Language of document : ECLI:EU:T:2007:85

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Marzu 2007(*)

“Rikors għal annullament – Dumping – Importazzjonijiet ta’ siliku li joriġinaw mir-Russja – Dannu – Ness ta’ kawżalità”

Fil-kawża T-107/04,

Aluminium Silicon Mill Products GmbH, stabbilita f'Zug (l-Iżvizzera), irrappreżentata minn A. Willems u L. Ruessmann, avocats,

parti rikorrenti

vs

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avocat,

parti konvenuta

sostnut minn

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. Scharf u K. Talabér Ricz, bħala aġenti,

parti intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 2229/2003, tat-22 ta' Diċembru 2003, li jimponi dazju definittiv kontra l-fqigħ tas-suq [dumping] u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importi [importazzjonijiet] ta’ siliku li joriġinaw mir-Russja (ĠU L 339, p. 3),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti hija kumpannija taħt id-dritt Żvizzeru li topera b’mod partikolari fil-qasam tal-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti semilesti ta’ siliku fis-suq Komunitarju. Hija takkwista s-siliku minn żewġ produtturi, SUAL Kremny-Ural LLC (SKU) u JSC ZAO Kremny (ZAO). Dawn iż-żewġ kumpanniji huma proprjetà ta’ OAO SUAL (SUAL). Peress li din u r-rikorrenti huma, fl-aħħar lok, ikkontrollati mill-istess azzjonist, jiġifieri SUAL International Ltd, SKU u ZAO huma produttori marbuta mar-rikorrenti.

2        Is-siliku huwa prodott ikkummerċjalizzat taħt forma ta’ biċċiet, frak, granulat jew trab, maħdum f’diversi kwaliltajiet li jiddistingwu ruħhom, b’mod partikolari, mill-grad tagħhom ta’ ħadid, ta’ kalċju u mill-preżenza ta’ oligoelementi oħra. Għal dak li għandu x’jaqsam mas-siliku li għandu grad ta’ konċentrazzjoni ta’ siliku bejn 95 u 99.99%, il-prodott ikkonċernat fil-preżenti kawża, żewġ kategoriji ta’ utilizzaturi jistgħu jiġu identifikati fis-suq komunitarju: l-utilizzaturi ta’ l-industrija kimika, il-parti l-kbira manifatturi ta’ silikon, u l-utilizzaturi ta’ l-industrija metallurġika, manifatturi ta’ l-aluminju.

3        Wara lment imressaq minn EuroAlliages (il-kumitat ta’ koordinazzjoni ta’ l-industriji tal-ħadid kompost), il-Kummissjoni fetħet proċedura antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ siliku li joriġinaw mir-Russja, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett [s-suġġett] ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Europea (ĠU L 56, 1996, p. 1), kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1972/2002, tal-5 ta’ Novembru 2002 (ĠU L 305, p. 1, iktar ‘il quddiem ir-“regolament bażiku ”). L-avviż tal-ftuħ tal-proċedura ġie ppubblikat fit-12 ta’ Ottubru 2002 (ĠU C 246, p. 12).

4        Fl-10 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) nru 1235/2003, li jwaqqaf regolament antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ siliku li joriġinaw mir-Russja (ĠU L 173, p. 14, iktar ‘il quddiem ir-“regolament provviżorju”). Abbażi ta’ l-investigazzjoni tagħha fuq il-prattiċi ta’ dumping u d-dannu li jirrigwarda l-perijodu li jmur bejn l-1 ta’ Ottubru 2001 u t-30 ta’ Settembre 2002 (iktar ‘il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni” jew il-“PI”), u wara li eżaminat it-tendenzi dwar id-dannu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni (iktar ‘il quddiem il-“perijodu kkunsidrat”), hija ffissat għal 25.2 % ir-rata ta’ dritt antidumping provviżorju applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ siliku, b’piż ta’ inqas minn 99.99 % ta’ siliku, li jaqa’ taħt il-kodiċi NC 2804 69 00, li joriġinaw mir-Russja, provenjenti minn SKU u minn ZAO.

5        Ir-regolament provviżorju jippreżenta l-iżvilupp ta’ diversi indikaturi ekonomiċi li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tas-suq Ewropew tas-siliku u dak tal-produtturi-esportaturi Russi u ta’ l-industrija komunitarja, li minnhom ċerta informazzjoni hija riprodotta kif ġej :

Tabella nru 1

Konsum komunitarju (skond il-volumi tal-bejgħ)


1998

1999

2000

2001

PE

Tunnellati

290 684

325 234

388 938

373 950

371 540

Indiċi

Żvilupp

100

112

+ 12 %

134

+ 20 %

129

‑ 4 %

128

‑ 1 %


Tabella nru 3

Sehem fis-suq miżmum mill-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Russja (skond il-volumi tal-bejgħ)


1998

1999

2000

2001

PE

Perċentwali tas-suq ta’ l-UE

3,7

1,9

3,6

4,5

4,8

Żvilupp (punti ta’ perċentwali)


‑ 1,8 %

+ 1,7 %

+ 0,9 %

+ 0,3 %


Tabella nru 4

Prezz medju ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping


1998

1999

2000

2001

PE

F’EUR

1048

963

1131

999

929

Indiċi

Żvilupp

100

92

‑ 8 %

108

+ 17 %

95

‑ 12 %

89

‑ 7 %


Tabella nru 8

Volumi tal-bejgħ (ta’ l-industrija komunitarja)


1998

1999

2000

2001

PE

Tunnellati

86 718

114 587

133 568

128 219

136 421

Indiċi

Żvilupp

100

132

+ 32 %

154

+ 17 %

148

‑ 7 %

[‑ 4 % ara l-punt 87 iktar ‘il quddiem]

157

+ 6 %


Tabella nru 9

Prezz tal-bejgħ tas-siliku ta’ l-industrija komunitarja


1998

1999

2000

2001

PE

EUR kull tunnellata

1 415

1 184

1 231

1 271

1 185

Indiċi

Żvilupp

100

84

‑ 16 %

87

+ 4 %

90

+ 3 %

84

‑ 7 %


Tabella nru 10

Sehem fis-suq (ta’ l-industrija komunitarja)


1998

1999

2000

2001

PE

Perċentwali tas-suq

29,8

35,2

34,3

34,3

36,7

Indiċi

100

118

115

115

123


Tabella nru 12

Kapaċità ta’ qliegħ (ta’ l-industrija komunitarja)


1998

1999

2000

2001

PE

Kapaċità ta’ qligħ (f’perċentwali)

12,6

1,8

5,0

1,7

‑ 2,1

Żvilupp


‑ 10,8 %

+ 3,2 %

‑ 3,3 %

‑ 3,8 %


6        Fit-22 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) nru 2229/2003, li jimponi dazju definittiv kontra l-fqigħ tas-suq (dumping) u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importi [importazzjonijiet] tas-siliku li joriġinaw mir-Russja (ĠU L 339, p. 3, iktar ‘il quddiem ir-"regolament ikkontestat”). Ir-regolament ikkontestat jimponi drittijiet antidumping ta’ 22.7 % fuq l-importazzjonijiet tas-siliku provenjenti minn SKU u ZAO.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

7        B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti ressqet il-preżenti rikors.

8        B’digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Hija madankollu rrinunzjat li tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub.

9        Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (it-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet jirrispondu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet. Il-partijiet għamlu hekk fit-terminu mogħti.

10      Il-partijiet instemgħu fl-osservazzjonijiet u r-risposti għall-mistoqsijiet li sarulhom mill-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta tad-9 ta’ Novembru 2005.

11      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn iwaqqaf id-drittijiet fuq l-esportazzjonijiet ta’ SKU u ta’ ZAO;

–        tikkundanna l-Kunsill ibati l-ispejjeż.

12      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq it-talba għall-annullament

13      In sostenn tat-talba għal annullament tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel, dwar id-definizzjoni allegatament żbaljata ta’ “prodott simili”, jirrigwarda żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur ta’ l-Artikolu 1(4) u ta’ l-Artikolu 6(7) tar-regolament bażiku . It-tieni motiv, dwar l-iffissar tal-prezz għall-esportazzjoni, jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku u ta’ l-Artikolu 253 KE. It-tielet motiv, dwar il-konstatazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dannu sinjifikattiv, jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 3(2) u (5) tar-regolament bażiku , ta’ l-Artikoli 3.1 u 3.4 tal-ftehim fuq l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ ta’ l-1994 (ĠU L 336, 1994, p. 103) li jinsabu fl-anness 1A tal-ftehim li jwaqqaf l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), u ta’ l-Artikolu 253 KE. Ir-raba’ motiv, dwar il-konstatazzjoni ta’ ness ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet allegatament is-suġġett ta’ dumping u d-dannu, jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 3(2), (6) u (7) tar-regolament bażiku, ta’ l-Artikoli 3.1 u 3.5 tal-ftehim fuq l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-ftehim ġenerali fuq it-tariffi doganali u l-kummerċ 1994, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ ksur ta’ l-Artikolu 253 KE. Il-ħames motiv, dwar il-metodu użat biex jiġi stabbilit il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu, jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 3(3) tar-regolament bażiku u ta’ l-Artikolu 253 KE.

