Language of document : ECLI:EU:T:2007:96

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

22 ta' Marzu 2007 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali PAM PLUVIAL – Trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti PAM – Raġuni relattiva ta' rifjut – Probabbiltà ta' konfużjoni – Prova ta' użu − Artikolu 8(1)(b) u Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T‑364/05,

Saint-Gobain Pam SA, stabbilita f'Nancy (Franza), irrappreżentata minn J. Blanchard u G. Marchais, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Rassat, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kienet

Propamsa, SA, stabbilita f'Barċellona (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI jal-15 ta' April 2005 (Każ R 414/2004-4), rigward ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali PAM PLUVIAL, dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Propamsa, SA u Saint-Gobain Pam SA,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon, reġistratur

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-26 ta' Settembru 2005,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Jannar 2006,

wara li rat il-proċedura orali, billi s-seduta, li ġiet iffissata għas-7 ta' Diċembru 2006, ma saritx peress li l-ebda parti ma kienet preżenti,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-27 ta' Settembru 2000, ir-rikorrenti, Saint-Gobain Pam SA, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disini) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (iktar 'il quddiem it-"trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni") hija s-sinjal verbali PAM PLUVIAL.

3        Wara żewġ limitazzjonijiet għall-lista ta' prodotti inizjalment koperti mill-applikazzjoni għat-trade mark, magħmula mir-rikorrenti fid-9 ta' Ottubru 2000 u d-29 ta' Mejju 2002 u aċċettati mill-UASI, rispettivament, fil-11 ta' Ottubru 2000 u fl-4 ta' Lulju 2002, il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 6 u 17 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u ta' Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, u jikkorrispondu għad-deskrizzjonijiet li ġejjin:

–        "Pajpijiet u tubi tal-metall jew b'bażi tal-metall, pajpijiet u tubi tal-ħadid fondut, minċotti tal-metall għall-prodotti preċedentement iċċitati" (klassi 6);

–        "Minċotti mhux tal-metall għall-pajpijiet u tubi riġidi mhux tal-metall" (klassi 17).

4        L-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulletin tat-trade marks Komunitarji Nru 61/2001, fis-16 ta' Lulju 2001.

5        Fl-20 ta' Settembru 2001, Propamsa, SA ressqet oppożizzjoni, taħt l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq id-drittijiet preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark figurattiva, irreġistrata fi Spanja fis-26 ta' Lulju 1976 bin-numru 737992 għall-"materjal tal-bini" (klassi 19) u riprodotta hawn taħt (iktar 'il quddiem it-"trade mark preċedenti"):

Image not foundImage not found

–        it-trade mark figurattiva, irreġistrata fi Spanja fis-26 ta' Lulju 1976 bin-numru 120075 għas-"siment" (klassi 19), riprodotta hawn taħt:

Image not foundImage not found

–        ir-rappreżentazzjoni Franċiża tat-trade mark figurattiva internazzjonali riprodotta hawn taħt, irreġistrata fit-2 ta' Settembru 1981, bin-numru 463089, b'effett fl-Awstrija, fil-pajjiżi tal-Benelux, fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja, għas-"sustanzi adeżivi użati fl-industrija" (klassi 1) u l-"materjal tal-bini (mhux tal-metall, prim jew maħdum" (klassi 19):

Image not foundImage not found

7        L-oppożizzjoni saret kontra l-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja.

8        Il-motiv invokat in sostenn ta' l-oppożizzjoni kien il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn, minn naħa, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, it-tliet trade marks imsemmija fil-punt 6 iktar 'il fuq, fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

9        Permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta' Marzu 2004, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni ta' l-UASI aċċettat l-oppożizzjoni u ċaħdet l-applikazzjoni tar-rikorrenti għat-trade mark Komunitarja. Id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni ppreċiżat l-ewwel nett li l-paragun bejn il-prodotti li kienu jaqgħu taħt it-trade marks kunfliġġenti għandu jsir billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, minn naħa, il-prodotti kollha li jaqgħu taħt it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, indipendentement mill-użu attwali jew intenzjonat tagħhom mir-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, il-prodotti kollha li fir-rigward tagħhom ġew irreġistrati t-trade marks invokati fl-oppożizzjoni, peress li r-rikorrenti ma ppreżentatx talba għal prova ta' l-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti, skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94. Id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, it-tieni nett, qieset li l-pajpijiet u t-tubi, tal-metall jew mhux, u l-materjal tal-bini li għalihom kienu jirreferu t-trade marks preċedenti kienu simili. Dawn l-aħħar prodotti jkopru mill-inqas il-pajpijiet u t-tubi mhux tal-metall li għandhom l-istess natura u skop, huma intiżi għall-istess utenti u jistgħu jiġu użati flimkien ma' jew ikunu f'kompetizzjoni mal-pajpjiet u tubi tal-metall. Hija qieset ukoll li l-minċotti għall-pajpijiet u t-tubi, tal-metall jew mhux tal-metall, li għalihom kienet tirreferi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u l-materjal tal-bini, safejn dan huwa meħtieġ għall-immuntar jew għat-tiswija tal-pajpijiet u t-tubi tal-metall u mhux tal-metall, kienu simili. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-paragun tat-trade marks kunfliġġenti, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni qieset li l-element dominanti tagħhom kien il-kelma "pam" u li, għaldaqstant, dawn it-trade marks kienu simili ħafna, fejn l-identiċità viżiva u fonetika ta' l-element dominanti tas-sinjali hija suffiċjenti sabiex tegħleb id-differenzi viżivi u fonetiċi eżistenti bejn il-parti mhux dominanti tagħhom. Abbażi ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni kkonkludiet li kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fi Spanja u fi Franza, għall-prodotti kkonċernati kollha.

10      Fis-26 ta' Mejju 2004, ir-rikorrenti ressqet appell, taħt l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni.

11      Permezz ta' deċiżjoni tal-15 ta' April 2005 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fid-19 ta' Lulju 2005, ir-Raba' Bord ta' l-Appell ċaħad l-appell tar-rikorrenti u kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni.

12      Il-Bord ta' l-Appell, primarjament, ċaħad, peress li saret tard, it-talba għal prova ta' l-użu ġenwin tat-trade marks li fuqhom kienet ibbażata l-oppożizzjoni, ippreżentata mir-rikorrenti fin-nota ta' osservazzjonijiet tagħha li tesponi l-motivi ta' l-appell. F'dan ir-rigward, il-Bord ta' l-Appell qies li din it-talba kien imissha tressqet f'xi ħin waqt il-proċedimenti ta' oppożizzjoni, jiġifieri sakemm l-UASI jinforma lill-partijiet li dawn il-proċedimenti ngħalqu, u ma setgħetx tiġi ppreżentata, għall-ewwel darba, fl-istadju ta' l-appell quddiem il-Bord ta' l-Appell.

13      Sussegwentement, il-Bord ta' l-Appell, wara qabbel it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mat-trade mark preċedenti, ikkonkluda li l-imsemmija trade marks kienu globalment simili, meta tittieħed in kunsiderazzjoni l-identiċità fonetika u viżiva ta' l-element verbali dominanti tagħhom "pam", li jipprevali fuq id-differenzi viżivi u fonetiċi li jirriżultaw mill-element verbali sekondarju "pluvial" li jinsab fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra wkoll li l-prodotti li jaqgħu taħt iż-żewġ trade marks in kwistjoni kienu simili u komplementari, minħabba li kienu ddistribwiti mill-istess fergħat kummerċjali, mibjugħa fl-istess ħwienet u intiżi għall-istess konsumaturi finali. Fid-dawl ta' dawn l-elementi, il-Bord ta' l-Appell qies li kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti fi Spanja u li, għaldaqstant, ma kienx meħtieġ li tiġi eżaminata l-eżistenza ta' tali probabbiltà bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks l-oħra invokati fl-oppożizzjoni minn Propamsa.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-UASI sabiex ibati l-ispejjeż.

15      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

16      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi bbażati, rispettivament, fuq ksur ta' l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94 u fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) ta' l-imsemmi regolament.

