Language of document : ECLI:EU:C:2014:309

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2014 (1)

Kawżi magħquda C‑404/12 P u C‑405/12 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

u

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe

“Appell — Ambjent — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006 — Talba għal eżami mill-ġdid intern — It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus — Kunċett ta’ eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus — Att adottat skont il-proċedura msejħa ‘regolatorja’ fis-sens tad-Deċiżjoni 1999/468/KE — Regolament (KE) Nru 149/2008 li jiffissa livelli massimi applikabbli għar-residwi ta’ pestiċidi”





I –    Introduzzjoni

1.        L-appelli ppreżentati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (C‑404/12 P) u mill-Kummissjoni Ewropea (C‑405/12 P) jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi fis-sens tal-Artikolu 9(3) moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (2) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”). Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-membri tal-pubbliku jistgħu jibdew proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet li jiksru d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-ambjent, filwaqt li huwa ppreċiżat li l-atti ta’ awtoritajiet pubbliċi adottati fl-eżerċizzju tas-setgħat leġiżlattivi tagħhom huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) ta’ din il-Konvenzjoni (3). Dawn id-dispożizzjonijiet ġew implementati fid-dritt tal-Unjoni mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Aarhus”).

2.        Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 jirrigwarda l-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali (5). Dan ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 149/2008, tad-29 ta’ Jannar 2008 (6), billi jistabbilixxi l-Annessi II, III u IV li jistipulaw il-livelli massimi ta’ residwi għall-prodotti koperti mill-Anness I tar-Regolament Nru 396/2005. Ir-Regolament Nru 149/2008 ġie adottat skont il-proċedura msejħa “regolatorja” fis-sens tad-Deċiżjoni 1999/468/KE dwar il-komitoloġija (7).

3.        Permezz ta’ ittri tas-7 u tal-10 ta’ April 2008, Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe, fondazzjonijiet irregolati mid-dritt Olandiż (iktar ’il quddiem l-“organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent”) talbu lill-Kummissjoni li jsir eżami mill-ġdid intern tar-Regolament Nru 149/2008, fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus. B’żewġ deċiżjonijiet tal-1 ta’ Lulju 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà”), il-Kummissjoni ċaħdet dawn it-talbiet bħala inammissibbli għar-raġuni li r-Regolament Nru 149/2008 ma kienx miżura ta’ portata individwali fis-sens tar-Regolament ta’ Aarhus u li, għaldaqstant, ma setax ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern previst minn dan ir-regolament.

4.        Wara r-rikors ppreżentat mill-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent, il-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe vs Il-Kummissjoni (T‑338/08, EU:T:2012:300, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), annullat id-deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà. Hija kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008 kienet taqa’ fil-kamp ta’ setgħat ta’ eżekuzzjoni tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, setgħet tagħti lok għal talba bħal dik ta’ eżami mill-ġdid prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus.

5.        Permezz ta’ dawn l-appelli, il-Kunsill u l-Kummissjoni qed jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata.

6.        Minħabba x-xebh bejn l-aggravju invokat mill-Kunsill u l-ewwel aggravju invokat mill-Kummissjoni mal-aggravji mressqa minn dawn l-istess istituzzjonijiet u l-Parlament Ewropew fil-kawża Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht (C‑401/12 P sa C‑403/12 P, li għalihom qed nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi llum ukoll, dawn il-kawżi huma marbuta strettament mal-problema tal-invokabbiltà diretta tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fil-kuntest ta’ kontenzjuż għal annullament għall-finijiet tal-kontroll ta’ legalità previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus li huwa l-bażi tat-tieni sensiela ta’ kawżi.

7.        Madankollu, f’din il-kawża, tqum il-kwistjoni preliminari, li tirriżulta mit-tieni aggravju tal-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑405/12 P, tal-applikabbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus f’dan il-każ partikolari. Għaldaqstant, dawn il-konklużjonijiet ser jiffukaw fuq il-kwistjoni jekk, fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008, il-Kummissjoni aġixxietx fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jippermetti li dan ir-regolament jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-imsemmija konvenzjoni kif ukoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Aarhus.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

8.        Għad-deskrizzjoni tal-kuntest ġuridiku u tal-fatti li wasslu għall-kawża, il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll is-sentenza appellata, biżżejjed li wieħed jirreferi għall-preżentazzjoni li tidher f’din tal-aħħar.

III – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.        Permezz tal-appell tiegħu ppreżentat fit-3 ta’ Settembru 2012 (Kawża C‑404/12 P), il-Kunsill talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fl-intier tiegħu u tikkundannahom in solidum u konġuntament għall-ispejjeż.

10.      Permezz tal-appell tagħha ppreżentat fis-27 ta’ Awwissu 2012 (Kawża C‑405/12 P), il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu u tiċħad ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà, kif ukoll tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż li l-Kummissjoni sostniet fl-ewwel istanza u fil-kuntest ta’ dan l-appell.

11.      Il-Kawżi C‑404/12 P u C‑405/12 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza, permezz ta’ digriet tal-President tal-21 ta’ Novembru 2012.

12.      Fil-25 ta’ Frar 2013, l-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent ippreżentaw risposta għall-appelli. Wara talba għal regolarizzazzjoni, bid-data tal-1 ta’ Marzu 2013, dawn il-partijiet ippreżentaw appell inċidentali kkundizzjonat, b’referenza għall-Artikolu 176(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

13.      Il-Kunsill, il-Parlament, il-Kummissjoni, l-organizzazzjonijiet ambjentali kif ukoll il-Gvern Ċek (8) instemgħu f’seduta li saret fl-10 ta’ Diċembru 2013.