14      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hemm lok li jiġu eżaminati l-ewwel nett l-ewwel parti tat-tielet motiv, li tirrigwarda l-ksur tar-regolament bażiku, dwar il-konstatazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dannu sinjifikattiv fis-sens ta’ l-Artikolu 3 ta’ l-imsemmi regolament, u l-ewwel parti tar-raba’ motiv, dwar il-ksur tar-regolament bażiku minħabba konstatazzjoni allegatament żbaljata ta’ ness ta’ kawżalità bejn id-dannu kkawżat mir-regolament ikkontestat u l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta dumping.

 L-argumenti tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti tfakkar li, skond ir-Regolament ikkontestat, bejn l-1998 u l-2000 l-indikaturi tad-dannu wrew żvilupp pożittiv għall-industrija komunitarja, wara żvilupp negattiv bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezzijiet. Issa, hija ssostni li l-istituzzjonijiet komunitarji naqsu milli jindikaw li t-tnaqqis prinċipali fil-prezz ta’ l-industrija komunitarja kien seħħ matul il-perijod li jmur bejn l-1998 u l-1999.

16      Wara, hija tirrileva, fir-rigward tad-dikjarazzjoni li tinsab fil-premessa 44 tar-regolament ikkontestat, li tgħid li “bejn l-2000 u l-PI […] , kważi l-indikaturi [tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija komunitarja] kollha jew għolew ftit, baqgħu […] [stabbli], jew tabilħaqq waqgħu”, li l-uniċi indikaturi li kellhom żvilupp negattiv kienu dawk tal-prezzijiet, tal-kapaċita ta’ qligħ u tal-fluss tal-likwiditajiet, filwaqt li l-indikaturi l-oħra kienu jippreżentaw żviluppi pożittivi biss. Hija tfakkar, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, iż-żieda fil-produzzjoni u fil-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ l-industrija komunitarja. Hija tenfasizza, barra minn hekk, li t-tnaqqis fil-prezz jikkoinċidi ma żieda qawwija fil-produzzjoni, fil-kapaċità ta’ produzzjoni, fil-volumi tal-bejgħ u fis-sehem fis-suq ta’ l-impriżi komunitarji. B’hekk, fl-1999 u matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-produtturi komunitarji kienu daħħlu profitti ta’, rispettivament, 32 % u 6 % tal-volum ta’ bejgħ tagħhom.

17      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Kunsill, li jgħid li, barra mit-tliet indikaturi msemmija qabel, il-livell u r-riżultati ta’ l-investimenti kellhom ukoll żvilupp negattiv, ir-rikorrenti tirrispondi li dan kien ir-riżultat loġiku tal-fatt li, bejn l-1998 u l-2000, l-industrija komunitarja kienet għamlet investimenti kbar sabiex iżżid il-produzzjoni tagħha b’reazzjoni għaż-żieda tad-domanda u li dan il-livell ta’ investiment ma setax jinżamm matul is-snin ta’ wara, li kellhom, barra minn hekk, tnaqqis fid-domanda.

18      Ir-rikorrenti tqis li l-allegazzjonijiet imsemmija juru li l-Kunsill ma ħax in kunsiderazzjoni ċerti fatturi previsti u ma evalwax korretament dawk li ħa in kunsiderazzjoni, ħaġa li tikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 3(5) tar-regolament bażiku .

19      Fl-aħħar nett, matul is-seduta, ir-rikorrenti osservat li l-konstatazzjoni magħmula fil-premessa 46 tar-regolament ikkontestat, li tgħid li, bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, is-sehem fis-suq ta’ l-industrija komunitarja tnaqqset, hija żbaljata, għaliex l-informazzjoni murija fir-regolament provviżorju tikkontradixxiha.

20      Għal dak li għandu x’jaqsam ma l-evalwazzjoni allegatament żbaljata ta’ ness ta’ kawżalità, ir-rikorrenti tqis li huwa l-iżvilupp fid-domanda tas-siliku li kellu rwol determinanti fl-iżvilupp tal-kapaċita ta’ qligħ ta’ l-industrija komunitarja. L-iżvilupp favorevoli li seħħ bejn l-1998 u l-2000, b’mod partikolari ż-żieda qawwija tal-produzzjoni u tal-bejgħ, seħħ prinċipalment minħabba ż-żieda ta’ 32 % fid-domanda għas-siliku, u mhux minħabba d-deċiżjonijiet ta’ l-industrija komunitarja li tinvesti f’installazzjonijiet ġodda ta’ produzzjoni.

21      Bl-istess mod, il-waqgħa tal-prezzijiet (u tal-kapaċita ta’ qligħ) ta’ l-industrija komunitarja bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni tirrifletti prinċipalment it-tnaqqis fid-domanda għas-siliku u l-fatt li l-industrija komunitarja kienet żiedet is-sehem tagħha f’suq li kien sejjer lura, bħala politika ta’ prezzijiet aggressiva. Ir-rikorrenti żżid li x-xewqa li żżid daqshekk malajr il-volumi ta’ bejgħ lill-utilizzaturi ta’ l-industrija metallurġika (l-unika effettwata mill-importazzjonijiet tas-siliku li ġej mir-Russja, iktar ‘il quddiem l-"importazzjonijiet Russi") naturalment imponiet tnaqqis ċar fil-prezzijiet ta’ bejgħ u dan ġab tnaqqis fil-prezzijiet (ta’ 19 %) li huwa sostanzjalment iktar sinjifikattiv mill-waqgħa tal-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet Russi (11 %). B’hekk, il-bejgħ u l-prezzijiet ta’ l-industrija komunitarja ma ġewx affettwati mill-importazzjonijiet Russi.

22      Barra minn hekk, hija ssostni li ż-żieda tas-sehem fis-suq tal-produtturi Russi bejn l-2000 u l-perijodu ta’ l-investigazzjoni hija biss in-nofs taż-żieda tas-sehem fis-suq tal-produtturi-esportaturi komunitarji. F’kull każ, huwa inkonċepibbli li b’sehem fis-suq ta’ inqas minn 5 %, il-produtturi-esportaturi Russi setgħu jiddeterminaw il-prezzijiet fis-suq Ewropew.

23      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill, fir-risposta tiegħu, la jikkontesta u lanqas jeżamina l-fatti determinanti. Dawn il-fatti huma s-segwenti: l-ewwel nett, kienet seħħet, fl-2001, waqfa taż-żieda fid-domanda mill-industrija kimika, u kien seħħ, fil-fatt, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, tnaqqis kbir tal-bejgħ tal-produtturi komunitarji lill-utilizzaturi ta’ l-industrija kimika. It-tieni nett, kienet seħħet żieda kbira tal-volum tal-bejgħ imwettaq mill-produtturi komunitarji favur l-utilizzaturi ta’ l-industrija metallurġika matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Din hija waħda mir-raġunijiet tat-tnaqqis fil-prezz medju pprattikat mill-industrija komunitarja. It-tielet nett, kien seħħ, fl-istess żmien, tnaqqis ta’ madwar 10 % fil-prezzijiet ipprattikati mill-produtturi komunitarji ma’ l-utilizzaturi ta’ l-industrija metallurġika. Ir-raba’ nett, it-tnaqqis fil-prezzijiet kien ikbar b’mod sinjifikattiv mit-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet Russi matul l-istess perijodu.

24      Fir-rigward tad-differenza bejn il-prezzijiet ipprattikati mill-produtturi-esportaturi Russi u dawk iffatturati mill-produtturi komunitarji, hija tqis li numru ta’ elementi jispjegaw din id-differenza, bħad-differenza fit-taħlit tal-prodotti jew id-differenza fil-prezzijiet tal-prodotti lokali.

25      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Kunsill dwar l-effettt kumulattiv allegat tat-tnaqqis fil-prezzijiet ipprattikati mill-produtturi-esportaturi Russi bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, ir-rikorrenti tirrispondi li l-livell tal-prezzijiet Russi kien diġà inferjuri b’mod sinjifikattiv mill-prezzijiet medji ta’ l-industrija komunitarja fl-2000 u li l-importazzjonijiet Russi kienu jirrappreżentaw madwar sehem minn għaxra fis-suq ta’ l-industrija komunitarja, u dan juri li l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet Russi ma kinux jikkostitwixxu element ta’ kompetizzjoni kbir għall-prezzijiet ta’ l-industrija komunitarja.

26      Fl-aħħar nett, hija tirrileva li, billi ma ppreżentawx il-fatti fit-totalità tagħhom u billi ma ħadux in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha magħrufa li jikkawżaw dannu lill-industrija komunitarja, barra mill-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping, l-istituzzjonijiet komunitarji kisru l-Artikolu 3(2) (6) u (7) tar-regolament bażiku.

