid aċċess għas-suq tal-bonds.

It-tranżazzjonijiet se jikkonċentraw fuq il-parti qasira tal-kurva tar-rendita, u b’mod partikolari fuq il-bonds sovrani b’maturità ta’ bejn sena u tliet snin.

Ebda limitu kwantitattiv ma huwa stabbilit minn qabel dwar l-ammont tal-operazzjonijiet monetarji definittivi.

Trattament tal-kredituri

L-Eurosistema għandha l-intenzjoni li tikkjarifika fl-att legali dwar l-operazzjonijiet monetarji definittivi li hija taċċetta l-istess trattament (pari passu) bħall-kredituri privati jew oħrajn f’dak li jikkonċerna l-bonds maħruġa mill-pajjiżi taż-żona tal-euro u akkwistati mill-Eurosistema permezz ta’ operazzjonijiet monetarji definittivi, skont il-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn il-bonds.

[...]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

38      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

39      Permezz ta’ att ippreżentat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Mejju 2013, Nausicaa Anadyomène SAS, kumpannija stabbilita f’Pariġi (Franza) u li għandha bħala skop ix-xiri, il-ġestjoni f’isimha stess u l-valorizzazzjoni ta’ bonds, talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti u sabiex jintbagħtulha l-atti proċedurali kollha fil-kuntest ta’ din il-kawża, minbarra d-dokumenti meqjusa kunfidenzjali.

40      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tawtorizza lil Nausicaa Anadyomène tintervjeni insostenn tat-talbiet tagħhom kif ukoll sabiex jinbagħtulha l-atti proċedurali kollha fil-kuntest ta’ din il-kawża.

41      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Ġunju 2013, il-BĊE talab iċ-ċaħda tat-talba għal intervent ta’ Nausicaa Anadyomène minħabba li, b’mod partikolari, hija ma kinitx qiegħda tiġġustifikaha b’interess dirett u attwali għar-riżultat tal-kawża fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u sabiex il-Qorti Ġenerali tikkundannaha għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk esposti mill-BĊE.

42      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-Awla.

43      Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Diċembru 2013, irrettifikat fuq talba tal-BĊE permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Frar 2014, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal intervent ta’ Nausicaa Anadyomène u kkundannaha għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk esposti mill-BĊE relatati mat-talba għal intervent.

44      Permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Ġunju 2014, Accorinti et vs BĊE (T‑224/12, EU:T:2014:611), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat minn xi wħud mir-rikorrenti kontra d-Deċiżjoni 2012/5 bħala inammissibbli.

45      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

46      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-25 ta’ Frar 2015.

47      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tirrikonoxxi r-responsabbiltà tal-BĊE skont l-Artikolu 340 TFUE;

–        tikkundanna lill-BĊE sabiex jikkumpensa għad-dannu li ġie kkawżat lilhom għal ammont ta’ minn tal-inqas EUR 12 504 614.98, jiġifieri sa fejn indikat għal kull wieħed fosthom fil-punti 68 sa 72 tar-rikors, jew kull ammont ieħor meqjus ġust u ekwu, bla ħsara għal preċiżazzjoni fil-mori tal-kawża, inklużi l-interessi “legali u moratorji” fuq dawn l-ammonti;

–        sussidjarjament, tikkundanna lill-BĊE sabiex jikkumpensa għad-dannu kkawżat lilhom għal ammont ta’ minn tal-inqas EUR 3 668 020.39, jiġifieri sa fejn indikat għal kull wieħed fosthom fil-punti 74 sa 76 tar-rikors, jew kull ammont ieħor meqjus ġust u ekwu, bla ħsara għal preċiżazzjoni fil-mori tal-kawża, inklużi l-interessi “legali u moratorji” fuq dawn l-ammonti;

–        b’mod iktar sussidjarju, tikkundanna lill-BĊE sabiex jikkumpensa għad-dannu kkawżat lilhom għal ammont ta’ minn tal-inqas EUR 2 667 651.19, jiġifieri sa fejn indikat għal kull wieħed fosthom fil-punti 77 u 78 tar-rikors, jew kull ammont ieħor meqjus ġust u ekwu, bla ħsara għal preċiżazzjoni fil-mori tal-kawża, inklużi l-interessi “legali u moratorji” fuq dawn l-ammonti;

–        b’mod ulterjorment iktar sussidjarju, tikkundanna lil-BĊE sabiex jikkumpensa għad-dannu li ġie kkawżat lilhom mill-aġir leċitu u mingħajr nuqqas għal ammont meqjus ġust u ekwu;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

48      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE minħabba att illeċitu

 Fuq l-ammissibbiltà

49      Il-BĊE tqis li r-rikors huwa inammissibbli, peress li, minn naħa, ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 u, min-naħa l-oħra, fil-mument tal-preżentata tiegħu, il-proċedura fil-Kawża T‑224/12, li kienet biss tikkonċerna wħud mir-rikorrenti f’din il-proċedura, kienet pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, dan ir-rikors għad-danni huwa allegatament intiż li jevita l-inammissibbiltà tat-talbiet għal annullament li għandhom bħala għan l-istess illegalitajiet u intiżi għall-istess finijiet pekunjarji.

50      Fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors huwa inammissibbli fir-rigward kemm tal-illegalitajiet allegati kif ukoll id-dannu allegatament sostnut, inkluż il-kwantifikazzjoni tagħhom. Ir-rikors ma jippreċiżax b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom il-PSI, bħala riżultat tal-Liġi Ellenika Nru 4050/2012, jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-BĊE, peress li dan kellu rwol sempliċement konsultattiv f’dan il-kuntest u ma setax jikkawża, anki jekk indirettament, id-dannu allegat. Barra minn hekk, il-kwantifikazzjoni tal-imsemmi dannu fir-rikors ma huwiex appoġġjat minn provi suffiċjenti. Id-dikjarazzjonijiet bankarji annessi mar-rikors ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti, peress li dawn l-annessi ma fihomx riferimenti espressi u preċiżi għar-rikorrenti kkonċernati.

51      Skont il-BĊE, fir-rikors, l-allegat aġir illegali u r-rabta kawżali tiegħu mad-dannu allegat ma humiex appoġġjati minn elementi probatorji suffiċjenti. Insostenn tal-allegati “dikjarazzjonijiet rassikuranti” mir-rappreżentanti tal-BĊE, kulma għamlu r-rikorrenti fir-rikors kien li alludew b’mod ġenerali għal diversi artikoli tal-istampa u għal dokumenti oħra mehmuża fl-anness. L-istess japplika għall-ksur allegat tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità kif ukoll għall-allegat użu ħażin ta’ poter, inkluż il-mod li bih ir-rwol sempliċement konsultattiv tal-BĊE seta’ wassal għal tali illegalitajiet. Fir-rikors, ir-rikorrenti lanqas ma jispjegaw il-mod li bih il-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012 u aġir ieħor adottat mill-BĊE setgħu jikkontribwixxu għall-ġenesi tad-dannu allegat li huwa imputabbli fl-intier tiegħu għall-implementazzjoni tal-Liġi Ellenika Nru 4050/2012. Barra minn hekk, fir-rikors ir-rikorrenti ma jidentifikaw ebda aġir speċifiku tal-BĊE li seta’ jċaħħad lid-deputati tal-Parlament Grieg mill-indipendenza politika tagħhom u mis-setgħa ta’ deċiżjoni sovrana tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti allegatament naqsu milli juru l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-Deċiżjoni 2012/153, li ġiet fis-seħħ biss wara d-deċiżjoni tar-Repubblika Ellenika li tirrikorri għall-PSI, u d-dannu sostnut. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti baqgħu ma ppreżentawx, fir-rikors, l-elementi essenzjali li jiġġustifikaw il-kwantifikazzjoni tad-dannu allegatament sostnut, fosthom id-data li fiha u l-prezz li bih huma xtraw it-titoli ta’ dejn Griegi affettwati, l-iskadenza inizjali tagħhom, il-karatteristiċi speċifiċi tal-kupuni tal-imsemmija titoli, ir-rati ta’ tnaqqis applikati individwalment sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ ħlas tal-kupuni l-ġodda u, fl-aħħar nett, “l-evalwazzjoni, magħmula mill-investitur, tal-15 % tat-titoli tal-FESF b’maturità ta’ sena u ta’ sentejn, u tal-garanziji indiċizzati fil-PIB u mogħtija inkambju”.

52      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-BĊE u jqisu li r-rikors tagħhom huwa ammissibbli.

53      Fir-rigward tal-argument prinċipali tal-BĊE, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut, u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġ, sabiex rikors jitqies bħala ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun fondat joħorġu, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test stess tar-rikors. B’mod iktar speċifiku, sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, rikors għal kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jkun fih l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jallega fil-konfront tal-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom huwa jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li sostna, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, T-16/04, Ġabra EU:T:2010:54, punt 132, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’dan il-każ, il-BĊE ma jistax isostni li r-rikors ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti proċedurali, peress li t-test tiegħu jesponi b’mod suffiċjenti l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li bih jinsab ikkritikat, ir-raġunijiet li għalihom ir-rikorrenti jqisu li teżisti rabta kawża bejn dan l-aġir u d-danni li huma jallegaw li sostnew kif ukoll in-natura u l-kobor ta’ dawn id-danni. Fil-verità, l-argument tal-BĊE jammonta għal kontestazzjoni, taħt il-kopertura tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors fid-dawl tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-fondatezza tat-talbiet għal kumpens, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta kawżali u ta’ dannu, li d-diversi elementi li jikkostitwixxuhom madankollu huma esposti b’mod suffiċjenti fir-rikors, b’titolu separat, intitolat “Responsabbiltà tal-BĊE taħt l-Artikoli 268 [TFUE] u 340 TFUE”.

55      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq diversi aġir illegali li huma jattribwixxu lill-BĊE, qabelxejn, imqassra fil-punt 32 tar-rikors u, sussegwentement, żviluppati b’mod iktar iddettaljat, jiġifieri, l-ewwel nett, fil-punti 33 sa 35 għal dak li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, it-tieni nett, fil-punti 36 u 37 fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri, it-tielet nett, fil-punti 38 u 39 f’dak li jikkonċerna l-użu ħażin ta’ poter u l-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ koerenza u ta’ razzjonalità, u, ir-raba’ nett, fil-punti 40 u 41 fir-rigward tal-ksur tal-Artikoli 123 TFUE u 127 TFUE u tal-Artikolu 21 tal-Istatuti.

56      Fit-tieni lok, fil-punti 45 et seq tar-rikors, ir-rikorrenti jippreċiżaw in-natura u l-kobor tad-danni allegati li, fil-fehma tagħhom, jirriżultaw minn dawn l-aġir illegali, inkluża l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dawn l-elementi. Għaldaqstant, fil-punt 48 tar-rikors hemm indikat li d-“dannu li jirriżulta mill-ksur [tal-prinċipju ta’] ugwaljanza fit-trattament [...] mill-BĊE [...] laqat b’mod sproporzjonat grupp ristrett u definit sew ta’ nies li jġemmgħu/kredituri, li kellhom massimu ta’ 6 % tad-dejn Grieg, filwaqt li l-BĊE u l-[banek ċentrali nazzjonali] kellhom 22 %”. Fil-punti 49 sa 52 tar-rikors, ir-rikorrenti jattribwixxu t-telf ta’ valur ta’ 75 % tat-titoli ta’ dejn Griegi tagħhom fil-kuntest tal-PSI, jew tal-inqas parti minnhom, għall-allegat ksur mill-BĊE, għad-detriment tagħhom, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, b’mod partikolari, permezz tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012 – dan jeskludi parteċipazzjoni tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg – u permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2012/153. Barra minn hekk, fil-punti 54 et seq tar-rikors, ir-rikorrenti jqajmu b’mod espress il-kwistjoni tar-rabta kawżali bejn id-dannu sostnut u l-aġir illegali li l-BĊE jinsab ikkritikat bih, billi jwettqu analiżi kontrofattwali li tieħu inkunsiderazzjoni kemm is-sitwazzjoni ipotetika fl-assenza tal-imsemmi aġir kif ukoll tal-kwistjoni ta’ jekk il-Liġi Ellenika Nru 4050/2012 setgħetx tikser din ir-rabta kawżali, li huwa l-punt li r-rikorrenti jikkontestaw. F’dan ir-rigward huwa ppreċiżat, b’mod partikolari, fil-punt 56 tar-rikors, li, “[k]ieku l-BĊE u l-[banek ċentrali nazzjonali] ma kinux iddeċidew b’mod unilaterali, b’mod diskriminatorju u illegalment, li jżommu ruħhom barra mir-ristrutturazzjoni tad-dejn [pubbliku] Grieg, id-dannu kkawżat lis-sitwazzjoni patrimonjali tal-investituri ma kienx iseħħ jew tal-inqas kien ikun iżgħar u inqas qawwi, għaliex it-tqassim tat-telf u t-tnaqqis ta’ valur tal-bonds Griegi neċessarjament kienet titnaqqas b’mod proporzjonali mad-djun miżmuma fil-portafoll mill-BĊE u l-[banek ċentrali nazzjonali], li madankollu ġew [skambjati] minn qabel [...]”.

