Language of document : ECLI:EU:T:2012:496

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Settembru 2012 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Settur tal-frott u l-ħaxix – ‘Pjanijiet ta’ kontinġenza’ intiżi insostenn tas-suq tal-frott u tal-ħaxix fi Franza – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Riżorsi tal-Istat – Kofinanzjament minn stabbiliment pubbliku u minn kontribuzzjonijiet volontarji mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi – Argumenti mhux imqajma matul il-proċedura amministrattiva – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑139/09,

Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn E. Belliard, G. de Bergues u A.-L. During, sussegwentement minn Belliard, de Bergues u J. Gstalter, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 203 finali, tat-28 ta’ Jannar 2009, dwar il-“pjanijiet ta’ kontinġenza” fis-settur tal-frott u l-ħaxix implementati mir-Repubblika Franċiża,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen, President tal-Awla, N. Wahl u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Dritt tal-Unjoni

1        Skont l-Artikolu 87(1) KE:

“Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkumpatibbli mas-suq komuni.”

 Leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli

 Uffiċju Nazzjonali Interprofessjonali għall-Frott, il-Ħaxix u l-Ortikultura

2        L-Artikolu L.621‑1 tal-Kodiċi Rurli Franċiż, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Rurali”tal-Kodiċi Rurali jipprovdi li, “[s]abiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej u sabiex jingħata kontribut għall-garanzija u għat-titjib tad-dħul, għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi, għall-aħjar użu tal-fatturi ta’ produzzjoni u għar-regolarizzazjoni tas-swieq fl-interess tal-produtturi, tal-persuni li jipproċessaw, tan-negozjanti, tal-kummerċjanti u tal-konsumaturi, b’digriet tal-Conseil d’État jistgħu jinħolqu Uffiċċji nazzjonali ta’ intervent għal prodott jew għal grupp ta’ prodotti fis-setturi agrikoli jew tal-ikel.”

3        L-Artikolu L.621‑2 tal-Kodiċi Rurali jippreċiża:

“Dawn l-Uffiċji huma stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali taħt it-tutela tal-Istat u għandhom diskrezzjoni fuq is-setturi agrikoli u tal-ikel kollu li jikkorrispondi għall-prodotti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Huma jistgħu jingħataw funzjonijiet ta’ natura amministrattiva marbuta mal-eżerċizzju tal-kompiti fdati lilhom. Il-persunal ta’ dawn l-Uffiċji huwa rregolat minn Statut komuni rregolat mid-dritt pubbliku ddefinit b’digriet”.

 Kumitati ekonomiċi agrikoli

–       Funzjonijiet u awtorizzazzjoni

4        L-Artikolu L.551‑1 tal-Kodiċi Rurali jipprovdi li, “[f]’reġjun speċifiku, il-kooperattivi agrikoli u s-sindakati tagħhom, il-kumpanniji ta’ interess kolletiv agrikoli, is-sindakati agrikoli barra s-sindakati ta’ natura ġenerika rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Ktieb VI tal-Kodiċi Industrijali, l-assoċjazzjonijiet bejn produtturi agrikoli rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-1 ta’ Lulju 1901, meta l-għan tagħhom huwa li jikkontrollaw fit-tul il-valorizzazzjoni tal-produzzjoni tagħhom, li jsaħħu l-organizzazjoni kummerċjali tal-produtturi, li jorganizzaw u jsostnu l-produzzjoni f’territorju speċifiku, jistgħu jiġu rrikonoxxuti mill-awtorità amministrattiva bħala organizzazzjonijiet ta’ produtturi”.

5        Skont l-Artikolu L.552‑1 tal-Kodiċi Rurali:

“Sabiex jiġu armonizzati d-dixxiplini ta’ produzzjoni, ta’ kummerċjalizzazjoni u ta’ prezz u sabiex jiġu applikati regoli komuni ta’ tqegħid fis-suq, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti elenkati fl-artikolu preċedenti u s-sindakati agrikoli ta’ natura ġenerika jew speżjalizzata jistgħu jingħaqdu fi gruppi sabiex jistabbilixxu, f’reġjun speċifiku, u għall-istess settur ta’ prodotti, kif iddefinit fl-Artikolu L.551‑1(2), Kumitat ekonomiku agrikolu.

Il-Kumitati ekonomiċi agrikoli għandhom ikunu jew sindakati agrikoli rregolati mill-Ktieb IV tal-Kodiċi industrijali, jew assoċjazzjonijiet irregolati mil-Liġi tal-1 ta’ Lulju 1901 […]

Il-Kumitati ekonomiċi agrikoli jistabbilixu regoli komuni applikabbli għall-membri tagħhom.

Il-Kumitati ekonomiċi agrikoli jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-politiki ekonomiċi nazzjonali u Komunitarji u jistgħu jiġu kkonsultati fuq il-gwidi tal-politika tas-settur li jikkonċernaha.”

6        L-Artikolu L.552‑2 tal-istess kodiċi jippreċiża:

“Il-prijoritajiet u l-vantaġġi speċifiċi li minnhom jibbenefikaw il-gruppi ta’ produtturi rikonoxxuti jistgħu jingħataw lill-Kumitati ekonomiċi agrikoli meta dawn jiġu awtorizzati mill-awtorità amministrattiva.

L-awtorizzazzjoni tingħata, tiġi sospiża jew irtirata mill-awtorità amministrattiva, fuq opinjoni tal-conseil supérieur d’orientation de l’économie agricole et alimentaire [Kunsill superjuri ta’ gwida tal-ekonomija agrikola u tal-ikel] previst fl-Artikolu 14 I tal-Liġi emendata tat-8 ta’ Awwissu 1962 kumplimentari għal-liġi ta’ gwida agrikola.”

7        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu L.554‑1 tal-Kodiċi Rurali jipprovdi li “[i]l-Kumitati ekonomiċi agrikoli li jkollhom esperjenza suffiċjenti ta’ ċerti dixxiplini jistgħu jitolbu lill-awtorità amministrattiva kompetenti sabiex ir-regoli aċċettati mill-membri tagħhom previsti fl-Artikolu 15a(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1035/72, tat-18 ta’ Mejju 1972, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-frott u tal-ħaxix, isiru obbligatorji għall-produtturi stabbiliti, fi ħdan ir-reġjun tagħhom, f’żona ekonomika jew f’diversi żoni ekonomiċi”.