27      Peress li dan jirrigwarda l-konstatazzjoni ta’ dannu sinjifikattiv, il-Kunsill jenfasizza li, jekk huwa minnu li t-tnaqqis fil-prezzijiet rilevanti kienu seħħew bejn l-1998 u 1999, il-prezzijiet kien reġgħu għolew u reġgħu niżlu mill-ġdid kunsiderevolment bejn l-2001 u fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Dan it-tieni tnaqqis fil-prezz seħħ parallelament ma’ żieda ta’ l-importazzjonijiet Russi. Għandu jiġi osservat ukoll li, bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, il- prezzijiet, il-kapaċita ta’ qligħ u l-fluss tal-likwiditajiet kellhom żvilupp negattiv. Barra minn hekk, l-investimenti naqsu b’26 %, ir-riżultat tagħhom naqas b’26,1 % u ż-żieda tal-pagi medji kienet inqas mir-rata ta’ inflazzjoni (inqas minn 1 % fis-sena). L-istess għandu jintqal għall-perijodu kollu in eżami.

28      Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-iżvilupp negattiv tal-livell ta’ l-investimenti u r-riżultat ta’ l-investimenti kienu l-konsegwenza ta’ investimenti kbar fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni (punt 17 iktar ‘il fuq), il-Kunsill jirrispondi dan huwa inġustifikat u żbaljat, peress li l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ l-industrija komunitarja kienu żdiedu regolarment sa’ l-2001.

29      Il-Kunsill jirrileva wkoll li, għall-kuntrarju ta’ dak allegat mir-rikorrenti, ma hemm l-ebda żieda kbira tal-volum tal-bejgħ, lanqas żieda sinjifikattiva tas-sehem fis-suq bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni. Matul dan il-perijodu, il-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja kien żdied bi 2 % u s-sehem fis-suq tagħha bi 2.4 punti perċentwali. F’dan ir-rigward, il-Kunsill espressament irrikonoxxa, matul is-seduta, li r-regolament ikkontestat kellu żball fil-premessa 46, li fiha ġie ddikjarat li s-sehem fis-suq miżmuma mill-industrija komunitarja kienet naqset ħafna, iżda sostna li r-rikorrenti kienet invokat din iċ-ċirkustanza għall-ewwel darba fis-seduta, u dan irrendi l-argument tardiv u, għaldaqstant, inammissibbli fis-sens ta’ l-Artikoli 44 u 46 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

30      Il-Kunsill iqis, b’mod ġenerali, li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-ksur tar-regolament bażiku huma infondati u li huwa eżamina korrettament il-fatturi kollha rilevanti tad-dannu fil-premessi 33 sa 73 tar-regolament provviżorju u fil-premessi 37 sa 48 tar-regolament ikkontestat.

31      Barra minn hekk, huwa jsostni li r-rikorrenti ma tippreċiżax la l-fatturi li huwa naqas milli jevalwa u lanqas kif l-evalwazzjoni saret b’mod insuffiċjenti. Huwa jinvoka, f’dan ir-rigward, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ Frar 1993, Moat vs Il-Kummissjoni (C-318/2 P Ġabra p. I-481), u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni (T-102/92, Ġabra p. II-17), li jgħidu li l-allegazzjonijiet għandhom jiġu fformulati b’mod preċiż fir-rikors.

32      Fir-rigward tan-ness ta’ kawżalità bejn id-dannu u l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta dumping, il-Kunsill isostni li l-informazzjoni disponibbli tikkontradixxi l-allegazzjoni li tgħid li l-industrija komunitarja kellha rwol rilevanti fl-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ lill-utilizzaturi ta’ l-industrija metallurġika. Huwa jfakkar li, bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, il-prezzijiet medji Russi huma kostantement inferjuri għall-prezzijiet medji ta’ l-industrija komunitarja u dan ikun l-istess jekk il-bejgħ lill-industrija metallurġika biss jittieħed in kunsiderazzjoni.

33      Wara, huwa jikkontesta l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-prezzijiet Russi ma setgħux jipprovokaw it-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ l-industrija komunitarja, għaliex dawn ta’ l-aħħar kienu naqsu iktar mill-prezzijiet Russi. Huwa josserva, f’dan ir-rigward, li l-prezzijiet Russi kienu naqsu bi 11 % matul il-perijodu kollu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, huwa jsostni li, għall-finijiet ta’ l-analiżi tan-ness ta’ kawżalità, l-estensjoni tat-tnaqqis fil-prezz ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u dak fil-prezzijiet ipprattikati mill-industrija komunitarja huwa irrilevanti peress li l-prezz ta’ l-importazzjonijiet huwa inqas minn dak ipprattikat mill-industrija komunitarja. Peress li l-livell tal-prezzijiet Russi kien ħafna inqas minn dak ta’ l-industrija komunitarja fl-2000, u li, wara, naqas iktar, ikun raġonevoli li wieħed jaħseb li l-prezz ta’ l-importazzjonijiet Russi kkawża t-tnaqqis fil-prezzijiet komunitarji.

34      Il-Kunsill iqis li l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li t-tnaqqis fil-prezzijiet u tal-kapaċita ta’ qligħ ta’ l-industrija komunitarja bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni jirrifletti li s-suq kien sejjer lura, huwa infondat. Huwa jirrileva, f’dan ir-rigward, li l-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja żdiet bi ftit bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni. Minn dan, wieħed jiddeduċi li t-tnaqqis fid-domanda ma affettwax il-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja. Barra minn hekk, iż-żieda żgħira tas-sehem fis-suq ta’ l-industrija komunitarja matul il-perijodu msemmija hija konsegwenza loġika ta’ l-istabbiltà tal-bejgħ f’suq li kien sejjer lura. Huwa jfakkar ukoll li r-rikorrenti akkwistat sehem fis-suq matul dan l-istess perijodu.

35      Il-Kunsill jinnega wkoll l-effett taż-żieda tas-sehem fis-suq ta’ l-industrija komunitarja fuq il-prezzijiet ipprattikati minnha. Huwa jsostni li, fil-premessa 52 tar-regolament provviżorju, il-Kummissjoni eżaminat din il-kwistjoni u qieset li, fl-2001, l-industrija komunitarja kienet tilfet volumi tal-bejgħ meta kienet ippruvat iżżomm il-prezzijiet tagħha u reġgħet akkwistat, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-volumi mitlufa billi biegħet bi prezzijiet inferjuri. Minn din l-ipoteżi, il-Kunsill jikkonkludi li l-industrija komunitarja sabet ruħha f’diffikultà quddiem il-kompetizzjoni Russa kkaratterizzata minn qtugħ kbir tal-prezzijiet u żieda kbira tal-volumi tal-bejgħ lill-utilizzaturi ta’ l-industrija metallurġika. Fil-qosor, iż-żieda tal-volumi tal-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja u t-tnaqqis fil-prezzijiet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni jikkostitwixxu l-miżuri difensivi adottati b’risposta għat-tnaqqis tal-volumi kkonstatati fl-2001 u għat-tnaqqis ġdid fil-prezzijiet Russi.

36      Il-Kunsill iqis li l-informazzjoni disponibbli tikkonferma l-konklużjoni tiegħu. Huwa jgħid li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-prezzijiet Russi kienu dejjem inferjuri għall-prezzijiet komunitarji, anki jekk il-bejgħ biss ta’ l-industrija komunitarja lill-utilizzaturi ta’ l-industrija metallurġika kellu jittieħed in kunsiderazzjoni.

37      Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-importazzjonijiet Russi ma jistgħux jeżerċitaw pressjoni reali fuq il-prezzijiet ta’ l-industrija komunitarja minħabba s-sehem żgħir tagħhom fis-suq, il-Kunsill isostni li dan mhuwiex rilevanti, għaliex l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Russja dejjem kienu iktar mil-livell de minimis bejn l-2000 u l-ftuħ tal-perijodu ta’ investigazzjoni.

38      Fir-rigward tar-raġunament tar-rikorrenti li jirrigwarda t-tnaqqis fid-domanda tas-siliku ddestinat għall-industrija kimika, il-Kunsill isostni dan huwa wkoll żbaljat. F’dan ir-rigward, huwa jirrileva li, kif ġie spjegat fil-premessa 63 tar-regolament ikkontestat, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, it-tnaqqis tal-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja lill-utilizzaturi ta’ l-industrija kimika kien ta’ 4,783 tunnellata ta’ siliku. Dan il-volum kien biss 1.3 % tal-konsum totali fil-Komunità. Madankollu, matul l-istess perijodu, l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Russja kienu telgħu għal xi 18,000 tunnellata, jew 4.8 % tal-konsum totali fil-Komunità. Il-Kunsill jafferma li dan il-bejgħ u, konsegwentement, it-tnaqqis fid-domanda tas-siliku ddestinat għall-industrija kimika ma jistax iġib fix-xejn in-ness ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet suġġetti ta’ dumping u d-dannu subit mill-industrija komunitarja.

39      Peress li dan jirrigwarda, b’mod ġenerali, il-ksur tar-regolament bażiku , il-Kunsill jallega li l-qari ta’ dawn id-dokumenti mir-rikorrenti kien żbaljat. Skond hu, l-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku ma jimponix fuq l-istituzzjonijiet li jippreżentaw il-fatti fit-totalità tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw l-istituzzjonijiet jeżaminaw il-fatti b’mod oġġettiv, ħaġa li għamlu, kemm fir-regolament ikkontestat kif ukoll fir-regolament provviżorju. Huwa jqis, ukoll, li r-rikorrenti ma tippreċiżax suffiċjentement liema huma l-fatti li l-istituzzjonijiet naqsu milli jippreżentaw.