IV – Analiżi

A –    Fuq it-trattazzjoni tal-aggravji

14.      Billi l-kwistjoni jekk l-adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008 taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus hija determinanti għall-eżami ta’ din il-kawża fuq il-mertu, tajjeb li nibda l-eżami ta’ dawn l-appelli bit-tieni aggravju tal-appell fil-Kawża C‑405/12 P. Fil-fatt, il-kwistjoni mqajma mill-ewwel aggravju tal-appell fil-Kawża C‑405/12 P u mill-appell fil-Kawża C‑404/12 P, dwar il-kontroll tal-legalità tar-Regolament ta’ Aarhus ma għandhiex għalfejn tqum jekk jirriżulta li l-att li għalih saret it-talba għal eżami mill-ġdid ma jistax ikun is-suġġett ta’ tali kontroll.

B –    Fuq l-aggravju dwar is-setgħat tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008 (it-tieni aggravju tal-appell fil-Kawża C‑405/12 P)

15.      Fit-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punti 65 sa 67 tas-sentenza appellata, li l-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-Regolament Nru 149/2008 taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ eżekuzzjoni tagħha. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni bbażata fuq approċċ purament istituzzjonali tal-kunċett ta’ eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

16.      Insostenn tal-ilmenti tagħha, il-Kummissjoni tgħid li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi fis-sens ta’ din il-konvenzjoni ma tistax tiddependi minn kunċetti li huma speċifiċi għat-trattati tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, din għandha tkun ibbażata fuq metodu teleoloġiku, fid-dawl tal-fatt li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus eskludiet l-atti leġiżlattivi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għar-raġuni li l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku huwa, f’dan ir-rigward, iggarantit mill-proċedura leġiżlattiva stess (9). Il-Kummissjoni ssostni li billi l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza Flachglas Torgau li għandha tinżamm interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ “korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu fil-kapaċità [...] leġiżlattiva” (10), tali approċċ funzjonali jkun ukoll l-iktar wieħed adattat fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att fl-eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Hija żżid tgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet, barra minn hekk, riferiment għal din id-dispożizzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4/KE (11)(iktar ’il quddiem id-direttiva “aċċess għall-informazzjoni”).

1.      Fuq il-kunċett ta’ leġiżlazzjoni fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus

a)      Osservazzjonijiet ġenerali

17.      Fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza kostanti, trattat internazzjonali għandu jiġi interpretat skont il-kliem li bih huwa redatt kif ukoll fid-dawl tal-għanijiet tiegħu. L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, tat-23 ta’ Mejju 1969, fuq id-dritt tat-trattati u l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, tal-21 ta’ Marzu 1986, fuq id-dritt tat-trattati bejn l-Istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali jew bejn organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkodifikaw id-dritt internazzjonali konswetudinarju ġenerali f’dan il-qasam, jippreċiżaw, f’dan ir-rigward, li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tiegħu (12).

18.      Mill-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirriżulta li l-partijiet kontraenti rrikonoxxew l-importanza tal-protezzjoni, tal-preservazzjoni u tat-titjib tal-istat tal-ambjent kif ukoll tat-“trasparenza fl-oqsma kollha tal-amministrazzjoni pubblika” filwaqt li jistiednu lill-korpi leġiżlattivi japplikaw il-prinċipji tal-konvenzjoni fix-xogħlijiet tagħhom (13). Għalhekk, huwa fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet li għandha tiġi evalwata l-portata li l-awturi ta’ din il-konvenzjoni riedu jagħtu lid-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2), moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

19.      F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ att jew korp li jaġixxi fl-eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jgħid biss li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-“awtoritajiet pubbliċi” li jaġixxu “fl-eżerċizzju ta’ setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din id-dispożizzjoni hija essenzjali sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikolu 9(3) tal-imsemmija konvenzjoni, billi l-atti ta’ awtoritajiet pubbliċi li ġew adottati fl-eżerċizzju tas-setgħat leġiżlattivi tagħhom ma jaqgħux fil-kamp tal-proċeduri li jistgħu jiġu użati, skont dan l-aħħar artikolu, mill-membri tal-pubbliku minħabba ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-ambjent.

20.      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-bidu tal-espressjoni inkwistjoni, il-ħidma li wasslet għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tipprovdi biss ftit elementi li ma jippermettux konklużjoni mhux ekwivoka.

21.      Ninnota li, fl-istadju tat-tielet sessjoni tal-Grupp ta’ Ħidma mqabbad sabiex jelabora l-proġett tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, id-diskussjonijiet irrigwardaw l-espressjoni “teħid ta’ deċiżjoni fil-qasam ambjentali”, li ġiet kkunsidrata li ma tapplikax la għal deċiżjonijiet leġiżlattivi u lanqas għal deċiżjonijiet ġudizzjarji (14). Matul ir-raba’ sessjoni, l-espressjoni “teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam ambjentali” ġiet meqjusa li tindika “kull proċedura ddefinita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiġi segwita minn awtorità pubblika sabiex jittieħdu deċiżjonijiet li jirregolaw, skont il-leġiżlazzjoni, kwistjonijiet relatati mal-ambjent. Din ma tkoprix atti ġudizzjarji u leġiżlattivi u lanqas atti normattivi ta’ natura ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

22.      Fir-rigward tal-espressjoni “awtorità pubblika”, ġie propost, matul ir-raba’ sessjoni, li tiġi ddefinita bħala li tindika “kull awtorità pubblika jew kull uffiċjal għoli li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandha kompetenza tieħu deċiżjonijiet li jdaħħlu fis-seħħ liġijiet u regolamenti fuq l-ambjent jew sabiex tinġabar, tiġi kkompilata jew titqassam informazzjoni dwar l-ambjent. Din l-espressjoni ma tkoprix il-korpi leġiżlattivi u ġudizzjarji” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (l-enfasi hija tiegħi). Is-sens tal-espressjoni “awtorità pubblika” ġie deċiż b’mod definittiv fis-sitt sessjoni bl-esklużjoni tal-“korpi li jintervjenu b’mod ġudizzjarju jew leġiżlattiv”.