 Fuq l-annessi 9 sa 15, 17, 18, 22 u 23 tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

17      L-UASI josserva li l-annessi 9 sa 15, 17, 18, 22 u 23 tar-rikors, dwar l-influwenza tal-grupp Saint-Gobain u l-kundizzjonijiet ta' użu tat-trade marks kunfliġġenti, ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, minħabba li dawn ma tressqux la quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni u l-anqas quddiem il-Bord ta' l-Appell. Dawn id-dokumenti m'għandhomx, għaldaqstant, jittieħdu in kunsiderazzjoni u għandhom jiġu miċħuda mill-Qorti tal-Prim'Istanza, skond il-ġurisprudenza stabbilita, mingħajr ma jkun jista' jiġi eżaminat il-valur tagħhom bħala prova [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Frar 2004, Koubi vs L-UASI – Flabesa (CONFORFLEX), T‑10/03, Ġabra p. II‑719, punt 52; tad-29 ta' April 2004, Eurocermex vs L-UASI (Forma ta' flixkun tal-birra), T‑399/02, Ġabra p. II‑1391, punt 52, u tal-21 ta' April 2005, Ampafrance vs L-UASI – Johnson & Johnson (monBeBé), T‑164/03, Ġabra p. II‑1401]. F'kull każ, l-istess dokumenti ma jistgħux isostnu argumenti mressqa kontra d-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

18      Skond il-ġurisprudenza, ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI huwa intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tagħhom, skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, b'mod li l-funzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza m'hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta' fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Marzu 2006, Telefon & Buch vs L-UASI – Herold Business Data (Weisse Seiten) T-322/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 65; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza CONFORFLEX, iċċitata f'punt 17 iktar 'il fuq, punt 52].

19      F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-annessi 9 sa 15, 17, 18, 22 u 23 tar-rikors effettivament tressqu għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Għaldaqstant, dawn id-dokumenti ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni u għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Weisse Seiten, iċċitata f'punt 18 iktar 'il fuq, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

20      Ir-rikorrenti, billi tirreferi għall-prinċipju ta' kontiwità funzjonali bejn l-istanzi ta' l-UASI, issostni li l-Bord ta' l-Appell żbaljatament ċaħad, minħabba li tressqet tard, it-talba għal prova ta' l-użu tat-trade marks preċedenti invokati bħala oppożizzjoni, ippreżentata għall-ewwel darba fin-nota ta' osservazzjonijiet li tesponi l-motivi ta' l-appell tagħha. Skond ir-rikorrenti, b'applikazzjoni tal-prinċipju msemmi iktar 'il fuq, parti tista' perfettament tinvoka quddiem il-Bord ta' l-Appell elementi ta' fatt u tad-dritt li hija ma invokatx quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni.

21      Din il-konklużjoni tapplika itkar u iktar minħabba li, f'dan il-każ, ir-rikorrenti kisbet il-konvinzjoni, abbażi ta' investigazzjoni li hija kkummissjonat, li Propamsa tuża t-trade marks invokati bħala oppożizzjoni għas-siment biss u mhux għall-prodotti l-oħra li għalihom ġew irreġistrati. Ir-rikorrenti għaldaqstant leġittimament talbet, fin-nota ta' osservazzjonijiet tagħha mressqa fis-26 ta' Mejju 2004 quddiem il-Bord ta' l-Appell, li Propamsa tipproduċi provi ta' l-użu ġenwin ta' l-imsemmija trade marks fil-ħames snin ta' qabel il-pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja.

22      Skond ir-rikorrenti, li jiġi deċiż mod ieħor imur direttament kontra l-"prinċipju fundamentali" li jirriżulta mit-tmien premessa ta' l-ewwel Direttiva tal-Kunsill Nru 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), kif ukoll mid-disa' premessa tar-Regolament Nru 40/94, u li jipprovdi li m'hemm ebda ġustifikazzjoni għall-protezzjoni ta' trade marks nazzjonali u Komunitarji jew, għall-protezzjoni favur trade mark li tkun ġiet irreġistrata qabel trade mark Komunitarja, ħlief fejn it-trade marks ikunu fil-fatt qed jintużaw.

23      Ir-rikorreti żżid li l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94, invokat mid-deċiżjoni kkontestata, jipprevedi biss terminu proċedurali wieħed, fl-ewwel paragrafu tiegħu, jiġifieri t-terminu mogħti mill-UASI, sabiex jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet tal-partijiet, waqt l-eżaminazzjoni ta' l-oppożizzjoni, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħra jew mill-UASI. Issa, skond ir-rikorrenti, għalkemm l-opponenti tista' tikkomunika provi dwar l-użu ġenwin fit-terminu mogħti mill-UASI biss, l-ebda test ma jipprevedi terminu partikolari għall-preżentazzjoni ta' talba li tingħata prova dwar l-użu ġenwin mill-parti l-oħra fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni. Għaldaqstant, id-dritt ta' l-applikant ta' trade mark Komunitarja, li jirriżulta mill-"prinċipju fundamentali" imsemmi fil-punt preċedenti, li l-opponenti tiġi mitluba tipproduċi provi ta' l-użu tat-trade mark tagħha, ma jistax jiġi soġġett għall-ħarsien ta' terminu li ma jirriżulta minn ebda test partikolari.

24      Huwa ċertament minnu li terminu għall-preżentazzjoni ta' talba għal prova ta' l-użu jingħata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad- 29 ta' Ġunju 2005, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 172, p. 4). Madankollu, dan ir-regolament mhuwiex applikabbli f'dan il-każ, minħabba li daħal fis-seħħ fil-25 ta' Lulju 2005, jiġifieri wara d-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

25      L-UASI jirrileva, preliminarjament, li, minkejja li huwa kompletament konxju tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fuq il-prinċipju ta' kontinwità funzjonali, huwa mhux dejjem jaqbel ma' l-opinjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza fuq dan il-prinċipju, kif juri b'mod partikolari l-appell li huwa ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (kawża C-29/05 P) kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Novembru 2004, Kaul vs L-UASI – Bayer (ARCOL) (T‑164/02, Ġabra p. II‑3807).

26      L-UASI jfakkar, sussegwentement, il-prassi tiegħu dwar it-talba għal prova ta' l-użu ġenwin, fis-sens ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, li hija riflessa fid-direttivi li jirrigwardaw il-proċedimenti quddiem l-UASI, adottati mid-deċiżjoni EX-04-2 tal-President ta' l-UASI, ta' l-10 ta' Mejju 2004, wara li ġie kkonsultat il-bord tat-tmexxija u l-oqsma kkonċernati, b'mod partikolari l-assoċjazzjonijiet prinċipali ta' rappreżentanti quddiem l-UASI. Skond il-punt 1.1 ta' dawn id-direttivi, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fid-data li fiha ngħatat id-deċiżjoni kkontestata, talba li tikkonċerna l-prova ta' l-użu tista' tiġi mressqa biss sal-mument li fih l-UASI jinforma lill-partijiet bil-miktub li l-ebda osservazzjoni oħra ma tista' tiġi ppreżentata, fi kliem ieħor, li huwa jinsab f'pożizzjoni li jagħti deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni.

27      Din id-direttiva tirrifletti l-prassi deċiżjonali kostanti kemm tad-diviżjonijiet ta' oppożizzjoni kif ukoll tal-bordijiet ta' l-appell. Id-deċiżjoni kkontestata kkonfermat ukoll, fil-punt 1.1, din il-prassi li sa llum ħadd għadu ma kkontesta. F'dan ir-rigward, l-UASI jirrileva li deċiżjoni fis-sens kuntrarju jkollha bħala effett, b'mod partikolari, li ttawwal it-tul ta' żmien tal-proċedimenti, li tiffavorizza l-manuvri ta' telf ta' żmien u li b'hekk jingħeleb l-għan tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, jiġifieri riżoluzzjoni, b'mod sempliċi u mgħaġġel u b'ċertezza legali, tal-kunflitti ta' trade marks li jinħolqu qabel ir-reġistrazzjoni u proċedimenti ġudizzjarji.

28      F'dan il-każ, ir-rikorrenti, li, bħalma sostniet hija stess, tifforma parti minn wieħed mill-mexxejja mondjali ta' l-industrija u hija mdorrija għall-proċedimenti quddiem l-UASI minħabba l-portafoll kunsiderevoli ta' trade marks, m'għamlitx użu, waqt il-proċediment quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, mill-kapaċità tagħha li titlob mingħand Propamsa il-prova ta' l-użu ġenwin tat-trade marks invokati fl-oppożizzjoni. Ir-rikorrenti llimitat ruħha għal affermazzjonijiet vagi fuq il-prodotti ffabbrikati minn Propamsa u fuq l-użu tagħhom fil-qasam ġenerali tal-kostruzzjoni b'assoċjazzjoni ma' prodotti oħra. Id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni għaldaqstant ġustament irrifjutat milli tieħu in kunsiderazzjoni dawn l-allegazzjonijiet.

