Language of document : ECLI:EU:T:2007:80

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

8 ta' Marzu 2007 (*)

"Kompetizzjoni – Deċiżjoni li tordna spezzjoni – Kooperazzjoni leali mal-qrati nazzjonali – Kooperazzjoni leali ma' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali – Artikolu 20(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk ta' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni – Motivazzjoni – Proporzjonalità"

Fil-kawża T‑339/04,

France Télécom SA, preċedentement Wanadoo SA, stabbilita f'Pariġi (Franza), irrappreżentata minn H. Calvet u M.-C. Rameau, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u O. Beynet, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 1929, tat-18 ta' Mejju 2004, fil-każ COMP/C‑1/38.916, li ordnat lill-France Télécom SA kif ukoll lill-impriżi kollha li hija tikkontrolla direttament jew indirettament, inkluża Wanadoo SA u l-impriżi kollha kkontrollati direttament jew indirettament minn Wanadoo SA, sabiex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skond l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta' Ġunju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Il-paragrafi 1 u 6 ta' l-Artikolu 11 (intitolat "Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri") tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1), jipprovdu li:

"Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità f'kooperazzjoni [mill-qrib].

[…]

L-inizjazzjoni mill-Kummissjoni tal-proċeduri għall-[adozzjoni] ta' deċiżjoni taħt Kapitolu III [t]irrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri [mil]l-kompetenzi tagħhom li japplikaw l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE]. Jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni ta' Stat Membru qed taġixxi diġà fuq il-każ, il-Kummissjoni għandha tibda proċeduri wara li tikkonsulta lil dik l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali."

2        Skond l-Artikolu 20 (intitolat "Is-setgħa ta' spezzjoni tal-Kummissjoni") tar-Regolament Nru 1/2003:

"1. Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha minn dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji [kollha ta' impriżi u ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi].

2. L-uffiċjali u persuni oħra li jakkompanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni [sabiex] jagħmlu spezzjoni għandhom is-setgħa [...]:

a)       li jidħlu f'kwalunkwe siti, art u metodi tat-trasport ta' [impriżi u ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi];

b)      li jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-kummerċ, irrespettivament tal-mod kif [inhuma] maħżun[a];

ċ)       li jieħ[d]u jew jiks[bu] f'kwalunkwe forma: kopji ta' jew estratti minn dawn il-kotba jew rekords;

d)       li jagħlqu kwalunkwe post tal-kummerċ u l-kotba jew rekords għal dak il-perijodu u sal-punt neċessarju biex issir l-ispezzjoni;

e)       li [j]istaqs[u] lil kwalunkwe rappreżentant jew membru [ta' l-i]staff ta' l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta' [...]impriż[i] għal [...]spjegazzjoni fuq il-fatti jew dokumenti relat[at]i mas-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni biex [j]irrekordja[w i]r-risposti.

3. L-uffiċjali u l-persuni l-oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu l-ispezzjoni [għandhom] jeżerċitaw il-poteri tagħhom malli jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li [t]ispeċifika[...]s-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni u l-pieni previsti mill-Artikolu 23 f'każ li [...] l-kotba rikjesti u rekords oħra relatati mal-kummerċ jkun[u prodotti b'mod] inkompl[e]t jew fejn [ir-]risposti għad-domandi mistoqsija taħt [il-]paragrafu 2 tal-preżent[i] Artikolu jkun[u] inkorret[i] jew qarrieq[a]. F'ħin tajjeb qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni [għandha] tagħti notifikazzjoni ta' l-ispezzjoni lill-awtorità tal-kompetizzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu qed isseħħ.

4. Impriżi jew assoċjazzjonijiet [ta'] impriż[i] huma rikjesti li jissottomettu [ruħhom] għall-ispezzjonijiet ordnati b'deċiżjoni mill-Kummissjoni. Id-deċiżjoni [għandha] tispeċifika s-suġġet u l-għan ta' l-ispezzjoni, [tiffissa] d-data li fiha għandha tibda u tindika l-pieni previsti mill-Artikoli 23 u 24 u d-dritt [għal] reviżjoni tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni [għandha] tieħu deċiżjoni wara li tikkonsulta l-awtorità tal-kompetizzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha sseħħ l-ispezzjoni.

5. Uffiċjali ta'[,] kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura mi[nn,] l-awtorità tal-kompetizzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha sseħħ l-ispezzjoni [għandhom], mat-talba ta' din l-awtorità jew tal-Kummissjoni, [j]assist[u] b'mod attiv lil uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, huma [għandhom i]gawdu mi[ll-]poteri speċifikati [fil-]paragrafu 2.

6. Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni jsibu li l-impriża topponi xi speżjoni ordnata skond dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat [għandu] j[agħ]tihom l-assistenza neċessarja, [...] fejn hu [meħtieġ,] l-assistenza tal-puliżija jew ta' [awtorità oħra b'poter] ekwivalenti, [s]abiex [ikunu jistgħu] jikkonduċu l-ispezzjoni tagħhom.

7. Jekk l-assistenza prevista mi[ll-]paragrafu 6 tirrikjedi l-awtorizzazzjoni ta' xi awtorità ġudizzjarja bi qbil mar-regoli nazzjonali, awtorizzazzjoni bħal din trid [issir applikazzjoni] għaliha. Awtorizzazzjoni bħal din tista' [tintalab] ukoll [...] bħala miżura ta' prekawzjoni.

8. Fejn [tintalab] l-awtorizzazzjoni [msemmija] fil-paragrafu 7 [...], l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali [għandha tistħarreġ] li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentika u li l-miżuri ta' sfurzar maħsuba [la huma arbitrarji] u lanqas eċċessivi [meta mqabbla ma]s-suġġett ta' l-ispezzjoni. [Fl-istħarriġ] tal-proporzjonalità tal-miżuri ta' sfurzar, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista' tistaqsi lill-Kummissjoni, direttament jew permezz ta' l-awtorità tal-kompetizzjoni ta' l-Istat Membru, għal spjegazzjonijiet dettaljati b'mod partikolari fuq il-bażi li l-Kummissjoni għandha għal ksur sospett ta' l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE], kif ukoll għas-serjetà tal-ksur sospettat u fuq in-natura ta' involviment ta' l-impriża kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali [la tista' tikkontesta] n-neċessità ta' l-ispezzjoni u lanqas tordna li tkun provduta bl-informazzjoni fil-file tal-Kummissjoni. Il-[...]legali[tà] tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni [għandha] tkun soġġetta għar-reviżjoni biss mill-Qorti tal-Ġustizzja."

3        Il-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 22 (intitolat "Investigazzjonijiet mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' L-Istati Membr") tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li:

"Mat-talba tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri [għandhom iwettqu] l-ispezzjonijiet li l-Kummissjoni tikkunsidra neċessarji taħt l-Artikolu 20(1) jew li ordnat [permezz ta'] deċiżjoni skond l-Artikolu 20(4). L-uffiċjali ta' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri li huma responsabli li jagħmlu dawn l-ispezzjonijiet kif ukoll dawk awtorizati jew maħtura minnhom [għandhom] jeżerċitaw il-poteri tagħhom skond il-liġi nazzjonali tagħhom. 

Jekk ikun mitlub hekk mill-Kummissjoni jew mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri li fit-territorju tagħhom l-ispezzjoni għandha ssir, uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni [jistgħu] [j]assist[u] lill-uffiċjali ta' l-awtorità kkonċernata."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        F'deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003 dwar proċedura taħt l-Artikolu 82 [KE] (każ COMP/38.233 – Wanadoo Interactive) (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003"), il-Kummissjoni kkonstatat li bejn Marzu 2001 u Ottubru 2002 Wanadoo Interactive, dak iż-żmien sussidjara b'99.9 % ta' Wanadoo SA, min-naħa tagħha sussidjarja ta' France Télécom SA, li kienet iżżomm bejn 70 u 72.2 % tal-kapital tagħha fil-perijodu kkonċernat minn din id-deċiżjoni, kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tas-servizzi ta' aċċess għall-Internet b'veloċità għolja intiżi għall-klijentela residenzjali billi għas-servizzi eXtense u Wanadoo ADSL tagħha applikat prezzijiet predatorji u imponiet fuq Wanadoo Interactive multa ta' EUR 10.35 miljuni.

5        Permezz ta' l-Artikoli 2 u 3 ta' din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ordnat ukoll lill-Wanadoo Interactive sabiex:

–        tastjeni, fil-kuntest tas-servizzi eXtense u Wanadoo ADSL, minn kull imġiba li jista' jkollha għan jew effett identiku jew li jixbaħ dak tal-ksur;

–        tibgħat lill-Kummissjoni, fit-tmiem ta' kull sena finanzjarja, u sas-sena finanzjarja 2006 inkluża, il-kont ta' l-operat tas-servizzi ADSL differenti tagħha (Asymmetric Digital Subscriber Line, linja diġitali assimetrika ta' l-abbonat), li juri d-dħul kontabbli, l-ispejjeż ta' l-operat u l-ispejjeż ta' l-akkwist tal-klijentela.

6        Fil-11 ta' Diċembru 2003, wara opinjoni favorevoli mill-Awtorità Franċiża li tirregola t-telekomunikazzjoni, il-Ministru Franċiż ta' l-Ekonomija, tal-Finanzi u ta' l-Industrija approva tnaqqis fit-tariffi bl-ingrossa ta' France Télécom applikati għall-aċċess u l-ġbir IP/ADSL, magħrufa wkoll bħala "għażla 5". Bosta fornituri ta' l-aċċess għall-Internet, fosthom Wanadoo, iddeċidew li japplikaw dan it-tnaqqis fit-tariffi bl-ingrossa fuq l-offerti bl-imnut tagħhom.

7        Fit-12 ta' Diċembru 2003, Wanadoo ħabbret l-ewwel tnaqqis tat-tariffi bl-imnut tagħha, applikabbli kemm għall-abbonati antiki kif ukoll għall-abbonati ġodda, għas-servizzi b'veloċità għolja tagħha (offerta "eXtense 512k" illimitata, "eXtense 512k Fidélité" illimitata, "eXtense 1024k" illimitata u "eXtense 1024k Fidélité" illimitata), b'effett mis-6 ta' Jannar 2004. It-tariffa ta' l-offerta "eXtense 128k" illimitata baqgħat ma tbiddlitx.

8        Fid-9 ta' Jannar 2004, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Wanadoo, fejn fakkritha t-termini ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003 u talbitha tindikalha jekk, wara l-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, hija kinitx introduċiet tnaqqis tal-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi koperti mill-imsemmija deċiżjoni jew jekk hija kellhiex l-intenzjoni li tagħmel dan. Il-Kummissjoni ppreċiżat li f'każ ta' tweġiba pożittiva hija kienet ser tibgħat lil Wanadoo talba għal informazzjoni formali fuq id-detallji ta' dan it-tnaqqis fil-prezz. Il-Kummissjoni, minbarra dan, talbet li tiġi informata dwar id-data tat-tmiem tas-sena finanzjarja ta' Wanadoo u dwar il-mument li fih kienet ser tintbagħtilha l-informazzjoni mitluba mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003. Il-Kummissjoni tenniet it-talba tagħha f'e-mail tas-26 ta' Jannar 2004.