23.      Barra minn hekk, fil-pożizzjoni li ħa dwar l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jkunu qed jaġixxu fil-kuntest tal-kapaċità leġiżlattiva tagħhom, il-Kumitat ta’ eżami tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus enfasizza li, sabiex jiġi stabbilit ksur eventwali tad-dritt tal-ambjent, għandha tiġi kkunsidrata l-forma li għandu l-proċess deċiżjonali inkwistjoni (15). Minn dan jirriżulta li meta deċiżjoni, att jew ommissjoni tiġi kklassifikata fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-isem mogħti lilha fis-sens tad-dritt intern tal-parti kontraenti ma huwiex deċiżiv (16).

24.      Fit-tielet lok, jista’ jkun utli li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tirreferi għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, partikolarment fil-kuntest tal-kawżi li jirrigwardaw id-direttiva aċċess għall-informazzjoni kif ukoll id-Direttiva 85/337/KEE (17)(iktar ’il quddiem id-“direttiva studju tal-impatt”).

25.      Fil-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tad-direttiva “studju tal-impatt”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-esklużjoni ta’ proġett mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva hija suġġetta, skont l-Artikolu 1(5) tagħha, għal żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel kundizzjoni teżiġi li l-proġett jiġi adottat fid-dettall permezz ta’ att leġiżlattiv speċifiku. Skont it-tieni kundizzjoni, l-għanijiet ta’ din id-direttiva, inkluż dak tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni, għandhom jintlaħqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva (18).

26.      Fis-sentenza Boxus et, dwar il-klassifikazzjoni ta’ digriet nazzjonali li kien jagħti valur leġiżlattiv lil ċerti tipi ta’ permessi għall-ippjanar fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva studju tal-impatt u tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, b’mod partikolari, filwaqt li enfasizzat l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, li l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-Artikolu 10a tal-imsemmija direttiva jitilfu “l-effett utli tagħhom jekk is-sempliċi fatt li proġett adottat b’att leġiżlattiv […] jkollu bħala konsegwenza li jeskludi kull rikors li bih tista’ tiġi kkontestata l-legalità, kemm tal-mertu kif ukoll tal-proċedura, fis-sens ta’ dawn it-testi” (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-kwistjoni jekk att leġiżlattiv jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-direttiva studju tal-impatt għandha tkun suġġetta għal stħarriġ, skont ir-regoli nazzjonali ta’ proċedura, minn qorti jew minn korp indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi (20).

27.      Għal dak li jirrigwarda d-direttiva aċċess għall-informazzjoni il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fis-sentenza Flachglas Torgau, interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ “korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu fil-kapaċità [...] leġiżlattiva” li tipprovdi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt din id-definizzjoni l-ministeri li, skont id-dritt nazzjonali, huma responsabbli għat-tħejjija tal-abbozzi ta’ liġi, li jippreżentawhom lill-Parlament u li jipparteċipaw fil-proċess leġiżlattiv, b’mod partikolari billi jagħtu opinjonijiet (21). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat id-diversità tal-proċeduri kkunsidrati bħala leġiżlattivi skont l-Istati Membri kkonċernati.

28.      Madankollu, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi esprimiet ruħha fuq dispożizzjonijiet partikolari tad-direttivi kkonċernati fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u dan ma jippermettix li din il-ġurisprudenza tiġi trasposta mingħajr riżervi għal din il-kawża.

b)      Fuq il-kriterji li jippermettu li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus

29.      Fil-fehma tiegħi, jeżistu kunsiderazzjonijiet ta’ prinċipju li wieħed għandu jikkunsidra għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-esklużjoni tal-atti li jaqgħu taħt l-attività leġiżlattiva fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

30.      L-ewwel nett, hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “leġiżlazzjoni” bħala strument tad-dritt internazzjonali pubbliku għandu jżomm n-natura awtonoma tiegħu fir-rigward tad-dritt intern tal-partijiet kontraenti. Għalhekk, l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma hijiex stabbilita biss fuq ir-riferimenti xierqa għal sistema partikolari, iżda għandha tirriżulta minn analiżi globali li tikkunsidra debitament l-għan ewlieni tal-konvenzjoni, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent u t-twaqqif ta’ mekkaniżmu demokratiku li jippermetti liċ-ċittadini li jipparteċipaw attivament f’dan il-proċess.

31.      Fil-fatt, l-esklużjoni tal-atti leġiżlattivi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jistax ikollha l-portata li kieku tagħtiha analiżi bbażata fuq id-dritt nazzjonali. Qabelxejn, id-dritt internazzjonali pubbliku ma jirregolax it-tqassim tal-kompetenzi normattivi fi ħdan l-ordinament ġuridiku ta’ parti kontraenti. Għall-kuntrarju, dan jimplika li jinżamm l-għan tal-konvenzjoni fl-intier tiegħu.

32.      It-tieni nett, minn qari tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) flimkien mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirriżulta li l-għan tas-sistema stabbilita minn din il-Konvenzjoni huwa li jippermetti lill-membri tal-pubbliku jikkontestaw u li jiksbu l-kontroll ta’ deċiżjonijiet li jimplementaw regoli tad-dritt tal-ambjent, fi kliem ieħor, li jaġixxu sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-ambjent għal każijiet konkreti. Minn dan isegwi li l-membri tal-pubbliku ma ngħatawx id-dritt li jikkontrollaw jew anki li jirrikjedu l-adozzjoni ta’ livell partikolari ta’ protezzjoni fil-qasam tal-ambjent.

33.      Għalhekk, l-għan ewlieni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus huwa li tintroduċi mekkaniżmu ta’ kontroll tal-legalità li jippermetti lill-membri tal-pubbliku li jinbeda kontroll amministrattiv jew stħarriġ ġudizzjarju fil-każ ta’ ksur ta’ regola tad-dritt tal-ambjent fl-applikazzjoni tagħha (22).