40      Il-Kummissjoni ssostni l-argumenti tal-Kunsill.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, li jirrigwarda l-ksur tar-regolament bażiku, dwar evalwazzjoni żbaljata ta’ l-indikaturi tad-dannu mir-regolament ikkontestat

41      L-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku jiddisponi:

“Il-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva kemm ta' (a) il-volum ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u l-effettt ta' l-importazzjonijiet mibjugħin taħt il-prezz fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għall-prodotti simili; u kemm (b) l-impatt konsegwenti ta' dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja.”

42      Fir-rigward ta’ l-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta dumping fuq l-industrija komunitarja kkonċernata, l-Artikolu 3(5) tar-regolament bażiku jiddisponi :

"L-eżaminazzjoni ta' l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta' dumping fuq l-industrija tal-Komunità konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effettt fuq l-istat ta' l-industrija, […], il-kobor tal-marġini attwali tax-xiri taħt il-prezz, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet Komunitarji; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma ttemx kollox, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva."

43      Skond ġurisprudenza kkonsolidata, id-determinazzjoni ta’ dannu jippresupponi l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi. F’dan l-eżerċizzju, l-istituzzjonijiet komunitarji jiddisponu minn diskrezzjoni kbira (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C-69/89, Ġabra p. I-2069, punt 86, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 1995, Ferchimex vs Il-Kunsill, T-164/94, Ġabra p. II-2681, punt 131). L-imħallef komunitarju għandu jillimita l-istħarriġ tiegħu għall-verifika tar-rispett tar-Regoli tal-Proċedura, l-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, in-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u n-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Ferchimex vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 67, u tat-28 ta’ Ottubru 1999, EFMA vs Il-Kunsill, T-210/95, Ġabra p. II-3291, punt 57).

44      Fil-każ preżenti, għandu jiġi eżaminat għaldaqstant jekk il-Kunsill qabiżx, fil-kuntest tar-regolament ikkontestat, id-diskrezzjoni kbira tiegħu matul il-konstatazzjoni ta’ dannu sinjifikattiv għall-industrija komunitarja.

45      Il-premessa 44 tar-regolament ikkontestat, li tirripproduċi l-punt 71 tar-regolament provviżorju, tiddisponi :

“[Għal dak li għandu x’jaqsam ma’] l-indikaturi ta’ dannu, […] l-iżviluppi pożittivi ewlenija għall-industrija tal-Komunità seħħew bejn l-1998 u l-2000. Bejn l-2000 u l-PI, kważi l-indikaturi kollha jew għolew ftit, baqgħu […] [stabbli], jew tabilħaqq waqgħu. Huwa matul dan il-perjodu li l-ħsara materjali soffruta mill-industrija tal-Komunità tidher l-aktar.”

46      Il-premessa 45 tar-regolament ikkontestat tiddisponi :

“[I]t-twettieq relattivament tajjeb ta' l-industrija tal-Komunità sa l-2000 kien attribbwit għad-deċiżjonijiet meħuda mill-industrija tal-Komunità biex tinvesti f'faċilitajiet ta' produzzjoni komunitarji addizzjonali. Tabilħaqq, matul dak il-perjodu il-produzzjoni ta' l-industrija tal-Komunità, il-kapaċita ta' produzzjoni, il-volum tal-bejgħ, is-sehem fis-suq, l-impjieg u l-produttivita żdiedu.”

47      Għall-perijodu ta’ wara, jiġifieri għall-perijodu bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, il-Kunsill, fil-premessa 46 tar-regolament ikkontestat, jippreċiża :

“[Fid-dawl] tal-presenza miżjuda ta' import[azzjonijiet] […] bi prezz baxx [li huma s-suġġett ta dumping li joriġinaw] mir-Russja, is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità ddeterjorat. Sehem fis-suq, fluss ta' flus kontanti, investimenti, u ritorn fuq investimenti raw tnaqqis importanti.”

48      Barra minn hekk, fil-premessa 47 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill jirrileva li, “[b]arra minn dan, ix-xejra ta' l-indikaturi oħra ta' ħsara, u b'mod partikolari t-tnaqqis fil-qligħ u l-prezzijiet ta' bejgħ soffrut mill-industrija tal-Komunità matul il-perjodu in konsiderazzjoni wassal għall-konklużjoni li l-industrija tal-Komunità soffriet ħsara [materjali].”

49      Huwa jikkonkludi, fil-premessa 48 tar-regolament ikkontestat, li “l-industrija tal-Komunità soffriet ħsara materjali matul il-PI, u b'mod partikolari għal prezzijiet u qligħ” u li “[I]s-sejbiet u l-konklużjoni dikjarati f'reċitazzjonijiet 71 sa 73 tar-Regolament proviżorju huma konfermati.”

50      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kunsill, l-ewwel nett, fatta rrikonoxxiex li t-tnaqqis fil-prezzijiet ipprattikati mill-industrija komunitarja ma seħħewx biss bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, iżda anki bejn l-1998 u 1999.

51      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skond l-informazzjoni mogħtija mir-regolament provviżorju, il-prezz ipprattikat mill-industrija komunitarja l-ewwel nett kellu tnaqqis qawwi ta’ 16 % fl-1999, wara tela’ b’4 % fl-2000 u bi 3 % fl-2001, wara niżel b’7 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. B’hekk, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-prezz tal-bejgħ niżel biss fil-livell ta’ l-1999 (ara t-tabella nru 9 fil-punt 5 iktar ‘il fuq).

52      Jirriżulta miċ-ċifri li t-tnaqqis prinċipali fil-prezzijiet ipprattikati mill-industrija komunitarja seħħ fl-1999, u mhux bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni. Issa, il-Kunsill qies, fil-premessa 44 tar-regolament ikkontestat, li l-iżvilupp favorevoli għall-industrija komunitarja essenzjalment seħħ bejn l-1998 u 2000. Din il-konstatazzjoni turi l-fatt li l-prezz ipprattikat mill-industrija komunitarja huwa fattur fost oħrajn li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tad-dannu u li mhuwiex huwa biss determinanti f’dan ir-rigward, peress li fatturi oħrajn jistgħu mhux biss jikkumpensaw għal din id-deterjorazzjoni, iżda wkoll jippermettu lill-Kunsill jikkonkludi li s-sitwazzjoni ta’ l-industrija komunitarja kienet tjiebet. M’għandux, b’hekk, jiġi dedott min-nuqqas ta’ indikazzjoni, fir-regolament ikkontestat, li t-tnaqqis prinċipali fil-prezz ipprattikat mill-industrija komunitarja seħħ fl-1999 li l-imsemmi regolament huwa vvizzjat minn illegalità, fid-dawl ukoll tal-fatt li jirriżulta mir-regolament provviżorju li, bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, dan il-prezz kien ukoll niżel.

53      Madankollu, peress li l-Kunsill ikkonkluda li l-industrija komunitarja sofriet dannu sinjifikattiv matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, b’mod partikolari fuq livell ta’ prezzijiet u tal-kapaċita ta’ qligħ, huwa neċessarjament qies, għalhekk, li, għall-kuntrarju tal-perijodu li jmur mill-1998 sa l-2000, il-fatturi l-oħra ta’ dannu ma setgħux jikkumpensaw għat-tnaqqis fil-prezzijiet u tal-kapaċita ta’ qligħ ikkonstatati matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha għaldaqstant tivverifika jekk, hekk kif tallega r-rikorrenti, il-Kunsill wettaqx, b’dan il-mod, żball manifest ta’ evalwazzjoni.

54      F’dan ir-rigward, għal dak li għandu x’jaqsam mal-perijodu bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, li jikkorrispondi mat-tieni parti tal-perijodu kkunsidrat, il-Kunsill jirrileva li “kważi l-indikaturi kollha jew għolew ftit, baqgħu […] [stabbli], jew tabilħaqq waqgħu” u li “[h]uwa matul dan il-perjodu li l-ħsara materjali soffruta mill-industrija tal-Komunità tidher l-aktar”. Għandu jiġi kkonstatat li, b’din l-affermazzjoni, il-Kunsill ma qabbilx il-fatturi differenti tad-dannu, li minnhom huwa jirrikonoxxi li xi wħud kienu favorevoli, b’mod li din l-affermazzjoni ma tista’ bl-ebda mod turi l-eżistenza ta’ dannu sinjifikattiv subit mill-industrija komunitarja bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni.

55      Huwa minnu, barra minn hekk, li l-Kunsill qies, fil-premessa 46 tar-regolament ikkontestat, li, bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, is-sitwazzjoni ta’ l-industrija komunitarja kienet iddeterjorat meta rrileva li "is-sehem fis-suq, fluss ta' flus kontanti, investimenti, u ritorn fuq investimenti [kienu] raw tnaqqis importanti." Il-Kunsill, billi jenfasizza wkoll, fil-premessa 47, it-tendenza osservata għal fatturi oħra ta’ dannu, b’mod partikolari t-tnaqqis tal-kapaċita ta’ qligħ u fil-prezzijiet tal-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja matul il-perijodu kkunsidrat, ikkonkluda li l-industrija komunitarja kienet sofriet dannu sinjifikattiv.