29      L-UASI jispjega, barra minn hekk, li r-rikorrenti ppreżentat talba għal prova ta' l-użu ġenwin skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 għall-ewwel darba fin-nota ta' osservazzjonijiet tagħha li tesponi l-motivi ta' l-appell quddiem il-Bord ta' l-Appell, fl-20 ta' Lulju 2004, u mhux fis-26 ta' Mejju 2004, data li fiha ġie mressaq dan l-appell, kif tindika żbaljatament ir-rikorrenti fil-punt 43 tar-rikors tagħha. L-argument tar-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ibbażat fuq il-fatt li t-talba tagħha għall-prova ta' l-użu tat-trade marks preċedenti hija mmotivata mill-konvinzjoni li hija kisbet, wara li sar ir-rapport ta' l-investigazzjoni inkluż bħala l-anness 23 tar-rikors, li Propamsa tuża t-trade marks tagħha għas-siment biss, ma jistax jiġi aċċettat u f'kull każ mhuwiex affidabbli. Minn naħa, dan id-dokument ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni, minħabba li la ġie ppreżentat u lanqas invokat quddiem il-Bord ta' l-Appell. Min-naħa l-oħra u fuq kollox jekk, b'mod straordinarju, il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tiddeċiedi li tieħu dan id-dokument in kunsiderazzjoni, hija tikkonstata li mhuwiex datat u li l-anness 6 tiegħu biss juri d-data tat-13 ta' Awwissu 2004. Dan id-dokument ma jistax, għaldaqstant, isostni l-konvinzjoni li r-rikorrenti tallega li kisbet fid-data tas-26 ta' Mejju 2004, jew saħansitra ta' l-20 ta' Lulju 2004.

30      L-UASI jiġbed ukoll l-attenzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza fuq id-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolament Nru 1041/2005 (ara l-punt 24 iktar 'il fuq), liema dispożizzjonijiet, minkejja li mhumiex applikabbli f'dan il-każ, jippreċiżaw, xorta waħda, il-volontà tal-leġiżlatur. Ir-Regola 22 l-ġdida tar-Regolament Nru 2868/95, kif emendat, hija saħansitra inqas liberali mill-prassi deċiżjonali preċedenti ta' l-UASI, peress li hija tipprevedi li talba għal prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni hija ammissibbli biss jekk tiġi ppreżentata fit-terminu previst għall-preżentazzjoni ta' l-osservazzjonijiet ta' l-applikant tat-trade mark dwar l-oppożizzjoni.

31      Finalment, l-UASI jqis li l-allegata illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, li kieku kellha tiġi ammessa, m'għandhiex, f'kull każ, twassal għall-annullament tagħha. Fil-fatt, anki jekk it-trade mark preċedenti kienet tintuża biss għas-siment u jekk il-paragun kellu jkun limitat għal dawn il-prodotti, teżisti, għall-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, probabbiltà ta' konfużjoni għall-konsumaturi Spanjoli b'tali mod li l-pubbliku jasal biex jiżbalja fir-rigward ta' l-oriġini tal-prodotti in kwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

32      Skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, għall-finijiet ta' l-eżaminazzjoni ta' oppożizzjoni mressqa tħat l-Artikolu 42 ta' dan l-istess regolament, it-trade mark preċedenti titqies li kienet suġġetta għal użu ġenwin sakemm ma tiġix ippreżentata talba mill-applikant sabiex titressaq prova ta' tali użu [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Marzu 2004, El Corte Inglés vs L-UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T‑183/02 u T‑184/02, Ġabra p. II‑965, punt 38].

33      F'dan il-każ, huwa paċifiku li kien biss fl-istadju ta' l-appell quddiem il-Bord ta' l-Appell li r-rikorrenti ppreżentat tali talba għall-ewwel darba. Ir-rikorrenti tqis, madankollu, li din it-talba kienet ammissibbli. Hija ssostni f'dan ir-rigward, minn naħa, li r-Regolament Nru 40/94 ma jipprevedi l-ebda terminu għall-preżentazzjoni ta' tali talba u li, barra minn hekk, l-iffissar ta' terminu għal dan il-għan imur kontra l-prinċipju li jirriżulta mid-disa' premessa ta' dan ir-regolament, imsemmi fil-punt 22 iktar 'il fuq. Ir-rikorrenti tqis, min-naħa l-oħra, li l-preżentazzjoni tat-talba tagħha għall-ewwel darba quddiem il-Bord ta' l-Appell kienet possibbli, b'applikazzjoni tal-prinċipju ta' kontinwità funzjonali bejn l-istanzi inferjuri ta' l-UASI u l-bordijiet ta' appell.

34      Għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, it-talba għal prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti għandha ssir espliċitament u fi żmien aċċettabbli quddiem l-UASI [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza MUNDICOR, iċċitata f'punt 32 iktar 'il fuq, punt 38; tas-16 ta' Marzu 2005, L'Oréal vs L-UASI – Revlon (FLEXI AIR), T‑112/03, Ġabra p. II‑949, punt 24, u tas-7 ta' Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs L-UASI – REWE-Zentral (Salvita), T‑303/03, Ġabra p. II‑1917, punt 77]. F'dan il-kuntest, ġie deċiż li, fil-prinċipju u mingħajr ħsara għad-disa' premessa tar-Regolament Nru 40/94, it-talba għal prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti għandha tiġi ppreżentata fit-terminu mogħti mid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni lill-applikant tat-trade mark Komunitarja sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu b'risposta għall-att ta' oppożizzjoni (sentenza FLEXI AIR, iċċitata iktar 'il fuq, punti 25 sa 28).

35      Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk l-applikant tat-trade mark għandux jippreżenta talba għal prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti fit-terminu mogħti lilu mid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu b'risposta għall-att ta' oppożizzjoni jew jekk tali talba għandhiex tiġi ppreżentata f'terminu speċifiku eventwalment iffissat għall-applikant tat-trade mark mid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, li fil-każ li dan jiddekorri hija jkollha d-dritt li ma tieħux it-tali talba in kunsiderazzjoni, mhijiex rilevanti f'dan il-każ. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma fformulatx talba għal prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti fit-terminu mogħti lilha, skond l-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 40/94, sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-oppożizzjoni ta' Propamsa. Barra minn hekk, l-UASI jsostni li l-ebda terminu speċifiku ma ġie ffissat għal dan il-għan fuq ir-rikorrenti mid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni. Madankollu, l-UASI jsostni li, skond il-punt 1.1 tad-direttivi tal-President ta' l-UASI, imsemmija iktar 'il fuq (ara l-punt 26 iktar 'il fuq), li jirriflettu prassi deċiżjonali kostanti f'dan is-suġġett, ir-rikorrenti kien imissha ppreżentat it-talba tagħha għal prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti f'xi mument waqt il-proċedimenti ta' oppożizzjoni, u qabel ma d-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni tinforma lill-partijiet li hija kienet lesta sabiex tagħti deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni.

36      Għaldaqstant, mhuwiex ir-rispett ta' kwalunkwe terminu ffissat għall-preżentazzjoni ta' din it-talba li qed jiġi eżaminat f'din il-kawża, iżda pjuttost il-kwistjoni dwar f'liema istanza ta' l-UASI għandha tiġi ppreżentata din it-talba u, b'mod iktar partikolari, dwar jekk din it-talba għandhiex imperattivament tiġi ppreżentata quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni jew jekk ikunx għadu possibbli li tiġi ppreżentata għall-ewwel darba fl-istadju ta' l-appell quddiem il-Bord ta' l-Appell.