34.      F’dan ir-rigward, il-kriterju li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk att jaqax jew le fil-kategorija ta’ atti leġiżlattivi fis-sens tal-konvenzjoni jista’ jkun dak tal-eżistenza ta’ regola superjuri ta’ dritt tal-ambjent. Fil-fatt, għall-finijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-kontroll għandu jiġi eżerċitat fir-rigward tad-“dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali [(23)] tal-ambjent”. Għalhekk, l-individwi jistgħu jinvokaw il-ksur, mill-att ikkontestat, ta’ tali regola. Konsegwentement, l-att ta’ awtorità pubblika li jiġi kkontestat għandu neċessarjament ikollu, fil-ġerarkija tar-regoli, pożizzjoni inferjuri meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-ambjent, għaliex il-punt tat-tluq tal-konvenzjoni huwa li l-imsemmi att jista’ jkun inkompatibbli ma’ dawn tal-aħħar.

35.      Minn dan jirriżulta li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-konformità tagħhom fuq il-mertu ma tistax tiġi evalwata fir-rigward ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni jikkostitwixxu, bħala prinċipju, atti ta’ natura leġiżlattiva fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Madankollu, fid-dawl tan-natura awtonoma tal-kunċett ta’ leġiżlazzjoni fis-sens tal-imsemmija konvenzjoni, huwa importanti li f’dan ir-rigward wieħed ma jibbażax ruħu żżejjed fuq id-distinzjoni tad-dritt tal-Unjoni bejn atti leġiżlattivi u atti ta’ eżekuzzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat riċentement li l-każijiet msemmija fl-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE u li jirrigwardaw rispettivament atti ddelegati u atti ta’ eżekuzzjoni fid-dritt tal-Unjoni ma jikkostitwixxux sistema eżawrjenti (24).

36.      It-tielet nett, jidhirli li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus, b’loġika tajba, trid teskludi l-kontroll tal-kostituzzjonalità fis-sens wiesa’ għal dak li jirrigwarda l-atti adottati fil-qasam tad-dritt tal-ambjent.

37.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk l-adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008 tirrigwardax prerogattivi leġiżlattivi fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

2.      Fuq in-natura tas-setgħat eżerċitati mill-Kummissjoni fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008

a)      Fuq is-sentenza appellata

38.      Fil-punti 64 sa 70 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha essenzjalment fuq żewġ elementi sabiex tqis li l-Kummissjoni ma kinitx adottat ir-Regolament Nru 149/2008 fil-kuntest ta’ setgħat leġiżlattivi. Minn naħa, hija fakkret li l-Annessi tar-Regolament Nru 396/2005 kellhom jiġu adottati skont l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468 dwar il-komitoloġija. Min-naħa l-oħra, hija rreferiet għall-gwida ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (25), minn fejn jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala awtorità fis-sens tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

39.      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk tali motivazzjoni hijiex fondata, jekk wieħed jassumi li hija tista’ tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti, ħaġa li, madankollu, il-Kummissjoni ma kkritikatx.

b)      Fuq il-bidu tar-Regolament Nru 149/2008

40.      Preliminarjament, ninnota li, sabiex jilħaq l-għanijiet enumerati fl-Artikolu 191 TFUE, id-dritt tal-ambjent tal-Unjoni jinkludi regoli ta’ diversità eċċezzjonali, b’mod partikolari regoli dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u kontra t-tniġġiż atmosferiku, dawk dwar il-problema tal-iżvilupp sostenibbli, regoli dwar il-ġestjoni tal-iskart, dwar il-protezzjoni tal-ilmijiet u tal-artijiet, dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità, regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-ambjent, dawk dwar il-protezzjoni ċivili, inkluż il-ġestjoni tad-diżastri kif ukoll il-ġestjoni tal-ħsejjes. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni teżerċita kemm funzjonijiet ta’ natura strettament amministrattiva, pereżempju meta hija tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ organiżmu modifikat ġenetikament (GMO), kif ukoll funzjonijiet normattivi, fl-adozzjoni ta’ regoli iktar iddettaljati, spiss permezz tal-komitoloġija, pereżempju meta tistabbilixxi jew tlesti annessi ta’ att bażiku. Issa, dan l-aħħar każ ma tistax tingħata interpretazzjoni mhux ekwivoka fir-rigward tal-kunċett ta’ attività leġiżlattiva fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. B’mod partikolari, dan huwa l-każ tal-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-Regolament Nru 149/2008.

41.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-adozzjoni tar-regolament inkwistjoni toriġina mir-Regolament Nru 396/2005, li jistabbilixxi l-kwantitajiet massimi awtorizzati ta’ residwi ta’ pestiċidi li jista’ jkun hemm fil-prodotti ta’ oriġini annimali jew veġetali għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali. Billi dawn il-livelli massimi ta’ residwi (iktar ’il quddiem l-“LMR”) jinkludu, minn naħa, LMR speċifiċi għal ċertu ikel għall-bnedmin jew għall-annimali u, min-naħa l-oħra, limitu ġenerali applikabbli meta l-ebda LMR partikolari ma jkun ġie ffissat, ir-Regolament Nru 396/2005 kien jeħtieġ l-elaborazzjoni suċċessiva ta’ diversi annessi, li l-adozzjoni tagħhom kienet tikkundizzjona l-applikazzjoni ta’ parti mill-kapitoli tar-Regolament Nru 396/2005 (26).

42.      Għaldaqstant, il-Kummissjoni bdiet billi adottat ir-Regolament (KE) Nru 178/2006 (27) li jistabbilixxi l-Anness I tar-Regolament Nru 396/2005, li jelenka l-prodotti tal-ikel u l-għalf għall-annimali fejn ir-residwi ta’ pestiċidi huma suġġetti għal livelli massimi.

43.      Sussegwentement, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 149/2008, li bih żdiedu tliet annessi oħra (II, III u IV), li stabbilixxew l-LMR għal prodotti li jidhru fl-imsemmi Anness I tar-Regolament Nru 396/2005.

44.      Għalhekk, l-Anness II ġie adottat skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 396/2005. Dan fih il-livelli massimi għal-LMR stabbiliti minn qabel skont id-direttivi partikolari dwar iċ-ċereali, il-prodotti tal-ikel ta’ oriġini annimali u ċerti prodotti ta’ oriġini veġetali, inkluż frott u ħaxix (28).