56      Madankollu, kif tirrileva r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, b’raġunament ta’ dan it-tip, il-Kunsill kompletament naqas milli jirreferi għall-fatt li, fit-totalità tal-perijodu kkunsidrat, progress tajjeb, xi kultant sostanzjali, kien ġie rreġistrat għal dak li għandu x’jaqsam mal-volumi ta’ produzzjoni (+ 34 %), il-kapaċitajiet (+ 30 %), l-użu tal-kapaċitajiet (+ 3 punti perċentwali), il-volum tal-bejgħ komunitarji (+ 57 %), is-sehem fis-suq (+23 %, jew + 6.9 punti perċentwali), l-istokk (- 29 %), l-impjieg (+ 16 %) u l-produttività (+ 15 %) u, min-naħa l-oħra, li, anki għal dak li għandu x’jaqsam biss mal-perijodu li jmur mill-2000 sal-perijodu ta’ investigazzjoni, il-Kunsill ma kienx ikkunsidra li ċerti fatturi mhux traskurabbli wrew żvilupp favorevoli. B’hekk, barra mit-titjib żgħir tas-sitwazzjoni għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u l-pagi, għandu jiġi enfasizzat, b’mod partikolari, li l-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja żdied bi 2 % biex jilħaq livell rekord ta’ 136,421 tunnellata matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, peress li l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni kienu, huma wkoll, irreġistraw żieda ta’ 2.5 %.

57      Hemm lok li jiġi mfakkar, in segwitu, li l-Kunsill afferma, fil-premessa 46 tar-regolament ikkontestat, li, bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, “[s]-sehem fis-suq, il-fluss tal-flus kontanti, l-investimenti u r-ritorn ta’ l-investimenti raw tnaqqis importanti”.

58      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti madankollu rrilevat, fis-seduta, li r-regolament ikkontestat kien, b’mod żbaljat, ikkonstata, fil-premessa 46, li s-sehem fis-suq ta’ l-industrija komunitarja kien naqas ħafna.

59      Il-Kunsill irrikonoxxa li dan kien żball iżda huwa wkoll iqis li dan l-argument ġie invokat tardivament u li ma jistax għaldaqstant jittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

60      Għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44(1) c), flimkien ma’ dawk ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura li r-rikors li jiftaħ il-proċedura għandu jkollu s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi mressqa u li ebda motiv ġdid ma jista' jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta' fatt u ta' dritt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv, jew argument, li jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors li jiftaħ l-istanza u li għandu rabta stretta miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il-Kunsill, 108/81, Ġabra p. 3107, punt 25; ara sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 Settembru 1990, Hanning vs Il-Parlament, T-37/89, Ġabra p. II-463, punt 38, u tas-17 ta’ Lulju 1998, Thai Bicycle vs Il-Kunsill, T-118/96, Ġabra p. II-2991, punt 142, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fil-każ preżenti, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti invokat, diġà fir-rikors tagħha, il-fatt li r-regolament ikkontestat kien jikser ir-regolament bażiku, b’mod partikolari minħabba l-evalwazzjoni żbaljata ta’ l-indikaturi ekonomiċi fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-dannu (l-ewwel parti tat-tielet motiv). B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti sostniet, fir-rikors tagħha, li “ir-regolament ikkontestat ma [kien] jgħid xejn fuq il-fatt li t-tnaqqis fil-prezzijiet […] [kienu] jikkoinċidu ma’ […] żidiet kbar tas-sehem fis-suq ta’ l-impriżi komunitarji”. Konsegwentement, l-osservazzjoni in kwistjoni ppreżentata mir-rikorrenti hija marbuta mat-tielet motiv, invokat minnha fir-rikors li jiftaħ l-istanza, u għaldaqstant tikkostitwixxi preċiżazzjoni marbuta strettament ma’ l-argumentazzjoni li hija tuża fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

62      Konsegwentement, dan l-argument huwa ammissibbli.

63      Issa, kif jammetti l-Kunsill, l-affermazzjoni tar-regolament ikkontestat, li jgħid li “is-sehem fis-suq [ta’ l-industrija komunitarja] [ra] tnaqqis importanti”, hija manifestament żbaljata u kontra l-informazzjoni murija fir-regolament provviżorju, li l-eżattezza tiegħu hija kostanti bejn il-partijiet. Fil-fatt, jirriżulta mir-regolament provviżorju li s-sehem fis-suq ma naqasx, u wisq inqas ħafna, iżda, għall-kuntrarju, kompla jiżdied b’mod sinjifikattiv filwaqt li qabeż 34.3 sa 36.7 %, jew 2.4 punti perċentwali, bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni (ara t-tabella nru 10 fil-punt 5, iktar ‘il fuq).

64      Għandu, għaldaqstant, jiġi stabbillit jekk dan l-iżball jistax iwassal għal-annullament tar-regolament ikkontestat.

65      F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi kkontestat li l-iżvilupp tas-sehem fis-suq ta’ l-industrija komunitarja jikkostitwixxi fattur ta’ importanza sinjifikattiva sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ dannu sinjifikattiv għad-detriment ta’ l-imsemmija industrija. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill, billi ddeskriva dan il-fattur bħala li ra “tnaqqis imortanti”, mhux biss ta dehra ta’ l-iżvilupp ta’ dan il-fattur li tmur kontra r-realtà, iżda neċessarjament ta importanza mhux insinjifikanti lil dan l-element fil-konklużjoni tiegħu dwar l-eżistenza ta’ dannu sinjifikattiv subit mill-industrija komunitarja.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk iċ-ċirkustanzi deskritti fil-punti 54 sa 56 iktar ‘il fuq humiex suffiċjenti, waħedhom, sabiex jippermettu li jiġi konkluż li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-konstatazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ l-imsemmi dannu sinjifikattiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, billi wettaq żball ta’ fatt dwar l-iżvilupp tas-sehem fis-suq ta’ l-industrija komunitarja matul il-perijodu bejn l-2000 sal-perijodu ta’ investigazzjoni, li jqis li huwa dak li matulu d-dannu subit kien l-iktar evidenti, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq premessa manifestament żbaljata sabiex jikkonstata l-eżistenza ta’ l-imsemmi dannu, li kellha tirriżulta mill-kunsiderazzjoni ta’ l-iżvilupp, kemm pożittiv kif ukoll negattiv, tal-fatturi li huwa qies rilevanti. Issa, fid-dawl ta’ dak li, minn naħa, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha fil-materja ma dik tal-Kunsill u li, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas ta’ dan l-iżball, il-Kunsill ma jkunx ikkonkluda li kien hemm dannu sinjifikattiv, hemm lok li jiġi annullat ir-regolament ikkontestat għal din ir-raġuni biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Mejju 1995, NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill, T-163/94 u T-165/94, Ġabra p. II-1381, punt 115).

67      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis madankollu li għandha tiġi eżaminata wkoll l-ewwel parti tar-raba’ motiv, dwar in-ness ta’ kawżalità bejn it-tnaqqis fil-prezz ta’ bejgħ ta’ l-industrija komunitarja u l-importazzjonijiet Russi.

 Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, dwar il-ksur tar-regolament bażiku minħabba d-determinazzjoni żbaljata ta’ ness ta’ kawżalità bejn id-dannu sinjifikattiv allegatament soffert mill-industrija komunitarja u l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta dumping

68      Skond l-Artikolu 3(3) tar-regolament bażiku:"[f]ejn għandu x'jaqsam l-effettt ta' l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta' jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet mix-xiri taħt il-prezz ta' l-importazzjonijiet meta mqabbla mal-prezz ta' prodott simili ta' l-industrija Komunitarja, jew jekk l-effettt ta' importazzonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti."

69      L-Artikolu 3(6) jiddisponi :

"Għandu jiġi muri, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata fejn jidħol il-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skond it-tifsira ta' dan ir-Regolament. B'mod speċifiku, dan għandu jinvolvi dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skond il-paragradfu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija Komunitarja kif stabbilita fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklasifikat bħala materjali."

70      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(7) jipprevedi dan li ġej :

"Fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra mhix attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping taħt paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f'dan ir-rigward jinkludu […] tnaqqis fid-domanda jew tibdiliet fil-mudelli tal-konsum, prattiċi restritti tal-kummerċ […]".

71      Jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ‘il fuq li l-konstatazzjoni ta’ ness ta’ kawżalità bejn id-dannu sinjifikattiv subit mill-industrija komunitarja u l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta dumping jippresupponi l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi. F’dan l-eżerċizzju, l-istituzzjonijiet komunitarji jiddisponu minn diskrezzjoni kbira, u l-qorti komunitarja għandha għaldaqstant tillimita l-istħarriġ tagħha għall-verifika tar-rispett tar-Regoli tal-Proċedura, l-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, in-nuqqas ta’ żball manifest ta’ l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u n-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter.

72      Jirriżulta min dan li, fil-konstatazzjoni ta’ dannu, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom l-obbligu li jeżaminaw jekk id-dannu li fuqu huma għandhom il-ħsieb li jieħdu in kunsiderazzjoni joħroġx effettivament mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u li jiskartaw kull dannu li joħroġ minn fatturi oħra, u, b’mod partikolari, dak ikkawżat mill-aġir proprju tal-produtturi komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 1992, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, C-358/89, Ġabra p. I-3813, punt 16).