37      F'dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li t-talba għal prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti għandha bħala effett li tqiegħed fuq l-opponenti l-oneru li tipprova l-użu ġenwin tat-trade mark tiegħu – jew l-eżistenza ta' raġunijiet validi għan-nuqqas ta' użu – taħt piena taċ-ċaħda ta' l-oppożizzjoni tiegħu (sentenzi MUNDICOR, iċċitata f'punt 32 iktar 'il fuq, punt 38; FLEXI AIR, iċċitata f'punt 34 iktar 'il fuq, punt 24, u Salvita, iċċitata f'punt 34 iktar 'il fuq, punt 77). L-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti jikkostitwixxi għaldaqstant kwistjoni li, ladarba mqajma mill-applikant tat-trade mark, għandha tiġi deċiża qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni veru u proprja (is-sentenza FLEXI AIR, iċċitata f'punt 34 iktar 'il fuq, punt 26). It-talba għal prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti għaldaqstant iżżid mal-proċedimenti ta' oppożizzjoni kwistjoni speċifika u preliminari u, f'dan is-sens, timmodifika l-kontenut ta' dawn il-proċedimenti.

38      Għandu jiġi mfakkar li, barra minn hekk, skond l-Artikolu 127(1) tar-Regolament Nru 40/94, id-Diviżjoni ta' l-Opposizzjoni hija responsabbli sabiex tieħu deċiżjonijiet li jirrigwardaw oppożizzjoni għal applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja, filwaqt li, taħt l-Artikolu 130(1) ta' l-istess regolament, il-Bordijiet ta' Appell huma responsabbli sabiex jiddeċiedu dwar appelli mressqa, b'mod partikolari kontra d-deċiżjonijiet tad-Diviżjonijiet ta' Oppożizzjoni.

39      Mid-dispożizzjonijiet u mill-kunsiderazzjonjiet preċedenti jirriżulta li hija d-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni li għandha tiddeċiedi, fl-ewwel lok, fuq l-oppożizzjoni, kif iddefinita mid-diversi atti u talbiet proċedurali tal-partijiet, inkluża, jekk ikun il-każ, it-talba għal prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti. Hija għal din ir-raġuni li tali talba ma tistax tiġi fformulata għall-ewwel darba quddiem il-Bord ta' l-Appell. Ammissjoni kuntrarja timplika l-eżaminazzjoni, mill-Bord ta' l-Appell, ta' talba kjarament speċifika, marbuta ma' kunsiderazzjonijiet ġuridiċi u fattwali ġodda u li jirriżultaw mill-kuntest tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, minn dik imressqa quddiem u ttrattata mid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni. Issa, il-Bord ta' l-Appell huwa kompetenti biss sabiex jagħti deċiżjoni fuq l-appelli mressqa kontra deċiżjonijiet tad-Diviżjonijiet ta' Oppożizzjoni u mhux sabiex jiddeċiedi huwa stess, fl-ewwel istanza, fuq oppożizzjoni ġdida.

40      Il-kontinwità funzjonali, imsemmija fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Settembru 2003, Henkel vs L-UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T‑308/01, Ġabra p. II‑3253, punti 25 u 26; ta' l-1 ta' Frar 2005, SPAG vs L-UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T‑57/03, Ġabra p. II‑287, punt 18, u ta' l-10 ta' Lulju 2006, La Baronia de Turis vs L-UASI − Baron Philippe de Rothschild (LA BARONNIE), T‑323/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 57 u 58], m'għandhiex, f'kull każ, tiġġustifika l-preżentazzjoni ta' tali talba għall-ewwel darba quddiem il-Bord ta' l-Appell, peress li din bl-ebda mod ma timplika eżami mill-Bord ta' l-Appell ta' kawża differenti minn dik imressqa lid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, jiġifieri kawża li l-portata tagħha tkun tkabbret biż-żieda tal-kwistjoni preliminari ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti.

41      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata ġustament ikkonkludiet, f'dan il-każ, li r-rikorrenti ma setgħetx titlob, għall-ewwel darba fl-istadju ta' l-appell quddiem il-Bord ta' l-Appell, li l-opponenti tipprovdi l-prova ta' l-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti invokati fl-oppożizzjoni. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

42      Ir-rikorrenti tikkontesta, fl-ewwel lok, il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li l-prodotti li jaqgħu taħt it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, peress li jistgħu jintużaw fil-kostruzzjoni ta' bini, huma ekwivalenti jew komplementari għall-materjal tal-bini li jaqa' taħt it-trade mark preċedenti.

43      Ir-rikorrenti ssostni li l-kunċetti ta' "materjal tal-bini" u ta' "materjal tal-bini mhux tal-metall", li jaqgħu, rispettivament, taħt it-trade marks ta' Propamsa irreġistrati bin-numri 737992 u 463089, huma tant vagi u wesgħin li huwa possibbli li taħt dawn il-kunċetti jiġi inkluż numru infinit ta' prodotti mingħajr ma jkollhom x'jaqsmu ma' xulxin, b'tali mod li l-proprjetarju tat-trade marks in kwistjoni jingħata monopolju inġustifikat u kontestabbli. Ir-rikorrenti tosserva f'dan ir-rigward li l-qrati Franċiżi diġà waslu sabiex jiddeċiedu dwar in-nullità ta' trade marks fil-każ ta' deskrizzjoni impreċiża tal-prodotti jew servizzi koperti minnhom, per eżempju fil-każ ta' trade marks li jikkomportaw is-"servizzi ta' negozju".

44      Ir-rikorrenti tosserva li kull stabbiliment ta' attività tal-bniedem, indipendentement min-natura jew għan tagħha, jissupponi operazzjoni ta' kostruzzjoni, ftit jew wisq kumplessa, li teħtieġ l-użu ta' numru kbir ħafna ta' prodotti, minn dawk komuni għal dawk iktar sofistikati. Issa, dan bl-ebda mod ma jfisser li dawn il-prodotti jew servizzi kollha għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti jew komplementari għall-materjal tal-bini.

45      Ir-rikorrenti tammetti li, fil-kuntest ta' paragun tal-prodotti u servizzi in kwistjoni, wieħed għandu jirreferi għall-karatteristiċi ġenerali tagħhom, iżda tenfasizza li xebh jew komplementarjetà bejn dawn l-istess prodotti jew servizzi ma jistgħux jiġu dedotti mis-sempliċi fatt li jistgħu jintużaw f'operazzjoni ta' kostruzzjoni, ħlief sabiex jiġi kkunsidrati bħala simili prodotti u servizzi li għandhom karatteristiċi differenti ħafna.

46      Għaldaqstant, ma jistax, per eżempju, jiġi kkunsidrat li l-konkos u l-wajers ta' l-elettriku huma simili jew komplementari minħabba s-sempliċi fatt li jintużaw waqt operazzjoni ta' kostruzzjoni. Fil-fatt, dawn il-prodotti huma ta' natura differenti, jaqdu funzjonijiet differenti u fil-parti l-kbira jiġu ffabbrikati minn entitajiet differenti. Bl-istess mod, is-servizzi tal-perit tal-klassi 42 u l-pajpijiet mhux tal-metall tal-klassi 19 m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala simili, minħabba s-sempliċi motiv li jintużaw fil-kuntest ta' operazzjoni ta' kostruzzjoni.

47      Fl-istess kuntest, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata, meta ssostni, fil-punt 20, li l-kostruzzjoni ta' bini u ta' infrastruttura tinkludi inevitabbilment sistemi differenti, bħall-kanalizzazzjoni, it-trattament ta' ilma użat, il-protezzjoni kontra n-nirien, il-kondotti ta' l-ilma għax-xorb jew għall-irrigazzjoni, li jużaw il-prodotti kunfliġġenti, ikkunsidrat, żbaljatament, li dawn iż-żewġ tipi ta' prodotti kienu simili.

48      Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li, f'dan il-każ, wieħed ma jistax jikkunsidra l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri l-pajpijiet tal-metall u l-minċotti tagħhom, u l-materjal tal-bini bħala simili, minħabba s-sempliċi fatt li dawn il-prodotti huma, bħal numru ta' prodotti differenti ħafna, użati fil-kostruzzjoni ta' bini. Fil-fatt, il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandhom funzjonijiet differenti ħafna minn dawk tal-materjal tal-bini u bl-ebda mod ma jistgħu jintużaw flok dan ta' l-aħħar.

49      Ir-rikorrenti ssostni, f'dan ir-rigward, li s-sistemi li hija tikkummerċjalizza ma jintużawx meta jkun qiegħed jinbena bini iżda fil-kuntest ta' l-installazzjoni ta' infrastrutturi għar-rimi u l-mixja ta' l-ilma. Għaldaqstant, il-klijenti tagħha huma, essenzjalment, awtoritajiet lokali u mhux impriżi ta' kostruzzjoni ta' bini.