8        L-Artikolu R*552‑1 tal-Kodiċi Rurali jippreċiża li “[l]-applikazzjoni ta’ awtorizzazjoni ppreżentata, għal reġjun jew għal settur ta’ prodotti speċifiċi , minn Kumitat ekonomiku agrikolu hija indirizzata lill-ministru tal-[A]grikoltura permezz tal-Prefett tad-dipartiment ta’ fejn jinsab l-uffiċju rreġistrat tal-Kumitat” u l-Artikolu R*552‑2 jipprovdi li din l-applikazzjoni għandu jkollha magħha ċerti dokumenti, fosthom “l-istatuti tal-Kumitat”, li għandhom ikunu jinkludu klawżoli li jipprovdu li “[r]-regoli deċiżi mill-Kumitat isiru applikabbli biss wara li jiġu approvati mill-Ministru għall-[A]grikoltura”, “[d]ikjarazzjoni li tispeċifika n-natura u l-forom tal-għajnuna li l-Kumitat jista’ jagħti, jekk ikun il-każ, lill-membri” u t-“[t]esti tar-regoli deċiżi mill-Kumitat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L.552‑1”. L-Artikolu R.552‑4 tal-Kodiċi Rurali fl-aħħar nett jippreċiża li, “[f]uq parir tal-Conseil supérieur d’orientation et de coordination de l’économie agricole et alimentaire, il-Ministru għall-[A]grikoltura, jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu L.552‑2”.

–       Funzjonament

9        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu R.552‑10 tal-Kodiċi Rurali, “Kumitat ekonomiku agrikolu awtorizzat jista’ jiddeċiedi regoli ġodda jew jemenda regoli diġà approvati biss bl-approvazzjoni tal-Ministru għall-[A]grikoltura, fuq parir tal-Conseil supérieur d’orientation et de coordination de l’économie agricole et alimentaire”.

10      L-Artikolu R.552‑11 tal-Kodiċi Rurali barra minn hekk jipprovdi li “[l]-Ministru għall-[A]grikoltura għandu jaħtar delegat fi ħdan kull Kumitat ekonomiku agrikolu awtorizzat” u li dan id-“delegat, li fi ħdan il-Kumitat jaqdi r-rwol ta’ konsulent tekniku, għandu jassisti jew jista’, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Ministru għall-[A]grikoltura, jaħtar rappreżentant sabiex jassisti għal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi u għall-Assemblea Ġenerali”, li “jista’ jikkonsulta fuq il-post jew jitlob li jintbgħatulu d-dokumenti kollha li jikkonċernaw l-attività tal-Kumitat jew tal-korpi li jiffurmaw parti minnu” u li huwa “għandu regolarment jinżamm infurmat bid-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Bord tad-Diretturi u bir-reżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Ġenerali”.

11      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu R.552‑14 tal-Kodiċi Rurali:

“Il-Ministru għall-[A]grikoltura jista’ f’kull żmien, wara li jkun kiseb l-osservazzjonijiet tal-Kumitat u wara li jkun talab l-opinjoni tal-Conseil supérieur d’orientation et de coordination de l’économie agricole et alimentaire, jirtira l-approvazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ regoli fis-seħħ li kienu preċedentement approvati. Huwa għandu jiffissa d-data ta’ meta l-irtitar tal-approvazzjoni jidħol fis-seħħ. Jekk il-Kumitat madankollu jinsisti li jżomm dawn ir-regoli, huwa jitlef il-kwalità ta’ Kumitat awtorizzat [...]”.

–       Miżati ta’ iskrizzjoni u kontribuzzjonijiet

12      Skont l-Artikolu L.553‑1 tal-Kodiċi Rurali, “[i]l-korpi rikonoxxuti jew awtorizzati taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli L.551‑1 u L.552‑2 jistgħu jiġu awtoriżżati b’digriet fuq parir tal-Conseil d’État sabiex jirċievu miżati ta’ iskrizzjoni u kontribuzzjonijiet ikkalkolati jew fuq il-valur tal-prodotti, jew fuq is-superfiċi, jew inkella fuq iż-żewġ elementi f’daqqa”.

13      L-Artikolu R*553‑2 tal-Kodiċi Rurali, dwar il-gruppi ta’ produtturi rikonoxxuti, jipprovdi li dawn tal-aħħar “huma awtoriżżati li jirċievu mingħand kull wieħed mill-membri tagħhom miżata ta’ iskrizzjoni li l-ammont tagħha huwa ffissat b’mod uniformi skont il-produttur u kontribuzzjonijiet ikkalkolati fuq il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata li abbażi tagħha dawn ġew rikonoxxuti” u li “l-ammont tal-miżati ta’ iskrizzjoni u r-rata tal-kontribuzzjonijiet ma jistgħux jaqbżu l-ammonti massimi ffissati b’deċiżjoni tal-Ministru għall-[A]grikoltura, fuq parir tal-Conseil supérieur d’orientation et de coordination de l’économie agricole et alimentaire”.

14      L-Artikolu R*553‑5 tal-Kodiċi Rurali, dwar il-miżati ta’ iskrizzjoni u l-kontribuzzjonijiet tal-gruppi ta’ produtturi rikonoxxuti jipprovdi li l-“ammont tal-miżati ta’ iskrizzjoni u r-rata ta’ kontribuzzjonijiet kif ukoll il-mod ta’ kif dawn jitħallsu jiġu ffissati mill-Assemblea Ġenerali ordinarja”.

15      L-Artikolu R*553‑6 tal-Kodiċi Rurali jippreċiża wkoll li l-Kumitati ekonomiċi awtorizzati huma awtorizzati li jirċievu, mingħand kull wieħed mill-membri tagħhom, miżata ta’ iskrizzjoni u, bħala kontribuzzjoni, mingħand il-membri tagħhom li għandhom il-kwalità ta’ gruppi agrikoli rikonoxxuti, parti mill-kontribuzzjonijiet miġbura mill-gruppi nnifishom” u li “l-Ministru għall-[A]grikoltura jista’, fuq parir tal-Conseil supérieur d’orientation et de coordination de l’économie agricole et alimentaire, jiffissa l-ammont massimu tal-kontribuzzjonijiet li jistgħu jinġabru minn Kumitat”.

16      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu R*553‑7 tal-Kodiċi Rurali jindika li, “[m]eta Kumitat ekonomiku agrikolu awtorizzat jkun kiseb, skont l-Artikolu L.552‑2, li regola jew diversi regoli deċiżi mill-produtturi u l-gruppi li jaqgħu taħt il-kompetenza tigħu għandhom jiġu estiżi fir-rigward tal-produtturi kollha taż-żona tiegħu, il-produtturi li fir-rigward tagħhom din ir-regola saret obbligatorja minħabba din l-estensjoni għandhom iħallsu lill-Kumitat, taħt il-kundizzjonijiet iffissati b’digriet tal-Ministru għall-[A]grikoltura, dik il-parti tal-kontribuzzjonijiet jew il-kontribuzzjonijiet kollha stabbiliti skont l-Artikolu R.553‑2”.