45.      L-Anness III ġie adottat skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 396/2005 u jkopri b’mod partikolari (29) l-LMR provviżorji applikabbli għas-sustanzi attivi li l-inklużjoni jew le tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE (30), dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ma jkunx għadu ġie deċiż.

46.      Fl-aħħar nett, ċerti sustanzi attivi ma huma suġġetti għal ebda limitu ta’ residwi. Dawn huma sustanzi attivi preżenti fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti evalwati skont id-Direttiva 91/414 u li għalihom l-ebda LMR ma nħass li kien neċessarju. Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 396/2005, dawn huma elenkati fl-Anness IV tal-imsemmi regolament.

47.      Minn dan jirriżulta li, fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008, il-Kummissjoni lestiet att bażiku li kien ta’ natura leġiżlattiva. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tippreġudikax in-natura tas-setgħat eżerċitati mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest, mil-lat tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Għalhekk, għandha tiġi eżaminata l-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008.

c)      Fuq il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008

48.      Fid-dawl tas-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (31), għandu jitfakkar li l-konsegwenzi li jirriżultaw minn delega ta’ setgħat huma differenti ħafna skont jekk din tal-aħħar tkoprix, minn naħa, setgħat ta’ eżekuzzjoni ddefiniti b’mod ċar u li l-użu tagħhom, minnu nnifsu, jista’ jkun suġġett għal kontroll rigoruż fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtorità li tiddelega jew, min-naħa l-oħra, “setgħa diskrezzjonali, li timplika libertà ta’ diskrezzjoni wiesgħa, li tista’ tirriżulta fl-użu li tagħmel minnha politika ekonomika reali”. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll f’dik is-sentenza li delega tal-ewwel tip ma tistax tibdel b’mod sinjifikattiv il-konsegwenzi li għalihom iwassal l-eżerċizzju tas-setgħat li hija taffettwa, filwaqt li delega tat-tieni tip, meta jiġu ssostitwiti l-għażliet tal-awtorità ddelegata ma’ dawk tal-awtorità li tiddelega, toħloq “spostament reali ta’ responsabbiltà” (32).

49.      Għalhekk, sakemm daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, l-espressjoni “kompetenzi ta’ eżekuzzjoni” kienet tkopri żewġ tipi ta’ kompetenzi distinti. Minn naħa, kienet tinkludi l-kompetenza sabiex jiġu adottati atti normattivi li jikkompletaw jew jemendaw att leġiżlattiv bażiku u, min-naħa l-oħra, il-kompetenza għall-implementazzjoni jew għall-eżekuzzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni jew ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu (33).

50.      Madankollu, għandu jiġi nnutat li fid-dritt tal-Unjoni, anki wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, id-distinzjoni bejn leġiżlazzjoni u eżekuzzjoni tibqa’ ta’ spiss inċerta. Fil-fatt, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón, id-distinzjoni bejn l-atti ddelegati u l-atti ta’ eżekuzzjoni ma tikkonċernax biss id-differenza bejn il-leġiżlazzjoni (anki jekk iddelegata) u l-eżekuzzjoni, iżda tikkonċerna wkoll il-fatt li l-atti ddelegati jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ kompetenza normattiva proprja tal-Unjoni, filwaqt li l-atti ta’ eżekuzzjoni jirriżultaw mill-eżerċizzju (b’mod sussidjarju) mill-Kummissjoni (jew mill-Kunsill) ta’ kompetenza li tappartjeni prinċipalment lill-Istati Membri (34).

51.      F’dan ir-rigward, ninnota li, skont l-Artikoli 5, 21 u 22 tar-Regolament Nru 396/2005, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008 (35), dan tal-aħħar ġie adottat skont il-proċedura msejħa “regolatorja” fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468 dwar il-komitoloġija.

52.      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, wara l-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ miżura lill-kumitat permanenti tal-katina tal-ikel u tas-saħħa tal-annimali (36) (iktar ’il quddiem il-“kumitat”), l-adozzjoni tal-miżura kienet tirrikjedi li l-Kummissjoni tikseb maġġoranza kkwalifikata favorevoli. Jekk il-kumitat ma kienx f’pożizzjoni li jivvota b’maġġoranza kkwalifikata favur il-proposta tal-Kummissjoni jew jekk ivvota b’maġġoranza kkwalifikata kontra l-proposta, il-miżura kien ikollha tintbagħat lura quddiem il-Kunsill. Dan tal-aħħar seta’ jaċċetta l-miżura jew jibgħatha lura quddiem il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kunsill fi żmien tliet xhur, il-Kummissjoni setgħet tadotta l-proposta inizjali tagħha. F’dan ir-rigward, il-Parlament kellu dritt ta’ skrutinju, fis-sens li, għall-miżuri bbażati fuq atti bażiċi adottati f’kodeċiżjoni, il-Parlament seta’ jadotta riżoluzzjoni mhux vinkolanti jekk iqis li l-Kummissjoni kienet eċċediet il-kompetenzi ta’ eżekuzzjoni tagħha.

53.      Għalhekk, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jidher li l-proċedura segwita għandha ċertu rbit mal-attività leġiżlattiva. Fil-fatt, kienet proċedura li tinvolvi t-tliet istituzzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jeżerċitaw setgħat leġiżlattivi u li twassal għall-adozzjoni ta’ att ta’ portata ġenerali li jinkludi dispożizzjonijiet li jaqgħu, għall-inqas fil-biċċa l-kbira, taħt id-dritt tal-ambjent.

54.      Jibqa’ l-fatt li l-adozzjoni tal-emendi tal-annessi ta’ att bażiku minħabba l-evoluzzjoni tat-tagħrif xjentifiku u tekniku tista’ wkoll titqies bħala att ta’ eżekuzzjoni pura fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, din il-konstatazzjoni ġġustifikat il-bidla tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-annessi tad-Direttivi 86/362, 86/363 u 90/642 (37). Infakkar li l-imsemmija annessi ġew sussegwentement inklużi fl-Anness II tar-Regolament Nru 396/2005.