9        Fit-12 ta' Jannar 2004, AOL France SNC u AOL Europe Services SARL (iktar 'il quddiem, meħuda flimkien, "AOL") ippreżentaw ilment quddiem il-Conseil de la concurrence français (iktar 'il quddiem il-"Kunsill tal-Kompetizzjoni") kontra l-prassi ta' prezzijiet predatorji mħaddna minn Wanadoo fir-rigward ta' l-erba' offerti ġodda mħabbra minn din ta' l-aħħar fit-12 ta' Diċembru 2003, fuq il-bażi ta' l-Artikoli 82 KE u L 420‑2 tal-kodiċi tal-kummerċ Franċiż. Ma' dan l-ilment saret talba għal miżuri kawtelatorji intiżi b'mod partikolari għas-sospensjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta' dawn l-offerti, magħmula abbazi ta' l-Artikolu L 464‑1 tal-kodiċi tal-kummerċ Franċiż.

10      Fid-29 ta' Jannar 2004, Wanadoo ħabbret l-introduzzjoni, sa mit-3 ta' Frar 2004, ta' offerta "eXtense 128k Fidélité" illimitata u ta' erba' offerti b'rata fissa (hekk imsejħa "personalizzati"), jiġifieri "eXtense 128k/20h", "eXtense 128k/20h Fidélité", "eXtense 512k/5Go" u "eXtense 512k/5Go Fidélité".

11      Permezz ta' ittra tat-30 ta' Jannar 2004, Wanadoo irrispondiet għall-ittra tal-Kummissjoni tad-9 ta' Jannar 2004 fejn indikat li, wara t-tnaqqis tat-tariffi bl-ingrossa ta' France Télécom, hija kienet ħabbret offerti ġodda applikabbli sa mill-1 ta' Jannar jew mill-1 ta' Frar 2004. Barra minn hekk, permezz ta' korrispondenza tal-15 ta' Marzu 2004, Wanadoo bagħtet lill-Kummissjoni l-kontijiet tas-sena finanzjarja 2003 (li ngħalqu fil-31 ta' Diċembru 2003), li kienu għadhom ma ġewx approvati mil-laqgħa ġenerali ta' l-azzjonisti.

12      Fl-24 ta' Frar 2004, AOL ikkompletat l-ilment tagħha quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni billi żiedet miegħu l-offerti mħabbra minn Wanadoo fit-3 ta' Frar 2004 u billi ma' dan l-ilment għamlet ukoll talba għal miżuri kawtelatorji intiżi b'mod partikolari għas-sospensjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

13      Fil-11 ta' Mejju 2004, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni ta d-Deċiżjoni Nru 04‑D‑17 tiegħu dwar l-ilment u t-talba għal miżuri kawtelatorji ppreżentati minn AOL, li permezz tagħha huwa ċaħad din it-talba u rrinvija l-ilment għal investigazzjoni (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni").

14      Fit-18 ta' Mejju 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2004) 1929, fil-każ COMP/C‑1/38.916, fejn ordnat lil France Télécom kif ukoll lill-impriżi kollha li hija tikkontrolla direttament jew indirettament, inkluża Wanadoo u l-impriżi kollha kkontrollati direttament jew indirettament minn Wanadoo, sabiex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skond l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

15      Din id-deċiżjoni, fl-ewwel u fil-ħames sat-tlettax-il premessa tagħha, tipprovdi li:

"Il-Kummissjoni […] rċeviet informazzjoni li tindika li Wanadoo tapplika tariffi ta' aċċess għall-Internet permezz ta' l-ADSL għall-pubbliku in ġenerali fi Franza li xi uħud minnhom ma jkoprux l-ispejjeż varjabbli filwaqt li oħrajn huma inqas mill-ispejjeż totali. Skond l-informazzjoni disponibbli, dawn it-tariffi jagħmlu parti minn pjan li l-intenzjoni tiegħu hija l-eliminazzjoni tal-kompetituri mis-suq. Barra minn hekk, l-informazzjoni li waslitilha tindika li l-marġni ekonomiku mnaqqas bejn it-tariffi bl-imnut ikkonċernati u l-offerti bl-ingrossa […] (għażla 5) ta' France Télécom jiġġenera pressjoni fuq it-tariffi fil-konfront ta' [l-]operaturi kompetituri li jixtiequ jipproponu l-aċċess għall-Internet b'veloċità għolja għall-klijentela residenzjali fuq il-bażi ta' l-għażla 5 ta' France Télécom.

[…]

Skond l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, analiżi fuq il-bażi tad-data ta' previżjoni turi li għall-inqas tliet [mill-għaxar offerti previsti mid-deċiżjoni kkontestata, imsemmija fil-punti 7 u 10 iktar 'il fuq] (iż-żewġ offerti 'personalizzati' ta' 128 kbit/s u l-offerta 'personalizzata' ta' 512 kbit/s għal 24 xahar) ma jkoprux l-ispejjeż varjabbli tagħhom. Għall-inqas żewġ offerti oħra ta' 512 kbit/s (l-offerta 'personalizzata' ta' 12-il xahar u l-offerta illimitata ta' 24 xahar) ma jkoprux l-ispejjeż kollha tagħhom.

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll informazzjoni li tindika li l-offerti kkonċernati jagħmlu parti minn strateġija li tillimita u li tbiegħed lill-kompetituri.

Barra minn hekk, skond l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, minkejja t-tnaqqis tat-tariffi ta' l-għażla 5 li seħħ f'Jannar 2004, il-marġni ekonomiku bejn it-tariffi ta' l-imnut ġodda applikati minn Wanadoo u l-għażla 5 huwa insuffiċjenti u jwaqqaf lill-operaturi kompetituri li jibbażaw l-offerta tagħhom fuq l-għażla 5 milli jikkompetu ma' Wanadoo f'kundizzjonijiet ġusti.

Fid-deċiżjoni tagħha […] tas-16 ta' Lulju 2003, il-Kummissjoni kkonludiet li Wanadoo kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq Franċiż ta' l-aċċess għall-Internet b'veloċità għolja għall-klijentela residenzjali. L-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha tindika li din il-konklużjoni tibqa' valida llum.

Huwa probabbli ħafna li l-offerti mogħtija minn Wanadoo, li huma aktar baxxi mill-ispejjeż, u l-marġni mnaqqas bejn dawn l-offerti u t-tariffi ta' l-għażla 5 illimitaw id-dħul fis-suq ta' kompetituri – Franċiżi jew kompetituri stabbiliti fi Stati Membri oħra – u pperikolaw dawk li huma diġà preżenti. Skond l-informazzjoni disponibbli, il-parti l-kbira tal-kompetituri ta' Wanadoo kellhom jadattaw ruħhom għall-offerti l-ġodda u s-suq kollu ta' l-ADSL fi Franza attwalment jirreġistra marġni negattiv.

Prassi bħal dik deskritta iktar 'il fuq tammonta għal impożizzjoni ta' prezzijiet tal-bejgħ li mhumiex ġusti. Jekk l-eżistenza tagħha tkun murija, tali prassi tammonta għal abbuż ta' pożizzjoni dominanti u b'hekk għal ksur ta' l-Artikolu 82 [KE].

Sabiex tkun f'pożizzjoni li tevalwa l-fatti kollha rilevanti dwar il-prassi ssuspettata u l-kuntest ta' l-abbuż issuspettat, il-Kummissjoni għandha twettaq spezzjonijiet skond l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

Skond l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, huwa probabbli ħafna li l-informazzjoni kollha relatata mal-prassi msemmija, b'mod partikolari l-elementi ta' informazzjoni li abbażi tagħhom jista' jiġi stabbilit il-livell ta' kopertura ta' l-ispejjeż u dawk li jikkonċernaw l-istrateġija ta' limitazzjoni u ta' tbegħid tal-kompetituri, ġew ikkomunikati biss lil xi membri tal-persunal ta' France Télécom u/jew ta' Wanadoo. Huwa probabbli ħafna li d-dokumentazzjoni eżistenti dwar il-prassi ssuspettata hija limitata għall-minimu u hija miżmuma f'postijiet u f'forma li tiffaċilita l-ħabi, it-trażżin jew id-distruzzjoni tagħha f'każ ta' investigazzjoni.

Sabiex tiġi ggarantita l-effikaċità ta' l-ispezzjoni preżenti, huwa għalhekk essenzjali li titwettaq mingħajr ma jiġu avżati minn qabel l-impriżi destinatarji tad-[d]eċiżjoni preżenti. Għalhekk, hemm lok li tiġi adottata [d]eċiżjoni skond l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, li tordna lill-impriżi sabiex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni."

16      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li:

"France Télécom […] u Wanadoo […] :

huma marbuta li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni dwar preżunta impożizzjoni ta' prezzijiet tal-bejgħ li mhumiex ġusti fil-qasam ta' l-aċċess għall-Internet b'veloċità għolja għall-klijentela residenzjali, li hija kuntrarja għall-Artikolu 82 [KE], bl-intenzjoni li jillimitaw u li jbiegħdu lill-kompetituri. L-ispezzjoni tista' titwettaq fil-postijiet kollha ta' l-impriżi […]

France Télécom […] u Wanadoo […] għandhom jippermettu lill-aġenti u lill-persuni l-oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex iwettqu spezzjoni u lill-aġenti ta' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll lill-aġenti awtorizzati jew inkarigati minnha li jassistuhom, sabiex ikollhom aċċess għall-uffiċċji, il-postijiet u l-mezzi ta' trasport kollha tagħhom fil-ħinijiet normali ta' l-uffiċċju. Dawn l-impriżi għandhom jipprovdu l-kotba u dokumenti professjonali oħra, irrispettivament mill-forma li fihom huma maħżuna, mitluba minn dawn l-aġenti u persuni oħra u għandhom jippermettu lil dawn sabiex jivverifikaw fuq il-post dawn il-kotba u dokumenti professjonali oħra, kif ukoll li jieħdu jew jiksbu, taħt kwalunkwe forma, kopja jew estratt. Huma għandhom jipprovdu immedjatament, fuq il-post, kull spjegazzjoni orali mitluba mill-imsemmija aġenti u persuni oħra fuq fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni u għandhom jippermettu lil kull rappreżentant jew membru tal-persunal li jfornu dawn l-ispjegazzjonijiet. Huma għandhom jippermettu [lill-imsemmija] aġenti u persuni oħra sabiex jirreġistraw tali spjegazzjonijiet, fi kwalunkwe forma."

17      Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża, fl-Artikolu 2 tagħha, id-data tal-bidu ta' l-ispezzjoni. Fl-aħħar parti ta' dan l-artikolu, hija tindika ċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni tista' timponi fuq kull impriża destinatarja ta' din id-deċiżjoni multi u perijodi għal pagament tal-pieni, skond l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 1/2003, u tindika li, meta impriża destinatarja topponi l-ispezzjoni ordnata, l-Istat Membru interessat għandu jagħti lill-aġenti u lill-persuni l-oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni l-assistenza neċessarja sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-missjoni ta' spezzjoni tagħhom, skond l-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003. Hija ssemmi wkoll il-possibbiltà li jsir rikors kontriha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u tinkludi, fl-anness, ċerti estratti tar-Regolament Nru 1/2003.