–       Kontroll mill-Awtorità amministrattiva

17      L-Artikolu R*553‑10 tal-Kodiċi Rurali jipprovdi:

“Il-kontroll tal-Ministru għall-[A]grikoltura fuq il-Kumitati ekonomiċi awtorizzati u fuq il-gruppi ta’ produtturi rikonoxxuti jirrigwarda b’mod partikolari:

–        il-kontabbiltà u r-regolarità tal-operazzjonijiet ta’ dawn il-korpi;

–        l-użu tal-għajnuna rċevuta, b’mod partikolari dik li tista’ tingħata mill-Istat, il-kollettivitajiet pubbliċi, l-istabbilimenti pubbliċi u l-kumpanniji b’responsabbiltà limitata li l-maġġoranza tal-kapital tagħhom huwa miżmum mill-Istat;

–        l-applikazzjoni min-naħa tal-gruppi ta’ produtturi, tal-Kumitati ekonomiċi agrikoli u tal-korpi u tal-produtturi koperti minnhom, tar-regoli deċiżi skont l-Artikoli L.551‑1 u L.552‑1 kif ukoll l-applikazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti fis-seħħ, b’mod partikolari tal-liġijiet u tar-regolamenti adottati fil-qasam tal-glieda kontra l-frodi u tan-normalizzazzjoni”.

18      Għal dan il-għan, l-Artikolu R*553‑13 tal-Kodiċi Rurali jipprovdi li “[l]-uffiċjali tal-Ministeru tal-[A]grikoltura, awtorizzati f’dan ir-rigward mill-Ministru għall-[A]grikoltura, għandhom aċċess għad-dipartimenti tal-gruppi ta’ produtturi rikonoxxuti u tal-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati” u li dawn “jistgħu jsiru jafu b’kull att, ittra jew dokument ta’ kontabbiltà jew amministrattiv”. Bl-istess mod, skont l-Artikolu R*553‑14, “[l]-uffiċjali u l-aġenti tal-Ministeru tal-[A]grikoltura, u b’mod partikolari dawk tad-dipartiment tal-ġlieda kontra l-frodi u tal-kontroll tal-kwalità, jipparteċipaw fl-istess ħin mal-aġenti tal-korpi kkonċernati fil-kontroll tal-applikazzjoni, min-naħa ta’ dawn il-korpi u min-naħa tal-produtturi agrikoli, tar-regoli fis-seħħ deċiżi mill-gruppi u mill-Kumitati ekonomiċi agrikoli”.

19      Fl-aħħar nett, l-Artikolu R*553‑16 tal-Kodiċi Rurali jippreċiża li “[l]-kontroll li għandu jsir sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni [tal-Artikolu] R.553‑7 dwar il-miżati ta’ iskrizzjoni u l-kontribuzzjonijiet, għandu jiġi eżerċitat skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu R.553‑14”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

20      Il-funzjoni tal-Uffiċju Nazzjonali Interprofessjonali għall-Frott, il-Ħaxix u l-Ortikultura (Oniflhor), li huwa stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali taħt it-tutela tal-Istat Franċiż, hija, b’mod partikolari, dik li jsaħħaħ l-effiċjenza ekonomika tas-sezzjoni tal-frott u tal-ħaxix.

21      Il-Kumitati ekonomiċi agrikoli, sal-1999, kienu jiġbru taħthom fuq livell reġjonali l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi agrikoli, imsemmija “gruppi ta’ produtturi agrikoli”, ta’ settur speċifiku u kienu intiżi sabiex jiddeċiedu regoli komuni fir-rigward tal-membri tagħhom sabiex armonizzaw id-dixxiplini ta’ produzzjoni, ta’ kummerċjalizzazzjoni, ta’ prezz u ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti.

22      Wara li rċiviet ilment, fil-31 ta’ Lulju 2002 il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bagħtet lir-Repubblika Franċiża talba għal informazzjoni fir-rigward ta’ għajnuna mhux innotifikata fis-settur tal-frott u tal-Ħaxix, imħallsa fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ kontinġenza lil organizzazzjonijiet ta’ produtturi agrikoli minn fond operazzjonali amministrat mill-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati u li kien mantenut mill-Oniflhor u minn kontribuzzjonijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi (iktar ’il quddiem il-“partijiet professjonali”). L-għan ta’ dawn il-pjanijiet ta’ kontinġenza kien li jittaffew l-effetti tal-eċċessi temporanji tal-offerta ta’ frott u ta’ ħaxix, li jirregola d-direzzjoni tas-swieq permezz ta’ approwċ kollettiv ikkordinat u li jiffinanza azzjonijiet strutturali intiżi sabiex jippermettu l-adattazzjoni ta’ settur għas-suq.

23      Fil-21 ta’ Ottubru 2002 inżammet laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi, wara din il-laqgħa, fis-26 ta’ Diċembru 2002, dawn tal-aħħar ipprovdew informazzjoni li tikkonferma li tali għajnuna kienet ingħatat sa mill-1992 u baqgħet tingħata sal-2002. Fis-16 ta’ April 2003 il-Kummissjoni talbet inventarju komplut tal-imsemmija għajnuna. L-awtoritajiet Franċiżi rrispondew għal din it-talba fit-22 ta’ Lulju 2003.

24      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”).

25      Id-deċiżjoni ta’ ftuħ ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Settembru 2005 (ĠU C 233, p. 21). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni mwettqa fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ kontinġenza (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”).

26      Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti tal-awtoritajiet Franċiżi permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ottubru 2005.

27      Barra minn hekk hija rċeviet ittra tal-20 ta’ Ottubru 2005 mingħand il-Fédération de l’organisation économique fruits et légumes (Fedecom) [Federazzjoni tal-organizzazjoni ekonomika fil-qasam tal-frott u tal-ħaxix], bħala terz interessat, li kienet b’mod partikolari tiddeskrivi l-kompożizzjoni, il-metodi ta’ finanzjament kif ukoll ir-rwol tal-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati fl-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, li ntbagħtet lill-awtoritajiet Franċiżi fl-1 ta’ Diċembru 2005. Dawn tal-aħħar ma kkontestawx din l-informazzjoni fl-ittra tagħhom tat-28 ta’ Diċembru 2005, li permezz tagħha huma barra minn hekk awtorizzaw it-trażmissjoni tal-ittri tagħhom tas-26 ta’ Diċembru 2002 u tat-22 ta’ Lulju 2003 lill-Fedecom u wettqu korrezzjoni fir-rigward tal-ammont tal-għajnuna mogħtija fl-2002.

28      Wara din il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 203 finali, tat-28 ta’ Jannar 2009, dwar il-“pjanijiet ta’ kontinġenza” fis-settur tal-frott u l-ħaxix implimentati minn Franza (ĠU L 127, p. 11, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

29      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li l-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ kontinġenza, imħallsa lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi agrikoli, kienet tammonta għal għajnuna mill-Istat u li din kienet illegali u inkompatibbli mas-suq komuni. Għalhekk, hija ordnat li din tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji mir-Repubblika Franċiża, flimkien mal-interessi.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ April 2009, ir-Repubblika Franċiża ressqet dan ir-rikors.

31      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

32      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-23 ta’ April 2012.

