Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ottubru 2009 - GL2006 Europe vs Il-Kummissjoni u OLAF

(Kawża T-435/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: GL2006 Europe Ltd (Birmingham, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: M. Gardenal u E. Belinguier-Raiz, avukati)

Konvenuti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li l-investigazzjoni li saret fuq il-post mill-Kummissjoni f'Diċembru 2008, l-abbozz tar-rapport tal-awdituri u r-rapport tal-awdituri finali li nħarġu rispettivament fid-19 ta' Diċembru 2008 u fil-25 ta' Marzu 2009 mill-Kummissjoni, kif ukoll id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni inkluża fl-ittra tal-10 ta' Lulju 2009, li tipprevedi t-terminazzjoni ta' żewġ proġetti li kienet involuta fihom GL2006 Europe Ltd, u n-noti ta' debitu tas-7 ta' Awwissu 2009 li jipprovdu li GL2006 Europe Ltd għandha tirrimborsa s-somma totali ta' EUR 2 258 456.31 lill-Kummissjoni, huma illegali, nulli u bla effett;

sussidjarjament u/jew addizzjonalment, tistabbilixxi li l-allegazzjonijiet sostanzjali tal-Kummissjoni mhumiex iġġustifikati;

tikkonstata li l-investigazzjoni li saret fuq il-post mill-Kummissjoni, ir-rapporti tal-awdituri u d-deċiżjoni finali ma jistgħux jaffettwaw il-validità tal-kuntratti KE li kienet involuta fihom GL2006 Europe Ltd;

tikkonstata l-validità ta' dawn il-kuntratti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ibbażat fuq klawżola ta' arbitraġġ, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Lulju 2009 li, fid-dawl tar-rapport tal-awdituri tal-OLAF, tittermina żewġ kuntratti konklużi mar-rikorrenti fil-kuntest tal-programmi Komunitarji għar-riċerka u żvilupp teknoloġiku. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-legalità tan-noti ta' debitu li nħarġu mill-Kummissjoni fis-6 ta' Awwissu 2009, fid-dawl tal-istess rapport tal-awdituri tal-OLAF, dwar l-irkupru tal-ħlas bil-quddiem li sar mill-Kummissjoni għal tnax-il proġett li fihom kienet involuta r-rikorrenti u li kienu s-suġġett ta' investigazzjoni.

Ir-rikorrenti tinvoka l-argumenti li ġejjin insostenn tat-talbiet tagħha.

L-ewwel nett, hija ssostni li l-investigazzjoni fuq il-post li twettqet mill-Kummissjoni kienet illegali għal dawn ir-raġunijiet: ma kienx hemm notifika minn qabel; it-tul tagħha kien insuffiċjenti fir-rigward tal-gravità tad-deċiżjoni finali; it-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi essenzjali ma kienx suffiċjenti; il-Kummissjoni kisret il-ħajja privata tar-rikorrenti; kien hemm żball fir-rigward tal-bażi legali peress li r-rapport bil-miktub tal-investigazzjoni jirreferi għal regolament li m'għadux fis-seħħ.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li r-rapport tal-awdituri għandu irregolaritajiet serji bħal ma huma n-nuqqas ta' motivazzjoni xierqa peress li ttieħed abbażi ta' investigazzjoni fuq il-post mhux kompluta, jew in-nuqqas ta' relazzjoni bejn l-analiżi u l-konklużjonijiet tar-rapport finali li wasslu għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, fosthom, il-preżunzjoni tal-innoċenza.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni mhijiex ċara fir-rigward tas-sanzjoni, peress li tipprevedi t-terminazzjoni ta' żewġ kuntratti filwaqt li n-noti ta' debitu huma relatati ma' tnax-il kuntatt. Hija ssostni wkoll li d-deċiżjoni finali ma kinitx innotifikata regolarment lir-rikorrenti.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tressaq talba dwar l-argumenti sostanzjali invokati mill-Kummissjoni sabiex jiġu tterminati l-kuntratti u tikseb rimbors tas-somom imħallsa lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti ssostni li dawn l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha m'għandhomx bażi u jirriżultaw f'konklużjonijiet li jmorru kontra dawk inklużi fir-rapport tal-awdituri tal-2007.

____________