18      Fuq il-bażi ta' din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni talbet l-assistenza ta' l-awtoritajiet Franċiżi skond l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 1/2003. Permezz ta' talba għal investigazzjoni tal-25 ta' Mejju 2004, il-Ministru Franċiż ta' l-Ekonomija, tal-Finanzi u ta' l-Industrija ordna lid-direttur tad-direttorat nazzjonali ta' investigazzjonijiet tal-kompetizzjoni, tal-konsum u tal-ġlieda kontra l-frodi sabiex jieħu l-miżuri kollha neċessarji għat-twettiq ta' l-investigazzjoni definita mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għal dan il-għan, dan ta' l-aħħar adixxa lill-juge des libertés et de la détention fit-Tribunal de Grande Instance ta' Nanterre (iktar 'il quddiem l-"Imħallef tal-libertajiet") sabiex jikseb l-awtorizzazzjoni li jwettaq jew li jqabbad lil min iwettaq spezzjoni ta' France Télécom u ta' Wanadoo u li jassisti lill-Kummissjoni. Dan ir-rikors kien akkumpanjat mid-deċiżjoni kkontestata.

19      Permezz ta' digriet tas-27 ta' Mejju 2004, l-Imħallef tal-libertajiet ta l-awtorizzazzjoni mitluba li, b'mod partikolari, tippermetti lill-investigaturi Franċiżi li kellhom jiġu maħtura sabiex jeżerċitaw il-poteri mogħtija lilhom mill-Artikoli L 450‑4 u L 470‑6 tal-kodiċi tal-kummerċ Franċiż.

20      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lil Wanadoo fit-2 ta' Ġunju 2004, immedjatament qabel il-bidu ta' l-ispezzjoni, li ntemmet fil-jum ta' l-4 ta' Ġunju 2004.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-10 ta' Awwissu 2004, Wanadoo ressqet ir-rikors preżenti.

22      Fl-1 ta' Settembru 2004, Wanadoo ingħaqdet mal-kumpannija parent tagħha, France Télécom, li daħlet fid-drittijiet tar-rikorrenti.

23      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

24      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi li għamlitilhom il-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta tat-8 ta' Ġunju 2006.

25      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannula d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

27      Ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi in sostenn tar-rikors tagħha, ibbażati rispettivament fuq il-ksur ta' l-Artikolu 10 KE u tar-Regolament Nru 1/2003, fuq il-ksur ta' l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b'attenzjoni u b'imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ li jkollha quddiemha, fuq l-insuffiċjenza ta' motivazzjoni, fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u fuq żball manifest ta' evalwazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 10 KE u tar-Regolament Nru 1/2003

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' kooperazzjoni leali mal-qrati nazzjonali

–       L-argumenti tal-partijiet

28      Ir-rikorrenti ssostni li, skond il-ġurisprudenza, l-Artikolu 10 KE jimponi fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji dmirijiet reċiproċi ta' kooperazzjoni leali ma' l-Istati Membri, b'mod partikolari l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Ir-Regolament Nru 1/2003 għandu jinqara fid-dawl ta' dan l-artikolu.

29      Skond dan l-obbligu ta' kooperazzjoni leali, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-qorti nazzjonali responsabbli mill-eżami tan-natura mhux arbitrarja u proporzjonali tal-miżuri ta' sfurzar previsti meta mqabbla mas-suġġett ta' l-ispezzjoni jkollha l-elementi kollha sabiex tkun tista' twettaq l-istħarriġ tagħha. Skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, Ġabra p. I‑9011), il-Kummissjoni għandha għalhekk tinforma lill-qorti nazzjonali kompetenti dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-ksur issuspettat.

30      F'dan il-każ partikolari, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret dan l-obbligu ta' kooperazzjoni leali b'diversi modi, ksur li għandu jwassal għan-nullità tad-deċiżjoni kkontestata.

31      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma informatx lill-Imħallef tal-libertajiet dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni tal-11 ta' Mejju 2004, dwar il-proċedura pendenti quddiem dan l-istess Kunsill u dwar l-inġunzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx informat lealment lill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali fir-rigward tan-natura u l-gravità tal-ksur issuspettat.

32      Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata ma tagħmel l-ebda referenza għall-analiżi magħmula mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni, li, minħabba li tgħid li l-eżistenza tal-ksur issuspettat hija dubjuża, hija sfavorevoli għat-teżi tal-Kummissjoni. B'mod partikolari, iċ-ċaħda tat-talba għal miżuri kawtelatorji ma kinitx motivata min-nuqqas ta' urġenza, iżda mill-fatt li l-prassi ta' tariffi in kwistjoni ma kinitx ipperikolat lill-kompetituri tar-rikorrenti.

33      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kienet, minn naħa, għamlet referenza għall-intenzjoni tar-rikorrenti li taħbi dokumenti, minkejja li ma kien hemm xejn li seta' jagħtiha din l-impressjoni, u, min-naħa l-oħra, naqset milli tindika lill-Imħallef tal-libertajiet li hija ma kellhiex bżonn tirrikorri għal spezzjoni jew għall-assistenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali sabiex tiġbor l-elementi li ppermettewlha tadotta d-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003.

34      Li kieku l-Imħallef tal-libertajiet kellu dawn l-elementi, huwa kien jevalwa b'mod differenti n-natura mhux arbitrarja jew proporzjonata tal-miżuri ta' sfurzar mitluba. Barra minn hekk, huwa ma talabx informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni minħabba li kellu fiduċja fil-lealtà tagħha.

35      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tafferma li hija ssottomettiet ruħha għal spezzjoni għall-unika raġuni li d-digriet ta' l-Imħallef tal-libertajiet kien ġie nnotifikat lilha. Fi kwalunkwe ipoteżi, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata biss abbażi ta' l-elementi ta' fatt u ta' dritt eżistenti fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

36      Fl-ewwl lok, il-Kummissjoni tirribatti li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti mhijiex effettiva.

37      Minn naħa, in-nuqqas ta' referenza għad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni mhijiex rilevanti peress li r-rikorenti aċċettat li tissottometti ruħha għad-deċiżjoni ta' spezzjoni, deċiżjoni vinkolanti fiha nfisha, mingħajr ma l-Kummissjoni kellha bżonn titlob l-assistenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali abbażi ta' l-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003. Għalhekk, id-digriet ta' l-Imħallef tal-libertajiet baqa' mingħajr effett. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kien imissha attakkat dan id-digriet ta' l-aħħar jekk hija kkunsidrat li l-Imħallef tal-libertajiet ma kienx informat b'mod suffiċjenti sabiex jieħu d-deċiżjoni tiegħu.

38      Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li l-Imħallef tal-libertajiet ma kienx informat biżżejjed sabiex ikun jista' jistħarreġ l-proporzjonalità tal-miżuri ta' sfurzar maħsuba, dan m'għandu l-ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kull ma seta' jagħmel kien li jirrifjuta l-miżuri ta' sfurzar mitluba.

39      Fit-tieni lok, id-dover ta' kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE ma jistax jiġi invokat b'mod awtonomu minn individwu sabiex jikseb l-annulament ta' att, sakemm l-allegat ksur ta' dan l-Artikolu ma jimplikax ksur ta' regola oħra tad-dritt Komunitarju. F'dan ir-rigward, referenza ġenerali għar-regolament Nru 1/2003 mhijiex suffiċjenti.

40      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, hija forniet lill-Imħallef tal-libertajiet bl-elementi kollha neċessarji għall-istħarriġ tiegħu tan-natura mhux arbitrarja u proporzjonali tal-miżuri ta' sfurzar mitluba fir-rigward tas-suġġett ta' l-ispezzjoni. Hija ssostni li l-Imħallef nazzjonali mhuwiex kompetenti sabiex jistħarreġ in-natura neċessarja jew il-fondatezza tal-miżura ta' spezzjoni ordnata, id-diviżjoni tax-xogħol fi ħdan in-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni jew l-effetti potenzjali tal-prassi ta' tariffi ta' l-impriża in kwistjoni fuq is-suq ikkonċernat.

41      Għaldaqstant, la l-proċedura quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni u lanqas id-deċiżjoni ta' dan ta' l-aħħar ma kienu neċessarji jew utli għall-Imħallef tal-libertajiet sabiex jippermettulu li jwettaq l-istħarriġ tiegħu. Għalhekk, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti tmur kontra l-Artikolu 20(8) tar-Regolament Nru 1/2003. Min-naħa tagħha, id-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003 kienet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata u għalhekk l-Imħallef nazzjonali, li kieku kkunsidra li kienet meħtieġa, kien imissu talab aktar informazzjoni mill-Kummissjoni.

42      Sussidjarjament, il-Kummissjoni żżid li d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni ssostni l-konklużjoni li kienu jeżistu raġunijiet suffiċjenti sabiex issir spezzjoni u li ċ-ċaħda tat-talba għal miżuri kawtelatorji mhijiex rilevanti, peress li din ma kinitx marbuta mal-mertu iżda man-nuqqas ta' urġenza.

43      B'hekk, id-deċiżjoni kkontestata fiha l-ispjegazzjonijiet kollha neċessarji u utili sabiex l-Imħallef nazzjonali jkun jista' jwettaq l-istħarriġ mitlub minnu: mid-deċiżjoni jirriżulta b'mod dettaljat li fil-fajl tagħha l-Kummissjoni kellha indizji serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tinforma lill-Imħallef nazzjonali dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-ksur issuspettat, dwar dak li kien qed jiġi mfittex u dwar l-elementi li fuqhom kellha ssir il-verifika, skond il-ġurisprudenza.

44      Fir-raba' lok, l-argument dwar in-nuqqas ta' intenzjoni ta' ħabi mhuwiex rilevanti.

45      Il-Kummissjoni tikkonkludi li, permezz ta' din l-ewwel parti, ir-rikorrenti qiegħda tipprova tikseb riżultat ekwivalenti għall-annulament tad-digriet ta' l-Imħallef tal-libertajiet u li għalhekk hija għandha tiġi miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

46      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, jirriżulta b'mod ċar mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti li din ma tinvokax il-ksur ta' l-Artikolu 10 KE u, għalhekk, tal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali, b'mod awtonomu, iżda li hija tinvoka l-ksur ta' dan l-Artikolu flimkien ma' ksur tar-Regolament Nru 1/2003.

47      F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istamza tosserva li r-regoli dettaljati li jimplementaw l-obbligu ta' kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE u li jorbot lill-Kummissjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħha ma' l-Istati Membri (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Frar 1983, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament, 230/81, Ġabra p. 255, punt 37, u digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Lulju 1990, Zwartveld et, C‑2/88 IMM, Ġabra p. I‑3365, punt 17) ġew, fir-rigward tar-relazzjonijiet li huma stabbiliti fil-kuntest ta' l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni sabiex jinstabu vjolazzjonijiet ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, ippreċiżati permezz ta' l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar kif il-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom jikkooperaw meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li twettaq spezzjoni fil-kuntest ta' dan ir-Regolament.

48      B'hekk, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex twettaq spezzjonijiet, jew fuq produzzjoni ta' awtorizzazzjoni bil-miktub, skond il-paragrafu 3 ta' dan l-artikolu, jew abbażi ta' deċiżjoni li tobbliga lill-impriżi li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni, skond il-paragrafu 4 ta' dan l-artikolu. Jekk twettaq spezzjoni skond l-Artikolu 20(3) il-Kummissjoni hija marbuta, skond dan il-paragrafu, li tavża, f'ħin utli qabel l-ispezzjoni, lill-awtorità tal-kompetizzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-ispezzjoni. Jekk il-Kummissjoni twettaq spezzjoni skond il-paragrafu 4, dan jobbligaha tisma' l-awtorità tal-kompetizzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-inspezzjoni qabel ma tadotta d-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni.