33      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-parti tal-miżuri kontenzjużi ffinanzjata mill-partijiet professjonali;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba tar-Repubblika Franċiża;

–        tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

 Id-dritt

35      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Franċiża tinvoka żewġ motivi għal annullament ibbażati, minn naħa, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE miżuri ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet volontarji tas-settur ikkonċernat.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

36      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn din tirrigwarda l-miżuri kontenzjużi ffinanzjati mill-partijiet professjonali, peress li hija l-Kummissjoni li kellha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu ladarba, bħal ma huwa l-każ hawnhekk, hija ma taġixxix fil-kuntest ta’ prassi deċiżjonali stabbilita. Il-Kummissjoni, b’mod partikolari, ma ġġustifikatx l-estensjoni tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat għal miżuri ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet volontarji.

37      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li hija l-awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti, minn naħa, li l-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u min-naħa l-oħra, li l-persuni interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura implementata biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Novembru 2011, Sniace vs Il‑Kummissjoni, T‑238/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).

38      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni interessati. Huwa biżżejjed li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 96, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, T‑102/07 u T‑120/07, Ġabra p. II‑585, punt 180).

39      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li għalkemm deċiżjoni tal-Kummissjoni li hija parti minn prassi deċiżjonali stabbilita tista’ tkun immotivata b’mod sommarju, b’mod partikolari permezz ta’ riferiment għal din il-prassi, meta din tmur b’mod sinjifikattiv iktar lil hinn minn deċiżjonijiet preċedenti, hija l-Kummissjoni li għandha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il‑Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491, punt 31; tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret, C‑295/07 P, Ġabra p. I‑9363, punt 44, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 155).

40      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi eżaminat.

41      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li fil-kawża preżenti l-Kummissjoni ssejħet għall-ewwel darba sabiex teżamina l-kwistjoni ta’ jekk miżuri ffinanzjati kemm minn kontribuzzjonijiet tal-Istat kif ukoll minn kontribuzzjonijiet volontarji mingħand professjonisti ta’ settur setgħux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tirrispondi fid-dettall għall-argumenti li r-Repubblika Franċiża għamlet matul il-proċedura amministrattiva u li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-partijiet professjonali bħala riżorsi tal-Istat.

42      Fil-premessi 24 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni l-ewwel nett eżaminat fid-dettall il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-miżuri kontenzjużi. Hija kkonstatat li dawn kienu ffinanzjati minn fond amministrat mill-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati, li kien mantenut skont l-istess prinċipji bħal dawk applikabbli għall-għajnuna Komunitarja previsti fl-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, tat-28 ta’ Ottubru 1996, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 55), jiġifieri kemm minn għajnuna pubblika kif ukoll minn kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-produtturi bbażati fuq il-kwantitajiet jew il-valur tal-frott u tal-ħaxix ikkumerċjalizzat, fejn l-imsemmija kontribuzzjonijiet jirrapreżentaw bejn 30 u 50 % tat-total tas-sommom ta’ dan il-fond. Madankollu, il-kontribuzzjonijiet provenjenti mill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi kienu jitħallsu biss fuq bażi volontarja u ma kinux ġew iddikjarati obbligatorji mill-awtorità amministrattiva. L-effett tan-nuqqas ta’ ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet kien li l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi kkonċernati jiġu mċaħħda mill-għajnuna pubblika.

43      Barra minn hekk, mill-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl-ittra tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2005 fejn issottomettiet il-kummenti tagħha fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-Repubblika Franċiża indikat li l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-professjonisti u intiża għall-finanzjament tal-pjanijiet ta’ kontinġenza ma setgħux jiġu assimilati għal riżorsi tal-Istat, peress li dawn kienu jitħallsu fuq bażi volontarja, peress li l-awtoritajiet pubbliċi ma kinux estendewhom b’mod obbligatorju fuq l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi kkonċernati kollha u peress li l-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati setgħu jużawhom kif jidhrilhom.

44      Fil-premessi 43 sa 62 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni eżaminat jekk il-miżuri kontenzjużi setgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-premessi 52 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata hija indikat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig, 78/76, Ġabra p. 595, u tal-11 ta’ Novembru 1987, Franza vs Il‑Kummissjoni, 259/85, Ġabra p. 4393, punt 23) kienet timponilha li żżomm mal-metodi u mal-effetti tal-iskema ta’ għajnuna sabiex tiddetermina jekk din kinitx tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u li n-natura obbligatorja jew volontarja tal-kontribuzzjonijiet inkwistjoni ma kellha ebda rwol fl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Barra minn hekk, fil-premessi 57 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata hija eżaminat il-ġurisprudenza li titratta l-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, C‑345/02, Ġabra p. I‑7139, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il‑Kummissjoni, T‑136/05, Ġabra p. II‑4063) u kkunsidrat li din ma kinitx tqiegħed dan il-prinċipju f’dubju. Fl-aħħar nett, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata hija enfasizzat li, fil-każ preżenti, għalkemm il-kontribuzzjonijiet kienu volontarji kien hemm inċentiv pubbliku qawwi sabiex jaderixxu ma’ din l-inizjattiva. Għalhekk, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata hija kkonkludiet li l-miżuri kontenzjużi kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE.

45      Is-sempliċi fatt li l-ġurisprudenza li għaliha għamlet riferiment il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienet tikkonċerna biss kontribuzzjonijiet obbligatorji ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni kienet insuffiċjenti. L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni kienet għadha qatt ma eżaminat il-kwistjoni ta’ jekk miżuri ffinanzjati kemm minn kontribuzzjonijiet tal-Istat kif ukoll minn kontribuzzjonijiet volontarji ta’ professjonisti tas-settur setgħux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE. Iktar minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni speċifikat li kienet tqis li l-ġurisprudenza li titratta l-kontribuzzjonijiet obbligatorji kienet applikabbli għall-miżuri kontenzjużi inkwistjoni, sa fejn fil-każ preżenti n-natura volontarja tal-kontribuzzjonijiet kienet waħda essenzjalment formali peress li l-produtturi kienu inċentivati b’mod qawwi sabiex jipparteċipaw fil-mekkaniżmu. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, il-fatt li l-Kummissjoni għamlet din il-preċiżazzjoni fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata u mhux wara l-premessa 55 ma jaffettwax ħażin il-karattru espliċitu tar-raġunament żviluppat mill-Kummissjoni.

46      Għalhekk, ir-raġunament seġwit mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk il-miżuri ffinanzjati kemm minn kontribuzzjonijiet tal-Istat kif ukoll minn kontribuzzjonijiet volontarji mingħand professjonisti ta’ settur setgħux, fl-opinjoni tagħha, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE, jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar, espliċitu u inekwivokabbli mid-deċiżjoni kkontestata b’tali mod li, minn naħa, l-Qorti Ġenerali tista’ twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u, min-naħa l-oħra, il-persuni interessati jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata.

47      Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE miżuri ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet volontarji tas-settur ikkonċernat

48      Ir-Repubblika Franċiża tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ dritt meta kklassifikat bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE miżuri ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet volontarji tas-settur ikkonċernat.