57      Fit-tielet lok, fil-punti 68 et seq tar-rikors, ir-rikorrenti jiddeskrivu l-portata tad-danni li huma allegatament sostnew billi tawhom ċifra b’kod konkret. F’dan ir-rigward, l-argument tal-BĊE li kwantifikazzjoni korretta tal-imsemmija danni ppreżupponiet li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali ma jistax jinvalida din il-konklużjoni, peress li tali kwantifikazzjoni – u inqas u inqas in-natura “korretta” tagħha bħala kwistjoni ta’ mertu – ma tinsabx fost ir-rekwiżiti proċedurali indispensabbli jew ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għad-danni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, ATC et vs Il-Kummissjoni, T‑333/10, Ġabra, EU:T:2013:451, punti 198 sa 201 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Minn dan jirriżulta li l-iżviluppi fir-rikors stess huma ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-BĊE jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors, u dan huwa kkonfermat mill-kontenut stess tar-risposta, b’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna l-assenza tal-fondatezza tar-rikors għad-dannu. Minn dan għandu jiġi konkluż li t-test tar-rikors jesponi, b’mod suffiċjenti, koerenti u li jinftiehem, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat dan ir-rikors sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

59      Il-BĊE lanqas ma għandu bażi sabiex jinvoka, b’mod sussidjarju, l-inammissibbiltà tar-rikors għad-danni minħabba lis alibi pendens, sa fejn dan huwa bbażat fuq l-illegalità tad-Deċiżjoni 2012/153, ikkontestata minn uħud mir-rikorrenti fil-kuntest tal-Kawża T‑224/12, jew talli ppreżentaw l-imsemmi rikors biss bl-għan li jiġu evitati l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors għal annullament.

60      Qabel xejn, hija irrilevanti l-ġurisprudenza li tikkonċerna l-kontestazzjoni tar-rifjut ta’ għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja (digriet tas-26 ta’ Ottubru 1995, Pevasa u Inpesca vs Il-Kummissjoni, C‑199/94 P u C‑200/94 P, Ġabra, EU:C:1995:360, punt 27, u sentenza tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, Ġabra, EU:T:2001:42, punti 76 u 77) li l-BĊE jinvoka insostenn tal-argument tiegħu. B’differenza mis-sitwazzjoni li wasslet għall-imsemmija ġurisprudenza, f’dan il-każ ir-rikorrenti ma humiex ifittxu li, permezz tar-rikors għad-danni tagħhom, jiksbu riżultat paragunabbli ma’ dak imfittex permezz tar-rikors għal annullament tagħhom fil-Kawża T‑224/12. Dan ir-rikors kien intiż biss għall-annullament tad-Deċiżjoni 2012/153 mingħajr madankollu ma kellu għan pekunjarju. Barra minn hekk, billi l-imsemmi rikors għal annullament ġie ppreżentat fit-terminu previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, evitar, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, tal-imsemmi terminu permezz ta’ rikors għad-danni kien eskluż mill-bidu nett. Fil-fatt, huwa biss b’mod eċċezzjonali u sabiex jiġi ggarantit li dan it-terminu ma jiġix evitat, li l-ġurisprudenza ddikjarat talba għad-danni inammissibbli, jiġifieri meta hija ġiet ippreżentata flimkien ma’ talba għall-annullament, minħabba li t-talba għad-danni fil-verità kienet intiża għall-irtirar ta’ deċiżjoni individwali ddestinata għar-rikorrent u saret definittiva u minħabba li hi kien ikollha bħala effett, li kieku din intlaqgħet, li xxejjen l-effetti legali ta’ dik id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2002, Astipesca vs Il-Kummissjoni, T‑180/00, Ġabra, EU:T:2002:249, punt 139, u tat-3 ta’ April 2003, Vieira et vs Il-Kummissjoni, T‑44/01, T‑119/01 u T‑126/01, Ġabra, EU:T:2003:98, punt 213).

61      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li r-rikors għad-danni huwa rimedju ġudizzjarju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji u huwa suġġett għal kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tiegħu maħluqa minħabba l-għan speċifiku tiegħu. Filwaqt li r-rikors għal annullament u r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandhom l-għan li tiġi ssanzjonata l-illegalità ta’ att ġuridikament vinkolanti jew l-assenza ta’ tali att, ir-rikors għad-danni għandu bħala għan it-talba għal kumpens ta’ dannu li jirriżulta minn att jew minn aġir illeċitu imputabbli lil istituzzjoni jew lil korp tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, Ombudsman Ewropew vs Lamberts, C‑234/02 P, Ġabra, EU:C:2004:174, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2007, Pitsiorlas vs Il‑Kunsill u BĊE, Ġabra, EU:T:2007:357, punt 283, u tat-3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il-Kummissjoni, T‑429/05, Ġabra, EU:T:2010:60, punt 50). Minn naħa, din l-awtonomija tar-rikors għad-danni ma tistax tiġi kkontestata mis-sempliċi fatt li rikorrent jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal annullament u rikors għad-dannu b’mod suċċessiv. Min-naħa l-oħra, l-inammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ma twassalx għal dik ta’ rikors għad-danni ppreżentat iktar tard għas-sempliċi raġuni li dawn ir-rikorsi huma bbażati fuq motivi ta’ illegalità simili, u saħansitra identiċi. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tkun tmur kontra l-prinċipju stess ta’ awtonomija tar-rimedji ġudizzjarji u, għaldaqstant, iċċaħħad lill-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, mill-effettività tiegħu.

62      Fl-aħħar nett, sa fejn il-BĊE għandu l-intenzjoni li madankollu jinvoka probabbiltà ta’ evitar ta’ proċedura jew ta’ użu ħażin minn rimedju ġudizzjarju, huwa biżżejjed, minn naħa, li titfakkar in-natura eċċezzjonali tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq, li, għaldaqstant, applikata b’mod strett [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2004, Cantina sociale di Dolianova et vs Il-Kummissjoni, T‑166/98, Ġabra, EU:T:2004:337, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata, mhux invalidata fuq dan il-punt mis-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, C‑51/05 P, Ġabra, EU:C:2008:409, punt 63; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C‑282/05 P, Ġabra, EU:C:2007:226, punt 32], u, min-naħa l-oħra, li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, permezz tar-rikors għad-danni tagħhom, ir-rikorrenti ma humiex ifittxu li jitneħħew l-atti kontenzjużi, iżda li jinkiseb kumpens għad-dannu li allegatament irriżulta mill-adozzjoni tagħhom jew mill-implementazzjoni tagħhom.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

 Fuq il-kundizzjonijiet ta’ skattar mill-BĊE tar-responsabbiltà tal-Unjoni skont l-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE

64      Għandu jitfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, il-BĊE għandu jagħmel tajjeb, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, għad-danni kkawżati minnu jew mill-aġenti tiegħu fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

65      Minn ġurisprudenza stabbilita, applikabbli mutatis mutandis għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jirriżulta li l-iskattar tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illeċitu tal-istituzzjonijiet tagħha jew tal-korpi tagħha, huwa suġġett għas-soddisfar ta’ numru ta’ kundizzjonijiet ta’ natura kumulattiva, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih tkun tinsab ikkritikata l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, Ġabra, EU:C:2006:708, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Arcelor vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2010:54, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Minħabba n-natura kumulattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu meta waħda biss minn dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix issodisfatta (ara s-sentenza Arcelor vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2010:54, punt 140, u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, dwar l-aġir illegali li bih tkun ikkritikata l-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernat, il-ġurisprudenza teħtieġ li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ liġi intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punt 42). Il-kriterju deċiżiv sabiex ikun jista’ jitqies li ksur huwa suffiċjentement serju huwa n-nuqqas manifest u serju, min-naħa tal-istituzzjoni jew tal-korp tal-Unjoni kkonċernat, li josserva l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Huwa biss meta dik l-istituzzjoni jew dak il-korp ikollu biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment ristrett, jew saħansitra ineżistenti, li s-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra, EU:C:2002:736, punt 54 ; Arcelor vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2010:54, punt 141, u ATC et vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, EU:T:2013:451, punt 62).

68      F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li l-aġir ikkontestat tal-BĊE seħħ fil-kuntest tal-missjonijiet fdati lilu għall-finijiet tad-definizzjoni u tal-implementazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni, skont l-Artikoli 127 TFUE u 282 TFUE u skont l-Artikolu 18 tal-Istatuti, b’mod partikolari permezz tal-intervent tiegħu fis-swieq tal-kapital u permezz tal-ġestjoni tiegħu ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu. Dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-BĊE setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ tip ekonomiku u soċjali kif ukoll ta’ sitwazzjonijiet suġġetti għal żviluppi rapidi, li għandhom isiru fil-kuntest tal-Eurosistema, u saħansitra fil-kuntest tal-Unjoni kollha kemm hi. Għaldaqstant, ksur eventwali suffiċjentement serju tar-regoli ta’ dritt inkwistjoni għandu jibbaża ruħu fuq nuqqas ta’ osservanza manifest u serju tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-BĊE għandu fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-politika monetarja. Dan huwa iktar u iktar minnu minħabba l-fatt li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali tinvolvi n-neċessità għall-BĊE, minn naħa, li jantiċipa u li jevalwa żviluppi ekonomiċi ta’ natura kumplessa u inċerta, bħall-iżvilupp tas-swieq tal-kapital, tal-massa monetarja u tar-rata ta’ inflazzjoni, li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tal-Eurosistema u tas-sistemi ta’ ħlas u ta’ kreditu, u, min-naħa l-oħra, li jwettaq għażliet ta’ tip politiku, ekonomiku u soċjali li jeħtieġu l-ibbilanċjar u l-arbitraġġ bejn id-diversi għanijiet imsemmija fl-Artikolu 127(1) TFUE, li l-għan prinċipali tagħhom huwa ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża Gauweiler et, C‑62/14, Ġabra, EU:C:2015:7, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Arcelor vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2010:54, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Diċembru 2011, Enviro Tech Europe u Enviro Tech International vs Il-Kummissjoni, T‑291/04, Ġabra, EU:T:2011:760, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-attività normattiva tal-istituzzjonijiet, inkluża l-adozzjoni, mill-BĊE, ta’ atti ta’ portata ġenerali, bħad-Deċiżjoni 2012/153, ġie deċiż li l-idea restrittiva tar-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba l-eżerċizzju tal-imsemmija attivitajiet normattivi tispjega ruħha mill-kunsiderazzjoni li, minn naħa, l-eżerċizzju tal-funzjoni leġiżlattiva, anki fejn ikun jeżisti stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ dawn l-atti, ma għandux jixxekkel mill-perspettiva ta’ azzjonijiet għad-danni kull darba li l-interess ġenerali tal-Unjoni jitlob li jittieħdu miżuri normattivi li jistgħu jikkawżaw preġudizzju lill-interessi tal-individwi u, min-naħa oħra, f’kuntest normattiv ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa, indispensabbli għall-implementazzjoni ta’ politika tal-Unjoni, ir-responsabbiltà tal-Unjoni tista’ tiskatta biss jekk l-istituzzjoni kkonċernata tkun naqset milli tosserva b’mod manifest u serju l-limiti imposti fuq l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra, EU:C:2008:476, punt 174).

70      Huwa meħtieġ li tiġi evalwata l-fondatezza tal-motivi ta’ illegalità invokati mir-rikorrenti fid-dawl ta’ dawn il-kriterji.