49      Skond l-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003, l-assistenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali hija neċessarja sabiex issir l-ispezzjoni meta l-impriża kkonċernata minn din l-ispezzjoni topponi għaliha u, meta din l-assistenza teħtieġ l-awtorizzazzjoni ta' awtorità ġudizzjarja, din għandha tintalab skond il-paragrafu 7. Skond il-paragrafu 8, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali hija għalhekk mogħtija r-responsabbiltà li tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-ispezzjoni hija awtentika u li l-miżuri ta' sfurzar previsti sabiex issir l-ispezzjoni la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi meta mqabbla ma' l-għan ta' din l-ispezzjoni, filwaqt li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni huwa madankollu rriżervat għall-qrati Komunitarji.

50      Minn dan isegwi li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxi distinzjoni ċara bejn, b'mod partikolari, minn naħa, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu u, min-naħa l-oħra, it-talba għal assistenza ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali skond il-paragrafu 7 ta' dan l-istess artikolu.

51      Għalkemm il-qrati Komunitarji biss huma kompetenti sabiex jistħarrġu l-legalità ta' deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni abbażi ta' l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, kif jirriżulta b'mod partikolari mill-aħħar parti tal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, min-naħa l-oħra, hija biss il-qorti nazzjonali li mingħandha tintalab l-awtorizzazzjoni sabiex jiġu implementati miżuri ta' sfurzar skond l-Artikolu 20(7) tar-Regolament Nru 1/2003, eventwalment assistita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' rinviju preliminari, u suġġett għall-eventwali rimedji nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk l-informazzjoni mgħoddija mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' din it-talba tippermettilhiex li twettaq l-istħarriġ mistenni minnha skond l-Artikolu 20(8) tar-Regolament Nru 1/2003 u għalhekk tqiegħdha f'pożizzjoni li tippronunzja ruħha b'mod utli fuq it-talba ppreżentata lilha [ara, f'dan is-sens, fir-rigward tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat [KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), is-sentenza Roquette Frères, iċċitata f'punt 29 supra, punti 39, 67 u 68].

52      L-awtorità ġudizzjarja nazzjonali adita fil-kuntest ta' l-Artikolu 20(7) tar-Regolament Nru 1/2003 għandha, skond il-paragrafu 8 ta' dan l-artikolu u l-ġurisprudenza (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza Roquette Frères, iċċitata f'punt 29 supra), is-setgħa li titlob spjegazzjonijiet mingħand il-Kummissjoni, b'mod partikolari fuq il-motivi li wassluha sabiex tissuspetta ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, fuq il-gravità tal-ksur issuspettat u fuq in-natura ta' l-involviment ta' l-impriża kkonċernata. Stħarriġ mill-Qorti tal-Prim'Istanza li, għas-saħħa ta' l-argument, jista' jwassal għall-konstatazzjoni ta' insuffiċjenza ta' l-informazzjoni mgħoddija mill-Kummissjoni lil din l-awtorità, jimplika evalwazzjoni mill-ġdid mill-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-evalwazzjoni, diġà magħmula minn din l-awtorità, tan-natura suffiċjenti ta' din l-informazzjoni. Issa, dan l-istħarriġ ma jistax jiġi ammess peress li l-evalwazzjoni mwettqa mill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali hija suġġetta biss għall-istħarriġ li jirriżulta mir-rimedji interni disponibbli fil-konfront tad-deċiżjonijiet ta' din l-awtorità.

53      Għalhekk, l-argumenti mqajma mir-rikorrenti in sostenn ta' l-ewwel motiv tagħha għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma bħala ineffettivi inkwantu, safejn jikkontestaw il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, huma jimplikaw evalwazzjoni mill-ġdid, mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ta' l-evalwazzjoni li saret mill-Imħallef tal-libertajiet, fil-kuntest ta' l-Artikolu 20(8) tar-Regolament Nru 1/2003, tan-natura suffiċjenti ta' l-informazzjoni ppreżentata lilu mill-Kummissjoni sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni mitluba abbażi ta' l-Artikolu 20(7) tar-regolament. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza mhijiex kompetenti sabiex tistħarreġ kif l-Imħallef nazzjonali adit fil-kuntest ta' din id-dispożizzjoni wettaq il-kompitu mogħti lilu mill-Artikolu 20(8).

54      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-legalità ta' att għandha tiġi evalwata abbażi ta' l-elementi ta' dritt u ta' fatt li jeżistu fid-data li fiha dan l-att ġie adottat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Lulju 2004, Valenzuela Marzo vs Il-Kummissjoni, T‑384/02, Ġabra SP p. I‑A‑235 u II‑1035, punt 98). Għaldaqstant, l-użu li kien sar minn deċiżjoni li tordna spezzjoni, jew l-evalwazzjoni ta' l-elementi li jinsabu f'din id-deċiżjoni mwettqa mill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali, fil-kuntest ta' talba magħmula mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 20(7) tar-Regolament Nru 1/2003, m'għandhomx effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni.

55      Għalhekk, fil-kuntest tal-motiv preżenti, huwa biss fid-dawl ta' l-elementi meħtieġa mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, kif interpretat mill-ġurisprudenza, li jeħtieġ li jiġi evalwat jekk humiex fondati l-argumenti tar-rikorrenti li jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tirrispetta l-obbligu ta' kooperazzjoni leali tagħha.

56      F'dan ir-rigward, l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddefinixxi l-elementi essenzjali li għandhom ikunu inklużi f'deċiżjoni li tordna spezzjoni, filwaqt li jobbliga lill-Kummissjoni sabiex tindika s-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni ordnata, id-data li fiha għandha tibda, il-pieni previsti mill-Artikoli 23 u 24 ta' l-imsemmi Regolament u d-dritt għal reviżjoni ta' tali deċiżjoni mill-qorti Komunitarja.

57      Għalhekk, l-għan tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jordnaw spezzjoni huwa li turi n-natura ġustifikata ta' l-intervent previst fi ħdan l-impriżi kkonċernati, kif ukoll li tqiegħdhom f'pożizzjoni li jagħrfu l-portata tad-dover tagħhom ta' kollaborazzjoni filwaqt li jiġu ppreżervati d-drittijiet tad-difiża ta' dawn l-impriżi (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. I‑2859, punt 29, u Roquette Frères, iċċitata f'punt 29 supra, punt 47).

58      Ir-rekwiżit li l-Kummissjoni tindika s-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni jammonta fil-fatt għal garanzija fundamentali tad-drittijiet tad-difiża ta' l-impriżi kkonċernati u, għaldaqstant, il-portata ta' l-obbligu ta' motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' spezzjoni ma tistax tiġi limitata abbażi ta' kunsiderazzjonijiet marbuta ma' l-effikaċja ta' l-investigazzjoni. F'dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni mhijiex marbuta la li tikkomunika lid-destinatarju ta' tali deċiżjoni l-informazzjoni kollha li hija għandha fir-rigward tal-ksur preżunt, la li tiddefinixxi preċiżament is-suq in kwistjoni, la li twettaq kwalifikazzjoni ġuridika eżatta ta' dan il-ksur u lanqas li tindika l-perijodu li fih allegatament twettaq dan il-ksur, hija għandha, min-naħa l-oħra, tindika, b'kemm jista' jkun preċiżjoni, il-suspetti li hija għandha l-intenzjoni li tivverifika, jiġifieri dak li huwa mfittex u l-elementi li fuqhom għandha tikkonċentra l-ispezzjoni (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, 85/87, Ġabra p. 3137, punt 10; Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 57 supra, punt 41, u Roquette Frères, iċċitata f'punt 29 supra, punt 48).

59      Għal dan il-għan, il-Kummissjoni hija wkoll marbuta li, f'deċiżjoni li tordna spezzjoni, tipprovdi deskrizzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tal-ksur issuspettat, billi tindika s-suq preżunt in kwistjoni u n-natura tar-restrizzjonijiet ta' kompetizzjoni ssuspettati, spjegazzjonijiet fir-rigward tal-mod li fih l-impriża kkonċernata mill-ispezzjoni hija preżunta li hija implikata fil-ksur, dak li qiegħed jiġi mfittex u l-elementi li fuqhom għandha ssir il-verifika, kif ukoll il-poteri mogħtija lill-investigaturi Komunitarji (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Ġunju 1980, National Panasonic vs Il-Kummissjoni, 136/79, Ġabra p. 2033, punt 26, u Roquette Frères, iċċitata f'punt 29 supra, punti 81, 83 u 99).

60      Sabiex tiġi stabbilita n-natura ġustifikata ta' l-ispezzjoni, il-Kummissjoni hija marbuta li, fid-deċiżjoni li tordna spezzjoni, turi b'mod dettaljat li hija għandha elementi u indizji materjali serji li wassluha sabiex tissuspetta l-ksur mill-impriża li ser tiġi spezzjonata (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza Roquette Frères, iċċitata f'punt 29 supra, punti 55, 61 u 99).

61      F'dan il-każ partikolari, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata, riprodotta fil-punti 15 sa 17 iktar 'il fuq, hija redatta f'termini ġenerali, hija madankollu fiha l-elementi essenzjali meħtieġa mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-ġurisprudenza. Hija tindika s-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni billi turi l-katatteristiċi essenzjali tal-ksur issuspettat, tidentifika s-suq preżunt in kwistjoni – jiġifieri l-aċċess għall-Internet b'veloċità għolja għall-klijentela residenzjali fi Franza –, tindika n-natura tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ssuspettati fil-konfront tar-rikorrenti – jiġifieri prassi ta' tariffi kuntrarja għall-Artikolu 82 KE –, tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-mod kif ir-rikorrenti hija preżunta li hija implikata fil-ksur – hija kkawżat dan il-ksur –, tindika dak li huwa mfittex u l-elementi li fuqhom għandha tikkonċentra l-ispezzjoni – jiġifieri informazzjoni relatata ma' din il-prassi, b'mod partikolari elementi li jippermettu li jiġi stabbilit il-livell ta' kopertura ta' l-ispejjeż tar-rikorrent u relatati ma' strateġija ta' limitazzjoni u ta' tbegħid tal-kompetituri, li setgħu ġew ikkomunikati biss lil xi membri tal-persunal ta' France Télécom u/jew tar-rikorrenti, li kellhom jiġu mfittxija f'kull post tal-kumpannija, fil-kotba u f'dokumenti professjonali oħra tagħha u, eventwalment, oralment –, tindika s-setgħat mogħtija lill-investigaturi Komunitarji, id-data li fiha kellha tibda l-ispezzjoni – jiġifieri t-2 ta' Ġunju 2004 –, il-pieni previsti fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-possibbiltà li jsir rikors kontriha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

62      Fir-rigward tan-natura ġustifikata ta' l-ispezzjoni, id-deċiżjoni kkontestata turi b'mod dettaljat li l-Kummissjoni, fil-fajl tagħha, kellha elementi u indizji serji li jippermettula li tissuspetta ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mir-rikorrenti. B'hekk, il-Kummissjoni ssemmi, b'mod partikolari, li kienet waslitilha informazzjoni li tindika li r-rikorrenti kienet tapplika tariffi ta' aċċess għall-Internet permezz ta' l-ADSL intiżi għall-pubbliku ġenerali fi Franza li xi uħud minnhom ma jkoprux l-ispejjeż varjabbli filwaqt li oħrajn huma aktar baxxi mill-ispejjeż totali, liema tariffi jagħmlu parti minn pjan li l-intenzjoni tiegħu hija l-eliminazzjoni tal-kompetituri mis-suq u jistgħu jammontaw għal ksur ta' l-Artikolu 82 KE. Barra minn hekk, hija tindika li analiżi tad-data ta' previżjoni kienet effettivament uriet li ċerti offerti tar-rikorrenti, identifikati fid-deċiżjoni kkontestata, ma kinux ikopru l-ispejjeż tagħhom, varjabbli jew totali.