50      Ir-rikorrenti tikkontesta, fit-tieni lok, l-affermazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (punt 13), li l-pubbliku rilevanti huwa kompost kemm minn pubbliku speċjalizzat u mill-pubbliku in ġenerali.

51      Skond ir-rikorrenti, is-suq tal-pajpijiet tal-metall tal-ħadid fondut duttili, intiżi b'mod partikolari għat-trattament ta' l-ilma tax-xita, huwa kompost minn numru żgħir ta' persuni kkonċernati u jiffoka biss fuq pubbliku speċjalizzat ħafna, li jipparteċipa fit-tfassil ta' sistemi ta' evakwazzjoni ta' ilma tax-xita u ta' ilma użat. Dan il-pubbliku huwa essenzjalment kompost minn awtoritajiet lokali Franċiżi u barranin, li jkollhom għarfien perfett tal-prodotti tar-rikorrenti. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti f'dan il-każ huwa kompost minn persuni partikolarment speċjalizzati u kkwalifikati.

52      In sostenn ta' dawn l-argumenti, ir-rikorrenti tinvoka d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, ta' l-10 ta' Frar 2005, fil-każ R 411/2004‑1, li l-konklużjonijiet tagħha, f'dak li jikkonċerna l-pubbliku rilevanti, huma direttament applikabbli għal dan il-każ.

53      Ir-rikorrenti tokkupa l-ewwel post fis-suq tal-kanalizzazzjoni għall-ilma tax-xita, kif juri s-sinjal li jippreżenta s-sensiela ta' prodotti PAM PLUVIAL u estratt li jinsab fis-sit ta' l-Internet tar-rikorrenti, annessi mar-rikors.

54      Għall-kuntrarju, Propamsa bl-ebda mod ma tintervjeni f'dan is-settur u tuża t-trade mark preċedenti tagħha PAM għas-siment biss, kif ġie stabbilit mill-investigazzjoni mwettqa fuq talba tar-rikorrenti.

55      Dan il-prodott huwa kkummerċjalizzat minn Propamsa lejn klijentela viċina, li tikkonsisti minn individwi u impriżi żgħar tal-kostruzzjoni, li ma jafux lir-rikorrenti u l-prodotti tagħha.

56      Ir-rikorrenti tikkontesta, fit-tielet u l-aħħar lok, iċ-ċaħda, mid-deċiżjoni kkontestata (punt 15), ta' l-argument tagħha li s-sinjal PAM jiġi inevitabbilment ipperċepit mill-pubbliku speċjalizzat rilevanti bħala referenza għall-isem tal-kumpannija tagħha ("Saint‑Gobain Pam").

57      Minn xi riċerki, li wettqet ir-rikorrenti fuq l-Internet billi użat il-kliem ta' referenza "Pam" u " pajpijiet " fil-lingwa Franċiża, Spanjola u Ingliża, telgħu biss risposti li jikkonċernaw lir-rikorrenti u l-ebda risposta li tikkonċerna lil Propamsa. Ir-rikorrenti tannetti mar-rikors tagħha r-riżultati tar-riċerki tagħha.

58      Dan l-element juri r-reputazzjoni dinjija li għandha r-rikorrenti fil-qasam tal-kanalizzazzjonijiet, qasam li fih Propamsa m'għandha l-ebda preżenza. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti ma jista' fl-ebda każ jikkunsidra li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jistgħu jiġu minn Propamsa jew minn impriża ekonomikament marbuta magħha. Din il-kunsiderazzjoni hija sostnuta mill-fatt li l-prodotti kollha tar-rikorrenti huma sistematikament immarkati bit-trade mark PAM jew bi trade marks idderivati minnha, bħal PAM PLUVIAL, PAM NATURAL jew PAM GLOBAL.

59      Barra minnhekk, in-netwerks ta' distribuzzjoni tal-prodotti koperti mit-trade marks opposti f'dan il-każ huma totalment differenti, minħabba li r-rikorrenti tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha biss direttament jew permezz tal-fergħat tagħha barra minn Franza.

60      Għaldaqstant, il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni hija żbaljata, liema probabbiltà hija kompletament eskluża f'dan il-każ.

61      Fl-ewwel lok, l-UASI jirrileva, li d-deċiżjoni kkontestata korrettament applikat il-ġurisprudenza [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' April 2005, Gillette vs L-UASI – Wilkinson Sword (RIGHT GUARD XTREME sport), T‑286/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33], li tipprovdi li, fil-kuntest tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, il-paragun tal-prodotti għandu jsir billi tittieħed in kunsiderazzjoni l-formulazzjoni ta' l-applikazzjoni għat-trade mark, kif iddepożitata jew illimitata, peress li l-kundizzjonijiet ta' l-użu jew l-intenzjoni ta' l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mhumiex rilevanti f'dan ir-rigward.

62      Dan huwa wisq iktar validu fil-każ li r-rikorrenti, b'eċċezzjoni għall-emenda tal-lista ta' prodotti aċċettata mill-UASI fl-4 ta' Lulju 2002, ma tkun ipproċediet għal xi limitazzjoni oħra tal-formulazzjoni ta' din l-applikazzjoni, kif setgħet għamlet f'kull mument, skond l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94 u r-Regola 13 tar-Regolament Nru 2868/95.

63      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-pubbliku li fil-konfront tiegħu għandha tiġi evalwata, f'dan il-każ, il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, l-UASI jsostni li l-prodotti koperti minn dawn it-trade marks jistgħu jinteressaw, minħabba l-karatteristiċi ġenerali tagħhom, kemm il-pubbliku in ġenerali, u b'mod partikolari min huwa "dilettant tad-do it yourself", kif ukoll pubbliku iktar speċjalizzat u, neċessarjament, iktar attent u informat, ikkostitwit minn professjonisti, b'mod partikolari tal-bini. Għaldaqstant, bil-kontra ta' l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata korrettement identifikat il-pubbliku rilevanti f'dan il-każ.

64      F'kull każ, l-UASI jqis li mhuwiex meħtieġ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi din il-kwistjoni, inkwantu l-eżami tal-probabbiltà ta' konfużjoni fil-moħħ tal-konsumatur medju huwa suffiċjenti. Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza, jekk il-probabbiltà ta' konfużjoni hija eskluża fil-moħħ tal-konsumatur medju, dan il-fatt huwa suffiċjenti sabiex ir-rikors jiġi miċħud, peress li din l-evalwazzjoni hija valida a fortiori għall-parti professjonali tal-pubbliku rilevanti, li l-livell ta' attenzjoni tiegħu hija, ġeneralment, ogħla minn dik tal-konsumatur medju [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Jannar 2006, Devinlec vs L-UASI – TIME ART (QUANTUM), T‑147/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 62].

65      Barra minn hekk, l-UASI jsostni li, peress li t-trade mark preċedenti kienet irreġistrata u protetta fi Spanja, il-pubbliku rilevanti f'dan il-każ huwa dak tal-konsumatur medju ta' dan l-Istat Membru.

66      Fit-tielet lok, l-UASI jqis li d-deċiżjoni kkontestata ġustament ikkonkludiet, primarjament, li l-prodotti koperti miż-żewġ trade marks kunfliġġenti kienu simili, fir-rigward ta' dak li għalih kienu intenzjonati u ta' l-użu identiku tagħhom. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-"materjal tal-bini", kopert mit-trade mark preċedenti, jikkostitwixxi kategorija perfettament iddeterminata. Mid-definizjoni ta' din il-kategorija mogħtija fid-dizzjunarju elettroniku Le Robert jirriżulta li l-pubbliku rilevanti ma jkollu, f'dan il-każ, l-ebda diffikultà sabiex jimmaġina liema tipi ta' prodotti huma inklużi f'din il-kategorija. Dawn huma prodotti użati fil-kostruzzjoni, primi u nofshom maħduma, u prodotti relattivament sempliċi ffabbrikati minnhom. Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata ġustament tat lill-espressjoni "materjal tal-bini" id-drittijiet kollha konnessi ma' terminoloġija li tikkostitwixxi kategorija bil-kontenut semantiku identifikat.