 Ammissibbiltà tal-argumenti dwar fatti mhux ikkontestati matul il-fażi amministrattiva

49      Preliminarjament, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Franċiża ma tistax tikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali l-osservazzjonijiet li l-Fedecom għamlet fil-kummenti tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2005, dwar ir-rwoli rispettivi tal-professjonisti u tal-Oniflhor fil-kostituzzjoni tal-ammont tal-parti professjonali u tal-miżuri kontenzjużi u fl-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

50      L-ewwel nett, hija tikkunsidra li peress li dan il-motiv huwa bbażat fuq żball ta’ fatt, jekk mhux saħansitra fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, ir-Repubblika Franċiża kellha tqajmu b’mod awtonomu mill-motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi. Madankollu, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Repubblika Franċiża jirriżulta li l-intenzjoni tagħha kienet li tuża dan l-element bħala argument insostenn tal-motiv tagħha bbażat fuq żball ta’ dritt imwettaq mill-Kummissjoni meta kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE miżuri ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet volontarji tas-settur ikkonċernat.

51      It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn l-argumenti huma inammissibbli peress li waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali r-Repubblika Franċiża ma qajmet ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-osservazzjonijiet li l-Fedecom għamlet fil-kummenti tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2005.

52      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Istat Membru li ta jew jixtieq jagħti għajnuna b’deroga mir-regoli tat-Trattat huwa marbut, fil-kuntest tal-proċedura li għaliha huwa jipparteċipa, bid-dmir ta’ kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, li abbażi tiegħu huwa għandu, b’mod partikolari, jipprovdi l-elementi kollha li jistgħu jippermettu li din l-istituzzjoni tivverifika li l-kundizzjonijiet tad-deroga mitluba jkunu sodisfatti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ April 1993, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑364/90, Ġabra p. I‑2097, punt 20; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Diċembru 1999, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, T‑132/96 u T‑143/96, Ġabra p. II‑3663, punt 140, u tal-11 ta’ Frar 2009, Iride u Iride Energia vs Il‑Kummissjoni, T‑25/07, Ġabra p. II‑245, punt 100). Il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha għalhekk tiġi evalwata skont elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet kellha meta hija adottat din id-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. tal-11 ta’ Settembru 2003, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑197/99 P, Ġabra p. I‑8461, punt 86; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 16). Minn dan b’mod partikolari jirriżulta li meta l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jirrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva li għandha tiġi evalwata fid-data ta’ meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha, huma l-evalwazzjonijiet magħmula f’din id-data li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jitwettaq dan l-istħarriġ ġudizzjarju (sentenza Chronopost u La Poste vs UFEX et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 144). Għalhekk, fin-nuqqas ta’ informazzjoni kuntrarja min-naħa tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq il-fatti, anki jekk żbaljati, li hija jkollha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, sa fejn il-punti ta’ fatt ikkonċernati kienu s-suġġett ta’ ordni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Istat Membru sabiex jipprovdilha l-informazzjoni meħtieġa. (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il‑Kummissjoni, T‑318/00, Ġabra p. II‑4179, punt 88).

53      Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jirriżulta li wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar għajnuna illegali, il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli, u b’mod partikolari abbażi ta’ dik ipprovduta mill-Istat Membru bi tweġiba għat-talbiet għall-informazzjoni tal-Kummissjoni.

54      Fil-kawża preżenti, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Fedecom issottomettiet il-kummenti tagħha bħala terz interessat fl-20 ta’ Ottubru 2005, fejn iddeskriviet, b’mod partikolari, il-kompożizzjoni, l-metodi ta’ finanzjament kif ukoll ir-rwol tal-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati fl-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, u li dawn il-kummenti ntbgħatu lill-awtoritajiet Franċiżi fl-1 ta’ Diċembru 2005, fejn ġie indikat lilhom li kellhom terminu ta’ xahar sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Dawn tal-aħħar ma kkontestawx din l-informazzjoni fl-ittra tagħhom tat-28 ta’ Diċembru 2005, li permezz tagħha huma barra minn hekk awtorizzaw it-trażmissjoni tal-ittri tagħhom tas-26 ta’ Diċembru 2002 u tat-22 ta’ Lulju 2003 lill-Fedecom u wettqu korrezzjoni fir-rigward tal-ammont tal-għajnuna mogħtija fl-2002.

55      Issa, mill-prinċipji ċċitati iktar ’il fuq fil-punti 52 u 53 jirriżulta li r-Repubblika Franċiża ma tistax tikkuntesta għall-ewwel darba fl-istadju ġudizzjarju l-kontenut tal-osservazzjonijiet fattwali magħmula minn terz interessat matul il-proċedura amministrattiva, minkejja li dawn kienu ntbagħtulha. Is-sempliċi fatt li hija ma rreaġietx għal dawn il-fatti għaliex hija kienet tikkondividi l-konklużjonijiet tal-Fedecom ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi evitat il-prinċipju tal-effettività tal-proċedura amministrattiva.

56      Għalhekk, l-argumenti li permezz tagħhom ir-Repubblika Franċiża tikkuntesta l-osservazzjonijiet li l-Fedecom għamlet fil-kummenti tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2005, dwar ir-rwoli rispettivi tal-professjonisti u tal-Oniflhor fil-kostituzzjoni tal-ammont tal-parti professjonali u tal-miżuri kontenzjużi u fl-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Principes généraux relatifs à la notion de ressources d’État

57      Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 87(1) KE jiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni, sa fejn dawn jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, indipendentement minn taħt liema forma jingħataw, li jikkawżaw distorsjoni jew li jheddu li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni billi jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti prodotti.

58      Sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu attribwiti lill-Istat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑303/88, Ġabra p. I‑1433, punt 11; tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 24, u tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO, C‑126/01, Ġabra p. I‑13769, punt 24).

59      Barra minn hekk, mill-kliem tal-Artikolu 87(1) KE jirriżulta li huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li jiġu kkunsidrati bħala għajnuna. Fil-fatt, id-distinzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bejn “l-għajnuna mogħtija mill-Istati” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha kkonsentiti minn Stat jikkostitwixxu għajnuna, irrispettivament minn jekk humiex jew le ffinanzjati permezz ta’ riżorsi li ġejjin mill-Istat, iżda hija intiża biss li tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, kif ukoll dawk mogħtija permezz ta’ korp pubbliku jew privat, innominat jew stabbilit minn dan l-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 58).

60      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 87(1) KE ikopri kull mezz pekunjarju li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu operaturi ekonomiċi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jkunux jew le jagħmlu kontinwament parti mill-patrimonju tal-imsemmija awtoritajiet pubbliċi. Konsegwentement, anki jekk is-somom li jikkorrispondu mal-miżura inkwistjoni ma humiex b’mod permanenti fil-pussess tal-awtoritajiet pubbliċi, il-fatt li huma kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il‑Kummissjoni, C‑83/98 P, Ġabra p. I‑3271, punt 50, u tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). Bl-istess mod, in-natura inizjalment privata ta’ riżorsi ma tipprekludix li dawn jiġu kkunsidrati bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il‑Kummissjoni, T‑358/94, Ġabra p. II‑2109, punti 63 sa 65).