73      Fir-rigward tal-każ preżenti, fil-premessa 46 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill jippreċiża, għal dak li jirrigwarda l-perijodu bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, dan li ġej :

“[Fid-dawl] tal-presenza miżjuda ta' import[azzjonijiet] […] bi prezz baxx [li huma s-suġġett ta dumping li joriġinaw] mir-Russja, is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità ddeterjorat. Sehem fis-suq, fluss ta' flus kontanti, investimenti, u ritorn fuq investimenti raw tnaqqis importanti.”

74      Wara, fil-premessa 66 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill jafferma dan li ġej :

“[I]d-differenza fil-prezz bejn is-siliku prodott fil-Komunità u s-siliku importat mir-Russja [żdiedet għal] […] 11 % fuq medju [matul il-perijodu ta’ investigazzjoni] […] minkejja waqgħat fil-prezz ta' l-industrija tal-Komunità ta' 7 % bejn l-2001 u l-PI. Dan jidher bħala indikazzjoni ċara ta' l-effett li l-prezzijiet Russi kellhom fuq dawk ta' l-industrija tal-Komunità.”

75      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat, skond l-informazzjoni mogħtija fir-regolament provviżorju (ara t-tabelli nri 4 u 9 fil-punt 5, iktar ‘il fuq), li d-differenza bejn il-prezzijiet Russi u dawk ipprattikati mill-industrija komunitarja bejn l-1998 u 2000 u d-differenza eżistenti bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni kienu ta’ estensjoni simili.

76      Madankollu, la fir-regolament ikkontestat u lanqas fl-atti proċedurali, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jallegaw espliċitament li t-tnaqqis fil-prezz ta’ l-industrija komunitarja fl-1999 (l-uniku tnaqqis matul il-perijodu bejn l-1998 u 2000) kien il-konsegwenza ta’ qtugħ fil-prezz tal-prezzijiet Russi. Il-Kunsill jiddeskrivi wkoll, fir-regolament ikkontestat, il-perijodu bejn l-1998 u 2000 bħala perijodu li matulu r-riżultati ta’ l-industrija komunitarja kienu pjuttost sodisfaċjenti. Hemm ukoll lok li jiġi rrilevat li ż-żieda kbira fid-differenza bejn il-prezz medju ta’ l-importazzjonijiet Russi u dak ipprattikat mill-industrija komunitarja bejn l-2000 u 2001 ma żammitx lill-industrija komunitarja milli żżid il-prezz medju tagħha bejn l-2000 u 2001 (ara t-tabelli nri 4 u 9 fil-punt 5, iktar ‘il fuq).

77      B’hekk, ir-raġunament magħmul fir-regolament ikkontestat u l-informazzjoni riprodotta fir-regolament provviżorju juru li d-differenza fil-prezz hija biss fattur fost oħrajn li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni matul l-eżami tan-ness ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet Russi u l-allegat dannu, u l-preżenza tagħha, fiha nnifisha, bl-ebda mod ma tippermetti illi jiġi konkluż li t-tnaqqis fil-prezz ta’ l-industrija komunitarja matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kien unikament jew prinċipalment dovut għall-importazzjonijiet Russi.

78      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li d-dannu joħroġ mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping kif ġej : fl-2001, l-industrija komunitarja kienet tilfet volumi ta’ bejgħ meta ppruvat iżżomm il-prezzijiet tagħha meta iffaċċata bil-prezzijiet niżlin tas-siliku li joriġinaw mir-Russja. Matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, hija kellha fl-aħħar tirreaġixxi għall-pressjonijiet fuq il-prezzijiet biex iżżid il-volumi tagħha ta’ bejgħ, u kienet għaldaqstant naqqset ħafna l-prezzijiet tagħha u dan wassal għal telf tal-kapaċita ta’ qligħ (premessa 52 tar-regolament provviżorju).

79      Ir-rikorrenti tqis li l-istituzzjonijiet komunitarji attribwixxu b’mod żbaljat it-telf tal-volumi ta’ bejgħ ta’ l-industrija komunitarja fl-2001 u t-tnaqqis fil-prezzijiet tagħha matul il-perijodu ta’ investigazzjoni lill-importazzjonijiet Russi. Huma kienu injoraw l-effetti, l-ewwel nett, tat-tnaqqis fid-domanda fis-suq tas-siliku, it-tieni nett, taż-żieda tas-sehem fis-suq ta’ l-industrija komunitarja u, it-tielet nett, taċ-ċirkustanza li parti kbira tal-volum mibjugħ mill-industrija komunitarja lill-utilizzaturi ta’ l-industrija kimika kienet marret għand l-utilizzaturi ta’ l-industrija metallurġika matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

80      Għandha għaldaqstant tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti u l-kwistjoni dwar jekk humiex ta’ natura tali li juru li l-Kunsill qabiżx id-diskrezzjoni kbira li jiddisponi minnha skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ‘il fuq.

–       Fuq it-tnaqqis fid-domanda tat-totalità ta’ l-utilizzaturi

81      Matul is-seduta, il-Kunsill sostna li, fil-kitbiet tagħha, ir-rikorrenti ma esponietx argumenti fuq it-tnaqqis fid-domanda b’mod ġenerali, iżda biss fuq it-tnaqqis fid-domanda ta’ l-utilizzaturi ta’ l-industrija kimika. Barra minn hekk, l-invokazzjoni ta’ din iċ-ċirkustanza mir-rikorrenti kienet tardiva u, konsegwentement, inammissibbli.

82      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, fil-punt 44 tar-rikors tagħha, irrilevat li “l-waqagħa tal-prezzijiet (u tal-kapaċita ta’ qligħ) ta’ l-industrija komunitarja bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni tirrifletti prinċipalment it-tnaqqis fid-domanda tas-siliku”.

83      Isegwi li l-osservazzjoni tal-Kunsill dwar l-ammissibbiltà ta’ l-argumenti dwar it-tnaqqis fid-domanda hija mingħajr ebda fondatezza.

84      Fir-rigward tal-mertu, hemm lok li jiġi mfakkar li r-regolament ikkontestat ma għandu l-ebda analiżi ta’ l-iżvilupp fid-domanda, peress li l-Kunsill sempliċement jikkonferma, fil-premessa 48 ta’ dan ir-regolament, il-konklużjonijiet tar-regolament provviżorju dwar id-dannu.

85      Jirriżulta mir-regolament provviżorju (ara t-tabella nru 1 fil-punt 5, iktar ‘il fuq) li l-konsum ta’ siliku fl-Unjoni Ewropea niżel b’4 % fl-2001 u b’1 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

86      Għandu jiġi rrilevat, mill-ġdid, li l-punt ta’ tluq tat-teżi tal-Kunsill li tiddeduċi d-dannu ta’ l-importazzjonijiet Russi, għall-perijodu bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, huwa li, fl-2001, l-industrija komunitarja tilfet il-volumi tal-bejgħ meta ppruvat iżżomm il-prezzijiet tagħha meta afforntata bil-prezzijiet niżlin tal-produtturi-esportaturi Russi, ħaġa li ġiegħlet l-industrija komunitarja tnaqqas il-prezzijiet tagħha, sabiex iżżid jew tirkupra l-volumi tagħha ta’ bejgħ, ulterjorment, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Għandu, għaldaqstant, jiġi eżaminat jekk it-tnaqqis tal-volumi ta’ bejgħ ta’ l-industrija komunitarja fl-2001 setax jiġi imputat, mill-Kunsill, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, unikament lill-importazzjonijiet Russi, minkejja l-fatt li l-konsum komunitarju kien f’fażi ta’ tnaqqis fl-2001.

87      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat qabel kollox li t-tabella nru 8 tar-regolament provviżorju (ara l-punt 5 iktar ‘il fuq) għandha żball ta’ kalkolu, ammess mill-Kunsill f’risposta għal mistoqsija miktuba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, u li jirriżulta minn din it-tabella wara korrezzjoni li, fl-2001, il-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja niżel biss b’4 %, u mhux b’7 % kif indikat oriġinarjament fit-tabella.

88      Din il-korrezzjoni tindika li l-miżura tat-tnaqqis tal-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja fl-2001 ( - 4 %) tirrifletti eżattament dik tat-tnaqqis fid-domanda ( - 4 %), u, għaldaqstant, jidher li l-livell tal-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja ma għamel xejn ħlief segwa rigorożament l-iżvilupp ġenerali tal-konsum komunitarju. Din iċ-ċirkustanza tqiegħed fid-dubju l-affermazzjoni tal-Kunsill li tgħid li t-tnaqqis tal-volumi ta’ bejgħ ta’ l-industrija komunitarja fl-2001 kien dovut għal qtugħ fil-prezzijiet ipprattikati mill-produtturi-esportaturi Russi, peress li dan it-tnaqqis jista’ jkollu spjegazzjoni raġjonevoli fit-tnaqqis fid-domanda komunitarja. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan l-element deċiżiv ma ttieħidx in kunsiderazzjoni mill-Kunsill.

