Language of document : ECLI:EU:T:2007:99

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

29 ta' Marzu 2007 (*)

“Għajnuniet mill-Istat – Prezz ta' bejgħ ta' art – Deċiżjoni li tordna l-irkupru ta' għajnuna li hija inkompatibbli mas-suq komuni – Żbalji fil-kalkolu ta' l-għajnuna – Obbligi tal-Kummissjoni dwar il-kalkolu ta' l-għajnuna – Dritt tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna –Regolament Nru 659/1999 (KE) – Artikolu 13(1)”

Fil-kawża T-366/00,

Scott SA, stabbilita f'Saint-Cloud (Franza), irrappreżentata minn Sir Jeremy Lever, QC, G. Peretz, J. Gardner, barristers, R. Griffith u M. Papadakis, solicitors,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, S. Seam u F. Million, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Rozet u J. Flett, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annulament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/14/KE tat-12 ta' Lulju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat eżegwita minn Franza favur Scott Paper SA/Kimberly-Clark (ĠU 2002, L 12, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta' Ottubru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1969, il-kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Amerikan Scott Paper Co. reġgħet xtrat il-kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Franċiż Bouton Brochard u ħolqot kumpannija distinta, Bouton Brochard Scott SA, li reġgħet bdiet l-attivitajiet ta' Bouton Brochard. Bouton Brochard Scott ingħatat l-isem ġdid Scott SA f'Novembru 1987. Din ta' l-aħħar kellha bħala attività l-produzzjoni tal-karta għall-użu sanitarju u domestiku fil-perijodu rilevanti għall-kawża preżenti.

2        Fil-31 ta' Awwissu 1987, il-belt ta' Orléans (Franza), id-département du Loiret (Franza) u r-rikorrenti laħqu ftehim fuq l-bejgħ lil din ta' l-aħħar ta' art ta' 48 ettaru fiż-żona industrijali ta' La Saussaye u fuq il-levy tat-trattament ta' l-ilma li kellha tkun ikkalkolata skond rata preferenzjali (iktar 'il quddiem il-"ftehim Scott"). Dan il-ftehim jipprovdi li d-département du Loiret u l-belt ta' Orléans jikkontribwixxu massimu ta' 80 miljun Franki Franċiżi (FRF) (12,2 miljun EUR) għal xogħolijiet ta' żvilupp tas-sit favur ir-rikorrenti.

3        It-twettiq ta' l-istudji u tax-xogħolijiet neċessarji għall-iżvilupp ta' l-art in kwistjoni ngħata lil Société d’économie mixte pour l’équipement du Loiret (iktar 'il quddiem "Sempel"). Jirriżulta minn ftehim tat-12 ta' Settembru 1987 konkluż bejn id-département du Loiret, il-belt ta' Orléans u Sempel (iktar 'il quddiem il-"ftehim Sempel") li l-belt ta' Orléans tat 68 ettaru lil Sempel għal prezz simboliku ta' Frank Franċiż. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-Artikolu 4 tal-ftehim Scott, kif ukoll mill-Artikolu 12 tal-ftehim Sempel, li din ta' l-aħħar biegħet l-art ta' 48 ettaru u fabbrika-maħżen (iktar 'il quddiem l-"art kontenzjuża") lil Scott għall-31 miljun FRF (4,7 miljun EUR), jiġifieri prezz ta' 65 FRF għal kull metru kwadru.

4        F'Novembru 1996, il-Qorti ta' l-Awdituri Franċiża ppublikat rapport pubbliku intitolat "Les interventions des collectivités territoriales en faveur des entreprises" (L-interventi tal-kollettivitajiet territorjali favur l-impriżi). Permezz ta' dan ir-rapport, hija riedet tiġbed l-attenzjoni fuq ċertu numru ta' għajnuniet eventwali konċessi mill-kollettivitajiet territorjali Franċiżi favur ċerti impriżi, u b'mod partikolari fuq it-trasferiment ta' l-art kontenzjuża taż-żona industrijali ta' La Saussaye lir-rikorrenti.

5        Wara l-pubblikazzjoni ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni rċeviet ilment, permezz ta' ittra datata t-23 ta' Diċembru 1996, dwar il-kundizzjonijiet preferenzjali li permezz tagħhom il-belt ta' Orléans u d-département du Loiret kienu biegħu l-art kontenzjuża lir-rikorrenti u r-rata ta' levy tat-trattament ta' l-ilma li din ta' l-aħħar kienet ibbenefikat minnha.

6        Permezz ta' ittra tas-17 ta' Jannar 1997, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Franċiżi. Segwa skambju ta' korrispondenza bejn l-awtoritajiet Franċiżi u l-Kummissjoni, bejn Jannar 1997 u April 1998, li fil-kuntest tiegħu l-awtoritajiet Franċiżi fornew parzjalment l-informazzjoni u spjegazzjonijiet mitluba, b'mod partikolari, permezz ta' ittri tas-17 ta' Marzu, tas-17 ta' April u tad-29 ta' Mejju 1997. Fit-8 ta' Awwissu 1997, il-Kummissjoni talbet mill-ġdid spjegazzjonijiet lill-awtoritajiet Franċiżi. Il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni addizzjonali mingħandhom fit-3 ta' Novembru 1997 u mill-kwerelant fit-8 ta' Diċembru 1997, fid-29 ta' Jannar 1998 u fl-1 ta' April 1998.

7        Permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Lulju 1998, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Franċiżi dwar id-deċiżjoni tagħha ta' l-20 ta' Mejju 1998 sabiex tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE u stidniethom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u sabiex iwieġbu għal ċerti domandi (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura"). F'din l-ittra, il-Kummissjoni talbet ukoll lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jinfurmaw lir-rikorrenti dwar il-ftuħ tal-proċedura kif ukoll dwar il-fatt li hija jista' jkollha tħallas lura kull għajnuna riċevuta b'mod illegali. Il-partijiet ikkonċernati ġew infurmati bil-ftuħ tal-proċedura u ġew mistiedna jagħmlu l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom fuq il-miżuri in kwistjoni, permezz tal-pubblikazzjoni ta' l-ittra imsemmija fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta' Settembru 1998 (ĠU C 301, p. 4).

8        Ir-rikorrenti ġiet infurmata dwar id-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura permezz ta' sejħa telefonika ta' l-awtoritajiet Franċiżi tat-30 ta' Settembru 1998. Permezz ta' ittra tat-23 ta' Novembru 1998, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura.

9        Permezz ta' ittra tal-25 ta' Novembru 1998, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet fuq id-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura.

10      Wara li ħadet konjizzjoni ta' l-osservazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Franċiżi u ta' partijiet terzi, il-Kummissjoni pproċediet mill-ġdid għal talba ta' informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Franċiżi. Peress illi dawn irrispondew biss parzjalment, il-Kummissjoni ordnatilhom, fit-8 ta' Lulju 1999, skond l-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jipprovdi l-mezzi ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu [88] tat-Trattat KE (ĠU L 83, p. 1), li jfornuha l-informazzjoni neċessarja. Fil-15 ta' Ottubru 1999, l-awtoritajiet Franċiżi rrispondew parzjalment għal din id-domanda.

11      Fil-laqgħa tas-7 ta' Diċembru 1999 bejn delegazzjoni Franċiża, inkluża fiha rappreżentanti ta' Scott, u tal-Kummissjoni, din ta' l-aħħar awtorizzat lill-imsemmija delegazzjoni, b'mod eċċezzjonali, u fl-interess tal-proċedura, li tforni informazzjoni addizzjonali qabel it-tmiem ta' Diċembru 1999.

12      Permezz ta' ittra ta' l-24 ta' Diċembru 1999, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet supplementari wara l-laqgħa tas-7 ta' Diċembru 1999. Fit-12 ta' Jannar 2000, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti li hija tirrifjuta li taċċetta l-imsemmija ittra f'dak li hija kienet ippreżentat barra mit-terminu previst mid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, jiġifieri t-30 ta' Ottubru 1998.

13      L-awtoritajiet Franċiżi ttrażmettew informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni fl-10 ta' Jannar u fil-21 ta' Frar 2000.

14      L-ishma tar-rikorrenti reġgħu nxtraw minn Kimberly-Clark Corp. (iktar 'il quddiem "KC") f'Jannar ta' l-1996. KC ħabbret l-għeluq tal-fabbrika f'Jannar ta' l-1998. L-assi tal-fabbrika, jiġifieri l-art u l-mitħna li tipproduċi l-karta, reġgħu nxtraw minn Procter & Gamble (iktar 'il quddiem "P & G") f'Ġunju ta' l-1998.

 Id-Deċiżjoni kkontestata

15      Fit-12 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2002/14/KE, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur Scott Paper SA/KC (ĠU 2002, L 12, p. 1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Wara li ressqet dan ir-rikors (ara l-punt 23 iktar 'il quddiem), il-Kummissjoni nnotifikat, fit-2 ta' Marzu 2001, corrigendum tad-deċiżjoni kkontestata lir-Repubblika Franċiża. L-Artikolu 1 u l-premessi 172, 217 u l-premessa 239(b)(a) tad-deċiżjoni kkontestata b'hekk ġew emendati. 

16      Id-deċiżjoni kkontestata, fil-verżjoni emendata tagħha, tipprovdi :

"L-Ewwel Artikolu

L-għajnuna mill-Istat taħt forma ta' prezz preferenzjali ta’ art u ta’ rata preferenzjali fuq il-levy tat-trattament ta' l-ilma, li Franza implementat favur Scott, f'ammont ta' 39,58 miljun FRF (6,03 miljun EUR) jew, f'valur materjali, ta' 80,77 miljun ta' FRF (12,3 miljun EUR), għal dak li jirrigwarda l-prezz preferenzjali ta' l-art […], hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1. Franza għandha tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tirkupra mill-benefiċarja tagħha l-għajnuna indikata fl-ewwel Artikolu u li diġà tqegħdet għad-dispożizzjoni tagħha illegalment.

2. L-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien skond il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tal-preżenti deċiżjoni. L-għajnuna li trid tiġi rkuprata għandha tinkludi l-interessi mid-data li fiha tqegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċarja, sad-data ta’ l-irkupru tagħha. L-interessi għandhom jiġu kkalkulat abbażi tar-rati ta’ riferiment użati għall-kalkolu tas-sussidji ekwivalenti fil-kuntest ta’ l-għajnuniet b’finalitajiet reġjunali." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      Għall-kalkolu tal-valur ta’ l-għajnuna, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-art mhux żviluppata ta' 68 ettaru kienet ġiet akkwistata mill-awtoritajiet Franċiżi bejn l-1975 u l-1987 għal prezz ta' 10,9 miljun FRF (1,7 miljun EUR) (premessi 15 u 170 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      F'dan il-waqt, il-Kummissjoni żiedet l-ispiża totali li għamlet Sempel skond il-bilanċ tal-likwidazzjoni "Z.1 La Saussaye & La Planche", fis-26 ta' Lulju 1993 (iktar 'il quddiem il-"bilanċ ta' likwidazzjoni Sempel"), għat-tranżazzjonijiet ta' żvilupp ta' l-art, jiġifieri 140,4 miljun FRF (21,4 miljun Euro), sabiex tasal għall-ammont ta' 151,3 miljun FRF (23,1 miljun EUR) (premessi 168 sa 170 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Imbagħad, il-Kummissjoni qatgħet 51,3 miljun FRF (7,9 miljun EUR) li jikkorrispondu għall-ispiża finanzjarja ta' self kontrattat minn Sempel, għall-ħlas lura tal-VAT fuq it-tranżazzjonijiet ta' żvilupp ta' l-art, kif ukoll ta' spiża ta' kollettur pubbliku ta' ilma użat, l-awtoritajiet Franċiżi kienu wrew li ma kienx destinat esklużivament għall-Scott iżda kien ta' benefiċċju għall-kollettività kollha (premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Skond il-Kummissjoni, l-ispiża tat-tranżazzjoni tal-bejgħ ta' l-art kontenzjuża kienet konsegwentement titla' għal 100 miljuni ta' FRF (15,2 miljun ta’ EUR). Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ispiża tat-tranżazzjoni li tirreferi direttament għall-Scott hija ta' 48/68 mill-ammont ta' 100 miljun FRF (15,2 miljun EUR), jiġifieri 70,588 miljun FRF (10,76 miljun Euro), għal dak li din ta' l-aħħar xtrat biss 48 mit-68 ettari ta' l-art in kwistjoni.

21      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni naqset minn dan l-ammont is-somma ta' 31 miljun FRF (4,7 miljun EUR) li Sempel kienet irċeviet minn Scott sabiex tasal għall-telf nett għall-awtoritajiet Franċiżi ta' ċirka 39,58 miljun FRF (6,03 miljun EUR), jew, f'valur materjali, 80,77 miljun FRF (12,3 miljun EUR).

22      Il-kalkolu tal-valur ta’ l-għajnuna tista' tiġi miġbura fil-qosor hekk:

Deskrizzjoni (f'miljuni ta' FRF)

Total (f'miljuni ta' FRF)

Spiża ta' l-art (art inizzjali ta' 10,9 u l-iżvilupp ta' 140,4)

151,3

Tnaqqis (spiża finanzjarja ta' self ta' Sempel ta' 29,4; ħlas lura tal-VAT ta' 8,3; kollettur pubbliku ta' ilma użat ta' 13,6)

- 51,3

Spiża tat-tranżazzjoni (151,3 - 51,3)

100

Spiża tal-bejgħ lill-Scott (48/68 ta' l-ispiża tat-tranżazzjoni)

70,588

Prezz imħallas minn Scott

- 31

Ammont ta’ l-għajnuna

39,588

 Il-Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta' att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Novembru 2000, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

24      Permezz ta' att ippreżentat fir-reġistru fl-4 ta' Diċembru 2000, irreġistrat taħt ir-referenza T-369/00, rikors li għandu wkoll bħala suġġett talba għall-annulament tad-deċiżjoni kkontestata tressaq mid-département du Loiret.