 Fuq l-aġir allegatament illegali tal-BĊE

–       Osservazzjonijiet preliminari

71      Skont ir-rikorrenti, il-BĊE wettaq diversi illegalitajiet li jistgħu jiskattaw ir-responsabbiltà tal-Unjoni, jiġifieri, l-ewwel nett, il-konklużjoni tal-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012 mar-Repubblika Ellenika, li r-rikorrenti qegħdin jitolbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna lill-BĊE sabiex jipproduċieh, it-tieni nett, ir-rifjut tal-BĊE li jipparteċipa fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, li ġiet imposta fuq ir-Repubblika Ellenika sabiex tikseb għajnuniet finanzjarji ġodda u, it-tielet nett, l-adozzjoni, mill-BĊE, tad-Deċiżjoni 2012/153 li tissuġġetta l-eliġibbiltà ta’ titoli ta’ dejn Griegi bħala garanziji għal programm ta’ xiri mill-ġdid mogħti biss lill-banek ċentrali nazzjonali, filwaqt li dawn it-titoli ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ kwalità tal-kreditu.

72      Il-BĊE jikkontesta li kiser regola ta’ dritt li għandha bħala għan dak li jagħti drittijiet lill-individwi. Ir-regoli allegatament miksura jirrigwardaw il-pożizzjoni tad-debitur tar-Repubblika Ellenika, billi kulma għamel il-BĊE kien li esprima l-perspettiva tiegħu dwar l-opportunità jew fuq l-assenza ta’ opportunità tal-PSI u kellu biss rwol konsultattiv fi ħdan it-“trojka”. Il-BĊE jippreċiża li ma għandu ebda rapport legali jew finanzjarju mar-rikorrenti. Dan la huwa debitur u lanqas emittur tat-titoli ta’ dejn miżmuma mir-rikorrenti, iżda huwa stess huwa kreditur tar-Repubblika Ellenika. Barra minn hekk, dan ma aġixxiex “direttament kontra r-rikorrenti”, iżda billi ħa r-responsabbiltajiet li t-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikolu 127 tiegħu, attribwixxa lilu fil-ġestjoni tal-kriżi tad-dejn pubbliku Grieg. Għaldaqstant, ir-regoli invokati mir-rikorrenti ma japplikawx għar-rwol li huwa kellu fil-kuntest tal-PSI u ma jagħtuhomx drittijiet li jipproteġuhom.

–       Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

73      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-aġir imsemmi fil-punt 71 iktar ’il fuq jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tad-detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi, għaliex huma kuntrarji għall-assigurazzjonijiet mogħtija mill-Presidenti suċċessivi tal-BĊE, J. –C. Trichet u M. Draghi, kif ukoll minn membri tad-direzzjoni tiegħu. Skont dawn id-dikjarazzjonijiet, l-ewwel nett, it-titoli ta’ dejn Griegi miżmuma mill-BĊE ma humiex is-suġġett ta’ skambju “volontarju”, it-tieni nett, ma eżista ebda riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas lir-Repubblika Ellenika, it-tielet nett, ma hijiex possibbli ristrutturazzjoni furzata tad-dejn pubbliku Grieg, ir-raba’ nett, il-parteċipazzjoni tal-kredituri privati f’tali ristrutturazzjoni hija prevedibbli biss fuq bażi volontarja, il-ħames nett, tnaqqis tal-valur nominali tal-imsemmija titoli huwa impossibbli, u, is-sitt nett, kieku tali sitwazzjoni kellha madankollu sseħħ, it-titoli ta’ dejn Griegi qatt ma jiġu aċċettati bħala garanziji. Skont ir-rikorrenti, dawn l-assigurazzjonijiet preċiżi, mhux kundizzjonali u konkordanti li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli kienu ta’ natura li joħolqu aspettattivi fondati f’moħħ il-partijiet fil-kawża, li ġew imfixkla mill-aġir illegali sussegwenti tal-BĊE, fosthom il-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012. Fir-replika, ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-konklużjoni, mill-BĊE, ta’ ftehim ta’ skambju sigriet u diskriminatorju, f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess minħabba l-istatus tiegħu ta’ kreditur tar-Repubblika Ellenika, sabiex jevita r-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg u sabiex jikseb il-grad ta’ kreditur privileġġjat imur kontra l-Artikolu 5 TUE u l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-kuntest ta’ din ir-ristrutturazzjoni, ir-rwol tal-BĊE ma kienx limitat għal attività purament konsultattiva, peress li huwa pparteċipa fiha bħala membru u bħala attur prinċipali tat-“trojka” b’setgħat deċiżjonali u ta’ ffirmar proprji.

74      Il-BĊE essenzjalment jirrispondi li, għall-kuntrarju, l-istqarrijiet għall-istampa tiegħu u d-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-aġenti tiegħu enfasizzaw u avżaw b’mod ċar li, minn naħa, il-PSI ma kienx jaqa’ taħt il-kompetenzi tal-BĊE u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernawh ittieħdu mill-gvernijiet sovrani u, min-naħa l-oħra, il-kriżi tad-dejn sovrana fl-Ewropa kellha riskji sinjifikattivi potenzjali marbuta ma’ xi investimenti fit-titoli ta’ dejn Griegi. Pubblikazzjoni tal-BĊE tas-6 ta’ Ġunju 2011 affrontat b’mod espress il-kwistjoni tal-konsegwenzi ta’ PSI u wissiet kontra l-inkonvenjenzi li jistgħu jirriżultaw minn implementazzjoni “imprudenti u awtomatika” ta’ dan l-istrument. Għaldaqstant, id-dokumenti rilevanti juru li l-BĊE ma kellux rwol determinanti jew deċiżjonali fil-kuntest tal-adozzjoni tal-PSI u li ebda waħda mill-perspettivi espressi minnu fil-limiti tal-mandat tiegħu ma seta’ jinftiehem mir-rikorrenti bħala garanzija li tali PSI ma kienx se jiġi adottat. Kull qarrej prudenti u avżat tal-imsemmija dokument kellu jkun jaf li PSI kien jikkostitwixxi waħda mill-għażliet possibbli u li l-adozzjoni tiegħu kienet taqa’ esklużivament taħt ir-responsabbiltà legali u politika tar-Repubblika Ellenika. Fl-assenza ta’ dikjarazzjonijiet li jeskludu, mingħajr ekwivoċi, il-possibbiltà ta’ PSI, ma eżistiet ebda garanzija preċiża, inkundizzjonali u konkordanti f’dan is-sens min-naħa tal-BĊE.

75      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull parti f’kawża li fil-konfront tagħha istituzzjoni tal-Unjoni tkun ħolqot aspettattivi leġittimi. Id-dritt li dan il-prinċipju jiġi invokat madankollu jippreżupponi li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata assigurazzjonijiet preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Fit-tieni lok, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna indirizzata. It-tielet nett, il-garanziji mogħtija għandhom ikunu konformi man-normi applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, Ġabra, EU:C:2011:153, punti 71 u 72; tal-14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle, C‑545/11, Ġabra, EU:C:2013:169, punti 23 sa 25 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-18 ta’ Ġunju 2010, Il-Lussemburgu vs Il‑Kummissjoni, T‑549/08, Ġabra, EU:T:2010:244, punt 71, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il-Kummissjoni, T‑387/09, Ġabra, EU:T:2012:501, punti 57 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Barra minn hekk għandu jitfakkar li, għalkemm il-possibbiltà li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bħala prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li fih ikunu nħolqu aspettattivi fondati minn istituzzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni li tista’ taffettwalu l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata. Minbarra dan, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq iż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi emendata fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u dan speċjalment f’qasam bħal dak tal-politika monetarja, li l-għan tiegħu jitlob aġġustament kostanti skont il-varjazzjonijiet tas-sitwazzjoni ekonomika (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C‑201/08, Ġabra, EU:C:2009:539, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata; AJD Tuna, punt 75 iktar ’il fuq, EU:C:2011:153, punt 73; Agrargenossenschaft Neuzelle, punt 75 iktar ’il fuq, EU:C:2013:169, punt 26, u tad-19 ta’ Ottubru 2005, Cofradía de pescadores “San Pedro de Bermeo” et vs Il-Kunsill, T‑415/03, Ġabra, EU:T:2005:365, punt 78).

77      Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk l-istqarrijiet għall-istampa u d-dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ xi membri tal-BĊE kinux jikkostitwixxu assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konkordanti li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli li setgħu joħolqu aspettattivi leġittimi fir-rikorrenti li l-valur tat-titoli ta’ dejn Griegi tagħhom ma kienx se jiġi suġġett għal tnaqqis obbligatorju.

78      F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li l-istqarrijiet għall-istampa u d-dikjarazzjonijiet pubbliċi prodotti mir-rikorrenti għandhom suġġetti u kontenuti varjati. Minn naħa, essenzjalment, dawn huma dikjarazzjonijiet magħmula bejn April u Ġunju 2011 mill-President tal-BĊE ta’ dak iż-żmien, J.‑C. Trichet, u minn M. Draghi, is-suċċessur maħtur tiegħu, li esprimew, b’mod partikolari, l-oppożizzjoni ddikjarata u mtennija tal-BĊE għal ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg u għal nuqqas selettiv tar-Repubblika Ellenika. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jinvokaw dikjarazzjoni pubblika ta’ L. Bini Smaghi, membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, tas-16 ta’ Ġunju 2011, u diskors magħmul minnu, fil-15 ta’ Settembru 2010, dwar it-“titjib tal-qafas ta’ governanza ekonomika u ta’ stabbiltà tal-Unjoni, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro”.

79      Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ M. Draghi u ta’ J.‑C. Trichet, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl, l-ewwel nett, tan-natura ġenerali tagħhom, it-tieni nett, tal-assenza ta’ kompetenza tal-BĊE – korrettement enfasizzata fl-imsemmija deċiżjonijiet – sabiex issir deċiżjoni ta’ ristrutturazzjoni possibbli tad-dejn pubbliku ta’ Stat Membru milqut minn nuqqas ta’ ħlas selettiv, u, it-tielet nett, tal-inċertezza li kien hemm fis-swieq finanzjarji f’dak iż-żmien, li iktar minn xejn tikkonċerna l-iżvilupp futur tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-Repubblika Ellenika, dawn id-dikjarazzjonijiet ma setgħux jiġu kklassifikati bħala assigurazzjonijiet preċiżi u mingħajr kundizzjoni li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, u dan inqas u inqas fir-rigward tan-nuqqas ta’ adozzjoni eventwali, minn dan l-Istat Membru, ta’ deċiżjoni dwar tali ristrutturazzjoni. Fil-fatt, minkejja li l-BĊE kien assoċjat mal-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-Repubblika Ellenika fil-kuntest tat-“trojka”, iffurmata minnu, mill-FMI u mill-Kummissjoni, huwa ma kellux il-kompetenza li jiddeċiedi dwar tali miżura, liema kompetenza taqa’, b’mod prinċipali jekk mhux esklużiv, taħt is-setgħa sovrana u l-awtorità baġitarja tal-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari s-setgħa leġiżlattiva tiegħu, u, sa ċertu punt, il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika mill-Istati Membri skont l-Artikoli 120 TFUE et seq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-oppożizzjoni għal tali ristrutturazzjoni, kif espressa ripetutament fil-pubbliku minn J.‑C. Trichet u minn M. Draghi fi klima ta’ inċertezza dejjem tikber fl-atturi tas-swieq finanzjarji, kellha tiġi interpretata bħala li għandha portata purament politiko‑ekonomika. B’mod partikolari, billi aġixxew b’dan il-mod, l-awturi tagħhom kellhom l-intenzjoni li jwissu lill-imsemmija atturi kontra, minn naħa, deterjorazzjoni addizzjonali tas-sitwazzjoni ekonomika f’dak iż-żmien, u saħansitra insolvenza possibbli tar-Repubblika Ellenika, li t-titoli tagħha potenzjalment f’nuqqas ma setgħux jibqgħu jiġu aċċettati mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali bħala garanziji fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema (ara d-Deċiżjoni 2012/133, adottata sussegwentement) u, min-naħa l-oħra, ir-riskji li tali żvilupp jista’ jikkawża għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u għall-funzjonament tal-Eurosistema fl-intier tagħha. Għandu jiżdied li din l-oppożizzjoni tal-presidenti suċċessivi tal-BĊE kienet tinkludi l-preċiżazzjoni li tgħid li, fil-każ fejn tali nuqqas kellu madankollu jseħħ u l-Istati Membri kellhom jiddeċiedu għal ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku, il-BĊE jeżiġi li din ir-ristrutturazzjoni tkun ibbażata fuq garanziji suffiċjenti sabiex jipproteġi l-integrità tiegħu u sabiex iżomm l-istabbiltà u l-fiduċja tas-swieq finanzjarji. Minn dan jirriżulta li, billi għamel dan, il-BĊE lanqas ma ħoloq aspettattivi leġittimi fir-rigward taż-żamma tal-oppożizzjoni tiegħu fil-każ ta’ deċiżjoni kuntrarja tal-Istati Membri kkonċernati li jwettqu tali ristrutturazzjoni u saħansitra fir-rigward tal-kapaċita ġuridika eventwali tiegħu – ineżistenti – sabiex jippreveni tali approċċ.