89      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fl-2001, l-industrija komunitarja ppreżervat is-sehem fis-suq tagħha minkejja ż-żieda fil-prezzijiet tagħha ta’ 3 %, filwaqt li l-prezz medju ta’ l-importazzjonijiet Russi kien naqas bi 12 %, ħaġa li minnha turi n-nuqqas ta’ inċidenza kbira tal-livell tal-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet Russi fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija komunitarja.

90      Isegwi li l-iżvilupp ta’ l-indikaturi in kwistjoni ma jsaħħaħx it-teżi tal-Kunsill li tgħid li t-tnaqqis tal-volum mibjugħ mill-industrija komunitarja fl-2001 kien unikament il-konsegwenza ta’ l-importazzjonijiet Russi, iżda jsostni l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-imsemmi tnaqqis tal-volum tal-bejgħ kien, prinċipalment, il-konsegwenza tat-tnaqqis fid-domanda fl-2001.

91      Fir-rigward tal-perijodu ta’ investigazzjoni, għandu jiġi mfakkar li d-domanda għas-siliku reġgħet niżlet b’1 %. Il-volum tal-bejgħ u s-sehem fis-suq ta’ l-industrija komunitarja madankollu żdiedu, rispettivament, b’6 % u b’2.4 punti perċentwali u laħqu livell rekord.

92      Il-Kunsill iqis madankollu li t-tnaqqis fid-domanda ma affettwax il-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja, fid-dawl tal-fatt li huma kienu żdiedu, u li ż-żieda tas-sehem fis-suq ta’ l-industrija komunitarja bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni kienet konsegwenza loġika ta’ l-istabbiltà tal-bejgħ f’suq li kien sejjer lura.

93      Din it-teżi tal-Kunsill mhijiex sostenibbli. F’suq trasparenti u kompetittiv, bħal dak tas-siliku skond ir-regolament ikkontestat, it-tnaqqis fid-domanda jeżerċita pressjoni fuq il-prezzijiet. L-operatur ekonomiku iffaċċat b’tnaqqis fid-domanda għandu l-għażla bejn tnaqqis tal-volum tal-bejgħ tiegħu u tnaqqis fil-prezzijiet tiegħu.

94      Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li l-Kunsill ma ressaq l-ebda argument dwar iċ-ċirkustanzi speċifiċi li ppermettew lill-industrija komunitarja żżomm, jew iżżid, il-volum ta’ bejgħ tagħha filwaqt li żżomm il-livell tal-prezzijiet tagħha meta affrontata bit-tnaqqis fid-domanda li seħħ matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

95      Fid-dawl ta dak li ntqal qabel, għandu jiġi konkluż li r-regolament ikkontestat huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kunsill injora l-effett tat-tnaqqis fid-domanda fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija komunitarja.

–       Fuq l-espansjoni tas-sehem fis-suq u tal-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja

96      Ir-rikorrenti tqis li l-istituzzjonijiet wettqu wkoll żball ta’ evalwazzjoni meta huma injoraw ir-relazzjoni loġika li kien hemm bejn it-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ l-industrija komunitarja matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u ż-żieda tal-bejgħ tagħhom u tas-sehem fis-suq tagħhom.

97      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li s-sehem fis-suq miżmum mill-industrija komunitarja żdiedet, billi telgħat minn 29.8 għal 36,7 % matul il-perijodu kkunsidrat, jew 6.9 punti perċentwali. Huwa bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, meta d-dannu kien, skond il-Kunsill, l-iktar ċar, li l-industrija komunitarja żiedet il-volum tal-bejgħ tagħha bi 2 % u s-sehem fis-suq tagħha bi 2.4 punti perċentwali, f’suq li kien sejjer lura (ara t-tabella nru 10 fil-punt 5, iktar ‘il fuq).

98      Skond il-Kunsill, it-titjib fil-volum tal-bejgħ matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kien ħafif, u kien jikkostitwixxi miżura difensiva, li biha l-industrija komunitarja reġgħet kisbet il-volumi li kienet tilfet fl-2001 meta ppruvat iżżomm il-prezzijiet meta affrontata bl-importazzjonijiet Russi (- 4 %). Iż-żieda tal-volumi ta’ bejgħ u tas-sehem fis-suq matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ma kienet teħtieġ ebda tnaqqis ta’ prezz, peress li din l-aħħar kienet ir-riżultat tal-qtugħ tal-prezzijiet Russi.

99      L-ewwel nett, jirriżulta mill-informazzjoni kkorreġuta tat-tabella nru 8 tar-regolament provviżorju (ara l-punt 87 iktar ‘il fuq) li, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, l-industrija komunitarja mhux biss reġgħet kisbet il-volum tal-bejgħ mitluf fl-2001 (- 4 %), iżda, billi rreġistrat tkabbir ta’ 6 % fil-volum, laħqet livell rekord matul il-perijodu kkunsidrat kollu.

100    Bl-istess mod, għal dak li għandu x’jaqsam mas-sehem fis-suq ta’ l-industrija komunitarja, li baqa’ stabbli fl-2001, hija rreġistrat titjib ta’ 2.4 punti perċentwali (minn 34.3 għal 36.7 %) matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u wkoll laħqet livell rekord.

101    Fil-każ preżenti, l-industrija komunitarja għaldaqstant żiedet il-bejgħ tagħha f’suq li kien sejjer lura u wettqet tkabbir ta’ sehem fis-suq bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni li huwa ekwivalenti għal nofs is-sehem fis-suq kollu tal-produtturi-esportaturi Russi.

102    Il-Kunsill jinnega li t-tnaqqis fil-prezz ta’ l-industrija komunitarja kkostitwixxa vantaġġ kompetittiv li ppermettielu jilħaq dan ir-riżultat. It-tnaqqis fil-prezz, skond il-Kunsill, kien unikament miżura difensiva kontra l-qtugħ kbir tal-prezzijiet Russi, sabiex jevita t-telf fil-volum tal-bejgħ. Madankollu, l-ebda argument ma tressaq mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni biex jispjega kif kien possibbli għall-industrija komunitarja, bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, li żżid is-sehem fis-suq tagħha bi 2.4 punti perċentwali, f’suq li sejjer lura, mingħajr ma tnaqqas il-prezzijiet.

103    Hemm lok li jiġi mfakkar li l-Kunsill jibbaża l-argumenti tiegħu fuq it-teżi li tgħid, l-ewwel nett, fl-2001, li l-industrija komunitarja tilfet il-volumi tal-bejgħ minħabba l-qtugħ kbir tal-prezzijiet Russi u, it-tieni nett, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, hija kellha tnaqqas drastikament il-prezzijiet tagħha sabiex tevita li titlef il-volum tal-bejgħ, jew sabiex terġa tikseb il-volumi tal-bejgħ mitlufa fl-2001.

104    Kif intwera fil-punti 88 u ta’ wara, il-punt ta’ tluq ta’ din it-teżi huwa żbaljat, peress li l-Kunsill ma ħax in kunsiderazzjoni l-ispjegazzjoni plawżibbli li tgħid li t-telf tal-volumi fl-2001 (- 4 %) kien unikament jew prinċipalment dovut għalt-tnaqqis fid-domanda (- 4 %), u li ma tax argumenti validi sabiex jikkontesta din l-ispjegazzjoni.

105    Barra minn hekk, peress li r-raġunament tal-Kunsill huwa bbażat fuq l-ipoteżi li tgħid li l-industrija komunitarja ħadet atteġġament difensiv sabiex iżżomm il-volum tal-bejgħ tagħha, dan mhuwiex rilevanti fid-dawl taż-żieda ta’ 6 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, li ma tistax tiġi deskritta bħala sempliċi żamma ta’ volum. Din iż-żieda kkumpensat it-telf ta’ 4 % fl-2001, b’mod li, bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, l-industrija komunitarja kisbet tkabbir ta’ volum tal-bejgħ ta’ iktar minn 2 %.

106    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi stabbilit li l-Kunsill u l-Kummissjoni ma ressqu l-ebda argument validu li juri li ż-żieda sinjifikattiva tas-sehem fis-suq ta’ l-industrija komunitarja f’suq li kien sejjer lura, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, kien possibbli mingħajr il-vantaġġ kompetittiv mogħti bit-tnaqqis fil-prezz tiegħu.

107    Fir-rigward ta’ l-analiżi ta’ l-impatt taż-żieda tal-volum tal-bejgħ u tas-sehem fis-suq bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija komunitarja, il-Kunsill sempliċement jafferma, fil-premessa 46 tar-regolament ikkontestat, dan li ġej :

“[Fid-dawl] tal-presenza miżjuda ta' import[azzjonijiet] […] bi prezz baxx [li huma s-suġġett ta dumping li joriġinaw] mir-Russja, is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità ddeterjorat. [Is-]sehem [tagħha] fis-suq [ra] tnaqqis importanti.”