67      Ir-rikorrenti lanqas ma tista', f'dan il-każ, tibbaża utilment argument fuq il-fatt li operazzjoni ta' kostruzzjoni teħtieġ numru kbir ta' prodotti. Fil-fatt, mhuwiex meħtieġ, għall-finijiet ta' din il-kawża, li jitqabblu l-prodotti u s-servizzi kollha meħtieġa għal operazzjoni ta' kostruzzjoni, bħalma huma l-wajers ta' l-elettriku jew is-servizzi ta' perit, mal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Kif irrikonoxxa l-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, il-paragun għandu jkun ibbażat fuq il-karatteristiċi ġenerali tal-prodotti koperti mit-trade marks opposti. Issa, skond l-UASI, ma jistax jiġi miċħud li dawn il-prodotti għandhom kollha l-istess intenzjoni u użu fil-kostruzzjoni ta' bini jew infrastrutturi.

68      Il-kunsiderazzjoni preċedenti hija kkonfermata mir-rikorrenti stess, li rrikonoxxiet, quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, li l-prodotti tagħha kienu intiżi sabiex jiġu użati f'numru kbir ta' oqsma, filwaqt li, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, hija ssostni li setgħu jiġu użati mhux biss f'operazzjonijiet ta' kostruzzjoni iżda ukoll sabiex isiru infrastrutturi ta' rimi u mixja ta' l-ilma. Ġie għaldaqstant kompletament stabbilit li l-prodotti in kwistjoni għandhom kollha kemm huma intenzjoni u użu identiċi.

69      L-UASI jsostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata ġustament ikkunsidrat, sussegwentement, li l-prodotti koperti mit-trade marks opposti kienu komplementari. Fil-fatt, il-kostruzzjoni ta' bini u ta' infrastrutturi tinkludi inevitabbilment il-kostruzzjoni ta' sistemi differenti, bħal kanalizzazzjonijiet, sistemi ta' trattament ta' ilma użat, sistemi ta' protezzjoni kontra n-nirien u sistemi ta' ilma għax-xorb jew għal irrigazzjoni, li teħtieġ l-użu tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Huwa għaldaqstant inkonċepibbli li tubi u pajpijiet u l-biċċiet u l-partijiet komponenti tagħhom jistgħu jintużaw għall-kostruzzjoni ta' bini u infrastrutturi, mingħajr l-użu ta' materjal tal-bini, fosthom is-siment.

70      L-UASI josserva, barra minn hekk, li, kif ikkonstatat id-deċiżjoni kkontestata fil-punt 22, il-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti normalment jużaw l-istess netwerks ta' distribuzzjoni, jinbiegħu fl-istess ħwienet u huma intiżi għall-istess konsumaturi finali, jiġifieri, minn naħa, l-individwi, u b'mod partikolari id-"dilettanti tad-do it yourself", u, min-naħa l-oħra, il-professjonisti tal-kostruzzjoni, bħalma huma, b'mod partikolari, il-bennejja, dawk li jieħdu ħsieb l-ilma u dawk li jieħdu ħsieb is-sistemi tas-sħana. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti naturalment ikollu l-impressjoni li l-prodotti kollha koperti mit-trade marks kunfliġġenti jista' jkollhom l-istess oriġini kummerċjali.

71      Skond l-UASI, l-argument imressaq mir-rikorrenti sabiex tikkontesta dan il-punt tad-deċiżjoni kkontestata jistrieħ esklużivament fuq l-użu li hija għandha l-intenzjoni li tagħmel mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li, madankollu, huwa irrilevanti.

72      Fir-raba' lok, l-UASI jsostni li d-deċiżjoni kkontestata ġustament ikkonkludiet li t-trade marks kunfliġġenti kienu simili fid-dawl tax-xebh viżiv u fonetiku qawwi bejniethom. Ir-rikorrenti, barra minn hekk, ma ppreżentat l-ebda argument fir-rikors tagħha li jista' jikkontesta din il-konklużjoni.

73      L-UASI josserva li l-kelma "pam" ma tfisser xejn fil-lingwa Spanjola. Għall-kuntrarju, il-kelma "pluvial" tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tfisser, fil-lingwa Spanjola, "li jirrigwarda x-xita". Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ġustament irrilevat li l-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi din l-aħħar kelma bħala referenza għal ċerti kwalitajiet jew funzjonijiet tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri li dawn il-prodotti huma intiżi sabiex jintużaw taħt kundizzjonijiet ta' xita jew huma partikolarment adattati għal tali kundizzjonijiet.

74      Abbażi ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet u fid-dawl tal-ġurisprudenza [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 23, u tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 25; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punti 33 u 35], l-UASI jsostni li l-kelma "pam", li tikkostitwixxi, fl-istess ħin, l-uniku element verbali tat-trade mark preċedenti u waħda miż-żewġ elementi verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għandha natura dominanti fl-impressjoni sħiħa prodotta minn din l-aħħar trade mark, liema natura mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

75      Fir-rigward ta' l-aspetti viżivi u fonetiċi, l-UASI jfakkar li l-kelma "pam" hija mhux biss l-unika kelma tat-trade mark preċedenti iżda tinsab ukoll fl-ewwel pożizzjoni fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Din il-pożizzjoni tagħti lil din il-kelma importanza partikolari, peress li l-pubbliku għandu t-tendenza li l-ewwel iqiegħed l-attenzjoni tiegħu fuq il-parti inizjali ta' trade mark pjuttost milli fuq l-aħħar parti, u din it-tendenza tkun iżjed naturali jekk il-parti inizjali tat-trade mark in kwistjoni tkun komposta, bħal f'dan il-każ, minn element intrinsikament distintiv u li jiġbed l-attenzjoni, kemm viżivament kif ukoll fonetikamet. Għaldaqstant il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkonkluda li jeżisti xebh viżiv u fonetiku bejn it-trade marks kunfliġġenti.

76      Mill-aspettt kunċettwali, il-kelma "pam" ma tagħmilx sens fil-lingwa Spanjola, filwaqt li l-kelma "pluvial" għandha tifsira (b'konnessjoni max-xita), li tagħmilha sekondarja. L-affermazzjoni tar-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li l-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi l-kelma "pam" bħala li tirreferi għall-isem attwali tal-kumpannija tagħha, kif ukoll l-affermazzjoni ppreżentata quddiem il-Bord ta' l-Appell, li din il-kelma tiġi pperċeptia bħala abbrevjazzjoni ta' l-isem tal-kumpannija preċedenti (Pont-à-Mousson), bl-ebda mod ma huma evidenti u ma ġewx sostnuti. Bħall-Bord ta' l-Appell (it-tieni sentenza tal-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tiċħad dawn l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti bħala infondati.

77      Fil-ħames u l-aħħar lok, l-UASI jsostni li d-diversi fatturi li, skond il-ġurisprudenza, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni meta ssir l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni jikkonfermaw f'dan il-każ l-eżistenza ta' tali probabbiltà. Fil-fatt, ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti u tal-prodotti koperti minnhom ġie stabbilit. Barra minn hekk, huwa paċifiku li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv intrinsiku, mill-inqas medju, fir-rigward tal-prodotti kollha li tirrappreżenta. Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata ġustament ikkunsidrat li l-pubbliku rilevanti, li jżomm fil-memorja tiegħu il-kelma "pam" tat-trade mark preċedenti, ikollu t-tendenza, meta jiġi quddiem il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jattribwilhom l-istess oriġini kummerċjali bħal dik tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti u dan iktar u iktar meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-prodotti in kwistjoni jistgħu jiġu offerti flimkien u permezz ta' l-istess netwerks ta' distribuzzjoni.

78      Id-deċiżjoni kkontestata ġustament issostni wkoll, fil-punt 27, li l-konsumatur medju jista' raġonevolment jissupponi li t-trade mark preċedenti hija dderivata minn trade mark prinċipali "pam" u tidentifika sensiela ta' prodotti offerti fl-istess familja ta' trade marks. Fi kliem oħra, teżisti l-probabbiltà li l-pubbliku ta' referenza jikkunsidra li t-trade marks kunfliġġenti, għalkemm jidentifikaw żewġ sensiliet ta' prodotti distinti, jiġu, madankollu, mill-istess impriża jew minn impriżi ekonomikament marbuta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

79      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni ta' proprjetarju ta' trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata "jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta' konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta' konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti". Barra minn hekk, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks preċedenti tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, li d-data li fiha ġew ippreżentati tippreċedi dik ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

80      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ikunu ġejjin mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni.

81      Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata b'mod globali, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ, b'mod partikolari ta' l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II 2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

82      F'dan il-każ, għandu fl-ewwel lok jiġi mfakkar li d-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti. Id-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant m'għamlitx paragun tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mat-trade marks l-oħra invokati minn Propamsa in sostenn ta' l-oppożizzjoni tagħha (il-punti 14 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata,).