80      Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ L. Bini Smaghi, għandu jiġi enfasizzat li kulma għamel dan kien li indika b’mod pubbliku li, minn naħa, il-BĊE ma setax jipparteċipa f’“estensjoni tal-maturità tad-dejn Grieg”, għaliex dan ikun imur kontra d-dispożizzjonijiet applikabbli għalih u, min-naħa l-oħra, ristrutturazzjoni eventwali tad-dejn pubbliku ta’ Stat Membru, jekk jirriżulta li tkun neċessarja, tkun possibbli biss abbażi ta’ ftehim bejn kredituri u debituri. F’dan il-kuntest, huwa semma b’mod espress il-possibbiltà għall-Istati Membri taż-żona tal-euro li jadottaw KAK li jrendu iktar faċli għall-kredituri u d-debituri li jilħqu ftehim fuq tqassim ġust tal-piżijiet. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, dawn l-affermazzjonijiet ma jeskludux l-okkorrenza possibbli jew id-deċiżjoni possibbli ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg jew ta’ nuqqas min-naħa tar-Repubblika Ellenika, iżda jiddeskrivu biss il-marġni ta’ manuvra ristretta tal-BĊE f’tali kuntest kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom, tali ristrutturazzjoni tista’ jew għandha tiġi implementata. Barra minn hekk, minn dan ma tistax tiġi dedotta xi assigurazzjoni preċiża u mingħajr kundizzjoni intiża sabiex il-BĊE fl-aħħar nett jopponi għal tali ristrutturazzjoni jekk din kellha tiġi deċiża mill-Istati Membri jew mill-korpi kompetenti jew sabiex ma jipparteċipax, jekk ikun il-każ u taħt kwalunkwe forma li dan ikun, għal tali miżura.

81      Konsegwentement, f’dan il-każ, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-membri tal-BĊE invokati mir-rikorrenti ma jikkostitwixxux assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti intiża li jeskludu ristrutturazzjoni possibbli tad-dejn pubbliku Grieg u ma joriġinawx minn sorsi awtorizzati u affidabbli fis-sens tal-ġurisprudenza, b’mod li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud.

82      Għal finijiet ta’ kompletezza madankollu għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif sostna l-BĊE, ix-xiri, minn investitur, ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat jikkostitwixxi, mid-definizzjoni tiegħu stess, tranżazzjoni li fiha ċertu riskju finanzjarju, għaliex hija suġġetta għar-riskji tal-evoluzzjoni tas-swieq tal-kapital, u li wħud mir-rikorrenti saħansitra akkwistaw titoli ta’ dejn Griegi matul il-perijodu fejn il-kriżi finanzjarja tar-Repubblika Ellenika kienet fl-iktar punt għoli tagħha. Issa, fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika tar-Repubblika Ellenika u tal-inċertezzi li kienu jikkonċernawha dak iż-żmien, l-investituri kkonċernati ma jistgħux jallegaw li aġixxew bħala operaturi ekonomiċi prudenti u avżati, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 76 iktar ’il fuq, li jistgħu jinvokaw l-eżistenza ta’ preġudizzji leġittimi. Għall-kuntrarju, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi invokati mir-rikorrenti insostenn tal-ilmenti tagħhom (ara l-punt 78 iktar ’il fuq), l-imsemmija investituri kienu mistennija jkunu jafu s-sitwazzjoni ekonomika daqstant instabbli li tiddetermina l-bdil tal-valur tat-titoli ta’ dejn Griegi akkwistati minnhom kif ukoll ir-riskju mhux negliġibbli ta’ nuqqas, anki jekk sempliċement selettiv, tar-Repubblika Ellenika. Barra minn hekk, hekk kif isostni ġustament il-BĊE, operatur ekonomiku prudent u avżat li kien jaf b’dawn id-dikjarazzjonijiet pubbliċi ma setax jeskludi r-riskju ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-diverġenzi ta’ opinjoni prevalenti f’dan ir-rigward fi ħdan l-Istati Membri taż-żona tal-euro u fi ħdan il-korpi l-oħra involuti, bħall-Kummissjoni, il-FMI u l-BĊE.

83      Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw ukoll, f’dan il-kuntest, ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li huma ma ressqu ebda argument addizzjonali u konkret li jindika li l-aġir tal-BĊE fil-kuntest tal-fatti li seħħew qabel ir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg ikkontribwixxew għall-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni li ma kinitx biżejjed ċara, preċiża u prevedibbli fl-effetti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C-17/03, Ġabra, EU:C:2005:362, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata), u lanqas ma ppermettiet lill-partijiet fil-kawża jsiru jafu b’mod suffiċjenti l-portata tal-obbligi li din timponi fuqhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Sudholz, C‑17/01, Ġabra, EU:C:2004:242, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, dan l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali lanqas ma jista’ jintlaqa’.

84      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrewx l-eżistenza ta’ ksur, mill-BĊE tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u lanqas, f’dan il-kuntest, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jistgħu jiskattaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu.

–       Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-“kredituri privati” u tal-klawżola pari passu

85      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri privati fis-sens, b’mod partikolari, tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali kienu żguraw, permezz tal-implementazzjoni tal-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012, li t-titoli ta’ dejn Griegi miżmuma fil-portafolli rispettivi tagħhom jaqgħu ’il barra mill-iskop tar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg skont il-KAK u huma immuni minn tnaqqis tal-valur tagħhom. Billi adotta l-aġir imsemmi fil-punt 71 iktar ’il fuq, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni patrimonjali tal-kredituri privati u ta’ min ifaddal, fosthom ir-rikorrenti, il-BĊE kiser dan il-prinċipju. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri kollha jew ta’ kull min faddal huwa wkoll previst fuq il-livell internazzjonali bħala prinċipju konswetudinarju u għandu jiġi kklassifikat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jew ta’ manifestazzjoni diretta u speċjali tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 10 TFUE u l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-klawżola msejħa par condicio creditorum jew pari passu, li tippreżupponi li l-kredituri jiġu ttrattati b’mod ugwali fil-ħlas, indipendentement mill-grad tagħhom, għaldaqstant tapplika wkoll għall-BĊE. Għalhekk, fl-istqarrija għall-istampa tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2012 dwar it-tnedija tal-programm tal-operazzjonijiet monetarji definittivi (iktar ’il quddiem l-“OMT”), il-BĊE aċċetta “l-istess trattament (pari passu) bħall-kredituri privati jew oħrajn f’dak li jikkonċerna t-titoli maħruġa mill-pajjiżi taż-żona tal-euro u akkwistati mill-Eurosistema fil-kuntest tal-[OMT], skont il-kundizzjonijiet tal-imsemmija titoli”. Għalhekk, l-akkwist, mill-BĊE, tat-titoli ta’ dejn Griegi fil-kuntest tal-programm ta’ xiri mill-ġdid stabbilit bid-Deċiżjoni 2010/281 ma tatu ebda trattament speċjali, u dan kellu jieħu riskju ta’ kreditu ugwali għal dak ta’ kwalunkwe investitur ieħor privat jew istituzzjonali. Ir-rikorrenti, fil-kwalità tagħhom ta’ detentur ta’ titoli ta’ dejn Griegi, huma, bħall-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali, kredituri rregolati mid-dritt privat tar-Repubblika Ellenika u d-dannu li huma sostnew jista’ jikkawża l-istess effetti sistematiċi fuq l-ekonomija Ewropea. Minħabba l-iskambju preċedenti tat-titoli ta’ dejn li jinsabu fil-portafolli tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali kontra titoli ġodda, dawn setgħu jaħarbu “fin-nuqqas [ta’ ħlas] pilotat u moħbi’ tal-Istat Grieg bl-effett li t-titoli ta’ dejn l-oħra li ma setgħux ikunu suġġetti għal tali skambju jitwaqqgħu għal klassi inferjuri u kellhom jiffaċċjaw “il-kapaċità ta’ ħlas residwu” ta’ dan l-Istat. Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali għaldaqstant irriżervaw għalihom infushom status ta’ kreditur ta’ “grad privileġġjat” għad-detriment tas-settur privat, bl-iskuża tal-missjoni ta’ politika monetarja tagħhom. Barra minn hekk, permezz tad-Deċiżjoni 2012/153 tiegħu, il-BĊE ssuġġetta b’mod illegali l-eliġibbiltà tat-titoli ta’ dejn Griegi għall-għoti, favur il-banek ċentrali nazzjonali, ta’ programm ta’ xiri mill-ġdid tat-titoli li l-klassifikazzjoni tagħhom hija dgħajfa fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Ir-rikorrenti jikkontestaw li din l-inugwaljanza fit-trattament hija ġġustifikata b’mod oġġettiv minn interessi pubbliċi jew minn dispożizzjonijiet tat-Trattati, billi l-Artikolu 127(1) TFUE, l-Artikolu 3(3) u (4) TUE u l-Artikolu 13 TUE ma jipprevedu ebda deroga ta’ dan it-tip. Fi kwalunkwe każ, il-BĊE ma ssostanzjax fiex il-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012 u l-programm ta’ xiri mill-ġdid riżervat għall-banek ċentrali nazzjonali jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali tiegħu fil-qasam tal-politika monetarja, ikkontribwixxew għall-istabbiltà tal-prezzijiet taż-żona tal-euro u fiex kienu proporzjonali u neċessarji.

86      Il-BĊE jikkontesta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri japplika fil-kuntest ta’ klawżoli kuntrattwali rregolati mid-dritt privat, fejn min joħroġ titoli ta’ dejn għandu l-fakultà, u mhux l-obbligu, li jinkorporah fid-dokumentazzjoni li takkumpanja t-titoli. Din ma hijiex regola universali, ta’ dritt internazzjonali pubbliku jew ta’ dritt kostituzzjonali komun fuq il-livell tal-Istati Membri, u inqas u inqas prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-applikazzjoni tiegħu tiddependi mill-għażla tal-imsemmija persuna li toħroġ it-titoli. Anki jekk wieħed jippreżupponi li l-allegat obbligu ta’ rispett tal-imsemmi prinċipju hija regola superjuri ta’ dritt tal-Unjoni, dan joħloq obbligi ġuridiċi biss għal min joħroġ id-dejn, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Istat Grieg, u mhux għall-kredituri tiegħu. Il-BĊE jikkontesta barra minn hekk li huwa kreditur tar-Repubblika Ellenika li huwa paragunabbli mar-rikorrenti, peress li dawn huma investituri li jfittxu renditi għoljin u wettqu investiment b’mod esklużivament privat. Għall-kuntrarju, il-BĊE xtara titoli ta’ dejn Griegi fis-suq sekondarju tat-titoli fis-sempliċi kuntest tal-eżerċizzju tal-mandat pubbliku mogħti lilu skont l-Artikolu 127(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) u (4) TUE u l-Artikolu 13(1) TUE, u dan ġie affermat mill-ġdid fid-dikjarazzjoni tal-Eurogroup tal-21 ta’ Frar 2012 u fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi Ellenika Nru 4050/2012. Għalhekk, permezz tad-Deċiżjoni 2010/281 tiegħu, bl-għan prinċipali li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 127(1) TFUE, il-BĊE ddeċieda li jniedi programm temporanju għas-swieq tat-titoli, li fil-kuntest tiegħu l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali xtraw, b’mod partikolari, titoli maħruġa mir-Repubblika Ellenika. Dan ix-xiri kellu l-għan li jżomm il-“funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja, li huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-prezzijiet, u li jiffaċilita t-‘twettiq effikaċi ta’ politika monetarja bbażata fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju’, u dan billi tiġi żgurata [...] il-likwidità tas-swieq tat-titoli ta’ dejn privati u pubbliċi fiż-żona tal-euro [...]”, jiġifieri għal raġunijiet differenti ħafna minn dawk li ddeterminaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment ta’ kredituri privati oħra. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ esklużjoni tal-PSI tat-titoli ta’ dejn Griegi miżmuma mill-banek ċentrali tal-Eurosistema, inkluż il-Bank Ċentrali Grieg, l-indipendenza finanzjarja u funzjonali tal-Eurosistema fis-sens tal-Artikolu 130 TFUE ġiet affettwata billi ġiet ippreġudikata l-kapaċità tagħha li tiffinanzja mill-ġdid l-istabbilimenti ta’ kreditu u li tintervjeni fis-swieq tal-kapital skont l-Artikolu 18(1) tal-Istatuti. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, ir-rikorrenti ma għandhom bażi sabiex isostnu l-eżistenza ta’ trattament inugwali.