61      Skont il-ġurisprudenza s-sempliċi fatt li skema ta’ sussidji favur ċerti operaturi ekonomiċi ta’ settur speċifiku tiġi ffinanzjata totalment jew parzjalment permezz ta’ kontribuzzjonijiet imposti mill-awtorità pubblika u miġbura mingħand l-operaturi ekonomiċi kkonċernati, ma huwiex biżżejjed sabiex din l-iskema titlef in-natura tagħha ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Steinike & Weinlig, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22, et du 11 novembre 1987, Francevs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Lulju 1974, l-Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punti 27 u 35).

62      Bil-kontra ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tikkwalifika bħala riżorsi tal-Istat fondi miġbura minn korp pubbliku permezz ta’ kontribuzzjonijiet miġbura unikament mingħand l-operaturi ekonomiċi li jibbenefikaw mill-miżura inkwistjoni, iżda li qatt ma tħallew għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u li servew sabiex jiġu ffinanzjati azzjonijiet iddeterminati biss mill-operaturi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pearle et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 sa 39).

63      Għalhekk, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ riżorsi pubbliċi, indipendentement mill-oriġini inizjali tagħhom, huwa dak tal-livell ta’ intervent tal-awtorità pubblika fid-definizzjoni tal-miżuri inkwistjoni u tal-metodu ta’ kif jiġu ffinanzjati.

64      Is-sempliċi fatt li l-kontribuzzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati intiżi għall-finanzjament parzjali tal-miżuri inkwistjoni huma ta’ natura volontarja u mhux obbligatorja ma huwiex biżżejjed sabiex dan il-prinċipju jitqiegħed f’dubbju. Fil-fatt, il-livell ta’ intervent tal-awtorità pubblika fuq dawn il-kontribuzzjonijiet jista’ jkun kunsiderevoli, anki meta dawn il-kontribuzzjonijiet ma jkunux ta’ natura obbligatorja.

65      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ liġi meta kklassifikat il-miżuri kontenzjużi bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, għandu jiġi eżaminat ir-rwol tal-awtorità pubblika fid-definizzjoni ta’ dawn il-miżuri u tal-metodi ta’ finanzjament tagħhom.

66      F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-rwol tal-awtorità pubblika fid-definizzjoni tal-miżuri kontenzjużi, hija l-Qorti Ġenerali li għandha twettaq din l-evalwazzjoni b’mod globali, mingħajr ma jkun possibbli li ssir distinzjoni skont il-metodu ta’ finanzjament tagħhom, peress li l-kontribuzzjonijiet pubbliċi u dawk privati tqiegħdu flimkien b’mod funġibbli f’fond operazzjonali.

 Ezami tal-metodi tas-sistema ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza

67      Prinċipalment, għandhom jiġu eżaminati l-metodi tas-sistema tal-miżuri kontenzjużi, u b’mod partikolari d-determinazzjoni tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet pubbliċi u privati intiżi għal finanzjament tagħhom u d-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall użu tagħhom.

68      F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, id-determinazzjoni tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet pubbliċi u privati intiżi għall finanzjament tal-miżuri kontenzjużi, mill-proċess, u b’mod partikolari mill-ittra tal-Fedecom tal-20 ta’ Ottubru 2005, jirriżulta li l-Oniflhor, stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali taħt it-tutela tal-Istat, kien jiddeċiedi b’mod unilaterali kemm is-sommom iddedikati għall-pjanijiet ta’ kontinġenza kif ukoll l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet li l-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati kellhom jgħaddu għall-pjanijiet ta’ kontinġenza. Dawn il-kontribuzzjonijiet kienu jiġu deċiżi mill-Oniflhor, li kien jiffissa perċentwali tal-kwantità jew tal-valur tal-frott u tal-ħaxix effettivament ikkummerċjalizzati mill-produtturi benefiċjarji, u kienu jinġabru mill-Kumitati ekonomiċi agrikoli mingħand is-sezzjonijiet nazzjonali ta’ kull prodott, u dawn il-Kumitati kienu sussegwentement jgħadduhom lill-Oniflhor. Dan tal-aħħar kien imbagħad iżid ma dawn is-somom għajnuna pubblika li kienet tirrappreżenta 50 sa 70 % tal-għajnuna totali. Fil-każ li l-produtturi jonqsu milli jħallsu l-partijiet professjonali, l-għajnuna mogħtija mill-Oniflhor ma kinitx titħallas lill-produtturi u kienet tibqa’ imblukkata fil-livell tal-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati, li kienu obbligati tirrimborsaha lill-Oniflhor.

69      Bil-kontra ta’ kontribuzzjonijiet oħra rċevuti mill-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati, dawn ma kinux ta’ natura obbligatorja, u dan huwa kkonfermat mill-fatt li ċerti organizzazzjonijiet ta’ produtturi rrifjutaw li jwettqu l-ħlasijiet tagħhom. Għalhekk dawn il-kontribuzzjonijiet ma setgħux ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Rurali dwar il-kontribuzzjonijiet obbligatorji.

70      Effettivament mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli R*553‑2 u R*553‑6 tal-Kodiċi Rurali jirriżulta li dawn jirrigwardaw biss il-miżati ta’ iskrizzjoni u l-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa mill-produtturi lill-gruppi ta’ produtturi rikonoxxuti u lill-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati. Ir-Repubblika Franċiża ma tistax għalhekk tinvoka regoli dwar l-adozzjoni ta’ dawn il-miżati ta’ iskrizzjoni u ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet mill-gruppi ta’ produtturi rikonoxxuti, kif iddefiniti l-Artikolu R*553‑5 tal-Kodiċi Rurali.

71      Barra minn hekk, l-Artikolu R*553‑7 tal-Kodiċi Rurali, li jipprovdi li meta Kumitat ekonomiku agrikolu awtorizzat ikun kiseb li regola deċiża mill-produtturi u l-gruppi li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu għandhom jiġu estiżi fir-rigward tal-produtturi kollha taż-żona tiegħu, il-produtturi li fir-rigward tagħhom din ir-regola saret obbligatorja minħabba din l-estensjoni għandhom iħallsu, skont digriet Ministerjali, dik il-parti tal-kontribuzzjonijiet jew il-kontribuzzjonijiet kollha stabbiliti skont il-valur tal-produzzjoni kkumerċjalizzata, ma kienx applikabbli għall-kontribuzzjonijiet intiżi għall-finanzjament tal-pjanijiet ta’ kontinġenza. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza tikkunsidra bħala illegali kull obbligu impost fuq produtturi li ma humiex membri sabiex jipparteċipaw fil-finanzjament ta’ fond stabbilit minn organizzazzjoni ta’ produtturi sa fejn dan iservi sabiex jiġu ffinanzjati attivitajiet li huma, min-naħa tagħhom, ikkunsidrati bħala li jmorru kontra d-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Novembru 1986, Cerafel, 218/85, Ġabra p. 3513, punt 22).