25      Permezz ta' att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-5 ta' April 2001, ir-Repubblika Franċiża talbet sabiex tintervjeni fil-proċedura preżenti in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

26      Permezz ta' digriet tal-president tal-Ħames Awla Estiża, ta' l-10 ta' Mejju 2001, ir-Repubblika Franċiża ġiet amessa tintervjeni sabiex in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

27      Fuq talba ta' Scott, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tippronunzja ruħha l-ewwel fuq il-kwistjoni tal-preskrizzjoni mqajma minn Scott skond l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 qabel kull diskussjoni fuq il-mertu.

28      Permezz tas-sentenza tagħha ta' l-10 ta' April 2003, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Scott u mid-dipartiment ta' Loiret sa fejn huma kienu bbażati fuq ksur mill-Kummissjoni ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, u l-ispejjeż relatati magħha ġew irriżervati (sentenza ta' l-10 ta' April 2003, Scott vs Il-Kummissjoni, T‑366/00, Ġabra p. II‑1763, u Département du Loiret vs Il-Kummissjoni, T‑369/00, Ġabra p. II‑1789). Ġie deċiż li jitkomplu l-proċeduri għall-bqija.

29      Fl-istennija tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-appell ippreżentat minn Scott kontra s-sentenza Scott vs Il-Kummissjoni, punt 28 supra, il-Qorti tal-Prim'Istanza ssospendiet il-proċedura fil-kawża preżenti kif ukoll fil-kawża T-369/00.

30      Permezz tas-sentenza tas-6 ta' Ottubru 2005, Scott vs Il-Kummissjoni (C‑276/03 P, Ġabra p. I‑8437), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ippreżentat minn Scott kontra s-sentenza ta' l-10 ta' April 2003, Scott vs Il-Kummissjoni, punt 28 supra.

31      Permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Novembru 2005, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-tkomplija tal-proċedura fid-dawl tas-sentenza tas-6 ta' Ottubru 2005, Scott vs Il-Kummissjoni, punt 30 supra. Fir-risposta tagħha ta' l-24 ta' Novembru 2005, ir-rikorrenti kkonfermat li l-uniċi motivi u argumenti li baqgħu biex jiġu deċiżi huma dawk dwar l-għajnuna mill-Istat taħt forma tal-prezz allegatament preferenzjali ta' l-art kontenzjuża mixtrija mir-rikorrenti fis-sit industrijali ta' Saussaye, kif ukoll dwar l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ interessi komposti fl-ordni ta' l-irkupru.

32      Fuq rapport ta' l-Imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim'istanza ddeċidiet li terġa tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu bil-miktub għal serje ta' domandi. Ġiet diferita għal din id-domanda.

33      Instemgħu t-talbiet u r-risposti tal-partijiet għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-seduta tal-25 ta' Ottubru 2006.

34      F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha :

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn din tikkonċerna l-għajnuna mogħtija taħt il-forma tal-prezz preferenzjali ta’ art prevista fl-Artikolu 1 tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

35      Ir-Repubblika Franċiża, filwaqt li tintervjeni in sostenn tar-rikorrenti, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

36      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha :

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż;

–        sussidjarjament, tikkundanna lill-partijiet jbatu l-ispejjeż tagħhom.

 Id-dritt

37      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat erba' motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali, it-tieni fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali, it-tielet fuq ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspetattiva leġittima u r-raba' fuq l-evalwazzjoni żbaljata ta' l-għajnuna.

38      Jeħtieġ li mill-bidu tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta' l-annessi tar-rikors u mbagħad li jiġi eżaminat direttament ir-raba' motiv.

 Fuq l-ammissibbiltà ta' l-annessi tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

39      Il-Kummissjoni tikkritika l-fatt li r-rikorrenti bbażat ruħha fuq dokumenti li ma jagħmlux parti mill-proċedura amministrattiva quddiema. Skond il-Kummissjoni, l-annessi segwenti tar-rikors huma inammissibbli: l-anness 6 (artikolu li deher fil-ġurnal Les Échos tal-31 ta' Marzu-1 ta' April 2000), l-anness 13 (ittra ta' l-avukat ta' Scott ta' l-24 ta' Diċembru 1999 lill-Kummissjoni) u l-anness 19 (ittra ta’ l-avukat ta' Scott ta' l-24 ta' Marzu 2000 lil membru tal-kabinet tas-Sur Monti, membru tal-Kummissjoni).

40      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-anness 23 tar-rikors (l-offerta inizzjali tal-belt ta' Orléans lir-rikorrenti) ġiet ikkomunikata, parzjalment, lill-Kummissjoni bħala annessi għall-ittra ta' l-awtoritajiet Franċiżi tas-7 ta' Jannar 2000. Madankollu, bosta paġni kienu tħallew barra. L-anness 23 tar-rikors jinkludi l-paġni nieqsa. Fid-dawl tal-fatt li dan kien l-ewwel darba li dawn il-paġni ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni, dawn il-paġni huma inammissibbli. Il-Kummissjoni żżid li l-Qorti tal-Prim'Istanza tista', fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, tieħu in kunsiderazzjoni b'mod ġuridiku ċerti elementi esposti f'dan id-dokument.

41      Ir-rikorrenti tafferma, għal dak li jikkonċerna l-artikolu li deher fil-ġurnal Les Échos (ara l-punt 39 iktar 'il fuq), li huwa ammissibbli għar-raġuni li ma ġiex ippubblikat qabel it-tmiem tal-perijodu li fih hija kienet ġiet awtorizzata tippreżenta l-elementi materjali.

42      Fir-rigward ta' l-ittri ta' l-24 ta' Diċembru 1999 u ta' l-24 ta' Marzu 2000 (ara l-punt 39 iktar 'il fuq), huma kellhom jagħmlu parti mill-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni u huma ġew rifjutati b'mod żbaljat minnha.

43      Fir-rigward ta’ l-anness 23 tar-rikors (ara l-punt 40 iktar 'il fuq), ir-rikorrenti tallega li hija tinjora li l-Gvern Franċiż kien forna biss lill-Kummissjoni kopja inkompleta ta' dan id-dokument. Madankollu, il-Kummissjoni m'għandhiex ikollha l-jedd li teskludi elementi jekk jidher li l-elementi materjali forniti lill-Kummissjoni mill-Istat Membru huma żbaljati jew inkompleti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

44      Huwa importanti li jingħad, preliminarjament, li d-dokumenti li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala inammissibbli ġew validament annessi mar-rikors u għalhekk jagħmlu part mill-atti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Konsegwentement, l-ammissibbiltà tagħhom fiha nnfisha mhix in kwistjoni hawnhekk. Fil-fatt, il-Kummissjoni essenzjalment ssostni li d-dokumenti in kwistjoni għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza fl-evalwazzjoni tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġuni li huma ma jagħmlux parti mill-atti tal-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva.

45      Jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat hija evalwata abbażi ta' l-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet tiddisponi minnhom fil-mument meta hija fasslet tali deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 16, u tal-11 ta' Settembru 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑197/99 P, Ġabra p. I‑8461, punt 86). Hekk kif il-Kummissjoni ġustament sostniet, dan għandu bħala konsegwenza li r-rikorrenti ma użatx argumenti fattwali mhux magħrufa mill-Kummissjoni u mhux magħrufa f'din il-proċedura (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Ottubru 1999, Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, T‑110/97, Ġabra p. II‑2881, punt 102).

46      Madankollu, ma jirriżultax minn din il-ġurisprudenza li xi provi ppreżentati mill-benefiċjarju ta’ għajnuna f'rikors għall-annullament ma kinux ittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata jekk huma kienu validament ippreżentati lill-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u jekk din ta' l-aħħar eskludiethom għal raġunijiet inġustifikati.

47      Għalhekk hemm lok li jiġi eżaminat kull anness in kwistjoni.

48      Għal dak li jikkonċerna l-artikolu li deher fil-ġurnal Les Échos (ara l-punt 39 iktar 'il fuq), huwa stabbilit li ma ġiex ikkomunikat lill-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva. Konsegwentement, ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

49      Fir-rigward ta' l-offerta inizzjali tal-belt ta' Orléans lir-rikorrenti (ara punt 40 iktar 'il fuq), mhuwiex ikkontestat li r-Repubblika Franċiża ttrażmettiet ċerti paġni ta' dan id-dokument lill-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva annessa ma' l-ittra tagħha tas-7 ta' Jannar 2000, iżda fejn ħallew barra ċerti paġni oħra, u dan mingħajr ma infurmat lill-Kummissjoni. Din l-omissjoni ma kinitx evidenti mill-qari tal-paġni mogħtija. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma saqsietx lir-Repubblika Franċiza li tforni l-paġni nieqsa, u l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tkun evalwata fid-dawl tal-kontenut ta' dawn il-paġni.

50      Fir-rigward ta' l-ittra ta' l-avukat ta' Scott lill-Kummissjoni ta' l-24 ta' Marzu 2000 (ara punt 39 iktar 'il fuq), u hekk kif Scott amettiet bħala risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, hija tikkonċerna l-kwistjoni tal-preskrizzjoni. Peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ttrattat din il-kwistjoni (ara punti 27 u 28 iktar 'il fuq), l-oġġezzjoni mqajma kontra din l-ittra hija inapplikabbli għall-finijiet tas-sentenza preżenti.

51      Imbagħad jeħtieġ li tiġi eżaminata l-ittra ta' l-avukat ta' Scott lill-Kummissjoni ta' l-24 ta' Diċembru 1999 (ara punt 39 iktar 'il fuq). Il-Kummissjoni rrifjutat li tieħu din l-ittra in kunsiderazzjoni għar-raġuni li hija kienet ġejja mingħand parti terza u kienet ġiet ippreżentata wara t-terminu previst mid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura (ara punt 12 iktar 'il fuq).

52      Huwa importanti li wieħed ifakkar f'dan ir-rigward li l-proċedura ta' kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat hija, kif jirriżulta mill-istruttura ġenerali tagħha, proċedura miftuħa fil-konfront ta' l-Istat membru responsabbli, fir-rigward ta' l-obbligi Komunitarji tiegħu, ta' l-għoti ta' l-għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 81).

53      Għaldaqstant, fil-kuntest ta' din il-proċedura, il-partijiet ikkonċernati l-oħra minbarra l-Istat Membru responsabbli ta' l-għoti ta' l-għajnuna ma jistgħux jippretendu huma stess dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni, bħal dak miftuħ għall-benefiċċju ta' l-imsemmi Stat. Huma għalhekk għandhom rwol essenzjalment ta' sors ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T‑198/01, Ġabra p. II‑2717, punt 192, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F'dan ir-rigward, l-ebda dispożizzjoni tal-proċedura ta' verifika ta' l-għajnuna mill-Istat ma tirriżerva, fost il-partijiet ikkonċernati, rwol partikolari lill-benefiċjarju ta' l-għajnuna. Għalhekk hemm lok li jiġi mfakkar li l-proċedura ta' verifika ta' l-għajnuna mill-Istat mhijiex proċedura miftuħa "fir-rigward" tal-benefiċjarju ta' l-għajnuniet li jimplika li dan ta' l-aħħar jista' jipprevali mid-drittijiet daqstant wiesa' bħad-drittijiet tad-difiża fihom infushom (sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 52 supra, punt 83). Madankollu, għalkemm il-benefiċjarju ta' l-għajnuna m'għandux l-istatus ta' parti għall-proċedura, il-ġurisprudenza rrikonoxxietlu ċerti drittijiet proċedurali li għandhom l-għan li jippermettulu li jforni informazzjoni lill-Kummissjoni u li jippreżenta l-argumenti tiegħu (sentenza tas-6 ta' Ottubru 2005, Scott vs Il-Kummissjoni, punt 30 supra, punt 34).

55      F'dan il-każ partikolari, huwa stabbilit li Scott ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fil-proċedura formali ta’ eżami skond l-Artikolu 88(2) KE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, u li hija għamlet użu minn din il-possibbiltà meta ppreżentat, fit-23 ta' Novembru 1998, osservazzjonijiet dettaljati lill-Kummissjoni (ara punt 8 iktar 'il fuq).

56      Madankollu, ma jirriżultax mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 52 sa 54 iktar 'il fuq li l-Kummissjoni hija ġustifikata li tinjora kull osservazzjoni oħra tal-benefiċjarji ta’ għajnuna wara l-iskadenza tat-terminu previst mid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-ġurisprudenza li hija l-Kummissjoni li għandha teżamina b'mod diliġenti u imparzjali l-atti fil-kuntest ta' l-Artikolu 88 KE (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, iktar 'il quddiem is-"sentenza Sytraval", punt 62, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punti 167 u 168). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni tista' tinżamm, f'ċerti ċirkustanzi, milli tieħu in kunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tal-benefiċjarju ta' għajnuna wara l-iskadenza tat-terminu previst mid-deċiżjoni ta’ ftuħ.

57      B'mod partikolari, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 659/1999, partikularment l-Artikolu 6 tiegħu, ma tipprojbixxi li l-Kummissjoni taċċetta osservazzjonijiet bħal dawn. Fil-fatt, dan l-Artikolu jippermetti lill-Kummissjoni li tipproroga t-terminu ta' preżentazzjoni ta' l-osservazzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati f'każijiet debitament ġustifikati.

58      Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-kwalifika ta’ għajnuna teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 87(1) KE jkunu sodisfatti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, imsejħa "Tubemeuse", C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 25, u ta' l-24 ta' Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, punt 74). Il-Kummissjoni hija b'hekk marbuta tivverifika l-eżistenza ta’ vantaġġ reali għall-benefiċċju tal-miżura li allegatament iffavorietu. Madankollu, f'dan il-każ partikolari, l-eżistenza ta’ vantaġġ bħal dan ġiet attivament ikkontestata fil-proċedura ta’ l-investigazzjoni. B'hekk, l-iffissar tal-valur ta' l-art kontenzjuża kienet l-oġġett ta' bosta skambji bejn l-awtoritajiet Franċiżi, Scott u l-Kummissjoni. F'dawn iċ-ċirkustanżi, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni formalista ta' l-obbligi tagħha fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat sabiex tirrifjuta lill-benefiċjarju ta' l-għajnuna l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq aspett diskuss fl-eżami fejn tirrifjuta informazzjoni fornita f'terminu li hija stess stabbiliet (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, T‑34/02, Ġabra p. II‑267, punt 96).

