Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2023 minn Fertilizers Europe mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) fil-5 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża T-126/21, Nevinnomysskiy Azot u NAK “zot” vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-554/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Fertilizers Europe (rappreżentanti: L. Ruessmann u J. Beck, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: AO Nevinnomysskiy Azot u AO Novomoskovskaya Aktsionernaya Kompania NAK “Azot”, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża T-126/21 1 u tiċħad il-kumplament tat-talbiet fl-ewwel istanza;

tikkundanna lir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali għall-ispejjeż tal-appellanti u tal-intervent quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka, insostenn tal-appell tagħha, erba’ aggravji.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li provi suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ reviżjoni tal-iskadenza għandhom jinsabu f’talba għal reviżjoni ta’ skadenza mressqa f’terminu ta’ tliet xhur u mhux biss ikunu fil-pussess tal-Kummissjoni fil-ftuħ ta’ din l-iskadenza.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Artikolu 11(5), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 5(9) tar-Regolament Bażiku, ma jippermettix is-sottomissjoni ta’ informazzjoni “ġdida” fir-rigward ta’ tali talba għal reviżjoni wara l-iskadenza ta’ tliet xhur.

It-tielet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-komunikazzjoni mill-appellanti lill-Kummissjoni ta’ kalkoli addizzjonali tad-dumping ibbażati fuq il-prezz wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur tikkostitwixxi prova “ġdida” u li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq dik l-informazzjoni sabiex tiddeċiedi li tibda r-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri.

Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żnaturat il-fatti u l-provi meta kkonstatat li la jirriżultax la mill-avviż ta’ ftuħ u lanqas mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2100 tal-15 ta’ Diċembru 2020 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 li l-Kummissjoni kkunsidrat li r-reviżjoni oriġinali kien fiha provi suffiċjenti li juri li l-iskadenza tal-miżuri kienet probabbilment ser twassal għal kontinwazzjoni tad-dumping.

____________

1 EU:T:2023:376.

1 ĠU 2020, L 425, p. 21.