87      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tqis li għandu jiġi eżaminat jekk l-aġir inkriminat tal-BĊE jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Sky Italia, C‑234/12, Ġabra, EU:C:2013:496, punt 15), li l-BĊE, bħala istituzzjoni tal-Unjoni, hija obbligata tosserva bħala regola superjuri ta’ dritt tal-Unjoni li tipproteġi l-individwi. Fil-fatt, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jimponi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat b’mod oġġettiv. In-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ l-att inkwistjoni (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, Ġabra, EU:C:2008:728, punti 23, 25 u 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Mejju 2011, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, C‑176/09, Ġabra, EU:C:2011:290, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti jitilqu minn premessa żbaljata meta jsostnu li l-individwi kollha li akkwistaw titoli ta’ dejn Griegi, bħala persuni li jfaddlu jew bħala kredituri “privati” tar-Repubblika Ellenika, minn naħa, u l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema, min-naħa l-oħra, kienu jinsabu, fir-rigward tal-prinċipji u tal-għanijiet tar-regoli rilevanti li fuqhom l-aġir inkriminat kien ibbażat, f’sitwazzjoni paragunabbli, u saħansitra identika, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan l-argument jonqos milli jirrikonoxxi b’mod partikolari li, meta xtraw titoli ta’ dejn Griegi, b’mod partikolari abbażi tad-Deċiżjoni 2010/281, il-BĊE u l-imsemmija banek ċentrali nazzjonali aġixxew fl-eżerċizzju tal-missjonijiet fundamentali tagħhom, skont l-Artikolu 127(1) u (2) TFUE u, b’mod partikolari, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti, bl-għan li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet u tal-ġestjoni tajba tal-politika monetarja, kif ukoll fil-limiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni (ara l-premessa 5 tal-imsemmija deċiżjoni).

89      Għalhekk, l-ewwel nett, il-programm ta’ xiri ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat, inklużi dawk Griegi, stabbilit bid-Deċiżjoni 2010/281, kien espressament ibbażat fuq l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE, u, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 18(1) tal-Istatuti u kien jidħol, fis-sitwazzjoni tal-kriżi finanzjarja li għaliha l-Istat Grieg kien espost, fil-kuntest “taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jipprevalu fis-swieq tal-kapital, ikkaratterizzati mnn tensjonijiet serji fuq ċerti kompartimenti tas-suq li [kienu] jxekklu l-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja u, għaldaqstant, it-twettiq effikaċi ta’ politika monetarja bbażata fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju”. Skont din id-deċiżjoni, dan il-programm kien għaldaqstant intiż li jagħmel “parti mill-politika monetarja unika tal-Eurosistema” sabiex “isir tajjeb għan-nuqqas ta’ funzjonament tajjeb tas-swieq tat-titoli u jiġi stabbilit mill-ġdid mekkaniżmu xieraq ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja” (premessi 2 sa 4 tal-imsemmija deċiżjoni). Dawn ir-raġunijiet ma humiex ikkontestati bħala tali mir-rikorrenti, liema rikorrenti jillimitaw ruħhom biss li jibbażaw il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fuq is-sempliċi fatt li kemm l-investituri privati kif ukoll il-banek ċentrali tal-Eurosistema li jkunu xtraw titoli ta’ dejn Griegi huma kredituri tal-Istat Grieg li għandhom drittijiet ugwali.

90      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-fatt, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti, “[s]abiex jintlaħqu l-għanijiet tas-SEBĊ u sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu”, b’mod partikolari, “joperaw fis-swieq finanzjarji [...] billi jixtru u jbiegħu fil-mument (spot and forward) [...] titoli ta’ self, ta’ kreditu, u li jkunu trasferibbli sew jekk f’euro jew f’muniti oħra [...]”. Minn dan isegwi li l-programm ta’ xiri mill-ġdid tat-titoli ta’ dejn tal-Istat u, għaldaqstant, ix-xiri mill-banek ċentrali tal-Eurosistema ta’ tali titoli kienu jipparteċipaw fil-missjonijiet fundamentali tas-SEBĊ fis-sens tal-Artikolu 127(1) u (2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 282(1) TFUE, u li, b’mod iktar konkret, dawn il-miżuri kienu jibbażaw ruħhom fuq l-awtorizzazzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti. Barra minn hekk, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li x-xiri, mill-imsemmija banek ċentrali, ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat fis-suq sekondarju għandu bħala l-uniku għan dak li l-għanijiet tas-SEBĊ jintlaħqu u sabiex il-missjonijiet tagħha jintlaħqu, li jeskludi kull motiv estern għal dan l-għan, b’mod partikolari l-intenzjoni li jinkisbu renditi għolja minn investimenti, jew saħansitra minn tranżazzjonijiet spekulattivi.

91      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, bħala investituri jew persuni li jfaddlu, aġixxew f’isimhom proprja u fl-interess esklużivament privat tagħhom li jiksbu rendita massima mill-investimenti tagħhom, kienu jinsabu f’sitwazzjoni distinta minn dik tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Filwaqt li, skont id-dritt privat applikabbli, l-imsemmija banek ċentrali akkwistaw, matul ix-xiri ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat, l-istess bħall-investituri privati, l-istatus ta’ kreditur tal-Istat li joħroġ it-titoli jew debitur, dan il-punt komuni waħdu ma jistax jiġġustifika li dawn jiġu kkunsidrati bħala li jinsabu f’sitwazzjoni li tixxiebah, u saħansitra identika, għal dik tal-imsemmija investituri. Fil-fatt, tali approċċ adottat mill-perspettiva tas-sempliċi dritt privat la jieħu inkunsiderazzjoni l-qafas ġuridiku tal-operazzjoni ta’ xiri tal-imsemmija titoli mill-banek ċentrali u lanqas tal-għanijiet ta’ interess pubbliku li dawn kienu msejħa jfittxu f’dan il-kuntest skont ir-regoli ta’ dritt primarju applikabbli, li l-prinċipji u l-għanijiet tagħhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fir-rigward tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 87 iktar ’il fuq).

92      Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti, bħala investituri privati li xtraw titoli ta’ dejn Griegi bis-sempliċi interess patrimonjali privat tagħhom, tkun xi tkun ir-raġuni preċiża tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom, kienu jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-banek ċentrali tal-Eurosistema li d-deċiżjoni tagħhom kienet esklużivament iggwidata minn għanijiet ta’ interess pubbliku, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 127(1) u (2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 282(1) TFUE, kif ukoll l-ewwel inċiż tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, l-għoti u l-implementazzjoni tal-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012 ma jistgħux jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

93      It-tieni nett, ir-rikorrenti lanqas ma għandhom bażi sabiex jallegaw, essenzjalment, li l-investituri privati u l-banek ċentrali tal-Eurosistema jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli fir-rigward tal-impatt fuq l-ekonomija Ewropea tal-effetti tat-tnaqqis tal-valur tad-djun tagħhom. Skont ir-rikorrenti, il-piżijiet imposti fuq l-investituri privati biss fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg “jistgħu jikkawżaw l-istess effetti sistematiċi fuq l-ekonomija Ewropea” bħalma tikkawża parteċipazzjoni ugwalitarja tal-banek ċentrali tal-Eurosistema fl-imsemmija ristrutturazzjoni, li huma ħarġu minnha billi laħqu u billi implementaw il-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012. Anki jekk wieħed jippreżupponi li, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti huma intiżi jsostnu li l-PSI u l-proċedura skont il-KAK kienu ta’ natura li jippreġudikaw b’mod qawwi l-fiduċja tal-investituri privati u istituzzjonali fil-valur intrinsiku tat-titoli ta’ dejn Griegi u, għaldaqstant, fl-affidabbiltà tal-Istat Grieg bħala debitur – biża’ li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni inizjali tal-BĊE fin-nuqqas selettiv tar-Repubblika Ellenika u għar-ristrutturazzjoni parzjali tad-dejn pubbliku tagħha (ara l-punti 78 sa 80 iktar ’il fuq) -, huma naqsu milli jippreċiżaw u jagħtu prova li dawn il-konsegwenzi huma paragunabbli għal dawk li kellhom isostnu l-banek ċentrali tal-Eurosistema u li huma jistgħu ifixklu l-funzjonament tal-imsemmija sistema bl-istess mod. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-ammont totali tal-valur tat-titoli ta’ dejn Griegi akkwistati u miżmuma mill-imsemmija banek ċentrali, kif enfasizzat mir-rikorrenti stess, il-parteċipazzjoni eventwali tal-imsemmija banek fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku ta’ Stat Membru taż-żona tal-euro, indipendentement min-natura leċita jew le tagħha fir-rigward tal-Artikolu 123 TFUE (ara l-punt 114 iktar ’il fuq), irriskjat li taffettwa l-integrità finanzjarja tal-Eurosistema kollha kemm hi u, b’mod partikolari, il-kapaċità tagħha li tintervjeni fis-swieq tal-kapital u li tiffinanzja mill-ġdid l-istabbilimenti ta’ kreditu skont l-ewwel u t-tieni inċiżi tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti. F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li t-titoli ta’ dejn tal-Istat fl-istess waqt jikkostitwixxu garanziji li dawn il-banek ċentrali normalment huma mistennija li jaċċettaw għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu fi ħdan l-Eurosistema u sabiex jinżamm l-aċċess tal-istabbilimenti ta’ kreditu nazzjonali għal-likwidità (ara l-punt 6 tad-dokumentazzjoni ġenerali msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li għandu wkoll jiġi miċħud l-ilment li l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema rriżervaw għalihom status ta’ kreditur ta’ “grad privileġġjat” għad-detriment tas-settur privat, “bl-iskuża tal-missjoni ta’ politika monetarja tagħhom”.

94      It-tielet nett, f’dan il-kuntest, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li, permezz tad-Deċiżjoni 2012/153, il-BĊE ssuġġetta b’mod illegali l-eliġibbiltà tat-titoli ta’ dejn Griegi għall-għoti favur il-banek ċentrali nazzjonali ta’ programm ta’ xiri mill-ġdid tat-titoli li l-klassifikazzjoni tagħhom hija dgħajfa fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Sa fejn dan l-argument huwa intiż li jsostni inugwaljanza fit-trattament imputabbli għall-BĊE għad-detriment tal-investituri privati u b’mod partikolari tar-rikorrenti, dawn ukoll baqgħu ma ppreċiżawx u ma tawx prova li huma kienu jinsabu f’sitwazzjoni analoga għal dik tal-banek ċentrali nazzjonali. Hekk kif il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet, essenzjalment, fid-digriet tagħha Accorinti et vs BĊE, punt 44 iktar ’il fuq (EU:T:2014:611, punti 76 sa 78), anki jekk l-obbligu għar-Repubblika Ellenika li tipprovdi tisħiħ tal-kollateral favur il-banek ċentrali nazzjonali fil-forma ta’ programm ta’ xiri kellu l-bażi legali tiegħu fid-Deċiżjoni 2012/153, l-imsemmi obbligu kien intiż biss li jiggarantixxi ż-żamma tal-possibbiltà għall-imsemmija banek ċentrali li jaċċettaw it-titoli ta’ dejn Griegi bħala garanziji xierqa għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti, għaliex, fl-assenza ta’ tali tisħiħ tal-kollateral, l-imsemmija titoli ma baqgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema fil-qasam tal-livelli ta’ kwalità tal-kreditu skont il-kriterji rilevanti tad-dokumentazzjoni ġenerali. L-imsemmi obbligu għaldaqstant jiżgura ż-żamma tal-marġni ta’ manuvra tal-banek ċentrali tal-Eurosistema skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 127(1) u (2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 282(1) TFUE, kif ukoll tal-ewwel u t-tieni inċiżi tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti, u, għaldaqstant, kien jipprevedi sitwazzjoni li ma kinitx paragunabbli ma’ dik li fiha kienu jinsabu l-investituri privati. Fil-fatt, peress li dawn tal-aħħar kienu akkwistaw u żammew titoli ta’ dejn Griegi għal finijiet esklużivament privati, huma kienu jinsabu f’sitwazzjoni differenti mill-banek ċentrali tal-Eurosistema li kellhom setgħat u dmirijiet skont id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma setgħux jitolbu, taħt il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-benefiċċju analogu ta’ programm ta’ xiri mill-ġdid tat-titoli ta’ dejn tagħhom mill-Istat Grieg.