59      Fil-fatt, għalkemm il-proċedura ta' verifika ta' l-għajnuniet mill-Istat tkun proċedura miftuħa fir-rigward ta' l-Istat Membru responsabbli, u minkejja l-obbligu ta' dan ta' l-aħħar li jikkoopera totalment mal-Kummissjoni u li jagħtiha l-informazzjoni kollha mitluba, il-Kummissjoni ma tkunx injorat il-fatt li ordni eventwali ta' rkupru jista' jkollha konsegwenzi finanzjarji kunsiderevoli għall-benefiċjarju ta' l-għajnuna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tippreżumix, meta ssaqsi għall-produzzjoni tal-provi u meta tevalwa dawn, li jeżisti interess komuni għall-Istat Membru u għall-benefiċjarju, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-valur ta’ l-għajnuna. Kif jirriżulta mill-fatt li l-għajnuna hija mħallsa lura lill-Istat Membru kkonċernat u mhux lill-Komunità, il-Kummissjoni ma tissupponiex li l-Istat Membru kellu bħala għan li jnaqqas kemm jista' jkun l-ammont irkuprat sabiex jagħmel mezz li l-benefiċjarju jkun trattat b'mod ġust.

60      F'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni kienet imġiegħla teżamina allegata għajnuna mill-Istat bejn wieħed u ieħor għaxar snin wara l-għoti tagħha fl-1987. Minbarrra dan, Scott, il-benefiċjarja ta' l-għajnuna, inxtrat minn KC fl-1996 u imbagħad biegħet l-art kontenzjuża lill-P & G fl-1998 (ara l-punt 14 iktar 'il fuq). Għalhekk din hija kawża li fiha l-informazzjoni dwar il-valur ta’ l-għajnuna ma kinitx faċli li tinkiseb.

61      Il-Kummissjoni ppruvat tiċċara l-fatti f'dan il-każ partikolari fil-laqgħa tas-7 ta' Diċembru 1999 mad-delegazzjoni Franċiża, li tinkludi fiha r-rappreżentanti ta' Scott. Hija b'hekk ħadet deċiżjoni "fl-interess tal-proċedura" (premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata) li tawtorizza l-produzzjoni ta' informazzjoni supplementari qabel it-tmiem tax-xahar ta' Diċembru 1999. Il-partijiet għandhom evalwazzjonijiet diverġenti fuq il-punt dwar jekk il-Kummissjoni awtorizzat l-uniċi awtoritajiet Franċiżi sabiex ifornu informazzjoni supplementari jew jekk din l-offerta kienet indirizzata lid-delegazzjoni fl-intier tagħha, fosthom ir-rappreżentanti ta' Scott. Madankollu, il-Kummissjoni ma wrietx li hija kienet, b'mod espliċitu, limitat l-offerta tagħha lill-awtoritajiet Franċiżi biss fil-laqgħa in kwistjoni. Fi kwalunwe każ, huwa waqt li kienet qed tagħti lok għal din l-offerta li Scott bagħtet l-ittra tagħha ta' l-24 ta' Diċembru 1999 lill-Kummissjoni.

62      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta din l-ittra tkun sproporzjonata u kontradittorja. Fl-ewwel lok, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni hija lesta li taċċetta informazzjoni addizzjonali wara l-laqgħa in kwistjoni u sal-31 ta' Diċembru 1999, mhemmx raġuni, f'dawn iċ-ċirkustanzi, li tiġi stabbilita distinzjoni skond is-sors ta' l-imsemmija informazzjoni fejn tiġi rrifjutata l-ittra għar-raġuni biss li hija ġejja mill-benefiċjarju ta' l-għajnuna u mhux mill-awtoritajiet Franiżi. Jeħtieġ li jingħad f'dan ir-rigward li, fis-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li, jekk il-kontenut ta' l-ittra ta' l-24 ta' Diċembru 1999 kienet tidher fuq il-kartà bl-arma tal-Gvern Franċiż fil-parti ta' fuq tal-paġna, hija kienet aċċettat id-dokument in kwistjoni u kienet ħadet in kunsiderazzjoni meta fasslet id-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni minn naħa ma tippermettix lill-benefiċjarju ta’ għajnuna li jipparteċipa għal-laqgħa li fiha hija awtorizzat il-provvista ta’ informazzjoni addizzjonali u, min-naħa l-oħra, li tipprojbilu permezz ta' dan li jforni informazzjoni bħal din. Fit-tieni lok, ir-reazzjoni tal-Kummissjoni kienet kontradittorja sa fejn hija kienet aċċettat informazzjoni simili ħafna ġejja mill-awtoritajiet Franċiżi fis-7 ta' Jannar u l-21 ta' Frar 2000 (ara punt 13 iktar 'il fuq), jiġifieri sew wara l-iskadenza tat-terminu tal-31 ta' Diċembru 1999 stabbilit fil-laqgħa tas-7 ta' Diċembru 1999.

63      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivi tar-rifjut ta' l-ittra tar-rikorrenti ta' l-24 ta' Diċembru 1999 mhumiex validi. Din l-ittra b'hekk tista' tkun invokata mir-rikorrenti sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-kontenut tagħha ġie ppreżentat lill-Kummissjoni f'terminu li dan ta' l-aħħar kien hu stess impona qabel it-tmiem tal-proċedura amministrattiva u sitt xhur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata ta' l-għajnuna

 L-argumenti tal-partijiet

64      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tgħid li l-Kummissjoni għamlet żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-valur ta' l-art kontenzjuża. B'mod partikolari, l-approċċ adottat mill-Kummissjoni hija żbaljata sa fejn din ta' l-aħħar hija bbażata fuq l-ispiża ta' l-art mhux żviluppata u ta' l-iżviluppi għall-Istat Membru, fejn ikun supponut li l-ispejjeż in kwistjoni, li l-ammont ta' 31 miljun FRF imħallsa lill-Sempel ġie mnaqqas, jirrapreżenta l-valur ta' l-allegata għotja.

65      Fir-rigward tal-valur ta' l-art mhux żviluppata, ir-rikorrenti tqis li l-ispejjeż magħmula mill-belt ta' Orléans sa tnax-il sena qabel id-data li fiha l-art ġiet konċessa lilha ma tfornix indikazzjoni tajba fuq il-valur ta' l-art mhux żviluppata fl-1987. Ir-rikorrenti, b'referenza għall-ittra tagħha ta' l-24 ta' Diċembru 1999 u għall-ittra tar-Repubblika Franċiża tal-21 ta' Frar 2000, ssostni li l-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha fuq il-verifika fiskali li skond din l-art mhux żviluppata kienet tiswa biss, fil-fatt, 5,55 FRF għal kull metru kwadru fl-1987 jew fl-1988.

66      Fir-rigward ta' l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li hija tista' ma tieħux in kunsiderazzjoni l-verifika fiskali, peress li dan seħħ sitt snin wara t-trasferiment in kwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-imsemmija verifika tirreferi għall-valur ta' l-art mhux żviluppata f'mument li huwa rilevanti għall-finijiet tal-proċedura fil-qasam ta' għajnuna mill-Istat u li huwa bbażat fuq evalwazzjoni mwettqa f'dik l-epoka. Ir-rikorrenti żżid li l-evalwazzjoni ta' l-art użata għall-finijiet ta' verifika fiskali kienet xierqa fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-allegata għajnuna ta’ l-Istat sa fejn din kienet manifestament fl-interess ta' l-awtoritajiet fiskali li tiffissa valur ta' l-art li tkun l-aktar għolja possibbli sabiex tnaqqas l-ispejjeż ta’ ħlas tal-fabbrika li hija kienet suxxettibbli li tagħmel għall-kalkolu tat-taxxi futuri tagħha fuq id-dħul.

67      Ir-rikorrenti tippreċiża li l-iżball manifest ta' evalwazzjoni allegat ma seħħx permezz ta' l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni meta ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-evalwazzjoni ta' l-1988 użata fil-verifika fiskali ta' l-1993. L-iżball invokat pjuttost huwa attribwit għall-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-informazzjoni li kienet manifestament ftit konvinċenti biex b'hekk ir-rikorrenti kienet forniet informazzjoni alternattiva valida li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat.

68      Skond ir-rikorrenti, peress li l-belt ta' Orléans kienet tippossjedi l-art in kwistjoni sa mill-1975 (premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata), mhuwiex każ fejn, skond kuntratt konkluż bejn organizzazzjoni statali u impriża li għandhom jirċievu għajnuna mill-Istat, l-organizzazzjoni statali tippermetti li takkwista l-art sabiex iċċedieha lill-impriża bi prezz inferjuri għall-prezz tiegħu ta’ xiri. F'każ bħal dan, l-evalwazzjoni ta' kull għajnuna ta' l-Istat tkun imwettqa fuq il-bażi ta' l-ispiża ta' akkwist ta' l-art mill-organizzazzjoni statali. Min-naħa l-oħra, f'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi l-valur ta' l-art fid-data li fiha ingħatat lil Scott.

69      Għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż ta’ l-iżvilupp ta' l-art, il-Kummissjoni kienet assimilat b'mod żbaljat l-ispejjeż li għamlet Sempel għall-iżvilupp ta' l-art mal-valur ta’ l-għajnuna. Madankollu jirriżulta mill-ftehim Scott li l-kollettivitajiet lokali kienu ftehmu li Sempel twettaq xogħolijiet fuq is-sit għall-ammont massimu ta' 80 miljun ta' FRF. Kif jirriżulta minn dan il-bażi, is-suppożizzjoni tal-Kummissjoni li skond din 48/68 ta' kull Frank imħallsa minn Sempel joħloq vantaġġ għar-rikorrenti kien manifestament żbaljat u inġust.

70      Barra minn hekk, l-ispejjeż li għamlet Sempel setgħu nħlew jew intużaw sabiex jwettqu xogħolijiet li la kienu mitlubin minn Scott u lanqas fl-interess tagħha. Huma setgħu wkoll jirrapreżentaw xogħolijiet ta’ infrastruttura korrispondenti għal dak li huma normalment fornuti fuq il-baġit ta' l-Istat u konsegwentement ma jammontawx għal għajnuna (ara l-premessi 168 u 169 tad-deċiżjoni kkontestata).

71      Ir-rikorrenti żżid li l-art kontenzjuża ġiet ttrasferita lilha għal 31 miljun FRF (jiġifieri 64 FRF għal kull metru kwadru). Skond ir-rikorrenti, dan huwa l-prezz tas-suq. Hija tosserva f'dan ir-rigward li, fl-1998, P & G xtrat l-art in kwistjoni ta' 48 ettaru u l-fabbrika bil-prezz reali tas-suq, jiġifieri 27,653 miljun FRF. Il-prezz imħallas minn P & G jagħti indikazzjoni aħjar fuq il-valur ta' l-art kontenzjuża fl-1987 milli l-elementi li l-Kummissjoni għażlet li tieħu in kunsiderazzjoni.

72      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żballji manifesti ta' evalwazzjoni fil-kalkolu ta' l-ammont ta’ l-għajnuna.

73      Kien hemm b'mod partikolari żball ta' kalkolu fid-deċiżjoni kkontestata korreġuta mill-Kummissjoni wara l-introduzzjoni tar-rikors (ara punt 15 iktar 'il fuq).

74      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ffissat ir-rata ta' interessi għal 5,7 % għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur attwali ta' l-għajnuna dwar l-art kontenzjuża. Fil-miżura fejn il-Kummissjoni evalwat l-ispiża ta' din l-għajnuna għall-Istat, hija kellha żomm ir-rata ta’ interessi applikata fi Franza minn organizzazzjonijiet li jagħmlu parti effettivament mis-settur pubbliku bħal Sempel, jiġifieri rata aktar baxxa ta' l-ammont mis-settur privat imħallas għas-self tagħha.

75      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma tikkontestax li hija rrispettat ir-regoli ġenerali dwar l-ordnijiet li tforni informazzjoni (ara l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 659/1999 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, C‑324/90 u C‑342/90, Ġabra p. I‑1173, punt 26). Il-Kummissjoni żżid li hija mhijiex obbligata tikkomunika l-ordni direttament lir-rikorrenti peress li l-proċedura ta' l-għajnuna mill-Istat isseħħ esklużivament bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru. Ir-rikorrenti kellha l-okkażjoni tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha wara d-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura u, fi kwalunkwe każ, hija kellha l-possibbiltà tforni l-informazzjoni nieqsa wara l-komunikat ta' l-istampa dwar l-ordni biex tforni informazzjoni. Barra minn hekk, kif ser jintwera iktar 'il quddiem, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li n-nuqqas ta' din l-informazzjoni mhijiex problema importanti f'dan il-każ partikolari.

76      Il-Kummissjoni ssostni li hija ppruvat tistabbilixxi l-valur ta' l-art mhux żviluppata u ta' l-iżviluppi ttrasferiti lir-rikorrenti. Sa fejn il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ispejjeż sostnuti mill-Istat Membru, hija għamlet dan għaliex hija kienet ikkostatat li dan l-approċċ kien jagħti f'dan il-każ partikolari indikatur tajjeb tal-valur probabbli ta' l-art kontenzjuża ttrasferita lir-rikorrenti.