63      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, la l-proċedura pendenti quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, la d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni, u lanqas l-inġunzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003 ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-ispezzjoni deċiża f'dan il-każ ma kinitx ġustifikata.

64      Minkejja li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni jafferma, fid-deċiżjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2004, li "jidher li la s-settur u lanqas l-impriżi li jagħmlu parti minnu ma soffrew dannu gravi u immedjat b'riżultat tal-prassi ta' tariffi ta' Wanadoo", kif tenfasizza r-rikorrenti, huwa madankollu jikkunsidra li "ma jistax jiġi eskluż li ċerti prassi ta' tariffi implementati minn Wanadoo jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni [...] ta' l-Artikolu 82 [KE] peress li jaffettwaw parti sostanzjali tat-territorju nazzjonali". F'din id-deċiżjoni huwa osserva wkoll li r-rikorrenti kellha pożizzjoni dominanti fis-suq in kwistjoni; li ċerti estimi ta' dħul imressqa mir-rikorrenti jidhru "ftit verosimili"; li, għall-offerti "eXtense 128k/20h Fidélité" u "eXtense 512k/5Go Fidélité", jidher li r-rikorrenti kienet biegħet bi prezz inqas mill-ispejjeż varjabbli tagħha, li jammonta, skond din id-deċiżjoni, għal preżunzjoni qawwija ta' mġiba predatorja skond il-ġurisprudenza Komunitarja, u li, skond ċerti estimi, l-offerti "eXtense 128k/20h", "eXtense 512k/5Go Fidélité" u "eXtense 512k Fidélité" ma setgħux ikopru l-ispejjeż totali tagħhom.

65      Il-fatt li hija involuta deċiżjoni li tiċħad talba għal miżuri kawtelatorji huwa irrilevanti, peress li skond il-Kunsill tal-Kompetizzjoni din iċ-ċaħda hija ġustifikata minħabba n-nuqqas ta' dannu gravi u immedjat għas-settur jew għall-impriżi tas-settur u minħabba n-nuqqas ta' dannu immedjat għall-konsumatur, fi kliem ieħor minħabba n-nuqqas ta' urġenza u mhux minħabba n-nuqqas manifest ta' fondatezza ta' l-ilment li kien qiegħed jitratta.

66      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, minkejja l-inġunzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003, il-Kummissjoni kienet irċeviet informazzjoni li tindika li r-rikorrenti probabbilment ma kinitx ikkonformat ruħha magħhom. Minbarra dan, ir-rikorrenti ma turix li l-elementi u l-indizji serji li l-Kummissjoni tirreferi għalihom fid-deċiżjoni kkontestata ma setgħux jiġġustifikaw ir-rikors għall-ispezzjoni. Għaldaqstant, in-natura mhux ġustifikata tad-deċiżjoni ma ġietx stabbilita.

67      Fl-aħħar nett, huwa paċifiku li r-rikorrenti kienet taf bil-proċedura pendenti quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, bid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni u bl-inġunzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003. Għaldaqstant, il-fatt li dawn l-elementi ma ssemmewx fid-deċiżjoni kkontestata ma setax ikollu l-effett li jippreġudika d-drittijiet tad-difiża jew li jimpedixxi lir-rikorrenti milli tifhem il-portata tad-dover ta' kollaborazzjoni tagħha mal-Kummissjoni matul l-ispezzjoni.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-obbligi imposti fuq il-Kummissjoni mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 ġew osservati u li, għalhekk, l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv ma tistax tintlaqa'.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta' osservanza tat-tqassim ta' kompetenzi u ta' l-obbligu ta' kooperazzjoni leali ma' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali previsti fir-Regolament Nru 1/2003

–       L-argumenti tal-partijiet

69      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma rrispettatx it-tqassim ta' kompetenzi stabbilit fir-Regolament Nru 1/2003 u t-testi ta' applikazzjoni tiegħu u ma ssodisfatx id-dover tagħha ta' kooperazzjoni leali ma' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali kif mitlub mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 10 KE.

70      Skond ir-rikorrenti, ir-Regolament Nru 1/2003 iddeċentralizza d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni fuq il-bażi, minn naħa, tal-prinċipju ta' sussidjarjetà, previst mir-Regolament Nru 1/2003, u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1/2003 poġġa fis-seħħ netwerk Ewropew ta' kompetizzjoni u sistema ta' kompetenzi u ta' kooperazzjoni bejn il-membri ta' dan in-netwerk. Dan il-prinċipju ta' kooperazzjoni jissemma b'mod partikolari fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk ta' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43, iktar 'il quddiem il-"Komunikazzjoni") u fid-dikjarazzjoni komuni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Diċembru 2002 fuq il-funzjonament tan-netwerk ta' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (dikjarazzjoni mniżżla fil-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1/2003, dokument Nru 15435/02 ADD 1, iktar 'il quddiem id-"dikjarazzjoni komuni").

71      Fuq il-bażi ta' dawn iż-żewġ prinċipji, il-Kummissjoni ddefiniet, fil-Komunikazzjoni, ir-regoli ta' distribuzzjoni tal-każijiet bejn il-membri tan-netwerk. Dawn ir-regoli ma ġewx irrispettati mid-deċiżjoni kkontestata. Fl-ewwel lok, skond il-Komunikazzjoni, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni huwa l-awtorità li tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex titratta l-każ in kwistjoni u l-Kummissjoni mhijiex f'pożizzjoni aħjar minn din ta' l-aħħar. Għalhekk, l-ispezzjoni ma tistax twassal sabiex iċċaħħad lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni mill-kompetenza tiegħu u tattribwixxi l-każ lill-Kummissjoni u, għaldaqstant, l-ispezzjoni ordnata mhijiex leġittima. Fit-tieni lok, l-intervent dirett tal-Kummissjoni huwa inġustifikat, peress li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni għandu poteri ta' spezzjoni u peress li l-Kummissjoni setgħet titolbu jagħmel użu minnhom. Fit-tielet lok, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi kkunsidrata bħala leġittima, il-Kummissjoni kien imissha applikat l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u, għaldaqstant, tinvolvi lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni fil-miżuri ta' spezzjoni u tiddelegalu l-kompiti kollha li setgħu jiġu delegati.

72      Il-Kummissjoni tirribatti, fl-ewwel lok, li l-parti preżenti, sa fejn hija bbażata fuq in-nuqqas ta' osservanza tat-tqassim tal-kompetenzi kif jirriżulta mir-Regolament Nru 1/2003, hija inammissibbli, peress li ma tindikax preċiżament il-motiv ta' annullament. Fil-fatt, ma ġiet invokata l-ebda dispożizzjoni speċifika tar-regolament. Fir-realtà, it-Trattat KE u r-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxu kompetenzi paralleli għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Id-dikjarazzjoni komuni u l-Komunikazzjoni fihom biss, min-naħa tagħhom, indikazzjonijiet fuq il-mod li fih l-awtoritajiet tan-netwerk jistgħu jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom u jippreżervaw il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tintervjeni f'kull mument kontra kull ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

73      Fir-rigward tal-prinċipju ta' sussidjarjetà, l-ewwel nett, ir-Regolament Nru 1/2003 sempliċement jindika li l-adozzjoni tiegħu ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tkun tista' ssir applikazzjoni effikaċi tar-regoli tat-Trattat, mingħajr madankollu ma taffettwa l-poteri tal-Kummissjoni li twettaq investigazzjonijiet. It-tieni nett, peress li l-Kummissjoni għandha kompetenza sabiex tapplika direttament it-Trattat KE f'każijiet individwali, il-prinċipju ta' sussidjarjetà ma jistax jiġi interpretat b'mod li jċaħħadha minn din il-kompetenza. Fl-aħħar nett, l-invokazzjoni ta' dan il-prinċipju mhijiex fondata, peress li l-intervent tal-Kummissjoni kien limitat għal fażi ta' investigazzjoni preliminari, qabel ma l-Kummissjoni ddeċidiet dwar l-opportunità eventwali li tibda proċedura.

74      Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni m'għandhiex effetti ġuridiċi vinkolanti u, minbarra dan, il-qari tal-kriterji ta' attribuzzjoni tal-każijiet imwettaq mir-rikorrenti huwa żbaljat. Il-Kummissjoni fil-fatt tibqa' dejjem ħielsa li tintervjeni f'każ, fi kwalunkwe ħin. Għal finijiet ta' kompletezza, il-Kummissjoni żżid, minn naħa, li ċerti elementi ta' dan il-każ jitolbu trattament tal-mertu tal-każ mis-servizzi tagħha u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni tagħha li twettaq spezzjoni u li titratta hija stess il-mertu tal-każ kienet is-suġġett ta' kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet Franċiżi. Fi kwalunkwe każ, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ma tiddependix minn jekk hija kinitx is-suġġett ta' diskussjonijiet minn qabel u ta' kollaborazzjoni mill-qrib ma' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, peress li l-uniku obbligu tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward huwa dak previst fl-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, obbligu li r-rikorrenti ma tinvokax il-ksur tiegħu.

75      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1/2003 m'għandux effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-regolament ma jobbligax lill-Kummissjoni sabiex tiddelega ċerti kompiti lill-awtoritajiet nazzjonali.

76      Abbażi ta' l-argumenti preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li hija ma kisret l-ebda obbligu ta' kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Franċiżi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

77      L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li l-parti preżenti hija inammissibbli safejn hija bbażata fuq in-nuqqas ta' osservanza tat-tqassim tal-kompetenzi li jirriżulta mir-Regolment Nru 1/2003. Fil-fatt, in-nuqqas ta' identifikazzjoni ta' dispożizzjoni preċiża tar-regolament fuq dan il-punt mhuwiex ta' natura li jagħmel din il-parti ta' l-argumentazzjoni tar-rikorrenti inammissibbli, safejn ir-rikorrent essenzjalment issostni li hija s-sistema ta' tqassim tal-kompetenzi, li tirriżulta mir-Regolament Nru 1/2003, li ma ġietx osservata u safejn id-domanda ta' l-eżistenza effettiva ta' din is-sistema hija waħda mill-bażijiet ta' l-argumentazzjoni tagħha.

78      Għalhekk, jeħtieġ li jiġi analizzat jekk, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqsitx milli tirrispetta t-tqassim tal-kompetenzi jew l-obbligu ta' kooperazzjoni leali ma' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, li jirriżultaw mill-prinċipju ta' sussidjarjetà, mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1/2003, mill-Komunikazzjoni, mid-dikjarazzjoni komuni u mill-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

79      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, jeħtieġ li jiġi osservat li r-Regolament Nru 1/2003 jġib fi tmiem is-sistema ċentralizzata preċedenti u jorganizza, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà, assoċjazzjoni akbar ta' awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u jawtorizzawhom, għal dan il-għan, sabiex jimplementaw id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Madankollu, l-iskema tar-regolament hija bbażata fuq il-kooperazzjoni mill-qrib li huwa mixtieq li tiżviluppa bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri organizzati f'netwerk, bil-Kummissjoni responsabbli mid-determinazzjoni tal-metodi konkreti ta' din il-kooperazzjoni. Minbarra dan, l-imsemmi regolament ma joħloqx dubju dwar il-kompetenza ġenerali rikonoxxuta lill-Kummissjoni mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Diċembru 2000, Masterfoods, C‑344/98, Ġabra p. I‑11369, punti 46 u 48). Fil-fatt, skond ir-Regolament Nru 1/2003, l-istituzzjoni għandha setgħa ta' investigazzjoni wiesgħa ħafna u hija awtorizzata, fi kwalunkwe każ, sabiex tiddeċiedi dwar il-ftuħ ta' proċedura dwar ksur, liema ftuħ jċaħħad lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri mill-kompetenza tagħhom. Hija għalhekk iżżomm rwol predominanti fl-investigazzjoni tal-ksur.