83      Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li r-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza huwa intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjoni meħuda mill-Bord ta' l-Appell. Għalhekk, dan l-istħarriġ irid isir fir-rigward tal-kwistjonijiet ta' dritt li tressqu quddiem dan ta' l-aħħar [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Settembru 2006, Meric vs L-UASI – Arbora & Ausonia (PAM-PIM'S BABY-PROP), T‑133/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22]. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkonkludiex li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti, mingħajr ma jkun meħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni trade marks oħra invokati minn Propamsa in sostenn ta' l-oppożizzjoni tagħha.

84      Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti dwar il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u dwar il-pubbliku li għalih huma intiżi dawn il-prodotti, jeħtieġ, fit-tieni lok, li jiġi eżaminat jekk il-Bord ta' l-Appell iddefiniex korrettement, għall-finijiet ta' l-eżami ta' l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, minn naħa, il-prodotti koperti mill-imsemmija trade marks u, min-naħa l-oħra, il-pubbliku rilevanti.

–       Fuq il-prodotti li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni

85      Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-paragun tal-prodotti meħtieġ mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jkun ibbażat fuq x'jissejħu l-prodotti identifikati mit-trade mark preċedenti invokata b'oppożizzjoni u mhux fuq il-prodotti li għalihom din it-trade mark tiġi effettivament użata, sakemm, wara talba għal prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, skond l-Artikolu 43(2) u (3), tar-Regolament, din il-prova tingħata biss għal parti mill-prodotti jew servizzi li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti (sentenza PAM‑PIM'S BABY‑PROP, iċċitata f'punt 83 iktar 'il fuq, punt 30).

86      F'dan il-każ, kif ġie rilevat fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-ewwel motiv, it-talba għal prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti ġiet ippreżentata, mir-rikorrenti, għall-ewwel darba quddiem il-Bord ta' l-Appell u ġiet ġustament miċħuda minn din ta' l-aħħar peress li saret tard, Għaldaqstant il-Bord ta' l-Appell ġustament ħa in kunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-finijiet tal-paragun mal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-prodotti kollha li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti, jiġifieri l-"materjali tal-bini".

87      Bil-kontra ta'dak li ssostni r-rikorrenti (punt 43 iktar 'il fuq), din il-kategorija ta' prodotti hija suffiċjentement iddeterminatati u, fid-dawl tat-tifsira tal-kliem użati, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tiġbor fiha kull materjal, prim jew parzjalment maħdum, neċessarju jew utli għall-kostruzzjoni, kif ukoll il-prodotti relattivament sempliċi ffabbrikati minn tali materjal.

88      F'kull każ, għandu jiġi mfakkar li t-trade mark preċedenti hija trade mark nazzjonali Spanjola, li l-validità tar-reġistrazzjoni tagħha ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta' proċedimenti ta' reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja, iżda unikament fil-kuntest ta' proċedimenti ta' annullament mibdija fl-Istat Membru kkonċernat [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza MATRATZEN, iċċitata f'punt 74 iktar 'il fuq, punt 55, u tal-21 ta' April 2005, PepsiCo vs L-UASI – Intersnack Knabber-Gebäck (RUFFLES), T‑269/02, Ġabra p. II‑1341, punt 25]. B'hekk, f'dan il-każ, l-istanzi ta' l-UASI kienu obbligati li jieħdu in kunsiderazzjoni l-lista ta' prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, kif stabbilita meta ġiet irreġistrata din it-trade mark bħala trade mark nazzjonali.

89      Barra minn hekk, fir-rigward tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, l-UASI jista' sempliċement jieħu in kunsiderazzjoni l-lista ta' prodotti, kif tirriżulta fl-applikazzjoni għat-trade mark ikkonċernata, bis-sempliċi riżerva ta' emendi eventwali ta' din ta' l-aħħar (sentenza RIGHT GUARD XTREME sport, iċċitata f'punt 61 iktar 'il fuq, punt 33). Għaldaqstant, l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti relatati mal-prodotti speċifiċi li fir-rigward tagħhom hija għandha l-intenzjoni li tuża t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mhumiex rilevanti f'dan il-każ, peress li r-rikorrenti ma emendatx, skond l-intenzjonijiet li hija tallega, il-lista ta'prodotti koperti mill-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja. Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata ġustament ħadet in kunsiderazzjoni, sabiex tevalwa l-probabbiltà ta' konfużjoni f'dan il-każ, il-prodotti kollha deskritti fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, kif emendata (ara l-punt 3 iktar 'il fuq), ippreżentata mir-rikorrenti.

–       Fuq il-pubbliku rilevanti

90      Fir-rigward tal-pubbiku li fil-konfront tiegħu għandha tiġi evalwata, f'dan il-każ, il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, għandhom jiġu miċħuda l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li l-pubbliku kkonċernat mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa esklużivament pubbliku speċjalizzat ħafna, kompost, essenzjalment, minn awtoritajiet lokali (ara l-punti 49 u 51 iktar 'il fuq). Dawn l-affermazzjonijiet huma bbażati fuq l-intenzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward ta' l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, liema intenzjonijiet, kif ġie diġà stabbilit, mhumiex rilevanti.

91      Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata ġustament issostni, fil-punt 13, li, fid-dawl tan-natura u skop tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti huwa kompost kemm minn pubbliku speċjalizzat, jiġifieri professjonisti fis-settur tal-kostruzzjoni u tat-tiswija, u kemm mill-pubbliku in ġenerali, li jinkludi l-konsumatur medju li, kif jirrileva l-UASI, jista' jasal sabiex jikseb il-prodotti in kwistjoni sabiex jagħmel xogħol ta' do it yourself.

–       Fuq il-paragun tal-prodotti

92      Sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, skond il-ġurisprudenza, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti li jikkaraterizzaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti in kwistjoni, liema fatturi jinkludu, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura kompettitiva jew komplementari tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Novembru 2003, Díaz vs L-UASI – Granjas Castelló (CASTILLO), T‑85/02, Ġabra p. II‑4835, punt 32, u ta' l-24 ta' Novembru 2005, Sadas vs L-UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR u FÉLICIE), T‑346/04, Ġabra p. II‑4891, punt 33].

93      F'dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta (punti 20 u 22) li l-Bord ta' l-Appell ħa in kunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-paragun tal-prodotti kkonċernati, il-fatt li kemm il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti kif ukoll dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu prodotti li jistgħu jintużaw fil-kostruzzjoni ta' bini u ta' infrastrutturi, li tinkludi l-kostruzzjoni ta' diversi sistemi li jużaw dawn il-prodotti kollha, bħall-kanalizzazzjoni, it-trattament ta' l-ilma użat, il-protezzjoni kontra n-nirien u l-konnessjonijiet ta' ilma għax-xorb jew għall-irrigazzjoni. Peress li dawn il-prodotti għandhom għaldaqstant skop u użu identiku fil-kostruzzjoni ta' bini u ta' infrastrutturi, id-deċiżjoni kkontestata ġustament ikkonkludiet li kienu simili.

94      Il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti huma komplementari hija korretta ukoll. Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-prodotti komplementari huma dawk li bejniethom teżisti rabta mill-qrib, fis-sens li prodott huwa indispensabbli jew importanti għall-użu ta' l-ieħor, b'mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li r-responsabbiltà għall-fabbrikazzjoni taż-żewġ prodotti taqa' fuq l-istess impriża [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' Marzu 2005, Sergio Rossi vs L-UASI – Sissi Rossi (SISSI ROSSI), T‑169/03, Ġabra p. II‑685, punt 60, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Lulju 2006, Rossi vs L-UASI, C‑214/05 P, Ġabra p. I‑7057]. F'dan il-każ, kif josserva ġustament l-UASI, mhuwiex possibbli li jintużaw, fil-kostruzzjoni tas-sistemi msemmija fil-punt preċedenti, il-pajpijiet u l-minċotti għall-pajpijiet, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, mingħajr l-użu ta' materjal tal-bini kopert mit-trade mark preċedenti.