77      Fir-rigward ta' l-art mhux żviluppata, il-Kummissjoni kienet fittxet li tistabbilixxi l-valur tagħha fil-31 ta' Awwissu 1987, data tal-konklużjoni tal-ftehim. Għalkemm hija ma applikatx il-Komunikazzjoni 97/C 209/03 tagħha dwar l-elementi ta' għajnuna mill-Istat li jinsabu fil-bejgħ ta' l-art u tal-bini mill-awtoritajiet pubbliċi (ĠU 1997, C 209, p. 3) b'mod retroattiv fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet applikat l-approċċ "sistematiku u loġiku" tagħha ta’ l-Artikolu 87(1) KE, kif hija spjegatu fl-imsemmija komunikazzjoni. Il-Kummissjoni ssostni f'dan ir-rigward li l-art kontenzjuża ma nbiegħetx fil-kuntest ta' proċedura ta’ offerta inkundizzjonata u li l-ebda evalwazzjoni indipendenti ta' l-art kontenzjuża ma saret fil-bejgħ lir-rikorrenti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ssostni li l-ispiża inizjali ta' l-art għall-awtoritajiet pubbliċi tirrapreżenta "indikatur importanti" tal-valur ta' l-art mhux żviluppata.

78      L-awtoritajiet Franċiżi kienu indikaw lill-Kummissjoni fi tliet okkażjonijiet fil-proċedura, li l-ispiża medja ta' l-art mhux żviluppata, akkwistata bejn l-1975 u l-1987, kienet stabbilita għal 15 FRF għal kull metru kwadru (nota ta' qiegħ il-paġna tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm dawn l-awtoritajiet setgħu jippreċiżaw, fl-ittra tagħhom tat-3 ta' Novembru 1997, li 30 ettaru kienu ġew akkwistati fl-1 ta' Lulju 1975, 32,5 ettari fit-13 ta' Diċembru 1984 u 5,5 ettari fit-18 ta' Settembru 1987, huma kienu għażlu li ma jfornux il-prezz ta' kull wieħed mill-akkwisti tagħhom. Il-Kummissjoni tosserva f'dan ir-rigward li la l-atti tal-bjegħ u lanqas ebda dokument ieħor li juri l-akkwisti suċċessivi ta' l-art mhux żviluppata mill-belt ta' Orléans ma ġew ippreżentati fil-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni ma ġietx infurmata dwar il-metodu użat għall-kalkolu tal-prezz medju ta' 15 FRF għal kull metru kwadru. Barra minn hekk, ma kinitx taf bi preċiżjoni l-artijiet li, fit-68 ettaru kollha akkwistati mill-belt ta' Orléans, kienu ġew finalment ittrasferiti lir-rikorrenti sabiex tifforma l-plott ta' 48 ettaru. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni hija ġġustifikata li tikkonkludi li l-prezz indikat ta' 15 FRF għal kull metru kwadru japplika għall-perijodu li jasal sa' l-1987 u, konsegwentement, jista' jkun ikkunsidrat bħala indikatur suffiċjentement riċenti u għalhekk indikatur tajjeb tal-valur minimu ta' l-art fil-mument tal-ftehim Scott.

79      Barra minn hekk, skond il-punt 2.2 tal-minuti tal-laqgħa tal-kunsill muniċipali tal-belt ta' Orléans tas-27 ta' Mejju 1994, il-valur inizzjali ta' l-art mhux żviluppata huwa stabbilit għal 0,9 miljun FRF, jiġifieri prezz "moderat ħafna" ta' 23 FRF għal kull metru kwadru. Peress li dawn il-minuti ġew stabbiliti qabel il-proċedura preżenti mill-awtorità li hija stess tat l-għajnuna in kwistjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija tagħti bażi raġonevoli u tajba sabiex tistabbilixxi l-valur ta' l-art mhux żviluppata. Il-Kummissjoni żżid li jirriżulta mid-dokument ta’ offerta ppreparata mill-belt ta' Orléans għar-rikorrenti li l-"valur ta' l-art [mhux żviluppata] f'Marzu 1987 [kienet ta'] 20 miljun Franc" (jiġifieri 50 ettaru b'40 FRF għal kull metru kwadru).

80      Kuntrarjament għal dak li sosstni r-rikorrenti, l-awtoritajiet Franċiżi ma invokawx, fl-ittra tagħhom tal-21 ta' Frar 2000, evalwazzjoni ta' l-art mhux żviluppata b'5,55 FRF għal kull metru kwadru fuq il-bażi ta' allegata verifika fiskali. Skond il-Kummissjoni, dan huwa sempliċement każ ta' informazzjoni destinata sabiex tiffaċilita l-komprensjoni ta’ tabella, li mhix sostnuta minn ebda prova dokumentarja, li tirrigwarda s-sena 1993, ċirka sitt snin wara l-ftehim Scott, u li tikkontradixxi dikjarazzjonijiet oħra magħmula mill-awtoritajiet Franċiżi fil-proċedura kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-kunsill muniċipali tal-belt ta' Orléans fid-deliberazzjonijiet tagħha ta' l-1994. Jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta għażlet li ma tikkonkludix mill-passaġġ li fih tirrinvija lir-rikorrenti li kien stabbilit li l-valur ta' l-art mhux żviluppata titla għal 5,55 FRF għal kull metru kwadru.

81      Ir-rikorrenti ssostni għall-ewwel darba fir-replika tagħha li l-ittra ta' l-24 ta' Diċembru 1999 tikkontjeni stima ta' l-art mhux żviluppata li twettqet fl-1988 (ara l-punt 65 iktar 'il fuq). Skond il-Kummissjoni, l-argumenti fattwali ġodda li jinsabu fir-replika huma inammissibbli bl-istess mod bħall-ittra ta' l-24 ta' Diċembru 1999 stess. Il-Kummissjoni tosserva f'dan ir-rigward li anki din l-ittra ma tipprermettix li ssib l-inqas referenza għall-istima li twettqet fl-1988.

82      Ħlief għall-fatt li l-imsemmija ittra hija inammissibbli, il-Kummissjoni ssostni li hija għandha tiġi miċħuda fuq il-mertu. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma forniet l-ebda dokument sabiex tikkorrobora l-affermazzjoni li skond din saret stima bħal din fl-1988 fuq il-bażi tal-valur ta' l-art mhux żviluppata fl-1987 u hija ma tat l-ebda detall dwar il-liġi jew il-leġiżlazzjoni li skond din stima bħal din hija preżunta li saret. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-amministrazzjoni fiskali lokali tista' tattribwixxi valuri simboliċi u essenzjalment fittizji għall-artijiet sabiex tevalwa l-impożizzjoni tagħhom tat-taxxa għat-taxxa lokali, ta' tali valuri li kellhom ftit jew l-ebda relazzjoni mal-valur tas-suq reali ta' l-artijiet. Fit-tielet lok, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma hemm l-ebda bażi sabiex tikkonkludi li l-amministrazzjoni fiskali kienet attribwiet għall-art valur tant għoli sabiex jillimita għall-massimu l-valur ta' l-iżviluppi, jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ħlas tar-rikorrenti u b'hekk tiżdied it-taxxa li għandha titħallas minn din ta' l-aħħar. Fir-raba' lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li evalwazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni fiskali ma teskludix neċessarjament kull element ta’ għajnuna mill-Istat.

83      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li skond din il-belt ta' Orléans kienet tipposjedi l-art mhux żviluppata sa mill-1975. Hekk kif intqal fil-punt 78 iktar 'il fuq, l-awtoritajiet Franċiżi kienu indikaw li 30 ettaru kienu ġew akkwistati fl-1 ta' Lulju 1975, 32,5 ettaru fit-13 ta' Diċembru 1984 (ftit aktar minn sentejn qabel ma l-offerta saret lil Scott) u 5,5 ettaru fit-18 ta' Settembru 1987, jiġifieri wara l-konklużjoni tal-ftehim Scott u tal-ftehim Sempel. Konsegwentement, skond ir-raġunament tar-rikorrenti stess (ara l-punt 68 iktar 'il fuq), hija sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni kellha raġun li tieħu in kunsiderazzjoni l-prezz li l-Istat kellu jħallas sabiex jakkwista l-art mhux żviluppata. Il-Kummissjoni żżid li r-Repubblika Franċiża għażlet li ma tikkomunikax lill-Kummissjoni la d-detall tal-parti ta' l-art finalment trasferita lir-rikorrenti, u lanqas il-metodu tal-kalkolu tal-prezz medju.

84      Fir-rigward ta' l-iżviluppi, il-Kummissjoni ordnat lill-awtoritajiet Franċiżi, permezz ta' deċiżjoni, sabiex ifornuha b'spjegazzjonijiet u dokumenti li jindikaw fid-detall ix-xogħolijiet imwettqa minn Sempel u l-ispiża reali tagħhom. Din l-informazzjoni qatt ma ngħatat lill-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva.

85      Barra minn hekk, l-ebda spjegazzjoni ma ngħatat mir-rikorrenti fuq dak li hija tqis huwa l-valur veru ta' l-iżviluppi li ġew ttrasferiti lilha. Kif ġie spjegat fil-punt 77 iktar 'il fuq, fin-nuqqas ta’ proċedura ta’ offerta xierqa jew ta’ evalwazzjoni minn espert indipendenti qabel in-negozjati preċedenti għall-bejgħ, l-ispiża għall-Istat Membru jirrappreżenta indikatur tajjeb tal-valur ta' l-iżviluppi ttrasferiti lir-rikorrenti, jiġifieri 89,1 miljun FRF. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li hija użat il-bilanċ ta' likwidazzjoni Sempel, jiġifieri l-prova dokumentarja l-aktar tajba (f'dan il-każ awtentikata) li hija kienet tiddisponi minnu, fejn naqqset l-ispejjeż finanzjarji ta' Sempel, il-VAT u l-ispejjeż ta' infrastruttura pubblika fi ftehim ma' l-awtoritajiet Franċiżi (premessi 89 u 171 tad-deċiżjoni kkontestata). Fuq il-bażi ta' din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni kienet stabbiliet il-valur totali ta' l-iżviluppi. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-valur ta' l-iżviluppi ttrasferiti lil din ta' l-aħħar jiddependu mix-xogħolijiet effettivament imwettqa minn Sempel, u mhux mit-termini tal-ftehim Scott.

86      Il-Kummissjoni tosserva li, skond il-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill Muniċipali tal-belt ta' Orléans tas-27 ta' Mejju 1994, l-ispiża totali tat-tranżazzjoni għall-belt ta' Orléans u d-dipartiment ta' Loiret, art u l-iżviluppi inklużi, titla' kemm għal 84,482 274 miljun FRF, u kemm għall-92,531 048 miljun FRF (punt 2.2).

87      Il-Kummissjoni tqis li l-prezz tax-xiri mħallas fl-1998 minn P & G (ara l-punt 71 iktar 'il fuq) ma jagħtix indikazzjoni aħjar tal-valur ta' l-iżviluppi mwettqa fl-1987 mill-elementi l-oħra ta' prova li hija kellha fil-pussess tagħha u deskritti fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li, tul il-proċedura, ir-rikorrenti tilmenta dwar ċerta inġustizzja għar-raġuni li KC kienet ħallset il-prezz għoli meta hija akkwistat minn Scott iżda li, meta Scott biegħet l-assi, il-prezz tax-xiri ma kien jinkludi l-ebda ammont li jirrefletti l-element ta’ għajnuna in kwistjoni. Dan l-argument jwassal sabiex jiġi aċċettat li l-prezz tal-bejgħ lill-P & G jirrifletti evalwazzjoni ta' l-assi profondament influwenzati, tad-dħul fis-seħħ, permezz ta' l-eżistenza stess ta’ l-għajnuna in kwistjoni. Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma tistax tgawdi minn beni u mill-frott tal-bejgħ tagħhom : jiġifieri li P & G kienet "ħallset" lill-Scott għall-għajnuna, f'liema każ ma jkunx hemm inġustizzja f'li tiġi rkuprata minn Scott, jiġifieri l-prezz imħallas minn P & G – u l-prezz li fih Scott setgħet tbiegħ u kienet disposta tbiegħ – tkun mill-bidu profondament affettwata bl-għoti ta' l-għajnuna, f'liema każ fl-ebda mod mas-servi bħala bażi għall-kalkolu tal-valur veru ta' l-art u ta' l-iżviluppi fl-1987.

88      Minbarra dan, il-Kummissjoni tfakkar li hija ordnat lill-awtoritajiet Franċiżi li jfornuha informazzjoni aktar dettaljata (premessi 97 u 168 tad-deċiżjoni kkontestata).

89      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tammetti l-eżistenza ta’ żball ta' kalkolu fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 73 iktar 'il fuq) u tosserva li hija, konsegwentement, ħadet miżuri neċessarji sabiex tikkorreġi l-imsemmi żball (ara l-punt 15 iktar 'il fuq).

90      L-argument tar-rikorrenti li jgħid li kien hemm nuqqas ta' koerenza fl-approċċ tal-Kummissjoni u li hija kellha tuża r-rata ta’ interessi sostnuta minn Sempel (ara l-punt 74 iktar 'il fuq) għandu jiġi miċħud. Il-Kummissjoni kienet użat korrettement ir-rata ta' 5,6 % prevista fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-metodu ta' iffissar tar-rati ta' referenza u ta' l-attwalizzazzjoni għall-kalkolu ta' l-ammont li jrid jiġi rimborsat skond ordni ta' rkupru dwar għajnuna ta' Stat illegali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

91      Billi l-kunċett ta’ għajnuna ta' l-Istat jippreżenta karattru ġuridiku u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta' l-elementi oġġettivi, l-imħallef Komunitarju għandu, bħala prinċipju u kif jirriżulta kemm mill-elementi konkreti tal-kawża li huma sottomessi lilu kif ukoll mill-karattru tekniku jew kumpless ta' l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, jeżerċitaw verifika sħiħa fuq il-kwistjoni dwar jekk miżura taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u l-Kummissjoni, C‑83/98 P, Ġabra p. I‑3271, punt 25, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Ottubru 2002, Linde vs Il-Kummissjoni, T‑98/00, Ġabra p. II‑3961, punt 40).

92      Jammontaw għal vantaġġi skond l-Artikolu 87(1) KE interventi li, taħt forom differenti, jtaffu l-piż li normalment jkun hemm fuq il-baġit ta' impriża u li, b'hekk, jappartjenu għal għotja (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, 30/59, Ġabra p. 3, 39, u tat-8 ta' Mejju 2003, Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C‑328/99 u C‑399/00, Ġabra p. I‑4035, punt 35), bħal, b'mod partikolari, il-provvista ta' oġġetti jew servizzi b'kundizzjonijiet preferenzjali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Novembru 2003, GEMO, C‑126/01, Ġabra p. I‑13769, punt 29; ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Frar 1988, Van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punti 28 u 29).