95      Fi kwalunkwe każ, hekk kif il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet fid-digriet tagħha Accorinti et vs BĊE, punt 44 iktar ’il fuq (EU:T:2014:611, punt 85), it-tisħiħ tal-kollateral ordnat mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2012/153 kien jiggarantixxi ż-żamma tal-eliġibbiltà tat-titoli ta’ dejn Griegi kollha koperti mill-imsemmi tisħiħ, inklużi dawk li saritilhom konverżjoni skont il-KAK. Għalhekk, l-imsemmija deċiżjoni kienet tipproteġi lil dawn it-titoli, fosthom dawk miżmuma u skambjati mir-rikorrenti, għal telf addizzjonali li seta’ jirriżulta mit-tnaqqis tal-klassifikazzjoni tagħhom, u saħansitra l-insolvenza tar-Repubblika Ellenika. Minn dan isegwi li, taħt dan l-aspett, ir-rikorrenti lanqas ma għandhom bażi sabiex isostnu inugwaljanza fit-trattament għad-detriment tagħhom.

96      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti, fir-rigward tal-aspetti u tal-aġir imressqa, inkluż il-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012 u d-Deċiżjoni 2012/153, ma kinux jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, u saħansitra identiċi, għal dawk tal-banek ċentrali tal-Eurosistema, li setgħu jiġġustifikaw il-konklużjoni li jeżisti ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

97      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrewx ksur mill-BĊE tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li seta’ jiskatta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu.

98      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-ilmenti bbażati fuq il-klawżola pari passu, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ tali regola fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma hijiex murija.

99      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt allegat mir-rikorenti li jgħid li l-Principles Consultative Group (PCG) ippropona, fir-rapport tiegħu bit-titolu “Principles for Stable Capital Flows and Fair Debt Restructuring in Emerging Markets” tal-2010, li tiġi rrikonoxxuta, f’dak lil jikkonċerna s-“swieq emerġenti”, l-applikazzjoni pari passu fuq il-livell internazzjonali ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali regola teżistix fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Bl-istess mod, ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jinvokaw b’mod utli r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191). Għall-kuntrarju, dan ir-regolament ikkonstata l-eżistenza ta’ diverġenzi kunsiderevoli f’dan ir-rigward fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, inklużi dawk li jikkonċernaw it-trattament preferenzjali tal-kredituri (premessa 11 tal-istess regolament) u kulma għamel kien li stabbilixxa regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet uniformi għall-finijiet, b’mod partikolari, li jikkoordina t-tqassim tal-prodott tat-twettiq sabiex l-ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri tiġi ppreżervata l-iktar possibbli (premessi 21 u 23 tal-imsemmi regolament).

100    Barra minn hekk, sa fejn regola li timponi l-pari passu timplika trattament ugwali tal-kredituri mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjonijiet distinti li fihom ikunu jinsabu, b’mod partikolari, l-investituri privati, minn naħa, u l-banek ċentrali tal-Eurosistema li jaġixxu fl-eżerċizzju tal-missjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 127 TFUE u l-Artikolu 18 tal-Istatuti, min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent ta’ tali regola fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkun jista’ jidħol f’kunflitt mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif dan jinsab imsemmi fil-punt 87 iktar ’il fuq.

101    It-tieni nett u konsegwentement, hija biss l-inklużjoni tiegħu fil-kuntest ta’ klawżoli kuntrattwali, inklużi dawk dwar il-ħruġ u l-bejgħ ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat, li jirregolaw ir-relazzjoni bejn min joħroġhom u d-debitur u d-detentur u l-kreditur ta’ bond tista’, jekk ikun il-każ, tagħti natura ġuridikament obbligatorja lil klawżola pari passu. Din in-natura obbligatorja għaldaqstant tkun tiddependi minn deċiżjoni awtonoma ta’ min joħroġ il-bonds inkwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kundizzjonijiet ġenerali li jakkumpanjaw il-ħruġ tagħhom, li jissuġġetta ruħu għall-applikazzjoni tal-imsemmija klawżola billi jimpenja ruħu li jittratta lill-kredituri tiegħu b’mod ugwali. Kif isostni b’mod korrett il-BĊE, minn dan barra minn hekk jirriżulta li, f’dan il-każ, min joħroġ it-titoli ta’ dejn Griegi li jista’, jekk ikun il-każ, ikun marbut mill-klawżola pari passu huwa l-Istat Grieg stess u mhux il-banek ċentrali tal-Eurosistema bħala kredituri u detenturi ta’ tali titoli.

102    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma għandhomx bażi sabiex jinvokaw id-deċiżjoni tal-BĊE dwar l-OMT, wara l-fatti rilevanti tal-każ ineżami, li, skont il-kundizzjonijiet tagħha u l-kamp ta’ applikazzjoni speċifiċi tagħha, jiġifieri l-eżistenza ta’ programm komplet ta’ aġġustament makroekonomiku jew ta’ programm ta’ prekawzjoni tal-FESF u tal-MES, tikkonċerna sitwazzjonijiet mhux paragunabbli ma’ dik tal-kriżi mingħajr preċedent tad-dejn pubbliku li biha kienet ikkonfrontata r-Repubblika Ellenika fil-bidu tas-sena 2012 u fil-kuntest tagħhom l-applikazzjoni tal-klawżola pari passu tiddependi preċiżament fuq il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ mogħtija lid-debitur li joħroġ it-titoli kkonċernati (ara l-punt 37 iktar ’il fuq).

103    Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

–       Fuq il-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta poter u fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, “ta’ koerenza u ta’ razzjonalità”

104    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-BĊE, minn naħa, b’użu ħażin ta’ poter peress li l-BĊE ma għandux setgħa diskrezzjonali – jew li tal-inqas abbuża mill-imsemmi poter – sabiex jipproteġi l-baġit finanzjarju tiegħu kontra t-telf li l-kredituri privati għandhom isostnu, u, min-naħa l-oħra, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ta’ koerenza u ta’ razzjonalità”, li jirriżulta mid-“dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(4) TUE u tal-Artikolu 296 TFUE”. Billi ta, fl-interess tiegħu stess u f’dak tal-banek ċentrali nazzjonali, trattament favorevoli għad-detriment tal-kredituri privati billi uża setgħat li r-rikorrenti ma għandhomx, il-BĊE wettaq użu ħażin ta’ poter. Fil-fatt, tali miżura ma tintegrax ruħha fil-kuntest ta’ politika monetarja intiża li tiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet. Barra minn hekk, permezz tal-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012, il-BĊE pproteġa r-riżorsi finanzjarji tiegħu billi evita li jsofri t-telf li l-kredituri u l-persuni li jfaddlu privati biss kellhom isostnu, u dan mingħajr ma għandu setgħa ta’ diskrezzjoni għal dan l-għan jew, tal-inqas, billi għamel użu abbużiv mill-imsemmija setgħa, “b’mod partikolari billi ddefinixxa t-tisħiħ tal-kollateral deċiż mill-kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern taż-żona tal-euro fil-21 ta’ Lulju 2011’. Skont ir-rikorrenti, dan l-użu ħażin ta’ poter jirriżulta mill-assenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-għan konkret imfittex mill-BĊE permezz tal-miżuri adottati li għaldaqstant huma, anki taħt dan l-aspett, arbitrarji. Fil-fatt, l-aġir tal-BĊE kien motivat mill-għan determinanti, saħansitra esklużiv, li jinħoloq status ta’ kreditur privileġġjat li jista’ jevita, b’differenza mill-kredituri privati, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg. Fi kwalunkwe każ, dan l-aġir tal-BĊE kif ukoll id-deċiżjonijiet tiegħu ma jirrispettawx il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ koerenza u ta’ razzjonalità. Fl-aħħar nett, billi ometta, matul in-negozjati tal-ftehim ta’ skambju mar-Repubblika Ellenika, li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-investituri privati, il-BĊE naqas milli josserva r-regoli superjuri tad-dritt tal-Unjoni u mar lil hinn, b’mod serju u manifest, mil-limiti tal-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu. Għalhekk, il-kredituri privati kienu l-uniċi li kellhom ibatu, b’mod mhux ġustifikat u “punittiv”, il-konsegwenzi negattivi tar-ristrutturazzjoni imposta tad-dejn pubbliku Grieg, filwaqt li l-BĊE, l-iktar kreditur importanti, evitahom. Madankollu, it-tnaqqis tal-valur nominali tat-titoli ta’ dejn Griegi suġġett għall-PSI kien ċertament ikun inqas li kieku l-BĊE kien ipparteċipa kif xieraq f’din ir-ristrutturazzjoni bl-istess mod bħall-kredituri privati.

105    Il-BĊE jitlob iċ-ċaħda ta’ dan il-motiv. Huwa jsostni li kellu biss rwol konsultattiv fil-kuntest tal-proċess ta’ negozjati kumpless fuq il-livell politiku u makroekonomiku li kien intiż li jiżgura l-appoġġ ta’ numru kbir ta’ kredituri u ta’ stabbilimenti finanzjarji oħra bl-għan li jiġi evitat in-nuqqas ta’ ħlas tar-Repubblika Ellenika u li finalment wassal għall-PSI. Barra minn hekk, ma huwiex il-BĊE li għandu jiġġustifika l-leġiżlazzjoni adottata mir-Repubblika Ellenika fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fid-dawl tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-deċiżjoni tar-Repubblika Ellenika li teskludi l-parteċipazzjoni tal-BĊE fil-PSI, l-attività konsultattiva ta’ dan tal-aħħar ma tistax titqies bħala li tikkostitwixxi użu mhux xieraq tas-setgħat tiegħu. In-negozjati tal-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012 kienu neċessarji fuq il-pjan tekniku sabiex jiggarantixxu l-implementazzjoni tad-deċiżjoni meħuda mil-leġiżlatur Grieg. Ma eżista ebda kunflitt ta’ interessi fi ħsieb il-BĊE, li l-attività tiegħu kienet konformi mad-dmir tiegħu li jipproteġi l-indipendenza finanzjarja tiegħu sabiex ikompli jwettaq il-missjonijiet previsti mit-Trattat FUE.

106    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li att ikun ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter biss jekk ikun jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li jkun ġie adottat bl-għan esklużiv, jew tal-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet li ma humiex dawk eċċepiti jew li jevitaw proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex tagħmel tajjeb għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni (ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, Ġabra, EU:T:2008:461, punt 151 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw il-legalità tal-aġir tal-BĊE essenzjalment għall-istess raġunijiet bħal dawk imressqa insostenn tal-ewwel u tat-tieni motivi. Issa, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 87 sa 96 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma ressqux indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti ta’ natura li jindikaw li, permezz tal-aġir inkriminat tiegħu, il-BĊE wettaq użu ħażin ta’ poter, wettaq abbuż mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu skont l-Artikolu 125(1) u (2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 282(1) TFUE, kif ukoll mal-ewwel u t-tieni inċiżi tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti jew inkella naqas milli josserva, b’mod manifest u serju, il-limiti tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali jew il-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-politika monetarja fis-sens tal-prinċipji mfakkra fil-punti 67 sa 69 iktar ’il fuq.

108    Għaldaqstant, il-ħolqien, permezz tal-konklużjoni u tal-implementazzjoni tal-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012, tal-allegat “status ta’ kreditur privileġġjat” tal-banek ċentrali tal-Eurosistema sabiex jevitaw ir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg skont il-PSI u skont l-applikazzjoni tal-KAK ma jistax jitqies bħala abbużiv jew li jmur lil hinn mil-limiti tal-kompetenzi tal-BĊE. Għall-kuntrarju, dawn il-miżuri jaqgħu fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu u tal-missjonijiet fundamentali tiegħu sa fejn dawn kienu intiżi preċiżament li jippreżervaw il-marġni ta’ manuvra tal-imsemmija banek ċentrali u jiżguraw il-kontinwità tal-funzjonament tajjeb tal-Eurosistema (ara l-punt 93 iktar ’il fuq). L-istess jgħodd għad-Deċiżjoni 2012/153 sa fejn din obbligat lir-Repubblika Ellenika tipprovdi lill-banek ċentrali nazzjonali b’żieda mill-ġdid tal-kreditu sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu jaċċettaw it-titoli ta’ dejn Griegi bħala garanziji xierqa għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu fl-Eurosistema fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti (ara l-punt 94 iktar ’il fuq).