80      Għaldaqstant, ir-rikorrenti tinterpreta b'mod żbaljat il-kooperazzjoni stabblita mir-Regolament Nru 1/2003 bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri. L-ebda dispożizzjoni tar-Regolament ma tistabbilixxi regola ta' tqassim tal-kompetenzi, bħal dik invokata mir-rikorrenti, li tipprovdi li l-Kummissjoni mhijiex awtorizzata twettaq spezzjoni meta awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tkun qiegħda diġà titratta l-istess każ. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi, suġġett għal sempliċi konsultazzjoni ta' l-awtorità nazzjonali kkonċernata, li l-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tiftaħ proċedura bil-għan li tadotta deċiżjoni anki jekk awtorità nazzjonali diġà qiegħda titratta l-każ.

81      Għalhekk, il-Kummissjoni għandha a fortiori tkun tista' twettaq spezzjoni bħal dik ordnata f'dan il-każ partikolari. Fil-fatt, deċiżjoni li tordna spezzjoni hija biss att preparatorju għat-trattament tal-mertu ta' każ, li ma tammontax għal ftuħ formali tal-proċedura fis-sens ta' l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li tali deċiżjoni li tordna spezzjoni ma timmanifestax fiha nfisha l-volontà tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni fuq il-mertu tal-każ (ara, f'dan is-sens, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Frar 1973, Brasserie de Haecht, 48/72, Ġabra p. 77, punt 16). Il-premessa 24 tar-Regolament Nru 1/2003 tgħid, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata sabiex twettaq spezzjonijiet li huma neċessarji sabiex jinkixfu l-ksur ta' l-Artikolu 82 KE, u l-Artikolu 20(1) ta' l-imsemmi regolament jipprovdi speċifikament li, sabiex tissodisfa d-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tagħmel l-ispezzjonijiet kollha neċessarji.

82      Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 1/2003 ma jistabbilixxix sistema ta' tqassim tal-kompetenzi bħal dik invokata mir-rikorrenti. Għalhekk, l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta' osservanza ta' din is-sistema ma jistax jintlaqa'.

83      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Komunikazzjoni, li, skond ir-rikorrenti, taqsam ukoll il-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u ma kinitx irrispettata f'dan il-każ partikolari, jeħtieġ li, minn naħa, jingħad li l-punt 4 tagħha jispeċifika li l-konsultazzjonijiet u l-iskambji fi ħdan in-netwerk jirrigwardaw l-awtoritajiet li jaġixxu fl-interess pubbliku u li, skond il-punt 31 tagħha, hija ma tagħtix lill-impriżi implikati dritt individwali li l-każ jiġi trattat minn awtorità speċifika. Ir-rikorrenti għalhekk mhijiex fondata meta ssostni li, skond din il-Komunikazzjoni, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni biss jista' jitratta l-każ in kwistjoni.

84      Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti ma taqbilx mal-formulazzjoni stess tal-Komunikazzjoni. Il-punt 8 tagħha, li għalih tirreferi r-rikorrenti, effettivament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom awtorità tista' tiġi kkunsidrata li tinsab f'pożizzjoni tajba sabiex titratta każ. Madankollu, l-użu tal-verb "seta'" juri li din hija sempliċi possibbiltà ta' tqassim tal-kompiti, li ma tistax titqies bħala li tobbliga lill-Kummissjoni li ma titrattax każ jew li ma tinvestigax każ meta l-kundizzjonijiet li l-punt 8 jistabbilixxi jkunu sodisfatti. Barra minn hekk, skond il-punt 5 tal-Komunikazzjoni, kull membru tan-netwerk jibqa' liberu sabiex jiddeċiedi jekk jinvestigax jew le dwar każ u l-punt 55 jipprovdi, in konformità ma' dak li huwa previst fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, li l-Kummissjoni tista', fi kwalunkwe każ, titratta każ li jkun qiegħed jiġi trattat minn awtorità nazzjonali. Hija għalhekk għandha tkun tista' twettaq spezzjoni. Għaldaqstant, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-Komunikazzjoni mhijiex fondata.

85      Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni komuni, il-punt 3 tagħha jindika li hija ta' natura politika u la toħloq drittijiet legali u lanqas obbligi legali. Għalhekk, ir-rikorrenti mhijiex fondata meta tinvoka dokument bħal dan għall-finijiet ta' l-annullament ta' att tad-dritt Komunitarju li jkun ta' preġudizzju. Fi kwalunkwe każ, il-punt 22 tagħha jipprovdi li l-Kummissjoni tista' titratta każ, anki jekk awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali kienet diġà bdiet tistħarrġu, bil-kundizzjoni li hija tispjegalha, kif ukoll lill-membri l-oħra tan-netwerk, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tapplika l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, diġà ġie osservat li d-deċiżjoni kkontestata ma timplikax l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 u li għalhekk il-Kummissjoni għandha, f'dan il-każ partikolari, titqies bħala awtorizzata sabiex twettaq spezzjoni.

86      Fir-rigward, fir-raba' lok, ta' l-obbligu ta' kooperazzjoni leali ma' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali abbażi ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u ta' l-Artikolu 10 KE, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 tistabilixxi bħala regola ġenerali li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali huma marbuta li jikkollaboraw mill-qrib, iżda ma timponix lill-Kummissjoni li tastjeni milli twettaq spezzjoni fir-rigward ta' każ li awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tkun qiegħda titratta fl-istess waqt. Għall-kuntrarju, mid-dispożizzjonijiet analizzati iktar 'il fuq, u b'mod partikolari mill-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, jirriżulta li l-prinċipju ta' kollaborazzjoni jimplika li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jistgħu, minn ta' l-inqas fl-istadji preliminari tal-każijiet li jkunu qegħdin jitrattaw, jaħdmu fl-istess waqt. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-Kummissjoni effettivament kellha kuntatti ma' l-awtorità nazzjonali kkonċernata qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward ta' l-Artikolu 10 KE, ir-rikorrenti sempliċement tinvoka l-ksur mingħajr ma ssosnti din l-allegazzjoni b'mod differenti ħlief billi tirreferi għall-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Minn dan isegwi li l-allegat ksur ta' dawn l-Artikoli ma ġiex stabbilit.

87      Fil-ħames lok, fir-rigward ta' l-argument ibbażat fuq l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1/2003, dan huwa ineffettiv. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi biss għall-possibbiltà li l-Kummissjoni tiddelega parti mill-kompiti tagħha lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, mingħajr ma timponilha obbligu f'dan ir-rigward.

88      Fl-aħħar nett, fir-rigward, fis-sitt lok, ta' l-argument ibbażat fuq il-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5 KE, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond il-formulazzjoni ta' dan il-paragrafu, f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, il-Komunità għandha taġixxi biss, jekk u sakemm l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba l-iskala tad-daqs jew l-effetti ta' l-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar mill-Komunità.

89      F'dan il-każ partikolari, ir-referenza għall-prinċipji ta' sussidjarjetà magħmula fir-Regolament Nru 1/2003 tindika biss li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 hija konformi ma' dan il-prinċipju. Minbarra dan, il-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, anness mat-Trattat KE, jippreċiża, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-prinċipju ta' sussidjarjetà ma jpoġġix in kwistjoni l-kompetenzi mogħtija lill-Komunità permezz tat-Trattat, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, Ġabra p. I‑6451, punt 102). Għalhekk, dan il-prinċipju ma jpoġġix in kwistjoni l-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattat KE, fosthom l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, u b'mod partikolari d-dritt li twettaq spezzjonijiet sabiex tiġi evalwata r-realtà eventwali tal-ksur issuspettat. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, kif diġà rajna, l-azzjoni tal-Kummissjoni in kwistjoni hija azzjoni preliminari, li ma timplikax il-ftuħ formali tal-proċedura fis-sens ta' l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003. L-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għalhekk ma kellhiex l-effett li ċċaħħad lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni mill-kompetenza tiegħu. Għalhekk, ma ġiex stabbilit li l-prinċipju ta' sussidjarjetà ma kienx irrispettat.

90      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni kienet kisret regola ta' tqassim tal-kompetenzi li kienet tipprojbiha milli twettaq l-ispezzjoni in kwistjoni, kienet naqset milli tirrispetta l-obbligu tagħha ta' kooperazzjoni leali ma' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali kif stabbilit b'mod partikolari mir-Regolament Nru 1/2003 jew li kienet kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità. Għaldaqstant, it-tieni parti ta' l-ewwel motiv mhijiex fondata.

91      Għalhekk, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni ta' l-obbligu tagħha li teżamina b'attenzjoni u b'imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ in eżami

 L-argumenti tal-partijiet

92      Ir-rikorrenti ssostni li, skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni, fil-każijiet fejn tgawdi minn diskrezzjoni, hija marbuta li tirrispetta l-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja, fosthom, b'mod partikolari, l-obbligu li teżamina b'attenzjoni u b'imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ in eżami. F'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni ma osservatx dan l-obbligu peress li bl-ebda mod ma ħadet in kunsiderazzjoni, qabel ma ddeċidiet li twettaq l-ispezzjoni, il-fatt li l-Kunsill tal-Kompertizzjoni kien diġà ttratta l-offerti mħabbra mir-rikorrenti f'Jannar u fi Frar 2004 u kien ikkonstata li l-kwalifikazzjoni ta' predazzjoni kienet inverosimili ħafna. Ir-rikorrenti tqis li, minkejja li jista' jiġi ammess li l-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni differenti minn dik tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni fuq l-istruttura u l-evoluzzjoni tas-suq Franċiż tas-servizzi ta' aċċess għall-Internet b'veloċità għolja, din madankollu kien imissha qabblet l-informazzjoni li hija kellha ma' dik li kienet tinsab fid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-
Kompetizzjoni. Issa, l-eżistenza tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni lanqas biss issemmiet. Dan il-ksur huwa akkumpanjat minn żball manifest ta' evalwazzjoni u huwa aggravat minħabba kuntatti tal-Kummissjoni mar-relatur tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni u ma' AOL. Eżami b'attenzjoni u b'imparzjalità kien jinvolvi kjarifikazzjoni għalxiex l-ispezzjoni kienet għadha neċessarja minkejja d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni.

93      Il-Kummissjoni tirribatti li dan il-motiv għandu jiġi miċħud. Hija eżaminat b'attenzjoni u b'imparzjalità l-elementi rilevanti kollha ta' dan il-każ partikolari, b'mod partikolari d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni u d-deċiżjoni tagħha tas-16 ta' Lulju 2003. Hija ma fformulatx opinjoni definittiva fuq l-eżistenza ta' ksur iżda kellha biss suspetti, ibbażati fuq informazzjoni li kienet waslitilha b'mod partikolari mingħand diversi operaturi kompetituri tar-rikorrenti. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni, waħedha, tipprovdi indizji suffiċjenti dwar l-eżistenza probabbli ta' ksur. Fl-aħħar nett, minbarra din id-deċiżjoni u l-laqgħat mar-relatur tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni, il-Kummissjoni kellha wkoll diversi laqgħat ma' l-uffiċjal tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni responsabbli mill-kuntatti mal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

94      Fost il-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi jinsab b'mod partikolari l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu ta' l-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b'attenzjoni u b'imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ in eżami (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T 191/98, T 212/98 sa T 214/98, Ġabra p. II-3275, punt 404).

