Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta' Diċembru 2011 minn Carlo De Nicola kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-28 ta' Settembru 2011 fil-Kawża F-13/10, De Nicola vs BEI

(Kawża T-618/11 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Carlo De Nicola (Strassen, il-Lussemburgu) (rappreżentant: L. Isola, avukat)

Appellat: Il-Bank Ewropew tal-Investiment

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla:

il-miżura tat-23 ta' Settembru 2009 fil-parti li fiha l-Kumitat tal-Appell ċaħad l-appell tiegħu kontra r-rapport ta' evalwazzjoni għas-sena 2008, kif ukoll l-atti konnessi;

ir-rapport ta' evalwazzjoni għas-sena 2008 kollu kemm hu;

il-promozzjonijiet deċiżi fit-18 ta' Marzu 2009;

tannulla l-atti konnessi, konsegwenti u preċedenti kollha, fosthom il-linji gwida stabbiliti mid-Direttorat tar-Riżorsi Umani (fl-ewwel istanza, ir-rikorrent naqqas it-talba għal nuqqas ta' applikazzjoni).

tikkundanna lill-BEI sabiex jikkumpensa d-danni morali u materjali subiti, għall-ħlas tal-ispejjeż tal-kawża, għall-interessi u għad-dannu kkawżat mill-isvalutazzjoni monetarja fir-rigward tal-kreditu kkonstatat.

tikkundannah għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell huwa ppreżentat kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-28 ta' Settembru 2011, li ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent fl-ewwel istanza, li kellu bħala suġġett, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tat-23 ta' Settembru 2009 adottata mill-Kumitat tal-Appell tal-Bank Ewropew tal-Investiment, it-tieni nett, l-annullament tar-rapport ta' evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2008, it-tielet nett, l-annullament tad-deċiżjonijiet ta' promozzjoni tat-18 ta' Marzu 2009, ir-raba' nett, l-annullament tad-deċiżjoni ta' ċaħda ta' promozzjoni u, il-ħames nett, il-kundanna tal-Bank sabiex jikkumpensa d-danni morali u materjali li huwa jqis li ssubixxa.

Insostenn tat-talbiet tiegħu, l-appellant isostni:

A)     Fuq it-talbiet għal annullament

1)    l-appellant jikkritika l-fatt li t-TSP kien sostanzjalment naqas milli jagħti deċiżjoni dwar it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell, li ddaħlet fil-fajl personali tiegħu u li tista' taffettwa b'mod negattiv il-karriera futura tiegħu;

2)    fil-fehma tal-appellant, peress li kkontesta żewġ atti distinti u b'diversi motivazzjonijiet, it-TSP ma jistax leġittimament jirrifjuta li jagħti deċiżjoni, iktar u iktar meta jiġi kkunsidrat li, minn naħa, dan l-istess tribunal dejjem eskluda l-annullament bħala konsegwenza (dik li tolqot l-atti konnessi, konsegwenti u preċedenti, u madankollu mhux awtonomi, iżda marbuta fil-qrib ma dawk iddikjarati nulli u jew mhux effettivi) u, min-naħa l-oħra, C. De Nicola għandu interess ċar anki għal deċiżjoni ġdida tal-Kumitat tal-Appell; li jiddeċiedi dwar il-mertu, u b'differenza mill-Qorti Ġenerali, jista' anki jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu ma' dik tas-superjuri tiegħu.

3)    fir-rigward tal-kontestazzjoni tar-rapport ta' evalwazzjoni tiegħu, l-appellant jakkuża lit-TSP li, ex officio, l-ewwel nett illegalment irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni d-diversi fastidji dokumentati li huwa kien subixxa matul is-sena u għalhekk, billi dawwar l-oneru tal-prova, naqas milli jagħti deċiżjoni fuq kważi l-eċċezzjonijiet kollha tiegħu: minn nuqqas ta' evalwazzjoni ta' ċertu xogħlijiet għal għanijiet mhux xierqa, minn nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-ispirtu ta' inizjattiva eċċezzjonali li wera l-mala fide tal-evalwatur tiegħu, eċċ;

4)    jilmenta wkoll dwar il-motivazzjoni żbaljata, li ta' spiss segwiet l-iżnaturament tat-talba, kif ukoll nuqqas ta' deċiżjoni dwar ir-raġunijiet ta' illegalità tal-"Gwida prattika tar-rapport ta' evalwazzjoni" intiżi għall-possibbiltà ta' promozzjoni ta' "ħbieb" u mhux l-"aħjar" u sabiex jiġi evitat l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali, billi biddel in-natura assoluta tal-evalwazzjoni annwali f'waħda relattiva u mingħajr ma qatt ippreċiża liema huma l-kundizzjonijiet sabiex performance tkun eċċellenti, tajba ħafna, konformi mal-aspettattivi jew insuffiċjenti.

5)    fl-aħħar nett, l-appellant jilment dwar in-nuqqas ta' indikazzjoni tal-kriterji użati sabiex ġiet interpretata t-talba messqa minnu quddiem il-Kumitat tal-Appell u sabiex jiġi eskluż li, meta kkontesta n-nuqqas ta' promozzjoni tiegħu, ma kellux intenzjoni li jikkontesta biss il-promozzjonijiet deċiżi mill-BEI u dokumentati.

B)    Fuq it-talba għal kumpens

6)    fir-rigward tal-kumpens għad-danni morali u materjali li jirriżultaw mill-aġir illegali tal-Bank, għal darb' oħra C. De Nicola jilmenta dwar id-difiża inammissibili ex officio min-naħa tat-TSP, li l-ewwel nett naqqas it-talba fuq il-bażi ta' eċċezzjonijiet mhux proposti mill-BEI, u għalhekk ċaħditha billi rreferiet għal litis pendenza li l-parti kienet irrinunzjat għaliha u li ma teżistix, kif ukoll peress li ma ġietx provata, kif ukoll għaliex mhux prevista mill-prattika u wkoll peress li, jekk kellu jiġi konċess kollox, l-allegata talba li tixxiebah kienet pendenti fuq diversi livelli ta' proċeduri.

7)    minbarra dan, C. De Nicola jilmenta dwar nuqqas sostanzjali ta' teħid ta' deċiżjoni dwar it-talba ta' applikazzjoni tat-termini ta' preskrizzjoni previsti mid-dritt nazzjonali tiegħu, u dan kemm minħabba li l-kuntratt ta' xogħol tiegħu huwa rregolat bid-dritt privat u anki peress li, bħala parti kontraenti l-iktar dgħajfa, huwa għandu dritt li jiġu applikati regoli iktar favorevoli lejh.

8)    Fl-aħħar nett, huwa jilmenta dwar in-natura żbaljata tal-premessa li bbaża fuqha t-TSP, peress li huwa kellu l-intenzjoni li jikkontesta l-aġir illegali tal-prinċipal tiegħu, filwaqt li l-qorti tinsisti li ssib att illegali, billi tippretendi li tapplika għall-kuntratt ta' xogħol tiegħu rregolat mid-dritt privat dawk id-dispożizzjonijiet li minflok huma intiżi espressament għall-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku.

____________