109    Għaldaqstant, l-ilmenti bbażati fuq użu ħażin jew abbuż ta’ poter għandhom jiġu miċħuda.

110    Fl-aħħar nett, ir-raġunijiet imressqa insostenn tal-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, “ta’ koerenza u ta’ razzjonalità”, kif ukoll ta’ ksur li jirriżulta mid-“dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(4) TUE u tal-Artikolu 296 TFUE” f’dan il-punt huma qosra, vagi u impreċiżi, u ma jippermettux li wieħed jifhem sa fejn l-imsemmija ilmenti huma differenti minn dawk li diġà ġew evalwati u miċħuda. Għalhekk, dawn l-ilmenti wkoll għandhom jiġu miċħuda.

111    Konsegwentement, l-ilmenti invokati fil-kuntest tat-tielet motiv ma jistgħux jitqiesu u ma humiex ta’ natura li jiskattaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE.

–       Fuq il-motiv ta’ ksur tal-Artikoli 123 TFUE u 127 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 21 tal-Istatuti

112    Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE kiser l-Artikoli 123 TFUE u 127 TFUE kif ukoll l-Artikolu 21 tal-Istatuti. Huwa allegatament mar lil hinn b’mod manifest u serju mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu taħt dawn ir-regoli billi nnegozja l-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012 u billi kiseb status ta’ kreditur privileġġjat li d-dispożizzjonijiet fis-seħħ ma kinux jipprevedu. Huwa iktar u iktar minnu li l-BĊE kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-pożizzjoni tiegħu fi ħdan it-“trojka” u l-Eurogroup, tal-pożizzjoni tiegħu ta’ kreditur tar-Repubblika Ellenika, kif ukoll ta’ dik ta’ gwardjan tal-politika monetarja fis-sens tal-Artikolu 127 TFUE. Dawn il-miżuri ma jistgħux jiġu ġġustifikati mill-indipendenza jew l-awtonomija tal-BĊE, kif huma rikonoxxuti mit-Trattati, peress li l-interventi u d-deċiżjonijiet ta’ politika monetarja li għalihom il-BĊE huwa kompetenti huma intiżi għat-tfittxija tal-għanijiet ġenerali tal-Unjoni u għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Ir-rikorrenti jżidu li “l-BĊE jew kiser, minħabba eċċess jew użu ħażin ta’ poter, il-kompetenzi attribwiti lilu mill-Artikolu 127 TFUE, jew inkella [huwa] kiser l-Artikolu 123 TFUE”. Skont ir-rikorrenti, għalkemm l-istabbiltà tal-prezzijiet hija l-oġġettiv tal-politika monetarja, l-istabbiltà finanzjarja miksuba permezz ta’ għajnuna mogħtija bl-akkwist ta’ titoli ta’ Stat ta’ pajjiż taż-żona tal-euro f’diffikultà ma tagħmilx parti mill-missjonijiet tal-Eurosistema.

113    Il-BĊE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

114    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-argument imressaq insostenn ta’ dan il-motiv huwa partikolarment vag u qasir u jikkoinċidi b’mod qawwi ma’ dak imressaq insostenn tat-tieni u tat-tielet motivi, b’mod li l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 87 sa 96 u 107 sa 110 iktar ’il quddiem japplikaw mutatis mutandis. Barra minn hekk, dan l-argument huwa intrinsikament kontradittorju sa fejn dan huwa intiż li jsostni ksur tal-Artikolu 123 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 21 tal-Istatuti. Fil-fatt, hekk kif isostnu r-rikorrenti stess, l-aġir inkriminat tal-BĊE, b’mod partikolari l-adozzjoni tal-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012, kien intiż li jevita li l-banek ċentrali tal-Eurosistema jipparteċipaw fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg billi jissagrifikaw parti mill-valur tat-titoli ta’ dejn Griegi miżmuma fil-portafolli rispettivi tagħhom. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li tali parteċipazzjoni mingħajr kundizzjonijiet irriskjat preċiżament li din tiġi kklassifikata bħala intervent li għandu effett ekwivalenti għal dak tal-akkwist dirett mill-imsemmija banek ċentrali ta’ titoli tal-Istat, ipprojbit mill-Artikolu 123 TFUE.

115    Konsegwentement, l-ilmenti invokati fil-kuntest tar-raba’ motiv ma jistgħux jintlaqgħu u ma humiex ta’ natura li jiskattaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE.

116    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li ebda wieħed mill-motivi ta’ illegalità invokati mir-rikorrenti ma jista’ jissodisfa l-ewwel kundizzjoni tal-iskattar tar-responsabbiltà kuntrattwali tal-BĊE, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Għaldaqstant, it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda sa fejn dawn huma bbażati fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE minħabba att illeċitu, għal din ir-raġuni biss u mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu evalwati l-kundizzjonijiet tar-realtà tad-dannu u tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat.

2.     Fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE minħabba att normattiv leċitu

117    B’mod sussidjarju, ir-rikorrenti jsostnu li huma sostnew dannu anormali u speċjali fis-sens tal-ġurisprudenza li jtihom dritt għal kumpens anki fl-assenza ta’ att illeċitu tal-BĊE. F’dan il-każ, huma sostnew “preġudizzju żmiżurat u intollerabbli għall-essenza stess” tad-dritt tagħhom għal proprjetà bħala detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi, sa fejn il-valur nominali tal-imsemmija titoli tnaqqas b’mod sproporzjonat.

118    Il-BĊE tikkontesta kemm l-eżistenza ta’ sistema ta’ responsabbiltà minħabba att leċitu fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll dik, f’dan il-każ, ta’ dannu anormali u speċjali.

119    Fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minn att leċitu li jaqa’ fl-isfera ta’ kompetenza normattiva tagħha, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli mutatis mutandis għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jirriżulta li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-eżami komparattiv tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri ma jippermettix li l-eżistenza ta’ sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tiġi kkonsakrata mill-fatt tal-eżerċizzju leċitu minnha tal-attivitajiet tagħha li jaqgħu fl-isfera normattiva (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2014, Buono et vs Il-Kummissjoni, C‑12/13 P u C‑13/13 P, Ġabra, EU:C:2014:2284, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, xi atti msemmija mir-rikorrenti, fosthom id-Deċiżjoni 2012/153, jaqgħu taħt l-eżerċizzju, mill-BĊE, tas-setgħat deċiżjonali normattivi tiegħu. Għalhekk u għal din ir-raġuni biss, it-talba għal kumpens għandha tiġi miċħuda f’dak li jirrigwarda l-atti ta’ portata ġenerali adottati mill-BĊE jew f’dak li jirrigwarda r-rifjut tiegħu li jadotta tali att, bħal dawk imsemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq.

120    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li sostnew dannu anormali u speċjali li jista’ jiġġustifika tali responsabbiltà fl-ipoteżi fejn din kellha madankollu tiġi rrikonoxxuta fil-prinċipju. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, minn naħa, dannu jkun ta’ natura “anormali” jekk dan ikun jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti għall-attivitajiet fis-settur ekonomiku inkwistjoni (ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2012, Syndicat des thoniers méditerranéens et vs Il-Kummissjoni, T‑574/08, EU:T:2012:583, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, id-dannu għandu jiġi kklassifikat bħala “speċjali” jekk l-att ikkonċernat jaffettwa kategorija partikolari ta’ operaturi ekonomiċi b’mod sproporzjonat meta mqabbel ma’ operaturi oħra (sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑184/95, Ġabra, EU:T:1998:74, punt 80, u tal-10 ta’ Frar 2004, Afrikanische Frucht Compagnie u Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑64/01 u T-65/01, Ġabra, EU:T:2004:37, punt 151).

121    F’dan il-każ, id-dannu invokat mir-rikorrenti ma jaqbiżx il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti għall-attivitajiet kummerċjali fil-kuntest tas-settur finanzjarju, b’mod partikolari għat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa minn Stat, speċjalment meta dan l-Istat ikollu, bħar-Repubblika Ellenika sa minn tmiem l-2009, klassifikazzjoni mnaqqsa. Għall-kuntrarju, indipendentement mill-prinċipju ġenerali li jgħid li kull kreditur għandu jsostni r-riskju ta’ insolvenza tad-debitur tiegħu, inkluż dak li jkun Stat, tali tranżazzjonijiet jitwettqu fi swieq partikolarment volatili, spiss suġġetti għal perikli u għal riskji mhux kontrollabli fir-rigward tat-tnaqqis jew taż-żieda tal-valur ta’ tali titoli, u dan jista’ jistieden l-ispekulazzjoni sabiex jinkisbu renditi għolja fi żmien qasir ħafna. Għaldaqstant, anki jekk wieħed jippreżupponi li mhux ir-rikorrenti kollha huma involuti fi tranżazzjonijiet ta’ natura spekulattiva, huma kellhom ikunu jafu bl-imsemmija perikli u riskji fir-rigward ta’ telf kunsiderevoli possibbli tal-valur tat-titoli akkwistati. Dan huwa iktar minnu għaliex, anki qabel il-bidu tal-kriżi finanzjarja tiegħu fl-2009, l-Istat Grieg emettur kien diġà qiegħed jiffaċċja dejn u defiċit għolja. Għaldaqstant, id-dannu sostnut minħabba l-PSI ma jistax jiġi kklassifikat bħala “anormali” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

122    Lanqas ma hu possibbli li dan id-dannu jiġi kklassifikat bħala “speċjali”, peress li r-rikorrenti kienu suġġetti, bl-istess mod bħall-investituri privati l-oħra kollha, ċertament b’esklużjoni tal-banek ċentrali tal-Eurosistema, għall-PSI u għall-mekkaniżmu ta’ tnaqqis ibbażat fuq il-Liġi Ellenika Nru 4050/2012. F’dawn il-kundizzjonijiet u b’teħid inkunsiderazzjoni tan-numru kbir ta’ investituri kkonċernati, identifikati mill-imsemmija liġi b’mod ġenerali u oġġettiv skont, b’mod partikolari, in-numru tas-serje tat-titoli inkwistjoni, ir-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu bħala li jappartjenu għal kategorija partikolari ta’ operaturi ekonomiċi li kienu affettwati b’mod sproporzjonat meta mqabbel ma’ operaturi oħra.

123    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr il-bżonn li tiġi evalwata l-ammissibbiltà tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba fir-risposta, mingħajr ma l-BĊE jiġi ordnat jipproduċi l-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012 jew li jitlob l-istabbiliment ta’ perizja għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tad-danni sostnuti.

 Fuq l-ispejjeż

124    L-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-BĊE.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Alessandro Accorinti u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-Anness huma kkundannati għall-ispejjeż.

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Ottubru 2015.