95      F'dan il-każ, ir-rikorrenti essenzjalment takkuża lill-Kummissjoni li din kisret dan l-obbligu billi ma ħaditx in kunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni u billi ma qabblitx il-kontenut ta' din id-deċiżjoni ma' l-informazzjoni li hija kellha. Il-Kummissjoni allegatament aggravat dan il-ksur permezz ta' kuntatti mar-relatur tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni responsabbli mill-każ u ma' AOL, kompetitriċi tar-rikorrenti.

96      Din l-argumentazzjoni ma tistax tintlaqa'.

97      L-ewwel nett, il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni ma tissemmiex fid-deċiżjoni kkontestata mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hija ma ġietx ikkunsidrata mill-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, il-kuntatti li seħħew bejn il-Kummissjoni u r-relatur tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni, kien x'kien ir-rwol ta' dan ta' l-aħħar fil-proċess ta' elaborazzjoni jew ta' adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni, pjuttost juru li l-Kummissjoni kienet informata tajjeb dwar l-eżistenza ta' din id-deċiżjoni, jew, għall-inqas, ta' l-imminenza ta' l-adozzjoni tagħha, kif ukoll tal-proċedura li kienet pendenti quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni meta hija adottat id-deċiżjoni kkontestata.

98      It-tieni nett, bosta elementi identifikati mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni fid-deċiżjoni tiegħu, indikati fil-punti 64 u 65 iktar 'il fuq, irrispettivament mill-evalwazzjoni tagħhom li ser issir fl-analiżi tal-mertu tal-każ, jiffavorixxu deċiżjoni li tordna spezzjoni. Għalhekk, la jista' jiġi konkluż li l-Kummissjoni effettivament injorat din id-deċiżjoni u lanqas ma jista' jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha tispjega għalxiex l-ispezzjoni ordnata kienet għadha neċessarja minkejja din id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni.

99      Minn dan isegwi li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma eżaminatx b'attenzjoni u b'imparzjalità l-elementi rilevanti kollha ta' dan il-każ partikolari jew li hija wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni fl-analiżi ta' dawn l-elementi. Il-kuntatti tal-Kummissjoni mar-relatur tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni u ma' AOL ma jistgħux iqajmu dubji dwar din l-evalwazzjoni, peress li ma ġie kkonstatat l-ebda nuqqas ta' osservanza ta' l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b'attenzjoni u b'imparzjalità l-elementi rilevanti kollha ta' dan il-każ.

100    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

101    Ir-rikorrenti ssostni li, skond l-Artikolu 253 KE, il-Kummissjoni hija obbligata timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Skond ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni hija marbuta turi b'mod ċar u inekwivoku r-raġunament tagħha, b'tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħrfu r-raġunijiet għat-teħid tal-miżura adottata u b'tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' twettaq l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tal-miżura in kwistjoni.

102    Issa, skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjentement motivata. Hija ma tesponix ir-raġunament li jippermetti li tiġi injorata l-eżistenza ta' proċedura nazzjonali li titratta l-istess fatti, li jitwarrbu l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni jew li jiġi kkunsidrat li spezzjoni hija neċessarja u proporzjonata. Minbarra dan, din id-deċiżjoni ma tiġġustifikax il-konklużjoni li d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni ma ċċaħħadx lill-miżura ta' spezzjoni deċiża min-natura neċessarja u proporzjonata tagħha, ma tindikax l-eżistenza ta' din id-deċiżjoni u tikkontradixxiha dwar elementi ta' fatt essenzjali. Għalhekk huwa impossibbli għar-rikorrenti li tifhem il-ġustifikazzjoni ta' miżura daqstant oneruża bħall-ispezzjoni in kwistjoni. B'hekk, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni tagħha u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

103    Il-Kummissjoni tirrispondi li l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddefinixxi l-elementi ta' motivazzjoni ta' deċiżjoni li tordna spezzjoni, billi jipprovdi li din għandha tindika s-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni. Barra minn hekk, il-motivazzjoni mogħtija tissodisfa r-rekwiżiti ta' motivazzjoni stabbiliti mill-ġurisprudenza fir-rigward ta' l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, li huwa redatt bl-istess mod bħall-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. B'mod partikolari, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tikkwalifika l-ksur u lanqas li tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta' l-elementi kollha ta' fatt li jistgħu jirriżultaw minn deċiżjoni ta' awtorità nazzjonali dwar miżuri kawtelatorji. Bl-istess mod, l-evalwazzjonijiet fattwali ta' l-elementi għad-dispożizzjoni tagħha ma jagħmlux parti mill-elementi ta' motivazzjoni li l-Kummissjoni hija marbuta tikkomunika lid-destinatarja ta' deċiżjoni li tordna spezzjoni. Fir-rigward tan-nuqqas ta' referenza għad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni, dan m'għandu l-ebda effett, peress li dan mhuwiex nuqqas ta' natura li jfixkel la l-komprensjoni tad-deċiżjoni kkontestata mir-rikorrenti, la l-argumenti ta' difiża tagħha, u lanqas l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

104    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta tiġġustifika b'mod speċifiku l-evalwazzjoni tagħha ta' l-opportunità li tagħmel investigazzjoni jew il-mod li bih hija taqsam il-kompiti ma' l-awtoritajiet nazzjonali f'każ konkret.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

105    L-għan ta' l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal deċiżjoni individwali, li jirriżulta b'mod ġenerali mill-Artikolu 253 KE, huwa li abbażi ta' din il-motivazzjoni l-qorti Komunitarja tkun tista' twettaq l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni u l-parti kkonċernata jkollha indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex eventwalment ivvizzjata b'difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-portata ta' dan l-obbligu jiddependi min-natura ta' l-att in kwistjoni u mill-kuntest li fih ġie adottat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġusitzzja tal-25 ta' Ottubru 1984, Instituut Electronenmicroscopie, 185/83, Ġabra p. 3623, punt 38, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punti 62 u 63).

106    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw spezzjoni, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddefinixxi l-elementi essenzjali li għandhom jiġu inklużi fil-motivazzjoni ta' tali deċiżjoni. Issa, diġà ġie kkonstatat, fil-punt 68 iktar 'il fuq, li l-ksur ta' din id-dispożizzjoni ma ġiex stabbilit, peress li l-Kummissjoni mhijiex marbuta b'mod partikolari li tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li twettaq l-ispezzjoni ordnata fid-dawl ta' l-elementi indikati mir-rikorrenti.

107    Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta' motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

108    Ir-rikorrenti ssostni li, skond il-ġurisprudenza, il-miżuri ta' spezzjoni deċiżi mill-Kummissjoni għandhom ikunu proporzjonati u neċessarji għall-għan mixtieq. Jekk jitqies li l-għan tal-Kummissjoni kien li tivverifika jekk l-għaxar offerti mħabbra f'Jannar u fi Frar 2004 minn Wanadoo kinux jammontaw għal prassi ta' prezzijiet predatorji pprojbiti mill-Artikolu 82 KE, ir-rikors għas-setgħat ta' spezzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 ma kienx proporzjonat. Ammont kbir ta' informazzjoni dwar id-dħul u l-ispejjeż marbuta ma' l-offerti in kwistjoni kien diġà nġabar mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni u l-ebda informazzjoni ma kienet fir-riskju li tiġi distrutta jew moħbija. Barra minn hekk, din l-informazzjoni setgħet tinkiseb b'mezzi inqas onerużi minn spezzjoni.

109    Barra minn hekk, proċedura kontradittorja kienet diġà uriet li l-irkupru tat-telf tagħha minn Wanadoo, u għalhekk l-eżistenza tas-suspettata prassi ta' prezzijiet predatorji u l-effetti ta' eliminazzjoni tagħha mis-suq, kien improbabbli ħafna. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwalifikazzjoni tal-fatti inkriminanti fir-rigward ta' l-Artikolu 82 KE ma kinitx ċerta u l-ispezzjoni ma kinitx neċessarja jew proporzjonata għall-għan tagħha li tiġi stabbilita l-eżistenza ta' ksur, anki li kieku l-imsemmija spezzjoni kienet produttiva.

110    Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni ma tindikax ir-raġunijiet għalxiex il-verifika taċ-ċifri mogħtija minn Wanadoo ma setgħetx issir permezz ta' miżuri inqas restrittivi minn spezzjoni, bħalma huma konstatazzjonijiet tekniċi minn espert. Fir-rigward tat-tfittxija għal informazzjoni dwar intenzjoni eventwali ta' eliminazzjoni mis-suq, il-Kummissjoni ma forniet l-ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit li hija kienet irċeviet informazzjoni li tindika li l-offerti in kwistjoni kienu jagħmlu parti minn strateġija ta' limitazzjoni jew ta' tbegħid tal-kompetituri. Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

111    Il-Kummissjoni tirrispondi li l-prinċipju ta' proporzjonalità jeżiġi li l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jaqbżux il-limiti ta' dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq. Il-proporzjonalità ta' deċiżjoni ta' spezzjoni tiddependi mill-gravità tal-ksur issuspettat, mill-possibbiltà li l-ispezzjoni tippermetti li tinkiseb informazzjoni affidabbli dwar l-eżistenza ta' l-imsemmi ksur u minn paragun bejn l-effikaċja li tista' tkun mistennija minn tali spezzjoni u minn miżuri oħra ta' investigazzjoni. Fid-dawl ta' l-elementi ta' dan il-każ partikolari, u b'mod partikolari tal-fatt li l-informazzjoni miġbura mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni kienet, minn ta' l-anqas parzjalment, ikkunsidrata bħala irrealistika minn din ta' l-aħħar, dan il-prinċipju ġie rrispettat.

112    Minbarra dan, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għażla magħmula mill-Kummissjoni bejn spezzjoni ordnata permezz ta' deċiżjoni u miżura oħra ta' investigazzjoni inqas restrittiva tiddependi biss mill-bżonnijiet ta' investigazzjoni adegwata fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari tal-każ, iżda ma teħtieġx l-eżistenza ta' ċirkustanzi eċċezzjonali.

113    Il-Kummissjoni tikkunsidra bħala infondata l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma tistax twettaq spezzjoni meta tkun diġà ġiet adottata deċiżjoni dwar l-istess impriża mingħajr ma sar rikors għal tali miżura ta' investigazzjoni u meta hija tkun sempliċement ordnat spezzjoni fl-uffiċċji ta' l-impriża.

114    Fl-aħħar nett, hija ssostni li, minn naħa, huwa biss wara investigazzjoni approfondita li hija tista' tifforma opinjoni dwar l-eżistenza ta' ksur eventwali u li, min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal-mertu tal-ksur preżunt huma kuntrarji għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

115    F'dan is-sens, id-deċiżjoni kkontestata hija intiża biss sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi meħtieġa sabiex tevalwa l-eżistenza eventwali ta' ksur tat-Trattat. Minħabba dan il-fatt, din id-deċiżjoni mhijiex sproporzjonata meta mqabbla ma' l-għan mixtieq, b'mod partikolari peress li n-natura tal-ksur issuspettat, li jinkludi element ta' volontà, tindika li l-elementi li jistgħu jipprovaw ksur gravi huma sistematikament miżmuma f'postijiet moħbija u li r-riskju ta' distruzzjoni u ta' ħabi huwa konsiderabbli.