72      Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet ta-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 220/96 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-frott u tal-ħaxix. Fil-fatt, għalkemm il-programmi operazzjonali implementati fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni kellhom bħala element komuni mal-pjanijiet ta’ kontinġenza s-sempliċi fatt li huma kofinanzjati minn awtorità pubblika u minn kontribuzzjonijiet tal-produtturi msieħba bbażati fuq il-kwantitajiet u fuq il-valur tal-frott u tal-ħaxix ikkumerċjalizzat, madankollu huwa paċifiku li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux applikabbli għall-miżuri kontenzjużi, iżda biss għall-miżuri adottati fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-frott u tal-ħaxix.

73      Fl-aħħar nett, f’kull każ ir-Repubblika Franċiża ma pproduċiet ebda prova oħra li kienet tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-ammont tal-kontribuzzjoni mħallas mill-produtturi kien iddefinit minn dawn tal-aħħar.

74      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li kien l-Oniflhor li kien jiddeċiedi b’mod unilaterali kemm l-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati kif ukoll is-sommom iddedikati għall-pjanijiet ta’ kontinġenza.

75      F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, id-definizzjoni tal-kontenut tal-miżuri kontenzjużi u tal-metodi ta’ implementazzjoni tagħhom, mill-proċess, u b’mod partikolari mill-informazzjoni mibgħuta minn Fedecom fl-20 ta’ Ottubru 2005, jirriżulta li l-miżuri kontenzjużi kienu ddeterminati mill-Oniflhor permezz ta’ deċiżjonijiet bit-timbru tad-direttur tiegħu u tal-kontrollur tal-Istat u li l-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati ma kinux jipparteċipaw għad-definizzjoni tagħhom u ma kellhom ebda marġni ta’ manuvra fl-applikazzjoni tagħhom.

76      Ir-Repubblika Franċiża madankollu tikkunsidra li l-uniku għan tad-deċiżjonijiet tal-Oniflhor kien li jiħu nota tal-partijiet li l-professjonisti u l-awtoritajiet pubbliċi kienu jimpenjaw ruħhom li jħallsu.

77      Hija ssostni wkoll li l-miżuri kontenzjużi kienu ddefiniti u implementati biss mill-professjonisti u l-intervent tal-Oniflhor kien jikkonsisti biss f’li jiġu applikati d-deċiżjonijiet adottati minn dawn tal-aħħar u li jipparteċipa fil-finanzjament tagħhom. Hija tibbaża l-argument tagħha fuq żewġ dokumenti, prodotti għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, intiżi sabiex jistabbilixxu r-rwol ta’ inizjattiva li l-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati kellhom fil-pjanijiet ta’ kontinġenza. Madankollu, mill-punt 55 iktar ’il fuq jirriżulta li r-Repubblika Franċiża ma tistax tikkuntesta għall-ewwel darba fl-istadju ġudizzjarju l-veraċità ta’ kummenti magħmula minn terzi interessati matul il-proċedura amministrattiva, minkejja li dawn kienu ntbagħtulha u hija ma kinitx ikkontestat il-kontenut tagħhom.

78      F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li dawn l-ittri, mibgħuta minn sezzjonijiet nazzjonali ta’ prodotti ta’ żewġ Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati lill-Oniflhor fl-2001 jippermettu biss li jiġi konkluż li, f’żewġ okkażjonijiet matul il-perijodu ta’ ksur, Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati kienu għamlu lill-Oniflhor proposti ta’ miżuri li kellhom jiġu adottati fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ kontinġenza. Madankollu dawn ma humiex biżżejjed sabiex iqiegħdu f’dubju l-informazzjoni li l-Fedecom bagħtet fl-20 ta’ Ottubru 2005, li tgħid li l-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati ma kellhomx il-kompetenza sabiex jiddefinixxu l-miżuri adottati fil-kuntes tal-pjanijiet ta’ kontinġenza, funzjoni li kienet esklużivament ta’ kompetenza tal-Oniflhor.

79      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha r-Repubblika Franċiża ammettiet li l-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati kienu obbligati li japplikaw il-miżuri previsti fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ kontinġenza kif dawn kienu jiġu ddefiniti permezz tad-deċiżjonijiet tad-direttur tal-Oniflhor. Il-fatt li din iċ-ċirkustanza hija ġġustifikata mill-parteċipazzjoni tal-Oniflhor fil-finanzjament tal-imsemmija miżuri ma jinfluwenzax l-evalwazzjoni tal-livell ta’ kontroll li l-awtorità pubblika kienet teżerċita fuq l-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

80      Ir-Repubblika Franċiża fl-aħħar nett tindika li, bil-kontra tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Air France vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 65), l-Oniflhor ma setgħax jiddisponi liberament mill-fondi mħallsa mill-professjonisti, peress li l-imsemmija fondi kienu amministrati mill-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja esposta fil-punt 60 iktar ’il fuq jirriżulta li, anki jekk somom ma humiex b’mod permanenti fil-pussess tal-awtoritajiet pubbliċi, il-fatt li jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat.

81      Issa, fil-kawża prezenti, l-Istat seta perfettament, bl-eżerċizzjoni tal-influwenza dominanti tiegħu fuq id-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-miżuri kontenzjużi, jidderiġi l-użu tar-riżorsi mgħoddija lill-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati sabiex jiffinanzja, jekk ikun meħtieġ, vantaġġi speċifiċi favur ċerti produtturi.

82      Fil-fatt ġie stabbilit li l-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati ma kellhom ebda marġni ta’ manuvra fl-applikazzjoni tal-miżuri ddefiniti mill-Oniflhor.

83      Barra minn hekk, minn diversi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Rurali jirriżulta li l-awtoritajiet amministrattivi kellhom setgħa ta’ kontroll qawwija u kostanti fuq is-somom inkwistjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu R*553‑10 tal-Kodiċi Rurali, il-kontroll tal-Ministru għall-Agrikoltura fuq il-Kumitati ekonomiċi awtorizzati jirrigwarda b’mod partikolari kemm il-kontabbiltà u r-regolarità tal-operazzjonijiet ta’ dawn il-korpi kif ukoll l-użu tal-għajnuna pubblika rċevuta. Għal dan il-għan, l-Artikolu R*553‑13 jipprovdi li l-uffiċjali awtorizzati tal-Ministeru tal-Agrikoltura għandhom aċċess għad-dipartimenti tal-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati u li dawn jistgħu jsiru jafu b’kull att, ittra jew dokument ta’ kontabbiltà jew amministrattiv.