93      Applikat għall-każ ta’ bejgħ ta’ art lil impriża minn entità pubblika, dan il-prinċipju għandu bħala konsegwenza li għandu jiġi ddeterminat jekk, b’mod partikolari, il-prezz tal-bejgħ setax jinkiseb mix-xerrej f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-127/99, T-129/99 u T-148/99, Ġabra p. II-1275, punt 73). Meta tistabbilixxi l-prezz tas-suq, il-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-karattru inċert li jista' jkollha d-determinazzjoni, retrospettiva, ta' tali prezzijiet tas-suq (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Settembru 2004, Valmont vs Il-Kummissjoni, T‑274/01, Ġabra p. II‑3145, punt 45).

94      Jeħtieġ li jiġi sostnut ukoll li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-għan imħaddan mill-Kummissjoni meta hija teżiġi l-irkupru ta' għajnuna u li ttellef għall-benefiċjarju tagħha l-vantaġġ li kien ibbenefika fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu u li terġa tistabbilixxi s-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas ta' l-imsemmija għajnuna (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Cour Tubemeuse, punt 58 supra, punt 66, u ta' l-4 ta' April 1995, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C‑348/93, Ġabra p. I‑673, punt 27). B'hekk, l-irkupru ta' l-għajnuniet illegali ma jammontawx għal sanzjoni mhux prevista mid-dritt Komunitarju, anki jekk huwa implementat ħafna wara l-għoti ta' l-għajnuniet in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑75/97, Ġabra p. I‑3671, punt 65, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T‑55/99, Ġabra p. II‑3207, punt 164). Fi kliem ieħor, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat li jordnaw l-irkupru ta' dawn huma miżuri ta' ristabbiliment tas-sitwazzjoni preċedenti u m'għandhomx karattru penali.

95      Madankollu, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi tordna l-irkupru ta’ ammont speċifiku, hija għandha, skond l-obbligu tagħha li teżamina b'mod xieraq u imparzjali inkartament fil-kuntest ta' l-Artikolu 88 KE (sentenza Sytraval, punt 56 supra, punt 62, u Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, punt 56 supra, punt 167), tistabbilixxi, b'mod daqstant preċiż li ċ-ċirkustanzi tal-kawża jippermettu, il-valur ta’ l-għajnuna li l-impriża bbenefikat minnha. Filwaqt li terġa tistabbilixxi s-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas ta' l-għajnuna, minn naħa, il-Kummissjoni hija marbuta tassigura ruħha li l-vantaġġ reali ta' l-għajnuna hija eliminata u b'hekk tordna l-irkupru tat-totalità ta’ l-għajnuna. Hija ma tistax, minħabba klemenza għall-benefiċjarju, tordna l-irkupru ta’ somma inferjuri għall-valur ta’ l-għajnuna riċevuta minn din ta' l-aħħar. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni mhix awtorizzata, sabiex turi d-diżapprovazzjoni tagħha għal dak li jikkonċerna l-gravità ta’ l-illegalità, tordna l-irkupru ta’ ammont għola mill-valur ta’ l-għajnuna riċevuta mill-benefiċjarju.

96      F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad ukoll li mhijiex il-Kummissjoni li trid twettaq evalwazzjoni approssimattiva. Fil-fatt, fir-rigward ta’ għajnuna mhux notifikata, jista' jkun li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, u b'mod partikolari meta jkun għadda żmien twil wara l-bejgħ ta' l-art, il-Kummissjoni jista' jkollha diffikultajiet sabiex tistabbilixxi l-valur eżatt ta’ l-għajnuna. Ċirkustanzi bħal dawn jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u, b'mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx l-eżami ta' l-Artikolu 88(2) KE b'mod diliġenti. Jibqa' il-fatt, madankollu, li l-kwistjoni essenzjali dwar l-evalwazzjoni ta' l-għajnuna hija kwistjoni ta' fatt li fuqha l-qorti Komunitarja għandha teżerċita verifika sħiħa. Il-fatt biss li l-Kummissjoni tista' tkun imġiegħla twettaq evalwazzjoni approssimattiva minħabba ċ-ċirkustanzi tal-kawża ma jikkonferix lilha, madankollu, diskezzjoni għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni ta' l-ammont li tordna l-irkupru tiegħu.

97      F'dan il-każ partikolari, ir-rikorrenti tinsisti fuq il-fatt li l-prezz li hija ħalset għall-art kontenzjuża, jiġifieri 31 miljun FRF, jirrapreżenta l-valur tas-suq tal-proprjetà fl-1987, fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim Sempel.

98      Madankollu fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-awtoritajiet Franċiżi kienu biegħu l-art kontenzjuża lil Scott bi prezz preferenzjali u ffissat il-valur ta' l-art għal 70,588 miljun FRF. Il-Kummissjoni stabbiliet dan l-aħħar ammont mhux permezz ta' rapport għall-istima tal-prezz tal-bejgħ eventwali ta' l-art kontenzjuża fis-suq fl-1987, iżda abbażi ta' l-ispejjeż magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati (ara l-punti 17 sa 20 iktar 'il fuq).

99      Il-Kummissjoni ssostni li hija awtorizzata, anki obbligata, tibbaża ruħha fuq l-ispejjeż esposti mill-awtoritajiet Franċiżi. Min-naħa, dan l-approċċ jagħti indikazzjoni tajba tal-valur probabbli ta' l-art u ta' l-iżviluppi ttrasferuti lir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni fid-deċiżjoni kkontestata (ara, b'mod partikolari, il-premessi 97 sa 99) li r-Repubblika Franċiża ma kooperatx fil-proċedura amministrattiva, li hija ġabet ruħha b'mod li ddum ħafna u, b'mod partikolari, li hija ma fornietx l-informazzjoni kollha neċessarja għall-finijiet ta' l-iffissar tal-valur ta’ l-għajnuna mill-Istat, u dan minkejja l-ordni li tforni informazzjoni meħuda skond l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 (ara punt 10 iktar 'il fuq).

100    F'dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 91 sa 95 iktar 'il fuq, hija l-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni wettqitx eżami ta' l-inkartament billi tevalwa, bl-attenzjoni kollha meħtieġa, l-elementi ta' fatt in kwistjoni u, b'mod partikolari, li tevalwa jekk il-valur attribwit għall-art kontenzjuża mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fl-evalwazzjoni ta' l-ammont tal-vantaġġ illegali jikkorrispondi, bi preċiżjoni suffiċjenti, għal prezz tas-suq fl-1987.

101    Hemm lok li jiġi mfakkar, preliminarjament, li huwa stabbilit li l-Kummissjoni għamlet żball materjali għal dak li jikkonċerna l-kalkolu ta' l-ammont ta’ l-għajnuna fl-ewwel verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li hija kkorreġiet wara l-introduzzjoni tar-rikors preżent. F'din l-ewwel verżjoni tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni ħadet bħala punt tat-tluq l-ispiża tat-tranżazzjoni tal-bejgħ tas-sit kollu ta' 68 ettaru, li hija naqset minnha l-31 miljun FRF imħallsa mir-rikorrenti. Imbagħad hija mmultiplikat is-somma miksuba minn 48/68 sabiex tirrifletti l-fatt li Scott kienet xtrat biss 48 ettaru. Skond dan il-kalkolu, teżisti għajnuna ta’ ammont ta' 48,7 miljun ta' FRF (7,42 miljun Euro) jiġifieri, f'valur preżenti, ta' 100 miljun FRF (15,2 miljun EUR) għal dak li jirrigwarda l-prezz preferenzjali ta' l-art kontenzjuża.

102    Madankollu l-Kummissjoni għamlet kalkolu żbaljat meta attribwiet lill-Scott 48/68 biss minn 31 miljun FRF u mhux is-somma kollha. Hija ammettiet dan l-iżball u, fil-verżjoni kkoreġuta tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonkludiet li l-għajnuna kienet telgħet għal 39,58 miljun FRF jiġifieri, f'valur preżenti, ta' 80,77 miljun FRF.

103    Dan l-iżball, peress li kien ġie kkoreġut mill-Kummissjoni wara l-introduzzjoni tar-rikors preżenti, ma kienx jiġġustifika fih innifsu l-annulament tad-deċiżjoni kkontestata. Hija madankollu tagħmel osservazzjoni doppja. L-ewwel nett, huwa permess li wieħed isaqsi dwar ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni, fl-investigazzjoni tagħha, sabiex tagħmel żball ta' din il-gravità. Imbagħad, u b'mod partikolari, it-twettiq ta' żball bħal dan isaħħaħ in-neċessità għall-Qorti tal-Prim'istanza li tivverifika metikolożament l-aspetti l-oħra kollha tal-kalkolu ta' l-għajnuna.

104    Għalhekk jeħtieġ li jiġi eżaminat l-approċċ tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi l-valur ta' l-art kontenzjuża.

–       Fuq l-iżbalji tal-metodu tal-kalkolu fid-deċiżjoni kkontestata

105    L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi mfakkar li fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-valur ta’ għajnuna fil-forma ta’ bejgħ ta’ art għal prezz allegatament preferenzjali, japplika l-prinċipju ta' l-investitur privat li jopera f'ekonomija tas-suq. Konsegwentement, il-valur ta’ l-għajnuna huwa ugwali għad-differenza bejn dak li l-benefiċjarju fil-fatt ħallas u dak li huwa kellu jħallas fl-epoka f'kundizzjonijiet normali tas-suq sabiex jixtri art ekwivalenti minn venditur tas-settur privat.

106    Madankollu l-Kummissjoni tammetti f'dan il-każ partikolari li hija bbażat ruħha fuq l-ispejjeż imħallsa mill-awtoritajiet Franċiżi sabiex tevalwa l-ammont ta’ għajnuna (ara l-punt 76 iktar 'il fuq). Fil-fatt, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq ebda stima diretta u indipendenti tal-valur ta' l-art kontenzjuża fis-suq fl-1987. Hija min-naħa l-oħra tibbaża ruħha fuq l-ispiża ta' l-art kontenzjuża kif ġiet imħallsa mill-awtoritajiet ikkonċernati. Għalkemm l-ispejjeż tax-xiri u ta' l-iżvilupp jistgħu jfornu indikazzjoni sekondarja jew indiretta tal-valur ta' l-art kontenzjuża, elementi bħal dawn ma jammontawx għall-aħjar prova ta' dan il-valur. L-applikazzjoni tal-prinċipju ta' l-investitur privat jimplika, fil-fatt, l-istima tal-prezz tal-bejgħ li kien jinkiseb għall-art kontenzjuża li kieku din inbiegħet fix-xahar ta' Awwissu 1987 f'kundizzjonijiet normali tas-suq. Dan il-prezz mhux neċessarjament huwa stabbilit permezz ta' l-ispejjeż esposti mill-venditur, peress li huwa suxxettibbli li jkun influwenzat minn bosta fatturi, fosthom l-ekwilibrju bejn l-offerta u d-domanda fl-epoka tal-bejgħ. Fi kliem ieħor, l-ispejjeż magħmula mill-awtoritajiet Franċiżi fi tnax-il sena fil-kuntest tax-xiri ta' l-art mhux żviluppata (ara punt 17 iktar 'il fuq) u ta' l-iżvilupp tiegħu ma jirrappreżentax neċessarjament il-valur tiegħu tas-suq fix-xahar ta' Awwissu 1987.

107    Il-Kummissjoni tiġġustifika l-użu tagħha ta' evalwazzjoni bbażata fuq l-ispejjeż magħmula mill-awtoritajiet Franċiżi billi tgħid li, kuntrarjament għall-approċċ tagħha "sistematika u loġika" ta' l-Artikolu 87(1) KE kif imbagħad spjegata fil-Komunikazzjoni 97/C 209/03 tagħha dwar l-elementi ta' għajnuna mill-Istat kontenut fil-bejgħ ta' l-art u tal-bini mill-awtoritajiet pubbliċi, l-awtoritajiet Franċiżi ma biegħux l-art kontenzjuża fil-kuntest ta' proċedura ta’ offerta inkundizzjonata u ma rrikorrewx għal evalwazzjoni indipendenti ta' l-art kontenzjuża fil-bejgħ lir-rikorrenti (ara punti 77 u 85 iktar 'il fuq). F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija tikkunsidra li hija setgħet, ġustament, tibbaża ruħha fuq l-ispejjeż esposti mill-awtoritajiet in kwistjoni sabiex tiddetermina l-valur ta' l-art kontenzjuża.

108    Madankollu, l-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi ma stabbilixxewx, fl-1987, il-valur tal-proprjetà permezz ta' sejħa għall-offerti jew fuq bażi ta' evalwazzjoni indipendenti ta' l-art kontenzjuża qabel ma nbiegħet lill-Scott ma teżentax lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha, fl-investigazzjoni fil-kuntest ta' l-Artikolu 88(2) KE, li tistabbilixxi l-valur ta' l-oġġett fuq il-bażi tal-metodu l-aktar tajjeb. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, hija ma segwietx l-approċċ sistematiku u loġiku msemmi fil-komunikazzjoni ta' l-1997 iżda rrikorriet direttament għall-ispejjeż storiċi ta' akkwist u ta’ l-iżvilupp ta' l-art kontenzjuża esposti mill-awtoritajiet Franċiżi, mingħajr ma kkunsidrat l-opportunità li tordna evalwazzjoni indipendenti (ara l-punti 137 u 138 iktar 'il quddiem). 

109    Barra minn hekk, anki jekk wieħed jissupponi li l-Kummissjoni kienet ġustifikata li tibbaża ruħha esklużivament fuq l-ispejjeż esposti mill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex tistabbilixxi l-valur ta' l-art kontenzjuża, il-Qorti tal-Prim'istanza tikkunsidra li l-approċċ tagħha ta’ l-evalwazzjoni ta' l-art mhux żviluppata hija żbaljata sa fejn, minn naħa, hija wettqet it-tieni żball ta' kalkolu f'dan ir-rigward u li, min-naħa l-oħra, hija bbażat ruħha fuq data mhux preċiża fir-rigward ta' l-ispejjeż in kwistjoni.