55.      Għaldaqstant, il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008 fiha nnifisha ma hijiex determinanti għall-identifikazzjoni tan-natura tas-setgħat eżerċitati mill-Kummissjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat il-kontenut tas-setgħat tagħha.

d)      Fuq il-kontenut tal-kompetenzi tal-Kummissjoni

56.      Jiena nsostni li r-Regolament Nru 396/2005 jikkostitwixxi strument partikolari u innovattiv billi jistabbilixxi għall-ewwel darba limitu komuni ta’ 0.01 mg/kg fuq il-livell Ewropew għat-tipi kollha ta’ pestiċidi, mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ ikel. Dan il-limitu ġenerali japplika “b’mod prestabbilit”, jiġifieri għall-każijiet kollha fejn LMR ma jkunx ġie ffissat b’mod speċifiku għal prodott jew tip ta’ prodott. L-għażla tal-forma ta’ regolament intiż li jħassar diversi direttivi partikolari ġiet iġġustifikata bil-fatt li dan it-tip ta’ att jiggarantixxi li d-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu applikati fl-istess mument u bl-istess mod ġewwa l-Komunità kollha. Minn dan jirriżulta li wieħed mill-għanijiet prinċipali li kellu jintlaħaq, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, kien dak ta’ applikazzjoni uniformi tar-regoli li jirrigwardaw l-LMR.

57.      Skont din il-loġika, l-adozzjoni tal-annessi tar-Regolament Nru 396/2005 permezz tar-Regolament Nru 149/2008 saret abbażi ta’ atti oħra ta’ leġiżlazzjoni sekondarja fil-qasam tal-ambjent. Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament Nru 396/2005, fil-verżjoni tiegħu stabbilita mir-Regolament Nru 149/2008, inkluda l-LMR ddefiniti preċedentement mid-Direttivi 86/362, 86/363 u 90/642, li l-annessi tagħhom emendati regolarment kien fihom il-lista ta’ prodotti u tal-livelli massimi awtorizzati ta’ residwi ta’ pestiċidi. L-Anness III tar-Regolament Nru 396/2005, fil-verżjoni stabbilita mir-Regolament Nru 149/2008, li fih il-lista ta’ l-LMR provviżorji, kien kompost minn żewġ partijiet. Il-parti A inkludiet l-LMR provviżorji għas-sustanzi li ma kinux s-suġġett tal-LMR skont id-Direttivi 86/362, 86/363 u 90/642. Il-parti B kopriet LMR provviżorji għall-prodotti mhux iddefiniti fl-Anness I tad-Direttivi 86/362, 86/363 u 90/642. L-Anness IV tar-Regolament Nru 396/2005 kellu lista ta’ sustanzi attivi tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti evalwati skont id-Direttiva 91/414, li ma jeħtiġux LMR.

58.      Huwa veru li dawn l-annessi tar-Regolament Nru 396/2005 kienu suġġetti għal emendi regolari. Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 396/2005, fil-kuntest tal-proċess ta’ ffissar, ta’ modifika u ta’ tħassir ta’ LMR, il-Kummissjoni setgħet tadotta kemm regolament, kif ukoll deċiżjoni li tiċħad t-talba skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament (38).

59.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa kruċjali li nenfasizza li LMR jikkostitwixxi bħala tali regola tad-dritt tal-ambjent stabbilita mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-komitoloġija. Id-dritt irrikonoxxut lil kull individwu, li jkollu interess speċifiku fir-rigward il-kontenut tagħha, li jressaq talba għal awtorizzazzjoni li tirrigwarda l-użu ta’ prodott, li tinvolvi emenda ta’ LMR eżistenti, ma jibdel xejn minn dan. Fil-fatt, fl-istadju ta’ tali awtorizzazzjoni, ikun hemm l-applikazzjoni ta’ regola stabbilita minn qabel.

60.      Barra minn hekk, individwu ma jistax jikkontesta l-iffissar ta’ LMR fih innifsu.

61.      Issa, kif diġà enfasizzajt, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandha tiġi ggwidata mill-istruttura tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li minnu jirriżulta essenzjalment li din hija intiża li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kontroll tal-applikazzjoni, u mhux tal-istabbiliment, ta’ regoli tad-dritt tal-ambjent.

62.      Barra minn hekk, nikkunsidra li, fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008, il-Kummissjoni ngħatat setgħat simili għal kodifikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li eżistew qabel permezz tal-inklużjoni tagħhom fl-annessi tar-Regolament Nru 149/2008.

63.      Ċertament, is-setgħat tal-Kummissjoni f’dan il-każ huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju mil-lat tal-eżerċizzju tas-setgħat leġiżlattivi ddelegati jew tas-setgħat ta’ eżekuzzjoni tagħha. Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma jeżistux regoli relatati mad-dritt tal-ambjent li jistgħu jillimitaw il-kompetenza tal-Kummissjoni u li bis-saħħa tagħhom hija teżerċita l-kontroll mixtieq mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

64.      Fl-aħħar nett, infakkar li l-applikabbiltà tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 396/2005, li fih hemm l-Artikolu 14, kienet ġiet ikkundizzjonata mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 149/2008.

65.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li jitqies li fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008 il-Kummissjoni aġixxiet fl-eżerċizzju tas-setgħat leġiżlattivi tagħha fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

66.      Għaldaqstant, meta ddeċidiet fil-punt 70 tas-sentenza appellata li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008 kienet taqa’ taħt kompetenzi ta’ eżekuzzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

C –    Fuq l-aggravji li fadal

67.      Fid-dawl tas-soluzzjoni proposta fil-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra mqajma fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C‑404/12 P u fil-Kawża C‑405/12 P. Dan jgħodd ukoll għall-appell inċidentali ppreżentat mill-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent

V –    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

68.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tiddeċiedi definittivament hija stess il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tiddeċidiha. F’din il-kawża, jidhirli li l-kundizzjonijiet huma ssodisfatti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess il-kawża. Fil-fatt, l-argumenti żviluppati mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali jidhru fin-noti skambjati fil-proċedura bil-miktub quddiem din il-qorti.

