Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta’ April 2021 minn Petr Fryč mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-11 ta’ Frar 2021 fil-Kawża T-92/20, Fryč vs Il-Kummissjoni,

(Kawża C-239/21 P)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Appellant: Petr Fryč (rappreżentant: Š. Oharková, advokátka)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li:

tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżaminaha mill-ġdid u li l-Qorti Ġenerali tkun obbligata teżamina wkoll l-argumenti mressqa fir-replika tat-2 ta’ Ottubru 2020 inkwantu dawn kienu effettivament tħallew barra fid-digriet appellat tal-Qorti Ġenerali.

fil-każ fejn il-kwistjoni ma tiġix irrinvjata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżaminaha mill-ġdid, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ikunu naqsu serjament milli jwettqu l-obbligu tagħhom u kkawżaw danni lill-appellant inkwantu:

Il-Kummissjoni Ewropea adottat il-GBER [General Block Exemption Regulation (ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa), iktar ’il quddiem il-“GBER”] b’tali mod li, inter alia, teċċedi l-awtorizzazzjoni legali mogħtija mit-Trattati, ma tiżgurax l-osservanza tal-prinċipji kostituzzjonali dwar in-natura eċċezzjonali u leġittima tal-indħil fil-kompetizzjoni, li taffettwa s-suq komuni, kif ukoll ippermettiet li tiġi implimentata għajnuna mill-Istat taħt l-OPPI [Operačního programu Podnikání a inovace (Programm Operattiv għall-Impriża u l-Innovazzjoni), iktar ’il quddiem l-“OPPI”] b’mod li ma kienx konformi mal-liġi, liema għajnuna ħolqot danni għall-attività kummerċjali tal-appellant;

Il-Kummissjoni, permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2007, adottat programm operattiv li jmur kontra t-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u ma ppubblikatx din id-deċiżjoni;

Il-Kummissjoni ma aġixxietx korrettament meta eżaminat l-ilment imressaq quddiemha mill-appellant dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-OPPI mal-liġi, inkwantu la eżaminat iċ-ċirkustanzi għall-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-OPPI, u lanqas ma mmotivat b’mod xieraq iċ-ċaħda tal-ilment imressaq quddiemha mill-appellant;

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eżami tal-każ fuq il-mertu fir-rigward tar-rikors għall-annullament tal-GBER u ċaħdet ir-rikors bħala manifestament infondat, fejn b’dan il-mod kisret l-obbligu legali tagħha li tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità, u billi adottat approċċ eċċessivament formalistiku kisret id-drittijiet kostituzzjonali tal-appellant għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali.

il-Kummissjoni għandha tħallas fil-konfront tal-appellant is-somma ta’ EUR 4 800 000 bħala kumpens għad-dannu mġarrab kif spjegat iktar ’il fuq, f’terminu ta’ tlett ijiem minn meta s-sentenza ssir definittiva.

il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas lill-appellant l-ispejjeż tal-kawża inkorsi minnu billi dawn jiġu ttrasferiti lill-avukat tiegħu.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iressaq erba’ aggravji:

L-ewwel aggravju li jirrigwarda l-effetti tas-sistema ta’ għajnuna mill-Istat attwalment applikabbli, li toħloq bidla mhux naturali u dannuża għall-istruttura ekonomika sħiħa. B’dan il-mod ikun hemm distorsjoni fil-funzjonament tas-suq b’mod globali u jkun hemm ksur tal-liġi ekonomika meta s-suċċess fis-suq jiġi deċiż fuq kollox mill-possibbiltà ta’ benefiċċju minn għajnuna mill-Istat deċiża b’mod politiku u mhux fuq il-bażi tal-liġi.

It-tieni aggravju li jirrigwarda n-nuqqas ta’ attività ta’ kontroll min-naħa tal-Kummissjoni. B’dan il-mod is-sistema ta’ għajnuna pubblika sservi bħala ċekk vojt għall-organi eżekuttivi, li jistgħu jqisu kwalunkwe qasam imsemmi jew sussegwentement irrikonoxxut minnhom bħala konformi mas-suq komuni.

It-tielet aggravju li jirrigwarda evalwazzjoni żbaljata ta’ meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-preżentata ta’ rikors. L-appellant kien konvint li fl-Unjoni hemm mekkaniżmu li jiggarantixxi li l-Kummissjoni tosserva konstantement jekk l-għajnuna pubblika mogħtija konformement mal-Artikolu 107 TFUE (Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) taffettwax is-suq komuni skont kif previst fl-Artikolu 108(1) TFUE. Għal din ir-raġuni l-appellant talab lill-Kummissjoni teżamina s-sitwazzjoni fir-rigward tal-għajnuna pubblika mogħtija fir-Repubblika Ċeka taħt il-programm OPPI. Il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba u minn dan l-appellant ikkonkluda li s-sistema ta’ kontroll prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma taħdimx. L-appellant qies rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bħala l-aħħar possibbiltà, fejn kien jemmen li ma kienx se jkollu bżonn jippreżentah. L-appellant wera diliġenza ogħla mill-medja billi ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar l-irregolaritajiet li seħħew fl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-OPPI u ċertament ma jistax jingħad li l-appellant baqa’ inattiv matul id-dekorriment tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq interess ġuridiku urġenti. Irrispettivament mid-deċiżjoni tal-qorti dwar jekk il-pretensjoni tal-appellant iddekorrietx il-preskrizzjoni jew le, l-appellant huwa konvint li fir-rigward tal-impatt mhux biss nazzjonali iżda wkoll pan-Ewropew tal-kwistjoni kkonċernata huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb il-mistoqsija dwar min huwa responsabbli għall-politika ta’ sussidji żbaljata, jiġifieri jekk hijiex responsabbli l-Unjoni Ewropea jew jekk huwiex responsabbli wkoll l-Istat Membru.

____________