108    Fid-dawl tal-fatt li, bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, is-sehem fis-suq ta’ l-industrija komunitarja żdied b’mod sinjifikattiv u mhux ra “tnaqqis importanti”, għandu jiġi kkonstatat li, fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill mhux biss naqas milli jittratta l-kwistjoni dwar jekk it-tnaqqis fil-prezz kienx kundizzjoni neċessarja għaż-żieda tal-volum tal-bejgħ u tas-sehem fis-suq, u għaldaqstant, fir-rigward tat-tnaqqis fil-prezz, kien dannu li rriżulta mill-aġir proprju ta’ l-industrija komunitarja fis-sens tas-sentenza Extramet Industrie vs Il-Kunsill, punt 72 supra, iżda wkoll imputa, f’dan il-kuntest, fattur ta’ dannu ineżistenti lill-importazzjonijiet Russi.

109    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fil-kuntest tar-regolament ikkontestat, matul l-eżami ta’ ness eżistenti bejn iż-żieda tas-sehem fis-suq u tal-volum ta’ bejgħ ta’ l-industrija komunitarja u t-tnaqqis fil-prezzijiet ipprattikati minnha.

–       Fuq l-ispostament tal-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja mill-utilizzaturi ta’ l-industrija kimika għall-utilizzaturi ta’ l-industrija metallurġika.

110    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill b’mod żbaljat qies, fir-regolament ikkontestat, li t-tnaqqis tax-xiri ta’ siliku effettwat mill-industrija kimika ma kienx ikkontribwixxa għad-dannu subit mill-industrija komunitarja, u li l-imsemmi regolament kien għaldaqstant indebitament attribwixxa l-effetti ta’ dan it-tnaqqis lill-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Russja.

111    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-premessi 63 u 64 tar-regolament ikkontestat jiddisponu :

“Matul il-perjodu bejn l-2000 u l-PI, meta x-xejra ta' ħsara wriet waqgħa partikolari rigward il-prezzijiet u l-qligħ, bejgħ lil utenti kimiċi waqa' b'madwar ħamest elef tunnellata mettrika (-7,0 %), iżda prezzijiet medji żdiedu b' 14 EUR kull tunnellata mettrika (+ 1,1 %). Għall-bejgħ kollu ċ-ċifri paragunabbli wrew żieda ta' madwar tlett elef tunnellata mettrika (+ 2,1 %) waqt li prezzijiet medji waqgħu b' 46 EUR kull tunnellata mettrika (- 3,7 %).

Għalhekk, ma kienx hemm l-ebda raġuni li wieħed jemmen li l-ħsara soffruta mill-industrija tal-Komunità kienet kaġunata minn waqgħa fil-bejgħ lill-konsumaturi kimiċi. Fil-fatt, meta titqies in-natura tal-ħsara soffruta, il-maqlub huwa veru.”

112    Jirriżulta mill-informazzjoni mogħtija fil-premessa 61 tar-regolament ikkontestat u fit-tabella nru 8 tar-regolament provviżorju (ara l-punt 5 iktar ‘il fuq) li l-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja lill-utilizzaturi ta’ l-industrija kimika, li jużaw fil-parti l-kbira s-siliku ta’ kwalità għolja, kien naqas bi ftit fl-2001 (- 0.6 %, jew - 445 tunnellata) u kien hemm tnaqqis sinjifikattiv matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (- 6.4 %, jew – 4,783 tunnellata). Min-naħa l-oħra, il-bejgħ lill-utilizzaturi ta’ l-industrija metallurġika, li jikkonsmaw, fil-parti l-kbira, siliku ta’ kwalità standard jew baxx, kienu l-ewwel nett naqsu fl-2001 (- 8.4 %, jew – 4,904 tunnellata), wara setgħu juru, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, żieda qawwija ħafna (+ 24.1 %, jew + 12,985 tunnellata). Konsegwentement, il-proporzjoni tal-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja lill-utilizzaturi ta’ l-industrija kimika fid-dawl tal-volum totali tal-bejgħ komunitarji ta’ siliku daret minn 58 % fl-2001 għal 51 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, peress li din il-proporzjoni kienet daret, fir-rigward tal-bejgħ tagħha lill-utilizzaturi ta’ l-industrija metallurġika, minn 42 għal 49 %.

113    Issa, huwa kostanti li l-prezz medju tas-siliku mibjugħ mill-industrija komunitarja lil dawn iż-żewġ tipi ta’ utilizzaturi huwa differenti u żdied, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, għal 1,301 EUR kull tunnellata għas-siliku mibjugħ lill-utilizzaturi ta’ l-industrija kimika, u għal 1,063 EUR kull tunnellata għas-siliku mibjugħ lill-utilizzaturi ta’ l-industrija metallurġika, kif jirriżulta mis-sorsi msemmija fil-punt 112 iktar ‘il fuq. Isegwi li l-iżvilupp sostanzjali, deskritt fl-imsemmi punt, tal-proporzjon tal-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja tas-siliku destinat għall-utilizzaturi ta’ l-industrija kimika, minn naħa, u għall-utilizzaturi ta’ l-industrija metallurġika, min-naħa l-oħra, b’relazzjoni mal-bejgħ totali tas-siliku, neċessarjament kellu inċidenza, wara t-tnaqqis, fuq il-kalkolu tal-prezz medju, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, fuq it-totalità tas-siliku mibjugħ minnha.

114    Skond l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, mogħtija matul il-proċedura amministrattiva, li l-Kunsill ma kkontestax, dan l-ispostament tal-bejgħ kien kompletament indipendenti mill-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Russja. Barra minn hekk, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza rrivelat li l-uniku kampjun ta’ bejgħ Russi lill-utilizzaturi ta’ l-industrija kimika, mressqa għall-attenzjoni ta’ l-istituzzjonijiet, kien kampjun ta’ 200 tunnellata, kwantità insinjifikanti meta mqabbla mal-volumi ta’ bejgħ ta’ l-industrija komunitarja ma; dan il-grupp ta’ utilizzaturi (69,652 tunnellata matul il-perijodu ta’ investigazzjoni). Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat mill-Kunsill li r-raġuni tat-telf tal-volumi mibjugħa lill-utilizzaturi ta’ l-industrija kimika kienet it-tnaqqis fid-domanda tagħhom.

115    Isegwi li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-regolament ikkontestat matul l-analiżi ta’ l-impatt, fuq il-prezz medju pprattikat mill-industrija komunitarja, tat-tnaqqis fid-domanda ta’ l-utilizzaturi ta’ l-industrija kimika, tat-tnaqqis korollarju tal-bejgħ lil dan il-grupp ta’ utilizzaturi u taż-żieda simultanja tal-bejgħ lill-utilizzaturi ta’ l-industrija metallurġika.

116    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li, peress li fl-analiżi tiegħu fejn huwa wasal għall-konstatazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ ness ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet Russi u d-dannu allegatament subit mill-industrija komunitarja, il-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni, l-ewwel nett, l-impatt neċessarju tat-tnaqqis fid-domanda fuq il-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija komunitarja bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, it-tieni nett, iż-żieda tas-sehem fis-suq tagħha u tal-volum tal-bejgħ tagħha bejn l-2001 u l-perijodu ta’ investigazzjoni fuq il-livell tal-prezzijiet ipprattikati minnha, it-tielet nett, it-tibdiliet fl-istruttura tal-bejgħ tagħha bejn l-2001 u l-perijodu ta’ investigazzjoni fuq l-estensjoni tat-tnaqqis fil-prezz medju tal-bejgħ tagħha. Billi għamel hekk, huwa neċessarjament imputa lill-importazzjonijiet Russi l-effetti sfavorevoli għall-industrija komunitarja, li ma kinux ikkawżati mill-imsemmija importazzjonijiet.

117    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-iżbalji msemmija jwaqqgħu t-teżi prinċipali ta’ l-istituzzjonijiet li fuqha twaqqaf in-ness ta’ kawżalità u, min-naħa l-oħra, li r-regolament bażiku jindika espressament it-tnaqqis fid-domanda u l-emendi tal-konfigurazzjoni tal-konsum bħala fatturi li l-effett tagħhom fuq id-dannu għandu jiġi eżaminat sabiex ma jiġix attribwit lill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

118    Fid-dawl ta’ dan kollu, anki jekk wieħed jissupponi li l-industrija komunitarja kienet sofriet id-dannu sinjifikattiv invokat mill-Kunsill, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li l-Kunsill wettaq fir-regolament ikkontestat fl-analiżi tan-ness ta’ kawżalità jikkostitwixxu ksur tar-regolament bażiku.

119    Jirriżulta mit-totalità tal-kunsiderazzjonijiet ta’ qabel li t-tielet u r-raba’ motivi għandhom jiġu milqugħa. Għaldaqstant, għandu jiġi annullat ir-regolament ikkontestat sa fejn jikkonċerna r-rikorrenti, mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra ta’ din ta’ l-aħħar.

 Fuq l-ispejjeż

120    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(4), l-istituzzjonijiet li jintervjenu għandhom ibati l-ispejjeż tagħhom. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta' u tiddeċiedi

1)      L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 2229/2003, tat-22 ta’ Diċembru 2003, li jimponi dazju definittiv kontra l-fqigħ tas-suq [dumping] u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importi [importazzjonijiet] tas-siliku li joriġinaw fir-Russja, huwa annullat sa fejn jimponi dritt antidumping fuq ir-rikorrenti.

2)      Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija f’Qorti bil-miftugħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Marzu 2007

E. Coulon

 

       M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.