110    Fl-ewwel lok, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkostata li t-68 ettaru in kwistjoni, "dak iż-żmien artijiet agrikoli, kienu diġà ġew akkwistati bejn l-1975 u l-1987 mill-belt [ta’ Orléans] għal prezz ta' 16 FRF għal kull metru kwadru (2,4 EUR għal kull metru kwadru), jiġifieri għal total ta' 10,9 miljun FRF (1,7 miljun EUR)" (premessa 15). F'dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq il-punt 2.2 tal-minuti tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Muniċipali tal-belt ta' Orléans tas-27 ta' Mejju 1994. Madankollu, jirriżulta mill-minuti in kwistjoni li s-somma ta' 10,9 miljun FRF tikkorrispondi għall-ispiża ta' l-art mhux żviluppata ta' 48 ettaru ttrasferita lil Scott u mhux għall-art ta' 68 ettaru. Konsegwentement, kuntrarjament għall-kalkolu tal-Kummissjoni, l-ispiża ta' l-art mhux żviluppata tkun ta' 23 FRF għal kull metru kwadru, jiġifieri ċirka 50 % ta' aktar minn 16 FRF għal kull metru kwadru. Il-Kummissjoni b'hekk wettqet żball fil-kalkolu.

111    Jirriżulta li meta kkalkolat l-ammont ta' vantaġġ riċevut minn Scott, il-Kummissjoni ma kellhiex taqsam is-somma ta' 10,9 miljun FRF bejn is-sit ta' 48 ettaru u s-sit ta' 20 ettaru (premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda li tapplikah kollu kemm hu fis-sit ta' 48 ettaru. Il-fatt li dan l-iżball japplika favur Scott m'għandux effett li jagħmlu skużabbli. Il-Kummissjoni kienet obbligata tistabbilixxi, kemm jista' jkun possibbli, tal-valur veru ta' l-għajnuna in kwistjoni u li tordna l-irkupru tagħha (ara l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 95 iktar 'il fuq).

112    Jirriżulta li l-Kummissjoni kienet żbaljata wkoll meta hija kkunsidrat li l-evalwazzjoni tagħha ta' l-art mhux żviluppata ta' 16 FRF għal kull metru kwadru kienet ikkorroborata mill-prezz medju ta’ xiri ta' 68 ettaru ta' 15 FRF għal kull metru kwadru indikat mill-awtoritajiet Franċiżi fil-proċedura amministrattiva (premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata u n-nota tal-qiegħ tal-paġna Nru 8).

113    Jekk il-Kummissjoni ma kinitx wasslet għall-konklużjoni żbaljata li l-ispiża ta' 48 ettaru kienet ta' 16 FRF għal kull metru kwadru, wieħed jista' jissupponi li hija kienet tirrimarka d-differenza sostanzjali bejn iċ-ċifri ta' 15 FRF għal kull metru kwadru u ta' 23 FRF għal kull metru kwadru u, konsegwentement, tistaqsi lilha nnifisha dwar il-korretezza ta' l-informazzjoni dwar l-ispiża ta' l-art mhux żviluppata.

114    Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-użu ta' informazzjoni mhux preċiża fir-rigward ta' l-ispiża ta' l-art mhux żviluppata, il-Kummissjoni bbażat ruħha, għall-inqas in parti, fuq il-prezz medju ta' 15 FRF għal kull metru kwadru mħallas mill-awtoritajiet Franċiżi għat-68 ettaru ta' art mhux żviluppata mixtrija fl-1 ta' Lulju 1975 (30 ettaru), fit-13 ta' Diċembru 1984 (32,5 ettaru) u fit-18 ta' Settembru 1987 (5,5 ettaru). Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat bosta drabi fis-seduta li hija kkunsidrat il-prezz medju ta' 15 FRF għal kull metru kwadru bħala valur ta' art mhux żviluppata.

115    Madankollu, il-Kummissjoni ma vverifikatx il-prezz ta’ xiri ta' kull plott in kwistjoni. Min-naħa l-oħra, hija użat prezz medju magħmul mill-ispejjeż tax-xiri fl-1975, 1984 u 1987, li mhux neċessarjament jirreferi għall-valur tas-suq ta' l-art mhux żviluppata fl-1987. B'mod partikolari, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni (ara punt 78 iktar 'il fuq), l-ispejjeż tal-plott ta' 30 u ta' 32,5 ettaru, mixtrija rispettivament fl-1975 u l-1984, mhux neċessarjament jirrappreżentaw il-valur ta' l-art mhux żviluppata fl-1987 skond il-prinċipju ta' l-investitur privat. F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li jirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 209/03 dwar l-elementi ta’ għajnuna ta’ l-Istat li jinsabu f'bejgħ ta' art u ta' bini mill-awtoritajiet pubbliċi li "l-ispejjeż inizjali mħallsa mill-awtoritajiet pubbliċi għall-akkwist ta’ art u ta’ bini huma parametru tal-valur tas-suq ħlief jekk għadda perijodu ta' żmien sinjifikattiv bejn ix-xiri u l-bejgħ ta' din l-art u ta' dan il-bini" [punt II 2, sub d)]. Anki jekk jintuża l-approċċ tal-Kummissjoni hekk kif spjegat f'din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni ċertament mhijiex ġustifikata li tirrikorri għall-ispejjeż tax-xiri tal-parti mixtrija fl-1975.

116    Min-naħa l-oħra, il-prezz tax-xiri ta' 5,5 ettaru mixtrija fiż-żmien tal-bejgħ kontenzjuż fl-1987 setgħa jforni indikazzjoni tal-prezz ta’ l-epoka għal kull metru kwadrat ta' art mhux żviluppata in kwistjoni suġġett, naturalment, għall-verifika taċ-ċirkustanzi, kif ukoll għall-kundizzjonijiet relatati max-xiri in kwistjoni. Madankollu, minflok tipprova tikseb din l-informazzjoni (ara, f'dan ir-rigward, il-punti 151 sa 153 iktar 'il quddiem), il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq informazzjoni sekondarja.

117    Barra minn hekk, l-inkartament ma jindikax liema parti mit-68 ettaru nbiegħet lil Scott u, b'mod partikolari, x'inhu r-rapport bejn it-tliet plottijiet mixtrija fl-1975, 1984 u 1987 u t-48 ettaru mixtrija minn Scott fl-1987.

118    Il-Kummissjoni ssostni f'bosta okkażjonijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha (ara l-punt 79 iktar 'il fuq), u b'mod partikolari fir-risposti tagħha għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li ċ-ċifra ta' 10,9 miljun FRF imsemmija fil-minuti tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Muniċipali tal-belt ta' Orléans tas-27 ta' Mejju 1994 tirreferi għall-valur inizjali "moderat ħafna" ta' l-art mhux żviluppata ta' 48 ettaru minflok għall-prezz tiegħu. Minbarra l-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b'mod żbaljat fid-deċiżjoni kkontestata li l-ammont ta' 10,9 miljun FRF kien jirreferi għal 68 ettaru (ara l-punt 110 iktar 'il fuq), jeħtieġ li jingħad li l-punt 2.2 ta' l-imsemmija minuti jammontaw fil-fatt għal sunt qasir ħafna u mingħajr spjegazzjoni dettaljata ta' l-"ispiża tat-tranżazzjoni", b'mod partikolari ta' l-ammont ta' 10,9 miljun FRF għax-xiri ta’ l-art mhux żviluppata, li kien il-"valur inizjali ta' l-art". Il-Kummissjoni stess indikat fid-deċiżjoni kkontestata li dan huwa każ ta' "prezz tax-xiri" jew ta' l-"ispiża" ta' l-art mhux żviluppata għall-awtoritajiet Franċiżi (premessi 20, 157, 161 u 170).

119    Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tiddisponix minn ebda indikazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi li fihom it-tliet plottijiet li jiffurmaw total ta' 68 ettaru kienu nxtraw mill-belt ta' Orléans. It-termini kuntrattwali ta' dawn ix-xiri xorta jibqgħu mhux magħrufa. B'mod partikolari, il-Kummissjoni ma tafx jekk kull wieħed minn dawn il-plottijiet kienx ġie akkwistat permezz ta' negozjati jew wara ordni ta’ esproprjazzjoni minħabba użu pubbliku. Jekk huwa l-każ ta' din l-aħħar imsemmija ipoteżi, huwa possibbli li l-ammont ta' 10,9 miljun FRF kien jinkludi kumpens għall-esproprjazzjoni għall-proprjetarji anzjani ta' dawn l-artijiet, inklużi fihom għat-twaqqif ta' l-attivitajiet agrikoli fl-artijiet in kwistjoni, jew ta' spejjeż oħra tax-xiri għall-Istat, li jmorru lil hinn mill-valur tas-suq veru ta' l-art mhux żviluppata.

120    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li jirriżulta mill-atti li l-Kummissjoni injorat ċerti fatti rilevanti fir-rigward ta' l-evalwazzjoni ta' l-iżviluppi fl-art in kwistjoni. B'mod partikolari, skond il-ftehim Scott (ara l-punti 2 u 3 iktar 'il fuq), kien previst li Scott tħallas prezz ta' 31 miljun EUR għall-art kontenzjuża, inkluż fih il-bini ta’ fabbrika ta' 30 000 m2. Madankollu skond il-minuti tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Muniċipali tal-belt ta' Orléans tas-27 ta' Mejju 1994, "inbniet fabbrika ta' ċirka 54 000 m2 (minflok 30 000 m2 inizjalment previst)". Din id-differenza mhijiex imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata u apparentement ma tteħditx in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-eżami ta' l-inkartament. Jekk din ta' l-aħħar kienet ħadet in kunsiderazzjoni dan il-fatt, jista' jiġi ssupponut li hija kienet poġġiet fid-dubju l-affidabbiltà ta' l-evalwazzjoni tagħha ta' l-art kontenzjuża għal kull metru kwadru.

121    Minbarra dan, jirriżulta mill-Artikolu 4 tal-ftehim Scott li r-rikorrenti kienet marbuta tixtri l-art kontenzjuża għal 31 miljun FRF u li Sempel kienet twettaq xogħolijiet fis-sit għal "ammont massimu ta' 80 [miljun ta' FRF]". Madankollu, skond il-bilanċ ta' likwidazzjoni Sempel mibgħut mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni fis-6 ta' Ottubru 1999, l-ispiża totali ta' Sempel għat-tranżazzjonijiet ta’ l-iżvilupp ta' l-art titla' għal 40,4 miljun FRF. Il-fatt li x-xogħolijiet ta’ l-iżvilupp swew 140,4 miljun FRF minflok l-"ammont massimu ta' 80 [miljun FRF]" previst mill-ftehim Scott, jiġifieri qabża ta' 75,5 %, kellu jwassal lill-Kummissjoni sabiex tifhem li l-ispejjeż sostnuti minn Sempel ma jirrapreżentawx neċessarjament element li jirrefletti l-valur tas-suq ta' l-art kontenzjuża. F'dan ir-rigward, kif tilmenta Scott lill-Kummissjoni, il-bilanċ ta' likwidazzjoni Sempel ma jidhirx fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura. Il-Kummissjoni kellha, għall-inqas, issaqsi lil Scott fir-rigward tad-differenza bejn l-ammont ta' 140,4 miljun FRF u l-ammont ta' 80 miljun FRF previst fil-ftehim Scott.

122    L-inkartament ma jsemmi xejn dwar il-punt dwar jekk il-qabża fl-ispejjeż ta' Sempel tirriżultax mill-bini tal-fabbrika kważi darbtejn akbar minn dak previst oriġinarjament, jew jekk tirriżultax mill-ispejjeż żejda minħabba l-ineffikaċità ta' Sempel, jew inkella mill-ħala mhux kostituttivi ta’ żieda tal-valur ta' l-art. Meta ġew mistoqsija fuq dan il-punt mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-seduta, il-partijiet ma kinux f'pożizzjoni li jippreċiżaw jekk iż-żieda tad-daqs tal-fabbrika kinitx irriżultat minn volontà li tingħata għajnuna mill-Istat aktar sinjifikattiva lil Scott jew jekk kinitx tirriżulta minn xi żball fil-kostruzzjoni tal-fabbrika.

123    Jirriżulta minn dak li ntqal li l-iffissar mill-Kummissjoni tal-valur tas-suq ta' l-art kontenzjuża fl-1987 kienet ivvizzjata bl-iżbalji.

–       Fuq l-informazzjoni injorata mill-Kummissjoni

124    Jeħtieġ li jingħad li, fl-aħħar tal-proċedura formali ta' eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, jiġifieri fil-bidu tas-sena 2000, il-Kummissjoni kienet jew kellha tkun informata dwar bosta indikazzjonijiet oħra tal-valur tas-suq ta' l-art kontenzjuża, inkluża fiha l-eżistenza ta' evalwazzjonijiet oħra tagħha. Madankollu, u minkejja l-fatt li hija kienet tiddisponi biss minn informazzjoni mhux preċiża dwar l-ispejjeż tax-xiri ta' l-art mhux żviluppata, il-Kummissjoni ma saqsietx fir-rigward tar-rilevanza eventwali ta' l-indikazzjonijiet in kwistjoni.