69.      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, l-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent sostnew li, billi qieset li r-Regolament Nru 149/2008 ma setax jitqies la bħala miżura ta’ portata individwali u lanqas bħala sensiela ta’ deċiżjonijiet, il-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat bħala inammissibbli t-talbiet għal eżami mill-ġdid intern ta’ dan ir-regolament.

70.      Fid-dawl tal-argumenti li jidhru fil-punti 16 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fejn jirriżulta essenzjalment li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008 taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenzi leġiżlattivi fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jiena nipproponi li dan l-motiv jiġi miċħud.

71.      Huwa veru li l-partijiet ma kellhomx l-okkażjoni fl-ewwel istanza li jieħdu pożizzjoni fuq l-argumenti dwar in-natura tal-kompetenzi eżerċitati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni huma bbażati esklużivament fuq il-portata ġenerali tar-Regolament Nru 149/2008 u dan, fil-fehma tiegħi, jikkostitwixxi motivazzjoni inkompleta. Għaldaqstant, l-imsemmija deċiżjonijiet jidhru fondati sa fejn jiċħdu bħala inammissibbli t-talbiet għal eżami mill-ġdid intern. Issa, billi r-Regolament Nru 149/2008 jikkostitwixxi b’mod ċar miżura ta’ portata ġenerali u li din l-aħħar kategorija tinkludi l-attività leġiżlattiva fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, din ir-raġuni hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-imsemmija deċiżjonijiet (39).

72.      Billi r-Regolament Nru 149/2008 ma jaqax, fil-fehma tiegħi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ma hemmx lok li jiġi eżaminat it-tieni motiv imqajjem fl-ewwel istanza.

VI – Konklużjoni

73.      Nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑338/08, EU:T:2012:300),

–        tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra ż-żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tal-1 ta’ Lulju 2008 li jiċħdu bħala inammissibbli t-talbiet għal eżami mill-ġdid tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 149/2008, tad-29 ta’ Jannar 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-Annessi II, III u IV li jistipulaw il-livelli massimi ta’ residwi għall-prodotti koperti mill-Anness I tiegħu,

–        tikkundanna lil Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe in solidum u konġuntament għall-ispejjeż kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni.

–        tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż tagħha.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Din il-konvenzjoni ġiet approvata f’isem il-Kummissjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164, p. 17).


3 – Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-istipulazzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 31).


4 –      Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 164M, p. 17). Skont l-Artikolu 10(1) tiegħu, kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva għandha d-dritt li tagħmel talba għal eżami mill-ġdid intern lill-istituzzjoni jew korp tal-Komunità li adottaw att amministrattiv taħt xi liġi ambjentali jew, f’każ ta’ allegazzjoni ta’ ommissjoni amministrattiva, li kellhom jadottaw tali att.


5 – Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Frar 2005, dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u [li] jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, p. 1).


6 – ĠU L 58, p. 1.


7 – Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE tas-17 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 200, p. 11).


8 – Billi t-talba ta’ intervent tal-Gvern Ċek ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu previst, hija ġiet milqugħa biss għall-finijiet tal-proċedura orali.


9 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 43).


10 – Punti 49 et seq tas-sentenza.


11 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diret[t]iva tal-Kun[s]ill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).


12 – Ara s-sentenza IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13 – Ara l-ħames u l-ħdax-il premessi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.


14 – Ara r-rapport tat-tielet sessjoni, http://www.unece.org/fileadmin/DAM/env/documents/1997/cep/ac.3/cep.ac.3.6.f.pdf. Dan il-kunċett kien ġie kkunsidrat bħala li jindika proċedura segwita minn awtorità pubblika sabiex jiddaħħlu fis-seħħ deċiżjonijiet fuq l-ambjent fuq il-livell nazzjonali, reġjunali jew lokali, skont id-definizzjoni li hemm fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat parti.


15 – European Union ACCC/C/2008/32 (Part I), ECE/MP.PP/C.1/2011/4/Add.1, Mejju 2011, punt 61, fil-Case Law of the Aarhus Convention Compliance Committee, 2004‑2011, p. 12 u 13. “set out in article 2, paragraph 2, of the Convention, the EU institutions do not act as public authorities when they perform in their legislative capacity, with the effect that these forms of decision-making are not covered by article 9 of the Convention. Thus, in order to establish noncompliance in a specific case, the Committee will have to consider the form of decision-making challenged before the EU Courts”.


16 – “When determining how to categorize a decision, and act or an omission under the Convention, its label in the domestic law of a Party in not decisive” ACCC/C/2005/11 (Belgium), ECE/MP.PP/C.1/2006/4/Add.2, punt 29; European Union ACCC/C/2008/32 (Part I), ECE/MP.PP/C.1/2011/4/Add.1, Mejju 2011, punt 71).


17 – Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).


18 – Sentenzi WWF et (C‑435/97, EU:C:1999:418, punt 57); Boxus et (C‑128/09 sa C‑131/09, C‑134/09 u C‑135/09, EU:C:2011:667, punt 37); Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 31), u Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 79).


19 – Sentenza Boxus et (EU:C:2011:667, punt 53).


20 – Ibidem (punt 54).


21 – EU:C:2012:71 (punti 49 sa 51).


22 – Ara, f’dan ir-rigward, u bla ħsara għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi magħquda C‑401/12 P sa C‑403/12 P, l-eżempji ta’ atti mhux leġiżlattivi iżda ġeneralment applikabbli li jistgħu jaqgħu taħt il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus: l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE, tat-3 ta’ Novembru 1998, dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 90), kif ukoll id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Ottubru 2013, li tikkonferma l-valur medju tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 u l-miri tal-emissjonijiet speċifiċi għall-manifatturi tal-karozzi tal-passiġġieri għas-sena kalendarja tal-2012 skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (JO L 289, p. 71).