84      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat ir-rwol predominanti li l-Istat kellu fil-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati, li fi ħdanhom huwa kien irrappreżentat mill-Prefett tar-reġjun. Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Rurali jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ kull Kumitat ekonomiku agrikolu indirizzata abbażi tal-Artikolu R*552-1 tal-imsemmi Kodiċi lill-ministru tal-Agrikoltura sabiex tibbenefika minn għajnuna pubblika għandha, skont l-Artikolu R*552‑2 ta’ dan l-istess Kodiċi, jkollha magħha ċerti dokumenti, fosthom “l-istatuti tal-Kumitat”, li għandhom ikunu jinkludu klawżoli li jipprovdu li “[r]-regoli deċiżi mill-Kumitat isiru applikabbli biss wara li jiġu approvati mill-Ministru għall-[A]grikoltura”, “[d]ikjarazzjoni li tispeċifika n-natura u l-forom tal-għajnuna li l-Kumitat jista’ jagħti, jekk ikun il-każ, lill-membri” u t-“[t]esti tar-regoli deċiżi mill-Kumitat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L.552‑1”. Skont l-Artikolu R.552-10 tal-Kodiċi Rurali, Kumitat ekonomiku agrikolu awtorizzat jista’ jiddeċiedi regoli ġodda jew jemenda regoli diġà approvati biss bl-approvazzjoni espliċita tal-Ministru għall-Agrikoltura. Iktar minn hekk, l-Artikolu R.552‑11 tal-Kodiċi Rurali jipprovdi li l-Ministru għall-Agrikoltura għandu jaħtar delegat fi ħdan kull Kumitat ekonomiku agrikolu awtorizzat u li dan id-delegat, li fi ħdan il-Kumitat jaqdi r-rwol ta’ konsulent tekniku, għandu jassisti jew jista’, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Ministru għall-Agrikoltura, jaħtar rappreżentant sabiex jassisti għal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi u għall-Assemblea Ġenerali u li jista’ jikkonsulta fuq il-post jew jitlob li jintbagħtulu d-dokumenti kollha li jikkonċernaw l-attività tal-Kumitat jew tal-korpi li jiffurmaw parti minnu u li huwa għandu regolarment jinżamm infurmat bid-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Bord tad-Diretturi u bir-reżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Ġenerali”. Bl-istess mod, l-Artikolu 1 tad-digriet tal-Ministru tal-Agrikoltura, tat-30 ta’ Ottubru 2000, dwar il-metodi ta’ rappreżentazzjoni tal-Istat fi ħdan il-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati fis-settur tal-frott u tal-ħaxix (JORF tal-15 ta’ Novembru 2000, p. 18079) jipprovdi li l-Prefett tar-Reġjun, jew ir-rappreżentant tiegħu, għandu jassisti bi dritt għal-laqgħat kollha fejn jittieħdu deċiżjonijiet tal-korpi diriġenti tal-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati u li dan għandu jkun destinatarju tad-deċiżjonijiet u tal-minuti kollha stabbiliti f’dan il-kuntest. L-Artikolu 2 tal-istess test iqiegħed fuq ir-rappreżentant tal-Istat, li jekk ikun meħtieġ jibbenefika mill-għajnuna tal-Oniflhor, l-oneru li jiżgura ruħu li l-inkarigi fdati lil dawn il-Kumitati jitwettqu b’mod konformi mal-linji gwida stabbiliti mil-liġijiet u mir-regolamenti u jipprovdi li, għal dan il-għan huwa għandu obbligatorjament, qabel l-implementazzjoni tagħhom, jawtorizza d-deċiżjonijiet tal-korpi diriġenti tal-Kumitati, f’dan il-każ l-Assemblea Ġenerali jew il-Bord tad-Diretturi, kif ukoll il-ftehim konklużi, meta dawn ikunu intiżi li jistabbilixxu obbligi fil-konfront tal-membri tal-Kumitat jew meta dawn jistabbilixxu l-metodi ta’ kif għandhom jintużaw finanzjamenti pubbliċi nazzjonali, fil-qasam ta’ funzjonament jew ta’ investimenti fis-settur tal-produzzjoni, jew Komunitarji. Id-deċiżjonijiet ikkonċernati jsiru eżekutorji biss jekk ikollhom din l-awtorizzazzjoni.

85      Ir-Repubblika Franċiża ammettiet dan ir-rwol importanti tal-Istat fil-funzjonament tal-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati. Il-fatt li dan ir-rwol huwa ġġustifikat mill-possibbiltà li dawn il-Kumitati għandhom li jagħmlu r-regoli tagħhom obbligatorji fuq il-produtturi kollha tar-reġjun ikkonċernat ma jaffettwax l-evalwazzjoni tal-preżenza tal-Istat fi ħdanhom.

86      Ir-Repubblika Franċiża ssostni wkoll li, għalkemm ir-rappreżentant tal-Prefett tar-reġjun jassisti għal-laqgħat tal-korpi diriġenti tal-Kumitat ekonomiku agrikolu, madankollu dan ma jipparteċipax fid-deċiżjonijiet adottati mill-imsemmija korpi. Madankollu, mid-dispożizzjonijiet iċċitata iktar ’il fuq tal-Artikolu 2 tad-digriet tal-Ministru għall-Agrikoltura tat-30 ta’ Ottubru 2000 jirriżulta li kemm id-deċiżjonijiet tal-korpi diriġenti tal-Kumitati kif ukoll il-ftehim dwar il-metodi ta’ kif għandhom jintużaw finanzjamenti pubbliċi nazzjonali jsiru eżekutorji biss jekk ikollhom l-awtorizzazzjoni tal-Prefett tar-reġjun jew tar-rappreżentant tiegħu.

87      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li huwa l-Oniflhor li b’mod unilaterali kien jiddeċiedi kemm dwar il-miżuri ffinanzjati mill-pjanijiet ta’ kontinġenza kif ukoll dwar il-metodi ta’ implementazzjoni tagħhom u li għalkemm il-Kumitati ekonomiċi agrikoli awtorizzati kienu inkarigati li jamministraw il-fondi operazzjonali intiżi għall-finanzjament ta’ dawn il-miżuri, madanakollu dawn ma kellhom ebda marġni ta’ manuvra fl-applikazzjoni tagħhom.

88      Għalhekk, għandu jiġi kkonstata li kien l-Oniflhor, stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali taħt it-tutela tal-Istat, li kien jiddefinixxi l-miżuri kontenzjużi u l-metodi ta’ finanzjament. Min-naħa l-oħra l-benefiċjarji tal-miżuri kellhom biss is-setgħa li jiddeċiedu jekk jipparteċipawx jew le fis-sistema hekk iddefinita mill-Oniflhor, billi jaċċettaw jew jirrifjutaw li jħallsu l-partijiet professjonali stabbiliti minn dan tal-aħħar. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-miżuri kontenzjużi kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

89      Għalhekk it-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat għandu jiġi miċħud u, għaldaqstqant ir-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

91      Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall‑ispejjeż, kif mitlub mill‑Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Wahl

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Settembru 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.