125    L-ewwel nett, fl-ittra ta' l-24 ta' Diċembru 1999 li kellha tittieħed in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni (ara l-punti 51 sa 63 iktar 'il fuq), Scott invokat evalwazzjoni ta' l-art mhux żviluppata ta' 5,5 FRF għal kull metru kwadru stabbilita mill-aministrazzjoni fiskali Franċiża fl-okkażjoni tal-bejgħ ta' l-art mill-belt ta' Orléans lill-Sempel fl-1987. L-awtoritajiet Franċiżi għamlu huma stess wkoll referenza għal din l-evalwazzjoni fl-ittra tal-21 ta' Frar 2000 (ara l-punt 13 iktar 'il fuq). Fl-1993, l-amministrazzjoni kienet ikkunsidrat din l-evalwazzjoni meta Scott kienet is-suġġett ta’ verifika fiskali. Ċertament, u kif ġie indikat mill-Kummissjoni (ara l-punt 82 iktar 'il fuq), ma jsegwix li l-valur ikkunsidrat fil-kuntest ta’ verifika fiskali turi l-valur tas-suq ta’ art. Madankollu, prima facie, jidher li hija evalwazzjoni ta' l-art mhux żviluppata magħmula f'dak iż-żmien minn awtorità indipendenti u li fuqha l-Kummissjoni kellha, għall-inqas issaqsi lilha nnifisha. Madankollu d-deċiżjoni kkontestata ma tagħmel l-ebda referenza għaċ-ċifra ta' 5,5 FRF għal kull metru kwadru.

126    Scott invokat ukoll, fl-istess ittra, opinjoni ta' espert dwar l-art kontenzjuża mill-cabinet d’experts Galtier li, fl-1996, fi żmien fejn il-Kummissjoni ma kinitx għandha fetħet l-investigazzjoni dwar l-allegata għajnuna mogħtija lil Scott, li kien evalwa għal 40,6 miljun FRF il-prezz ta' l-art kontenzjuża li Scott kienet xtrat għal 31 miljun FRF mingħand Sempel fl-1987. Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li din l-art, kif kienet ġiet żviluppata, kienet tiswa 70,588 miljun FRF (ara punt 20 iktar 'il fuq). Scott ipproponiet, fl-ittra tagħha ta' l-24 ta' Diċembru 1999, li tforni kopja tar-rapport Galtier lill-Kummissjoni.

127    Barra minn hekk, Scott għamlet referenza għal evalwazzjoni mill-commissaire aux apports ta' Scott u ta' KC, maħtur mill-president tat-Tribunal de commerce de Nanterre, li kien saqsiha, skond il-liġi, sabiex tattribwixxi valur tas-suq biss lill-assi li nbiegħu lil P & G (ara l-punt 14 iktar 'il fuq). Il-commissaire aux apports kien attribwixxa valur aktar b'saħħtu mill-cabinet Galtier għall-assi in kwistjoni. Scott annettiet żewġ tabelli ma' l-ittra tagħha ta' l-24 ta' Diċembru 1999 li jagħmlu sunt ta' l-evalwazzjonijiet ta' bosta assi in kwistjoni.

128    Jeħtieġ li jingħad ukoll li, fl-ittra tal-21 ta' Frar 2000, l-awtoritajiet Franċiżi invokaw ukoll l-imsemmija evalwazzjonijiet u annettew l-istess tabelli bħal dawk annessi ma' l-imsemmija ittra ta' Scott ta' l-24 ta' Diċembru 1999. Madankollu l-Kummissjoni la saqsiet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex ifornu l-imsemmija evalwazzjonijiet, u lanqas ma saqsiet lil dawn l-istess awtoritajiet dwar iċ-ċirkustanzi li kienu taw lok għat-tfassil tagħhom.

129    Il-Kummissjoni tindika bosta raġunijiet li għalihom hija ma kkunsidratx li dawn l-evalwazzjonijiet ikunu rilevanti f'dan il-każ partikolari.

130    Fil-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, kif ukoll fir-risposta tagħha għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, hija ssostni li Scott ma ressqitx argumenti fir-rikors preżenti dwar in-nuqqas ta' rapporti in kwistjoni u li, konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tannula d-deċiżjoni kkontestata abbażi ta' dan. Bl-istess mod, hija ssostni li r-rikorrenti invokat l-evalwazzjoni mill-aministrazzjoni fiskali Franċiża biss fir-replika tagħha u li l-argument tagħha f'dan ir-rigward b'hekk ikun inammissibbli (ara l-punt 81 iktar 'il fuq).

131    Madankollu Scott qajmet żball li jirrigwarda l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-valur ta' l-art kontenzjuża u qajmet in-nuqqas ta' attenzjoni tal-Kummissjoni fl-eżami tagħha ta' l-inkartament (ara punti 64 sa 71 iktar 'il fuq). Peress li ġie ddubitat l-iffissar tal-valur ta' l-art kontenzjuża, hija l-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tagħmel verifika sħiħa fuq din il-kwistjoni (ara l-punt 91 iktar 'il fuq). Minbarra dan, ir-rikorreni kellha d-dritt li tagħmel kjarifiki f'dan ir-rigward fir-replika tagħha, inkluża fiha meta tinvoka l-evalwazzjoni ta' l-art mhux żviluppata mill-amministrazzjoni fiskali Franċiża.

132    Skond il-Kummissjoni, l-eżistenza ta' dawn l-evalwazzjonijiet ġiet imqajma tard wisq fil-proċedura. Hija lanqas ma rċeviet il-provi dokumentarji neċessarji. Din l-argumentazzjoni ma kinitx aċċettata. Wara li l-Kummissjoni kienet ippermettiet lid-delegazzjoni Franċiża li tissottometti osservazzjonijiet wara l-laqgħa tas-7 ta' Diċembru 1999, hija kienet obbligata teżamina totalment l-imsemmija osservazzjonijiet. Il-Kummissjoni, skond l-obbligu tagħha ta’ eżami diliġenti u imparzjali ta’ inkartament fil-kuntest ta' l-Artikolu 88 KE, kellha teżamina l-informazzjoni in kwistjoni u titlob il-preżentazzjoni ta' dawn l-evalwazzjonijiet li Scott kienet ipproponiet li tippreżenta.

133    Il-Kummissjoni tallega li l-evalwazzjonijiet in kwistjoni ma kinux utli. Minn naħa, l-iżviluppi kienu "magħmula skond il-ħtiġijiet" għal Scott u l-evalwazzjonijiet in kwistjoni ma jammontawx għal bażi tajba għall-kalkolu tal-valur ta' l-għajnuna mogħtija lil Scott. Minn naħa, l-imsemmija evalwazzjonijiet kienu mwettqa bosta snin wara l-bejgħ kontenzjuż u, konsegwentement, huma ma setgħux jindikaw, b'mod tajjeb, il-valur ta' l-art kontenzjuża.

134    Għalkemm l-evalwazzjonijiet in kwistjoni ma kinux imwettqa fil-mument tal-bejgħ kontenzjuż, huma jistgħu jkunu utili f'dak li huma jammontaw għall-uniċi evalwazzjonijiet, apparentement indipendenti, li għandhom l-għan li jiffissaw il-valur tas-suq ta' l-art kontenzjuża fejn jintużaw metodi ta' evalwazzjoni komunement aċċettati. Il-Kummissjoni ma tikkontestax li dawn l-evalwazzjonijiet kienu mwettqa minn esperti indipendenti u ma jpoġġux fid-dubju l-metodi użati mill-cabinet Galtier u mill-commissaire aux apports. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha għall-inqas teżamina l-kontenut ta' l-imsemmija stimi sabiex jiġi stabbili l-valur probatorju tagħhom.

135    Huwa importanti li jiġi mfakkar li, f'dan ir-rigward, il-fażi ta' eżami previst fl-Artikolu 88(2) KE huwa ntiż sabiex jippermetti lill-Kummissjoni li jkollha informazzjoni kompleta fuq il-fatti kollha tal-kawża (ara s-sentenza Sytraval, punt 56 supra, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha jkollha l-opinjonijiet kollha neċessarji sabiex tkun totalment ċara fuq il-fatti kollha tal-kawża qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 84/82, Ġabra p. 1451, punt 13, u Sytraval, punt 56 supra, punt 39). Madankollu, f'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni naqset milli teżamina avviżi li jistgħu jkunu ta' prova sabiex jiġi stabbilit il-valur ta' l-art kontenzjuż.

136    Jeħtieġ li jingħad ukoll li l-fatt li l-evalwazzjonijiet l-oħra ta' l-art kontenzjuża ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma turix la li l-ammont tal-31 miljun FRF imħallsa minn Scott kien il-valur tas-suq u lanqas li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet skoretta. Dawn l-evalwazzjonijiet l-oħra huma rilevanti f'dak li, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet infurmata b’serje ta’ evalwazzjonijiet ta' l-art kontenzjuża li kienu kontradittorji ma' l-evalwazzjoni li hija kienet għamlet. Peress li l-Kummissjoni ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex telimina l-inċertezza fir-rigward ta' din l-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li hija ma wettqitx l-investigazzjoni tagħha abbażi ta' l-Artikolu 88(2) KE skond l-obbligu tagħha ta’ eżami diliġenti u imparzjali.

137    Minbarra l-fatt li l-Kummissjoni kellha titlob il-preżentazzjoni ta' l-evalwazzjonijiet in kwistjoni, hija setgħet tuża mezzi oħra sabiex tikseb l-informazzjoni neċessarja f'dan il-każ partikolari. Jeħtieġ li jingħad f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni tista', mingħajr madankollu tkun obbligata, tagħmel użu minn esperti esterni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni, T‑106/95, Ġabra p. II‑229, punt 102, u tal-25 ta' Ġunju 1998, British Airways et u British Midland Airways vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405, punt 72). Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet tordna l-użu ta' esperti fir-rigward tal-valur ta' dawn l-artijiet fil-lokalità in kwistjoni fix-xahar ta’ Awwissu 1987. Opinjoni ta' espert setgħet tkun partikularment utili f'dan il-każ fid-dawl tal-karattru inċert li jista' jkollu l-iffissar, ta' natura retrospettiva, tal-prezz tas-suq ta' l-artijiet mill-Kummissjoni (ara l-punt 93 iktar 'il fuq).

138    Għalkemm evalwazzjoni minn espert kienet seħħet neċessarjament aktar minn għaxar snin wara l-bejgħ kontenzjuż, espert immobiljari lokali, li kien jaf is-suq fl-1987, u b'mod partikolari l-bejgħ ta' l-artijiet ekwivalenti f'kundizzjonijiet normali tas-suq, setgħa jiggwida lill-Kummissjoni rigward l-eżistenza jew le ta’ korrispondenza bejn indikazzjonijiet bħal dawn u l-valur stmat mill-Kummissjoni.

139    Huwa importanti ukoll li jiġi mfakkar li Scott u r-Repubblika Franċiża, permezz ta' l-ittri rispettivi tagħhom ta' l-24 ta' Diċembru 1999 u tal-21 ta' Frar 2000, infurmaw lill-Kummissjoni li l-art kontenzjuża kienet inbiegħet minn Scott/KC lil P & G fl-1998 għal 27,6 miljun FRF (4,2 miljun Euro) sabiex isostnu l-pożizzjoni tagħhom li tgħid li din l-art kontenzjuża kellha valur ta' 31 miljun FRF fl-1987. Il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-bejgħ lill-P & G seħħ fil-kundizzjonijiet normali tas-suq. Bejgħ bħal dan, xi ftit snin wara l-bejgħ kontenzjuż, setgħa jkun indikatur tal-valur ta' l-art kontenzjuża.

140    Madankollu l-Kummissjoni qatt ma kkunsidrat li kien hemm lok li tiġi vverifikata l-preċiżjoni ta' din iċ-ċifra (premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni spjegat li, fid-dawl tat-telf marbut ma' l-użu tas-sit u tad-deċiżjoni tagħha li tagħlaq il-fabbrika f'Jannar 1998, KC kienet lesta li taċċetta prezz tal-bejgħ aktar baxx. B'mod partikolari, KC kienet diġà investiet fis-sit in kwistjoni b'mod li dawn l-ispejjeż għandhom, skond il-Kummissjoni, jkunu kkunsidrati li ġew imħallsa bħala flus mitlufa. Għalhekk, fl-1998, KC kienet tinstab f'sitwazzjoni differenti ħafna fir-rigward ta' dak tal-kolletivitajiet fl-1987, li kienu jafu diġà li l-investiment tagħhom kien qiegħed isir b'telf ta' xi 60 miljun FRF (9,2 miljun EUR) u l-prezzijiet ma kinux konsegwentement komparabbli (premessi 164 sa 166 tad-deċiżjoni kkontestata).

141    Jeħtieġ li jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li, skond il-Kummissjoni, l-art kontenzjuża kellha l-valur ta' 70,588 miljun FRF fl-1987. Anki jekk wieħed jissupponi li KC kienet lesta taċċetta prezz baxx għal din l-art, jeħtieġ li jingħad li skond l-analiżi tal-Kummissjoni KC biegħet l-art b'telf ta' 42,9 miljun FRF, jiġifieri telf li jikkorrispondi ma' 60 % tal-valur ta' l-art kontenzjuża. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha teżamina b'mod aktar serju l-prezz tal-bejgħ ta' 27,6 miljun FRF fl-1998, li kienet, fi kwalunkwe każ, relattivament viċin il-valur ta' l-art kontenzjuża skond Scott. Il-fatt li KC irċeviet inqas għall-bejgħ ta' l-art kontenzjuża fl-1998 minn dak li Scott kienet ħallset fl-1987, minkejja ż-żieda ġenerali tal-prezzijiet ta’ proprjetajiet, għandu t-tendenza li jagħmel aktar kredibbli l-prezz imħallas fl-1987 minn Scott bħala prezz tas-suq.

142    Jirriżulta li l-Kummissjoni injorat l-informazzjoni li setgħet tintuża fl-iffissar tal-valur tas-suq ta' l-art kontenzjuża fix-xahar ta' Awwissu 1987.