Firem

Anness

Michael Acherer, residenti fi Bressanone (l-Italja),

Giuliano Agostinetti, residenti f’Mestre (l-Italja),

Marco Alagna, residenti f’Milano (l-Italja),

Riccardo Alagna, residenti f’Milano,

Agostino Amalfitano, residenti f’Forio (l-Italja),

Emanuela Amsler, residenti f’Torino (l-Italja),

Francine Amsler, residenti f’Torino,

Alessandro Anelli, residenti f’Bellinzago Novarese (l-Italja),

Angelo Giovanni Angione, residenti f’Potenza (l-Italja),

Giancarlo Antonelli, residenti f’Verona (l-Italja),

Giuseppe Aronica, residenti f’Licata (l-Italja),

Elisa Arsenio, residenti f’Sesto San Giovanni (l-Italja),

Pasquale Arsenio, residenti f’Sesto San Giovanni,

Luigi Azzano, residenti f’Concordia Sagittaria (l-Italja),

Giovanni Baglivo, residenti f’Lecce (l-Italja),

Mario Bajeli, residenti f’Bergamo (l-Italja),

Mario Stefano Baldoni, residenti f’Matera (l-Italja),

Giulio Ballini, residenti f’Lonato (l-Italja),

Antonino Barbara, residenti f’Napoli (l-Italja),

Armida Baron, residenti f’Cassola (l-Italja),

Paolo Baroni, residenti f’Ruma (l-Italja),

Lucia Benassi, residenti f’Scandiano (l-Italja),

Michele Benelli, residenti f’Madignano (l-Italja),

Erich Bernard, residenti f’Lana (l-Italja),

Flaminia Berni, residenti f’Ruma,

Luca Bertazzini, residenti f’Monza (l-Italja),

Adriano Bianchi, residenti f’Casale Corte Cerro (l-Italja),

Massimiliano Bigi, residenti f’Montecchio Emilia (l-Italja),

Daniele Fabrizio Bignami, residenti f’Milano,

Sergio Borghesi, residenti f’Coredo (l-Italja),

Borghesi Srl, stabbilita fi Cles (l-Italja),

Sergio Bovini, residenti f’Cogoleto (l-Italja),

Savino Brizzi, residenti f’Torino,

Annunziata Brum, residenti f’Badiola (l-Italja),

Christina Brunner, residenti f’Laives (l-Italja),

Giovanni Busso, residenti f’Caselette (l-Italja),

Fabio Edoardo Cacciuttolo, residenti f’Milano,

Vincenzo Calabrò, residenti f’Ruma,

Carlo Cameranesi, residenti f’Ancona (l-Italja),

Giuseppe Campisciano, residenti f’Besana in Brianza (l-Italja),

Allegra Canepa, residenti f’Pisa (l-Italja),

Luca Canonaco, residenti f’Como (l-Italja),

Piero Cantù, residenti f’Vimercate (l-Italja),

Fabio Capelli, residenti f’Tortone (l-Italja),

Gianluca Capello, residenti f’San Remo (l-Italja),

Sergio Capello, residenti f’San Remo,

Filippo Caracciolo Di Melito, residenti f’Lucca (l-Italja),

Mario Carchini, residenti f’Carrara (l-Italja),

Elena Carra, residenti f’Ruma,

Claudio Carrara, residenti f’Nembro (l-Italja),

Filippo Carosi, residenti f’Ruma,

Ivan Michele Casarotto, residenti f’Verona,

Anna Maria Cavagnetto, residenti f’Torino,

Gabriele Lucio Cazzulani, residenti f’Segrate (l-Italja),

Davide Celli, residenti f’Rimini (l-Italja),

Antonio Cerigato, residenti f’Ferrara (l-Italja),

Paolo Enrico Chirichilli, residenti f’Ruma,

Celestino Ciocca, residenti f’Ruma,

Mariagiuseppa Civale, residenti f’Milano,

Benito Colangelo, residenti f’Bollate (l-Italja),

Roberto Colicchio, residenti f’Milano,

Edoardo Colli, residenti fi Trieste (l-Italja),

Nello Paolo Colombo, residenti f’Casatenovo (l-Italja)

Mario Concini, residenti fi Tuenno (l-Italja),

Marika Congestrì, residenti f’S. Onofrio (l-Italja),

Luigi Corsini, residenti f’Pistoia (l-Italja),

Maria Chiara Corsini, residenti f’Genova (l-Italja),

Aniello Cucurullo, residenti f’Civitavecchia (l-Italja),

Roberto Cugola, residenti f’Melara (l-Italja),

Roberto Cupioli, residenti f’Rimini,

Giuseppe D’Acunto, residenti f’Lucca,

Nazzareno D’Amici, residenti f’Ruma,

Stefano D’Andrea, residenti f’Ancona,

Rosa D’Antonio, residenti f’Ercolano (l-Italja),

Michele Danelon, residenti fi Gruaro (l-Italja),

Piermaria Carlo Davoli, residenti f’Milano,

Iole De Angelis, residenti f’Ruma,

Roberto De Pieri, residenti f’Treviso (l-Italja),

Stefano De Pieri, residenti f’Martellago (l-Italja),

Ario Deasti, residenti f’San Remo,

Stefano Marco Debernardi, residenti f’Aosta (l-Italja),

Gianfranco Del Mondo, residenti f’Casoria (l-Italja),

Salvatore Del Mondo, residenti f’Gaeta (l-Italja),

Gianmaria Dellea, residenti f’Castelveccana (l-Italja),

Rocco Delsante, residenti f’Langhirano (l-Italja),

Gianmarco Di Luigi, residenti f’Sant’Antimo (l-Italja),

Alessandro Di Tomizio, residenti f’Reggello (l-Italja),

Donata Dibenedetto, residenti f’Altamura (l-Italja),

Angela Dolcini, residenti f’Pavia (l-Italja),

Denis Dotti, residenti f’Milano,

Raffaele Duino, residenti f’San Martino Buon Albergo (l-Italja),

Simona Elefanti, residenti f’Montecchio Emilia,

Maurizio Elia, residenti f’Ruma,

Claudio Falzoni, residenti f’Besnate (l-Italja),

Enrico Maria Ferrari, residenti f’Ruma,

Giuseppe Ferraro, residenti f’Pago Vallo Lauro (l-Italja),

Fiduciaria Cavour Srl, stabbilita f’Ruma,

Giorgio Filippello, residenti f’Caccamo (l-Italja),

Giovanni Filippello, residenti f’Caccamo,

Dario Fiorin, residenti f’Venezia (l-Italja),

Guido Fortunati, residenti f’Verona,

Achille Furioso, residenti f’Agrigento (l-Italja),

Monica Furlanis, residenti f’Concordia Sagittaria,

Vitaliano Gaglianese, residenti f’San Giuliano Terme (l-Italja),

Antonio Galbo, residenti f’Palermo (l-Italja),

Gianluca Gallino, residenti f’Milano,

Giandomenico Gambacorta, residenti f’Ruma,

Federico Gatti, residenti f’Besana in Brianza,

Raffaella Maria Fatima Gerardi, residenti f’Lavello (l-Italja),

Mauro Gini, residenti fi Bressanone

Barbara Giudiceandrea, residenti f’Ruma,

Riccardo Grillini, residenti f’Lugo (l-Italja),

Luciano Iaccarino, residenti f’Verona,

Vittorio Iannetti, residenti f’Carrara,

Franz Anton Inderst, residenti f’Marlengo (l-Italja),

Alessandro Lepore, residenti f’Giovinazzo (l-Italja),

Hermann Kofler, residenti f’Merano (l-Italja),

Fabio Lo Presti, residenti f’Ponte San Pietro (l-Italja),

Silvia Locatelli, residenti f’Brembate (l-Italja),

Nicola Lozito, residenti fi Grumo Appula (l-Italja),

Rocco Lozito, residenti fi Grumo Appula,

Fabio Maffoni, residenti f’Soncino (l-Italja),

Silvano Maffoni, residenti f’Orzinuovi (l-Italja),

Bruno Maironi Da Ponte, residenti f’Bergamo (l-Italja),

Franco Maironi Da Ponte, residenti f’Bergamo,

Michele Maironi Da Ponte, residenti f’Bergamo,

Francesco Makovec, residenti f’Lesmo (l-Italja),

Concetta Mansi, residenti f’Matera,

Angela Marano, residenti f’Melito di Napoli (l-Italja),

Bruno Marchetto, residenti f’Milano,

Fabio Marchetto, residenti f’Milano,

Sergio Mariani, residenti f’Milano,

Lucia Martini, residenti fi Scandicci (l-Italja),

Alessandro Mattei, residenti fi Treviso,

Giorgio Matterazzo, residenti f’Seregno (l-Italja),

Mauro Mazzone, residenti f’Verona,

Ugo Mereghetti, residenti fi Brescia (l-Italja),

Ugo Mereghetti, f’isem Fulvia Mereghetti, residenti f’Casamassima (l-Italja),

Vitale Micheletti, residenti fi Brescia,

Giuseppe Mignano, residenti f’Genoa,

Fabio Mingo, residenti f’Ladispoli (l-Italja),

Giovanni Minorenti, residenti f’Guidonia Montecelio (l-Italja),

Filippo Miuccio, residenti f’Ruma,

Fiduciaria Cavour Srl, stabbilita f’Ruma,

Fulvio Moneta Caglio de Suvich, residenti f’Milano,

Giancarlo Monti, residenti f’Milano,

Angelo Giuseppe Morellini, residenti f’Besana in Brianza,

Barbara Mozzambani, residenti f’San Martino Buon Albergo,

Mario Nardelli, residenti f’Gubbio (l-Italja),

Eugenio Novajra, residenti f’Udine (l-Italja),

Giorgio Omizzolo, residenti f’Baone (l-Italja),

Patrizia Paesani, residenti f’Ruma,

Daniela Paietta, residenti f’Arona (l-Italja),

Luigi Paparo, residenti f’Volla (l-Italja),

Davide Pascale, residenti f’Milano,

Salvatore Pasciuto, residenti f’Gaeta,

Sergio Pederzani, residenti f’Ossuccio (l-Italja),

Aldo Perna, residenti f’Napoli,

Marco Piccinini, residenti f’San Mauro Torinese (l-Italja),

Nicola Piccioni, residenti f’Soncino,

Stefano Piedimonte, residenti f’Napoli,

Mauro Piliego, residenti f’Bolzano (l-Italja),

Vincenzo Pipolo, residenti f’Ruma,

Johann Poder, residenti f’Silandro (l-Italja),

Giovanni Polazzi, residenti f’Milano,

Santo Pullarà, residenti f’Rimini,

Patrizio Ragusa, residenti f’Ruma,

Rosangela Raimondi, residenti f’Arluno (l-Italja),

Massimo Ratti, residenti f’Milano,

Gianni Resta, residenti f’Imola (l-Italja),

Giuseppe Ricciarelli, residenti f’San Giustino (l-Italja),

Enrica Rivi, residenti f’Scandiano,

Maria Rizescu, residenti f’Pesaro (l-Italja),

Alessandro Roca, residenti f’Torino,

Mario Romani, residenti f’Milano,

Claudio Romano, residenti f’Napoli,

Gianfranco Romano, residenti f’Pisticci (l-Italja),

Ivo Rossi, residenti f’Nettuno (l-Italja),

Alfonso Russo, residenti f’Scandiano,

Iginio Russolo, residenti f’San Quirino (l-Italja),

Francesco Sabato, residenti f’Barcelona (Spanja),

Giuseppe Salvatore, residenti f’Silvi (l-Italja),

Luca Eudilio Sarzi Amadè, residenti f’Milano,

Tiziano Scagliola, residenti f’Terlizzi (l-Italja),

Antonio Scalzullo, residenti f’Avellino (l-Italja),

Liviano Semeraro, residenti f’Gavirate (l-Italja),

Laura Liliana Serpente, residenti f’Ancona (l-Italja),

Maria Grazia Serpente, residenti f’Ancona,

Luciana Serra, residenti f’Milano,

Giuseppe Silecchia, residenti f’Altamura,

Paolo Sillani, residenti f’Bergamo,

Vincenzo Solombrino, residenti f’Napoli,

Patrizia Spiezia, residenti f’Casoria,

Alberto Tarantini, residenti f’Ruma,

Halyna Terentyeva, residenti f’Concordia Sagittaria,

Vincenzo Tescione, residenti f’Caserta (l-Italja),

Riccardo Testa, residenti f’Cecina (l-Italja),

Salvatore Testa, residenti f’Pontinia (l-Italja),

Nadia Toneatti, residenti fi Trieste,

Giuseppe Ucci, residenti f’Como,

Giovanni Urbanelli, residenti f’Pescara,

Giuseppina Urciuoli, residenti f’Avellino,

Amelia Vaccaro, residenti fi Chiavari (l-Italja),

Maria Grazia Valentini, residenti fi Tuenno,

Nicola Varacalli, residenti f’Occhieppo Superiore (l-Italja),

Giancarlo Vargiu, residenti f’Bologna (l-Italja),

Salvatore Veltri Barraco Alestra, residenti f’Marsala (l-Italja),

Roberto Vernero, residenti f’Milano,

Vincenza Vigilia, residenti f’Castello d’Agogna (l-Italja),

Celso Giuliano Vigna, residenti f’Castel San Pietro Terme (l-Italja),

Roberto Vignoli, residenti f’Santa Marinella (l-Italja),

Georg Weger, residenti f’Merano,

Albino Zanichelli, residenti f’Busana (l-Italja),

Maurizio Zorzi, residenti f’Ora (l-Italja),

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE minħabba att illeċitu

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-mertu

Fuq il-kundizzjonijiet ta’ skattar mill-BĊE tar-responsabbiltà tal-Unjoni skont l-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE

Fuq l-aġir allegatament illegali tal-BĊE

–  Osservazzjonijiet preliminari

–  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

–  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-“kredituri privati” u tal-klawżola pari passu

–  Fuq il-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta poter u fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ, “ta’ koerenza u ta’ razzjonalitŕ”

–  Fuq il-motiv ta’ ksur tal-Artikoli 123 TFUE u 127 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 21 tal-Istatuti

2.  Fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE minħabba att normattiv leċitu

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.