23 – Għandu jiġi osservat li d-dritt tal-Unjoni huwa kkunsidrat bħala “dritt nazzjonali” għall-finijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus: “In this context, when applied to the EU, the reference to ‘national law’ should be interpreted as referring to the domestic law of the EU [ara ACCC/C/2006/18 (Denmark) (ECE/MP.PP/2008/5/Add.4, punt 27] u European Union ACCC/C/2008/32 (Part I), ECE/MP.PP/C.1/2011/4/Add.1, Mejju 2011, punt 76).


24 – Ara s-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18, punti 77 sa 86).


25 – Aċċesibbli fuq is-sit: http://www.unece.org/fileadmin/DAM/env/pp/implementation%20guide/french/aigf.pdf, p. 42.


26 – Skont l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 396/2005, il-Kapitoli II, III u V japplikaw sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-aħħar regolamenti li jistabbilixxu l-Annessi I, II, III u IV.


27 – Regolament tal-Kummissjoni, tal-1 ta’ Frar 2006, li jemenda r-Regolament Nru 396/2005 bie[x] tistabbilixxi l-Anness I li jelenka l-prodotti tal-ikel u tal-għalf li għalihom japplikaw il-livelli massimi għall-pestiċidi (ĠU L 330M, 28.11.2006, p. 54).


28 – Direttiva tal-Kunsill 86/362/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1986, dwar l-iffissar tal-livelli massimi tal-fdalijiet tal-pestiċidi ġewwa u fuq iċ-ċereali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 7, p. 74); Direttiva tal-Kunsill 86/363/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1986, dwar l-iffissar ta’ livelli massimi għal residwi ta’ pestiċidi fi u fuq affarijiet tal-ikel ta’ oriġini mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 7, p. 80), u Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta’ Novembru 1990, dwar l-iffissar ta’ livelli massimi għal residwi tal-pestiċidi u fuq ċerti prodotti oriġinarji mill-pjanti, inkluż il-frott u l-ħaxix (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 68).


29 – Sakemm ma jidhrux diġà fl-Anness II, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 45(2), wara li tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, jekk ikun il-każ l-opinjoni motivata msemmija fl-Artikolu 24, fatturi msemmija fl-Artikolu 14(2) u ċerti LMR. L-Anness III jista’ wkoll ikun fih prodotti oħra, bħal prodotti agrikoli ġodda li jidhru fl-Anness I tar-Regolament Nru 396/2005 (ara l-premessa 4 tar-Regolament Nru 149/2008).


30 – Direttiva tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332).


31 – 10/56, EU:C:1958:8.


32 – Ara s-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (EU:C:2014:18, punti 41 u 42).


33 – Il-Konvenzjoni dwar il-futur tal-Ewropea pproponiet li ssir distinzjoni ċara bejn dawn iż-żewġ fenomeni, u dan ġie stabbilit mit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. Din in-novità fl-aħħar ġiet adottata fit-Trattat ta’ Lisbona, fl-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE (ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, EU:C:2013:562).


34 – Ara l-punt 57 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2013:871).


35 – Għandu jiġi nnutat li r-Regolament Nru 149/2008 daħal fis-seħħ sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-ĠU, skont l-Artikolu 2 tiegħu, jiġifieri fl-1 ta’ Settembru 2008. Issa, fil-frattemp, ir-Regolament Nru 396/2005 kien ġie emendat bir-Regolament (KE) Nru 299/2008 tal-Parlament Ewropej u tal-Kunsill, adottat fl-11 ta’ Marzu 2008 u li daħal fis-seħħ fl-10 ta’ April ta’ wara (ĠU L 97, p. 67). L-adozzjoni tar-Regolament Nru 299/2008 kienet saret neċessarja b’mod partikolari permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE, tas-17 ta’ Lulju 2006, li temenda d-Deċiżjoni 1999/468 (ĠU L 76M, 16.03.2007, p. 100). Id-Deċiżjoni 2006/512 introduċiet il-proċedura msejħa “proċedura regolatorja bi skrutinju” għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ portata ġenerali li għandhom l-għan li jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ att bażiku. Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 299/2008, l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 396/2005 ġie emendat fis-sens li issa jistabbilixxi żewġ proċeduri ta’ komitoloġija differenti, jiġifieri proċedura regolatorja u l-proċedura regolatorja bi skrutinju l-ġdida. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 396/2005 ġie ssostitwit fis-sens li t-twaqqif tal-Anness IV tar-Regolament Nru 396/2005 ġie suġġett għal proċedura regolatorja bi skrutinju.


36 – Fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistab[b]ilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistab[b]ilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463).


37 – Ara d-Direttiva tal-Kunsill 97/41/KE, tal-25 ta’ Ġunju 1997, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 76/895/KEE u [86/362/KEE u] 86/363/KEE u 90/642/KEE li għandhom x’jaqsmu mal-iffissar ta’ livelli massimi għal residwi tal-pestiċida fi u fuq, frott u ħxejjex, ċereali, oġġetti tal-ikel ta’ oriġini mill-annimali u ċertu prodotti ta’ oriġini mill-pjanti, inklużi l-frott u l-ħxejjex (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 21, p. 207) u b’mod partikolari l-proposta tal-imsemmija direttiva li fiha espożizzjoni tal-motivi [COM(95) 272 final, p. 8].


38 – Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 396/2005, “[m]eta Stat Membru jkun ser jagħti awtorizzazzjoni jew awtorizzazzjoni provviżorja dwar l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skont id-Direttiva 91/414, huwa għandu jeżamina jekk, wara dan l-użu, hemmx lok ta’ tiġi emendata LMR eżistenti li tidher fl-Anness II jew fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, jekk hemmx bżonn ta’ tiġi stabbilita LMR ġdida jew jekk is-sustanza attiva għandhiex titniżżel fl-Anness IV. Jekk hemm bżonn, għandu jitlob lill-parti li qed titlob l-awtorizzazzjoni li tressaq talba skont l-Artikolu 7”. L-Artikolu 7 jippreċiża kif għandha ssir it-talba.


39 – Ara, mutatis mutandis, is-sentenza Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑321/09 P, EU:C:2011:218, punt 61).