–       Fuq l-ordni li tforni informazzjoni

143    Il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk il-valur li hija attribwiet lill-vantaġġ li rriżulta mill-prezz preferenzjali ta' l-art kontenzjuża jkun eżatt, hija għandha d-dritt, saħansitra l-obbligu, li tikkunsidraha bħala nuqqas ta' kooperazzjoni u ta' nuqqas ta’ informazzjoni aktar preċiża min-naħa ta' l-awtoritajiet Franċiżi. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija kellha d-dritt tadotta d-deċiżjoni fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli (premessi 97 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

144    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli meta tkun ikkonfrontata minn Stat Membru li ma jissodisfax id-dmir tiegħu ta' kollaborazzjoni u li jastjeni milli jagħtiha l-informazzjoni li hija tkun talbitu sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta' għajnuna mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C 301/87, Ġabra p. I 307, iktar 'il quddiem is-"sentenza Boussac", punt 22, u Ġermanhja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, punt 75 supra, punt 26). Madankollu, qabel ma tieħu tali deċiżjoni, il-Kummissjoni trid tirrispetta ċerti ħtiġijiet proċedurali. B'mod partikolari, hija għanda tordna lill-Istat Membru jagħtiha, f'terminu ta' żmien stabbilit, id-dokumenti, l-informazzjoni u l-fatti kollha meħtieġa għall-adozzjoni ta' deċiżjoni konformi mal-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 88 KE. Huwa biss jekk l-Istat Membru jonqos, minkejja l-ordni tal-Kummissjoni, li jipprovdi l-informazzjoni mitluba li din għandha l-jedd li ttemm il-proċedura u li tieħu d-deċiżjoni dwar jekk l-għajnuna hijiex kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi ta' l-elementi li hija jkollha (sentenza Boussac, iċċitata iktar 'il fuq, punti 19 u 22). Dawn il-ħtiġijiet ġew inklużi fl-Artikolu 5(2), fl-Artikolu 10(3) u fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999. B'hekk, jirriżulta b'mod partikolari mill-Artikolu 10(3) ta' dan ir-regolament li d-deċiżjoni li tordna lill-Istat Membru kkonċernat sabiex iforni informazzjoni għanda tippreċiża n-"natura ta' l-informazzjoni meħtieġa".

145    F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar ukoll li, skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, "Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet rilevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibiltà tagħha mas-suq komuni". B'din id-deċiżjoni u l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru u l-partijiet ikkonċernati l-oħra huma infurmati bil-fatti li fuqhom il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Minn dan jirriżulta li, jekk dawn il-partijiet jikkunsidraw li ċerti fatti li jinstabu fid-deċiżjoni ta' ftuħ ta' proċedura ta' investigazzjoni formali mhumiex preċiżi jew huma żbaljati, huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan matul il-proċedura amministrattiva bir-riskju li ma jkunux jistgħu jikkontestaw aktar dawn il-fatti fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża (ara, f'dan is-sens, f'dak li jirrigwarda l-Istat Membru, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Settembru 1994, Spanja vs il-Kummissjoni, C-278/92 sa C-280/92, Ġabra p. I-4103, punt 31).

146    Madankollu, konformement ma' prinċipji tal-ġurisprudenza u regolamentari msemmija fil-punti 144 u 145 iktar 'il fuq, fin-nuqqas ta' informazzjoni kuntrarja min-naħa tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tista' tibbaża ruħha fuq il-fatti, anki jekk żbaljati, li hija jkollha fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, safejn l-elementi ta' fatt ikkonċernati kienu s-suġġett ta' ordni tal-Kummissjoni fil-konfront ta' l-Istat Membru sabiex jipprovdilha l-informazzjoni meħtieġa. Jekk, min-naħa l-oħra, hija tastjeni ruħha milli tordna lill-Istat Membru li jagħtiha informazzjoni fuq il-fatti li hija għandha l-intenzjoni tikkunsidra, hija ma tistax, suċċessivament, tiġġustifika żbalji eventwali ta' fatt billi ssostni li hija setgħet, fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura ta' investigazzjoni formali, tikkunsidra biss l-elementi ta' informazzjoni li hija kellha dak iż-żmien (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il-Kummissjoni, T 318/00, Ġabra p. II 4179, punt 88).

147    Konsegwentement, jekk il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq l-informazzjoni disponibbli li tkun tirrigwarda ċerti elementi ta' fatt mingħajr ma, f'dan ir-rigward, tkun irrispettat il-ħtiġijiet proċedurali rikonoxxuti mill-ġurisprudenza u riprodotti fir-Regolament Nru 659/1999, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha f'dak li jirrigwarda l-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-kunsiderazzjoni ta' dawn l-elementi fattwali kinitx suxxettibbli li tagħti lok għall-kunsiderazzjonijiet żbaljati li jivvizzjaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il-Kummissjoni, punt 146 supra, punt 89).

148    Barra minn hekk, id-dritt tal-Kummissjoni li tieħu d-deċiżjoni tagħha fuq informazzjoni disponibbli jissupponi, madankollu, li l-informazzjoni li hija tiddisponi minnha hija tajba.

149    Fil-fatt, in-nuqqas ta' kooperazzjoni ta’ Stat Membru m'għandux bħala konsegwenza li l-imġieba tal-Kummissjoni taħrab kull verifika minn naħa tal-qorti Komunitarja. Il-Kummissjoni għandha tuża l-poteri kollha tagħha sabiex tikseb, sa fejn possibbli, l-informazzjoni in kwistjoni u taġixxi b'diliġenza. Fid-dawl tal-fatt li ordni ta' rkupru bħal dak in kwistjoni f'dan il-każ għandu effetti fuq terzi, il-Kummissjoni għandha tuża l-poteri kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tevita li n-nuqqas ta' kooperazzjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat għandu konsegwenzi negattivi u inġustifikati fuq terzi bħal dawn (ara punt 59 iktar 'il fuq).

150    F'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata li tadotta deċiżjoni fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli skond il-ġurisprudenza u skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 659/1999, sa fejn il-partijiet ikkomunikawlha informazzjoni konfliġġenti li hija rrifjutat li tieħu in kunsiderazzjoni (ara punti 125 sa 128 iktar 'il fuq).

151    Barra minn hekk, jeħtieġ li jingħad li l-Kummissjoni ma użatx l-awtorità tagħha li tordna sabiex titlob ċerta informazzjoni rilevanti dwar il-valur ta’ l-għajnuna f'dan il-każ partikolari. B'mod partikolari, hija qatt ma ordnat lill-awtoritajiet Franċiżi, permezz tad-deċiżjoni li tordna l-għoti ta' informazzjoni stabbilita skond l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999, sabiex ifornu informazzjoni speċifika dwar l-akkwist ta' art mhux żviluppata mill-belt ta' Orléans (ara punti 114 sa 119 iktar 'il fuq).

152    Permezz ta' ittra tat-2 ta' Mejju 1999, il-Kummissjoni talbet, b'mod preċiż, lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex "ifornu l-kuntratti differenti ta' bejgħ magħmula (li tinkludi b'mod partikolari l-prezzijiet tat-trasferiment) bejn il-belt ta' Orléans u s-sitt impriżi li xtraw artijiet fl-20 ettaru rimanenti [Scott xtrat biss 48 mit-68 ettaru] ". Fl-ordni tagħha sabiex tforni informazzjoni tat-8 ta' Lulju 1999, il-Kummissjoni effettivament inkludiet din l-aħħar formulazzjoni fl-Artikolu 1(d). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qatt ma ordnat lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex ifornu l-kuntratti ta' bejgħ dwar l-akkwisti ta' l-art mhux żviluppata mill-belt ta' Orléans jew sabiex tispeċifika liema parti tat-68 ettaru kienet ġiet ittrasferita lil Scott. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma talbitx dettalji dwar il-prezz tax-xiri ta' tliet plottijiet li jiffurmaw total ta' 68 ettaru mixtrija fl-1975, 1984 u 1987, jiġifieri l-"informazzjoni essenzjali" skond ir-risposta tal-Kummissjoni stess.

153    Fil-fatt, il-Kummissjoni ppreċiżat f'bosta okkażjonijiet fis-seduta li l-prezz tax-xiri tat-tielet parti fl-1987, fl-istess żmien bħall-bejgħ kontenzjuż, setgħet tagħti indikazzjoni utili ħafna tal-valur ta' l-art, fejn tgħid li r-Repubblika Franċiża u r-rikorrenti kienu responsabbli tal-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex aktar informazzjoni f'dan ir-rigward (ara punti 78 u 83 iktar 'il fuq). Madankollu, il-Kummissjoni setgħet titlob lir-Repubblika Franċiża tforni informazzjoni preċiża f'dan ir-rigward u hija ma kinitx iġġustifikata tibbaża ruħha fuq l-ispiża ta' l-art mhux żviluppata mingħajr ma' tordna minn qabel lill-Istat Membru sabiex iforni din l-informazzjoni.

154    Il-Kummissjoni ordnat lir-Repubblika Franċiża sabiex tforni "d-dokumenti, l-informazzjoni u d-dati kollha utili sabiex hija tkun tista' […] teżamina l-kompatibbiltà ma' l-Artikolu 87 [KE] tal-miżuri konċessi lill-impriża Scott". Madankollu, talba fformulata b'mod hekk ġenerali mhijiex suffiċjentement preċiża skond l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999.

155    Jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata tadotta deċiżjoni fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli skond l-Artikolu 13(1)

–       Konklużjoni

156    Fl-aħħar nett, hemm lok li jingħad, b'mod ġenerali, li, fl-aħħar tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni kienet jew kellha tkun taf dwar bosta indikazzjonijiet diverġenti fir-rigward tal-valur tas-suq ta' l-art kontenzjuża. Għal dak li jikkonċerna l-art mhux żviluppata, hija kienet informata mill-awtoritajiet Franċiżi dwar il-prezz medju tax-xiri ta' 15 FRF għal kull metru kwadru. Hija kkunsidrat li dan l-ammont kien jikkonferma l-kalkolu żbaljat, fuq il-bażi tal-minuti tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Muniċipali tal-belt ta' Orléans tas-27 ta' Mejju 1994, ta’ prezz tax-xiri ta' 16 FRF għal kull metru kwadru (ara punt 112 iktar 'il fuq). Billi tibbaża ruħha fuq dawn il-minuti, hija kellha tikkalkola valur ta' 23 FRF għal kull metru kwadru (ara l-punti 110 sa 112 iktar 'il fuq). Il-Kummissjoni ġiet ukoll infurmata b'evalwazzjoni ta' art mhux żviluppata ta' 5,5 FRF għal kull metru kwadru mwettqa mill-aministrazzjoni fiskali Franċiża (ara punt 125 iktar 'il fuq). Jeħtieġ li jingħad, sussidjarjament, li, fil-kuntest tar-rikors preżenti, il-Kummissjoni tistieden lil-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li jirriżulta mill-offerta inizjali tal-belt ta' Orléans lir-rikorrenti li l-art mhux żviluppata fil-fatt kellha valur ta' 40 FRF għal kull metru kwadru (ara punt 79 iktar 'il fuq).

157    Fir-rigward ta' l-art żviluppata, huwa stabbilit li Sempel biegħetha lill-Scott bil-prezz ta' 31 miljun FRF. Il-cabinet Galtier kienu vvalutaw fl-1996 l-art kontenzjuża għall-prezz ta' 40,6 miljun FRF u l-commissaire aux apports kien attribwielha valur aktar għoli (ara l-puti 126 u 127 iktar 'il fuq). Imbagħad, is-sit kien inbiegħ minn KC lill-P & G fl-1998 għal 27,6 miljun FRF (ara punt 139 iktar 'il fuq). Madankollu, kif ġie indikat iktar 'il fuq, il-Kummissjoni ma eżaminatx dawn l-evalwazzjonijiet u llimitat ruħha li tibbaża ruħha fuq l-ispejjeż għall-Istat Membru fejn ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata li l-art kontenzjuża kellha l-valur ta' 70,588 miljun ta' FRF.

158    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li kien hemm inċertezza kunsiderevoli fir-rigward tal-valur ta' l-art kontenzjuża u li l-Kummissjoni ma wettqitx il-fażi ta' eżami previst fl-Artikolu 88(2) KE b’mod diliġenti u, b'mod partikolari, ma għamlitx eżami suffiċjentement dettaljat tal-valur ta' l-art kontenzjuża. Barra minn hekk, jeħtieġ li jingħad li, fid-dawl taż-żmien li għadda bejn id-data tal-bejgħ kontenzjuż u d-deċiżjoni kkontestata, u aktar speċifikament ta’ l-impożizzjoni ta' l-interessi fuq l-ammont li għandu jiġi rkuprat, il-konsegwenzi ta' l-iżbalji tal-Kummissjoni huma partikolarment importanti għall-benefiċjarju ta' l-għajnuna.

159    Għalhekk, hemm lok li jintlaqgħa r-raba' motiv u li jiġi annulat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata fejn dan jikkonċerna l-għajnuna mogħtija fil-forma ta' prezz preferenzjali ta' l-art kontenzjuża, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti, inkluż l-ammissibbiltà ta’ l-argument mressaq dwar l-użu ta’ rata ta’ interessi kompost għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur attwali ta’ l-għajnuna (ara l-punt 31 iktar 'il fuq).

 Fuq l-ispejjeż

160    Fis-sentenza tagħha ta' l-10 ta' April 2003, Scott vs Il-Kummissjoni, punt 28 supra, il-Qorti tal-Prim'Istanza rriżervat l-ispejjeż.

161    Fis-sentenza tas-6 ta' Ottubru 2005, Scott vs Il-Kummissjoni, punt 30 supra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura ta' l-appell.

162    Għalhekk hija l-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tiddeċiedi, fis-sentenza preżenti, fuq l-ispejjeż kollha relatati mal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

163    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-konvenuta tilfet fil-parti l-kbira tat-talbiet tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mir-rikorrenti, skond it-talbiet ta' din l-aħħar.

164    Ir-Repubblika Franċiża tbati l-ispejjeż tagħha stess skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/14/KE tat-12 ta' Lulju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat eżegwita minn Franza favur Scott Paper SA/Kimberly-Clark, huwa annullat sa fejn dan jikkonċerna l-għajnuna mogħtija fil-forma ta' prezz preferenzjali ta' l-art kontenzjuża previst fl-Artikolu 1 tagħha.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti mir-rikorrenti relatati mal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess relatati mal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

Cooke

García-Valdecasas

Labucka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuh fil-Lussemburgu, fid-29 ta' Marzu 2007.

E. Coulon

 

      J. D. Cooke

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.