116    Mill-argumenti preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità mhuwiex fondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

117    Il-prinċipju ta' proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jitlob li l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jaqbżux il-limiti ta' dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, filwaqt li, meta jkun hemm possibbiltà ta' għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi maħluqa m'għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma' l-għanijiet mixtieqa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 13, u ta' l-14 ta' Lulju 2005, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C‑180/00, Ġabra p. I‑6603, punt 103).

118    Fil-qasam ikkonċernat minn dan il-każ partikolari, l-osservanza tal-prinċipju ta' proporzjonalità tissupponi li l-miżuri previsti ma jikkawżawx inkonvenjenzi eċċessivi u intollerabbli meta mqabbla ma' l-għanijiet ta' l-ispezzjoni in kwistjoni (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza Roquette Frères, iċċitata f'punt 29 supra, punt 76). Madankollu, l-għażla li għandha ssir mill-Kummissjoni bejn l-ispezzjoni mwettqa fuq sempliċi mandat u l-ispezzjoni ordnata permezz ta' deċiżjoni ma tiddependix minn ċirkustanzi bħall-gravità partikolari tas-sitwazzjoni, l-urġenza estrema jew in-neċessità ta' diskrezzjoni assoluta, iżda mill-bżonnijiet ta' investigazzjoni adegwata, fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari ta' każ partikolari. Għalhekk, meta deċiżjoni ta' spezzjoni sempliċement tipprovdi sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor flimkien l-elementi neċessarji sabiex tevalwa l-eżistenza eventwali ta' ksur tat-Trattat, ma jistax jingħad li tali deċiżjoni ma tirrispettax il-prinċipju ta' proporzjonalità (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi National Panasonic vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 59 supra, punti 28 sa 30, u Roquette Frères, iċċitata f'punt 29 supra, punt 77).

119    Hija l-Kummissjoni li fil-prinċipju għandha tevalwa jekk informazzjoni hijiex neċessarja sabiex ikun jista' jinkixef ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u, anki jekk hija diġà jkollha indizji, jew saħansitra elementi ta' prova dwar l-eżistenza ta' ksur, il-Kummissjoni tista' leġittimament tqis neċessarju li tordna verifiki addizzjonali sabiex tkun tista' tiddetermina aħjar il-ksur jew id-durata tiegħu (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. I‑3283, punt 15, u Roquette Frères, iċċitata f'punt 29 supra, punt 78).

120    F'dan il-każ, fl-ewwel lok, id-deċiżjoni kkontestata għanda l-għan li tinġabar informazzjoni dwar il-prassi ta' prezz implementata mir-rikorrenti, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza eventwali ta' ksur tat-Trattat. Huwa minnu li fid-deċiżjoni kkontestat huwa indikat li l-Kummissjoni għandha diġà ċerta informazzjoni dwar dan. Madankollu, skond il-ġurisprudenza, hija kellha d-dritt li tipprova tiġbor informazzjoni addizzjonali, b'mod partikolari informazzjoni dwar strateġija sabiex jiġu llimitati u mbiegħda l-kompetituri, informazzjoni li huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li setgħet, jekk veru teżisti, tasal fil-pussess tal-Kummissjoni b'xi mod ieħor ħlief permezz ta' spezzjoni. Fit-tieni lok, peress li l-informazzjoni mfittxija tinkludi elementi li jiżvelaw intenzjoni eventwali ta' eliminazzjoni tal-kompetituri mis-suq, kien aċċettabbli, għall-finijiet ta' investigazzjoni adegwata tal-każ, li tiġi ordnata l-ispezzjoni permezz ta' deċiżjoni, sabiex tiġi ggarantita l-effikaċità ta' din l-ispezzjoni. Fit-tielet lok, l-ispezzjoni ordnata mid-deċiżjoni kkontestata kienet limitata għall-postijiet ta' l-impriża, filwaqt li r-Regolament Nru 1/2003 jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jiġu spezzjonati postijiet oħra, inklużi r-residenza ta' ċerti membri tal-persunal ta' l-impriża kkonċernata. Fid-dawl ta' dawn l-elementi, ma jidhirx li l-Kummissjoni aġixxiet, fil-każ preżenti, b'mod sproporzjonat fir-rigward ta' l-għan mixtieq b'tali mod li naqset milli tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li r-rikors għall-ispezzjoni ordnata permezz tad-deċiżjoni kien adegwat fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari ta' dan il-każ partikolari.

121    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux jegħlbu din il-konklużjoni. Fl-ewwel lok, diġà ġie kkonstatat iktar 'il fuq li d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni ma tikkorroborax il-pożizzjoni tar-rikorrenti fir-rigward ta' l-inċertezza ta' l-eżistenza tal-prassi ssuspettata u għalhekk ma tippermettix li tiġi eskluża t-teżi mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti tista' tapplika tariffi li jmorru kontra l-Artikolu 82 KE. L-impossibbiltà eventwali għall-Kummissjoni li mbagħad tistabbilixxi, fuq il-mertu, l-eżistenza ta' prezzijiet predatorji fuq il-bażi ta' l-elementi li hija tkun ġabret fil-kuntest ta' l-ispezzjoni in kwistjoni hija irrilevanti, peress li din ma tippermettix li jiġi konkluż li l-ispezzjoni ordnata kienet ta' natura inadegwata. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tindika wkoll b'mod aktar ġenerali li l-Kummissjoni tissuspetta li r-rikorrenti applikat prassi ta' tariffi li tmur kontra l-Artikolu 82 KE, indikazzjoni li fiha nfisha hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-ispezzjoni.

122    Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata, il-fatt li l-Kummissjoni kellha diġà ċerti elementi li jindikaw li r-rikorrenti kienet tipprattika tariffi li jmorru kontra l-Artikolu 82 KE jew li elementi bħal dawn kienu diġà nġabru mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni, u għalhekk setgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni, mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija sproporzjonata. Il-ġurisprudenza fil-fatt tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha d-dritt tfittex elementi addizzjonali anki jekk hija jkollha diġà indizji ta' l-eżistenza ta' ksur.

123    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti mhijiex fondata meta tallega li l-Kummissjoni ma forniet ebda indikazzjoni li abbażi tagħha setgħa jiġi stabbilit li hija kienet irċeviet informazzjoni li tindika li l-offerti in kwistjoni kienu jagħmlu parti minn strateġija ta' eliminazzjoni tal-kompetituri mis-suq. Minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata tindika espressament li din l-ipoteżi hija bbażata fuq informazzjoni riċevuta mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni mhijiex marbuta, f'deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata, li tispeċifika l-elementi u l-indizji li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni (ara, f'dan is-sens, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza Roquette Frères, iċċitata f'punt 29 supra, punt 62).

124    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba' motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

125    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta fid-deċiżjoni kkontestata sostniet li s-suq kollu ta' l-ADSL fi Franza, f'dak il-mument, kien jirreġistra marġni negattiv filwaqt li d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni tal-11 ta' Mejju 2004, li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora, tagħti l-impressjoni li numru konsiderabbli ta' fornituri ta' aċċess għall-Internet kienu sejrin tajjeb u li operatur minnhom kien afferma li kien irreġistra marġni pożittiv. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet sostniet fatti żbaljati dwar punt fundamentali u b'hekk identifikat, b'mod żbaljat, ir-raġuni tal-projbizzjoni tal-prezzijiet predatorji, jiġifieri l-eliminazzjoni tal-kompetituri mis-suq. Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk tirriżulta minn żball manifest ta' evalwazzjoni u għaldaqstant għandha tiġi annullata.

126    Il-Kummissjoni tirrispondi li hija kellha informazzjoni li ssostni l-affermazzjoni li s-suq kollu ta' l-ADSL fi Franza kien jirreġistra marġni negattiv u li, fi kwalunkwe każ, kien suffiċjenti għaliha li tasal għall-konklużjoni li l-elementi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha kienu jammontaw għal indizji serji ta' ksur possibbli li ppermettewlha, f'dan il-każ, li taħseb li uħud mill-offerti l-ġodda kienu qegħdin jiġu kkummerċjalizzati bi prezz inqas mill-ispejjeż tagħhom.

127    F'sitwazzjoni tali, dan il-motiv huwa ineffettiv peress li, anki jekk din l-affermazzjoni kienet żbaljata, hija ma tistax twassal għall-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-sitwazzjoni tal-marġni tal-profitt tas-settur kollu ma tagħmilx parti mill-kriterji rilevanti sabiex tiġi stabbilita n-natura predatorja tal-prezzijiet ta' impriża f'pożizzjoni dominanti. L-ewwel nett, il-ġurisprudenza stabbiliet li l-eżistenza ta' prezz aktar baxx mill-medja ta' l-ispejjeż varjabbli tippermetti li tiġi preżunta n-natura eliminatorja ta' prassi ta' prezz. It-tieni nett, skond it-teżi difiża mir-rikorrenti, ma jistax ikun hemm strateġija ta' predazzjoni sakemm l-operaturi kompetituri kollha ma jkunux sofrew telf u ma jkunux kollettivament mhedda b'eliminazzjoni mis-suq. Issa, l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE għal prassi ta' prezz li tkopri biss parti mill-kompetituri ma tistax tiġi eskluża, fatt dan li jikkorrobora d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, is-sentenza tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni li għaliha tagħmel referenza r-rikorrenti fil-fatt tapplika biss għal parti ta' l-offerti u tat-tariffi in kwistjoni u, fi kwalunkwe każ, peress li l-Kummissjoni kellha informazzjoni kontradittorja, hija kellha d-dritt li tiddeċiedi dwar il-kredibbiltà tat-testimonjanzi differenti li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha. Fi kwalunkwe każ, dawn huma kwistjonijiet dwar il-mertu tal-ksur, li jistgħu jingħataw risposta biss fid-dawl ta' investigazzjoni approfondita.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

128    Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni iżda, in sostenn ta' din l-affermazzjoni, hija sempliċement tagħmel referenza għal evalwazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni. Issa, din id-deċiżjoni tikkonċerna biss talba għal miżuri kawtelatorji u għalhekk ma jistax jiġi eskluż li wara analiżi dettaljata ta' l-elementi fil-fajl, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jasal għal konklużjoni differenti. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala marbuta minn evalwazzjoni fattwali mwettqa minn awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali fuq il-bażi ta' ċerti elementi, safejn ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni għandha elementi oħra li ġustament iwassluha għal konklużjoni differenti minn dik li waslet għaliha din l-awtorità. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kellha elementi li jservu bħala bażi għall-affermazzjoni li hija hawnhekk ikkontestata mir-rikorrenti.

129    Fid-dawl tal-preżunzjoni tal-legalità ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, punt 48), li timplika li huwa dak li jallega l-illegalità ta' tali att li għandu jressaq il-prova ta' din l-illegailtà, u peress li r-rikorrenti ma ressqitx prova konkreta sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha, ħlief ir-referenza għal deċiżjoni li fir-rigward tagħha diġà ġie stabbilit li ma kinitx konklużiva, l-allegat żball manifest ta' evalwazzjoni ma ġiex ipprovat.

130    Għalhekk, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

131    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

132    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Legal

Wiszniewska-Białecka

Moavero Milanesi

Mogħtija f'Qorti bil-miftuh fil-Lussemburgu fit-8 ta' Marzu 2007.

E. Coulon

 

       H. Legal

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.