95      Finalment, kien ukoll ġustament li, fid-deċiżjoni kkontestata, ittieħed in kunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-paragun tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, il-fatt li dawn il-prodotti kienu kkummerċjalizzati, bħala regola ġenerali, fl-istess ħwienet u permezz ta' l-istess fergħat kummerċjali bħall-materjal tal-bini. Għandu jiġi rilevat, f'dan ir-rigward, li, skond il-ġurisprudenza, jekk il-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti jkollhom xi punti komuni, b'mod partikolari meta xi drabi jkunu kkummerċjalizzati fl-istess ħwienet, id-differenzi eventwali bejniethom ma jistgħux jeskludu, fihom infushom, il-possibbiltà ta' probabbiltà ta' konfużjoni (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza SISSI ROSSI, iċċitata f'punt 94 iktar 'il fuq, punt 68).

96      F'dawn il-kundizzjonijiet, il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti huma simili u komplementari, għandha tiġi approvata. L-argument kuntrarju tar-rikorrenti, safejn jirreferi għal prodotti minbarra dawk koperti mill-imsemmija trade marks, mhuwiex rilevanti u għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-paragun tas-sinjali

97      Għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, jistgħu jitqiesu bħala simili trade mark kumplessa u trade mark oħra, identika ma' jew tixbah lil wieħed mill-komponenti tat-trade mark kumplessa, meta dan il-komponent jikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija mit-trade mark kumplessa. Dan ikun il-każ meta dan il-komponent ikun jista' jiddomina, waħdu, l-immaġni ta' din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm fil-memorja tiegħu, b'mod li l-komponenti l-oħra tat-trade mark ikunu negliġibbli fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza MATRATZEN, iċċitata f'punt 74 iktar 'il fuq, punt 33, u tat-13 ta' Ġunju 2006, Inex vs L-UASI – Wiseman (Rappreżentazzjoni ta' ġilda ta' baqra), T‑153/03, Ġabra p. II‑1677, punt 27]. Fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tan-natura dominanti ta' komponent partikolari jew ta' diversi komponenti partikolari ta' trade mark kumplessa, jeħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-kwalitajiet intrinsiċi ta' kull wieħed minn dawn il-komponenti billi jitqabblu ma' dawk tal-komponenti l-oħra. Barra minn hekk u b'mod sekondarju, tista' tittieħed in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni relattiva tad-diversi komponenti fil-konfigurazzjoni tat-trade mark kumplessa (is-sentenza MATRATZEN, iċċitata f'punt 74 iktar 'il fuq, punt 35).

98      F'dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ġustament ikkunsidrat, fil-punt 14, li l-kelma "pam", l-uniku element verbali tat-trade mark preċedenti, miktuba kemm mix-xellug għal-lemin u minn fuq għal isfel, tikkostitwixxi l-element ċentrali u dominanti tat-trade mark preċedenti. Fil-fatt, dan l-element jokkupa pożizzjoni ċentrali fit-trade mark preċedenti u jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur li jikkontempla din it-trade mark, bl-esklużjoni ta' l-elementi l-oħra ta' l-istess trade mark, jiġifieri tal-kliem ikkulurit u tal-burdura ovali, li huma ta' importanza kompletament sekondarja u aċċessorja.

99      Peress li l-element dominanti "pam" tat-trade mark preċedenti huwa identiku għall-ewwel parti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni PAM PLUVIAL, id-deċiżjoni kkontestata qieset li t-trade marks kunfliġġenti jippreżentaw xebh viżiv u fonetiku. Huma minnu li huma differenti minħabba l-preżenza, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tal-kelma "pluvial". Madankollu, din il-kelma tikkostitwixxi element sekondarju u awżiljarju ta' din l-aħħar trade mark, minħabba t-tifsira tagħha bl-Ispanjol, li hi l-istess bil-Franċiż. Din it-tifsira twassal lill-pubbliku sabiex jikkunsidra din il-kelma bħala indikazzjoni li tirrigwarda l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, fis-sens li dawn huma intiżi għall-użu għall-ilma tax-xita jew taħt kundizzjonijiet ta' xita. Għal dawn ir-raġunijiet id-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet, fil-punt 17, li l-identiċità viżiva u fonetika ta' l-elementi verbali dominanti tat-trade marks kunfliġġenti tegħleb id-differenzi viżivi u fonetiċi tagħhom, dovuti għall-preżenza, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ta' l-element sekondarju "pluvial".

100    Din il-konklużjoni għandha tiġi approvata wkoll. Fil-fatt, l-element verbali "pam" jikkostitwixxi ukoll l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minħabba l-forma qasira tiegħu u l-faċilità li bih jiġi mmemorizzat, in-nuqqas ta' tifsira partikolari bl-Ispanjol, ikkonstatat mid-deċiżjoni kkontestata u mhux ikkontestat mir-rikorrenti, u l-preżenza tiegħu fil-parti inizjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri pożizzjoni li l-konsumatur medju ġeneralment jagħtiha attenzjoni ikbar (sentenza PAM‑PIM'S BABY‑PROP, iċċitata f'punt 83 iktar 'il fuq, punt 51).

101    Fir-rigward tan-nuqqas ta' tifsira, fil-lingwa Spanjola, tal-kelma "pam", kien ukoll ġustament li d-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet, fil-punt 15, li paragun kunċettwali tat-trade marks kunfliġġenti ma kienx possibbli f'dan il-każ. Kif ikkonstatat id-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-kelma "pluvial" għandha tifsira fl-Ispanjol mhuwiex suffiċjenti sabiex jorbot lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma' kunċett partikolari, minħabba n-natura sekondarja u aċċessorja ta' din il-parti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

102    Din l-aħħar kunsiderazzjoni mhijiex ikkontestata bl-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-element verbali "pam" jiġi pperċepit bħala referenza għall-isem tal-kumpannija tagħha (ara l-punt 56 iktar 'il fuq). Kif ġie osservat, ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rabta allegata bejn l-ismijiet, qodma u attwali, tar-rikorrenti u l-element verbali "pam" mhijiex evidenti u ma ġietx ipprovata mir-rikorrrenti. F'kull każ, anki jekk jitqies li l-element verbali "pam" jista' jiġi pperċepit bħala referenza għar-rikorrenti, l-ebda differenza kunċettwali bejn dawn iż-żewġ trade marks ma tista' tiġi stabbilita abbażi ta' dan, peress li dan l-element verbali huwa preżenti ukoll fit-trade mark preċedenti.

103    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell ġustament ikkonkluda, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade marks kunfliġġenti kienu globalment simili.

–       Fuq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni

104    Fid-dawl tax-xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti u l-prodotti koperti minnhom kif ukoll ta' l-interdipendenza bejn il-fatturi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, għandu jiġi konkluż, bl-istess mod bħalma għamel il-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata (punt 28), li teżisti, f'dan il-każ, probabbiltà ta'konfużjoni, fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

105    Il-preżenza, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tal-kelma "pluvial" ma teskludix din il-probabbiltà, peress li, kif ġie stabbilit ġustament fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, dan l-element jista' jwassal lill-konsumatur medju sabiex jissupponi li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija trade mark idderivata minn trade mark prinċipali "pam" u tidentifika sensiela ta' prodotti speċifiċi li jagħmlu parti mill-"familja ta' trade marks PAM". Fil-fatt, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li hija tuża, sistematikament, għad-diversi prodotti tagħha, it-trade marks idderivati mill-għerq komuni "pam" (ara l-punt 58 iktar 'il fuq) tikkorrobora din il-konklużjoni.

106    Finalment, l-argument li l-pubbliku rilevanti jassoċja l-element verbali "pam" mar-rikorrenti, minħabba l-allegata popolarità tagħha, ma jista' jiġi aċċettat fl-ebda każ. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-annessi 13 sa 15 tar-rikors, invokati mir-rikorrenti sabiex tipprova din l-allegata assoċjazzjoni, ġew imwarrba mid-dibattiti minħabba l-motivi esposti fil-punti 18 u 19 iktar 'il fuq, tali assoċjazzjoni, li kieku kellha titqies bħala stabbilita, bl-ebda mod ma tista' teskludi l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni f'dan il-każ, peress li l-pubbliku rilevanti seta' jasal biex jemmen li l-prodotti identifikati mit-trade mark preċedenti kienu ġejjin mir-rikorrenti.

107    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti mhuwiex fondat u għandu jiġi miċħud, l-istess bħar-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

108    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti, Saint-Gobain Pam SA, għandha tbati l-ispejjeż.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-22 ta' Marzu 2007.

Ir-Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

      M. Vilaras


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.