Language of document : ECLI:EU:C:2024:303

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fil‑11 ta’ April 2024 (1)

Kawża C15/24 PPU [Stachev] (i)

CH

vs

Sofiyska rayonna prokuratura

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2013/48/UE – Dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċeduri kriminali – Rinunzja ta’ dan id-dritt minn persuna illitterata)






 I.      Introduzzjoni

1.        Is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) tagħmel sitt domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (2).

 II.      Ilkawża prinċipali, iddomanda preliminari, u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

2.        CH huwa ċittadin Bulgaru li ma għandux għarfien tal-lingwa miktuba Bulgara. Hu għandu rekord kriminali.

3.        Fis‑16 ta’ Diċembru 2022, CH ġie arrestat fuq suspett ta’ serq aggravat bil-vjolenza fit‑2 u fl‑14 ta’ Diċembru 2022. Wara li ttieħed l-għassa tal-pulizija, huwa ffirma dikjarazzjoni li permezz tagħha rrinunzja għad-dritt tiegħu li jkun irrappreżentat minn avukat. Skont id-dritt Bulgaru, il-firem ta’ uffiċjal tal-pulizija u ta’ xhud indipendenti huma meħtieġa sabiex jiġi pprovat li persuna illitterata rrinunzjat għal dak id-dritt. Jidher li l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma ġiet issodisfatta (3). Waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija li seħħet fin-nuqqas ta’ avukat, CH ammetta li wettaq it-tieni serq aggravat bil-vjolenza u indika l-post fejn kienu jinsabu l-oġġetti misruqa f’dik l-okkażjoni. Waqt l-eżerċizzju ta’ identifikazzjoni diretta li sar iktar tard fl-istess ġurnata, il-vittma tat-tieni serq aggravat bil-vjolenza identifikat lil CH bħala l-awtur.

4.        Fis‑17 ta’ Diċembru 2022, il-vittma tal-ewwel serq aggravat bil-vjolenza identifikat lil CH bħala l-awtur ta’ reat waqt it-tieni eżerċizzju ta’ identifikazzjoni diretta li sar fin-nuqqas ta’ avukat. Is-Sofiyska rayonna prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Sofija, il-Bulgarija) minn hemm ’il quddiem akkuża lil CH bir-reati li wettaq serq aggravat bil-vjolenza fit‑2 u l‑14 ta’ Diċembru 2022. Billi, skont id-dritt Bulgaru, persuna akkużata li wettqet reat kriminali għandu jkollha rappreżentant legali, eventwalment inħatar avukat biex jirrappreżentah.

5.        Fid‑19 ta’ Diċembru 2022, CH deher quddiem is-Sofiyski rajonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija), li ordnat li jitpoġġa f’detenzjoni provviżorja. Fid‑29 ta’ Diċembru 2022, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) ikkonfermat dik id-deċiżjoni.

6.        Fit‑13 ta’ Ġunju 2023, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) ċaħdet it-talba ta’ CH biex ittaffi dik il-miżura ta’ kustodja. Is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) ikkonfermat dik id-deċiżjoni fit‑22 ta’ Ġunju 2023.

7.        Fit‑18 ta’ Awwissu 2023, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li teħles lil CH mill-arrest, bil-kundizzjoni li jirrapporta perjodikament lill-awtoritajiet tal-pulizija fil-post tar-residenza tiegħu. Għamlet dan għar-raġuni li kien impossibbli li wieħed ikun jaf jekk, fil-mument tal-arrest tiegħu, CH kienx irrinunzja volontarjament u xjentement għad-dritt tiegħu li jkun irrappreżentat minn avukat peress li kien illitterat u l-allegata rinunzja tiegħu ma kinitx iffirmata minn xhud. F’dawk iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) ikkonkludiet li l-investigazzjoni sussegwenti tal-pulizija kienet illegali, bil-konsegwenza li l-evidenza miksuba b’hekk ma setgħetx tintuża għall-prosekuzzjoni ta’ CH.

8.        Fis‑7 ta’ Settembru 2023, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) annullat dik id-deċiżjoni u ddeċidiet li CH għandu jibqa’ f’detenzjoni preventiva. Hija ddeċidiet li, għalkemm l-ebda avukat ma kien assista lil CH bejn il-mument tal-arrest tiegħu u l-mument tal-akkuża tiegħu, l-evidenza li l-pulizija kienet ġabret matul l-investigazzjoni tagħha ma dehritx li kienet inkisbet b’mod illegali.

9.        Fit‑2 ta’ Ottubru 2023, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) reġgħet iddeċidiet li teħles lil CH, bil-kundizzjoni li jirrapporta perjodikament lill-awtoritajiet tal-pulizija fil-post tar-residenza tiegħu. Fis‑7 ta’ Novembru 2023, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) reġgħet annullat dik id-deċiżjoni u ddeċidiet li CH għandu jibqa’ f’detenzjoni preventiva.

10.      Il-proċeduri kriminali kontra CH huma pendenti quddiem is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija). Dik il-qorti għandha d-dubji tagħha dwar jekk l-awtoritajiet tal-pulizija kinux irrispettaw id-dritt ta’ aċċess ta’ CH għal avukat fil-perijodu ta’ wara l-arrest tiegħu u qabel ma ġie mħarrek għat-twettiq ta’ serq aggravat bil-vjolenza. Hija tistaqsi jekk id-Direttiva 2013/48 tintitolax qorti nazzjonali, meta tiddeċiedi dwar miżuri restrittivi qabel il-proċess, li tevalwa jekk il-provi kontra akkużat inkisbux bi ksur tad-dritt tiegħu ta’ aċċess għal avukat. Is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) għandha dubji dwar jekk l-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48, li jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw temporanjament mid-dritt ta’ aċċess għal avukat f’ċirkustanzi eċċezzjonali fl-istadju ta’ qabel il-proċess, iżda ma li ġiex traspost fid-dritt Bulgaru, għandux effett dirett. Hija tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/48 huwiex osservat meta suspettat, li huwa illitterat u jsostni li ma kienx jaf bil-kontenut tad-dokument li huwa ffirma, jagħmel rinunzja bil-miktub tad-dritt tiegħu ta’ aċċess għal avukat. Fl-aħħar nett, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) tixtieq tkun taf jekk ir-rinunzja tad-dritt għal assistenza minn avukat fil-ħin tal-arrest ta’ suspettat teħlisx lill-awtoritajiet tal-pulizija mid-dmir li jinformawh bid-dritt ta’ aċċess għal avukat qabel ma jsiru iktar atti investigattivi.

11.      Għaldaqstant, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali jkunu konformi mal-Artikolu 12(2) tad-[Direttiva 2013/48], moqri flimkien mal-Artikolu 47(1) tal-[Karta], meta, abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni u ta’ din il-ġurisprudenza nazzjonali, il-qorti li teżamina l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ raġunijiet fondati li jippermettu li jitqies li l-imputat huwa involut fir-reat kriminali li bih ġie akkużat, sabiex tieħu jew teżegwixxi l-miżura preventiva adegwata, ma jkollhiex il-possibbiltà tevalwa jekk il-provi nkisbux bi ksur tad-dritt ta’ dan l-imputat li jkollu aċċess għal avukat, li jirriżulta mill-imsemmija direttiva, f’sitwazzjoni fejn dan l-imputat kien meqjus bħala persuna ssuspettata u d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu kien limitat mill-pulizija?

(2)      Ir-rekwiżit li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża u li tiġi osservata l-ekwità tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48 ikun osservat meta l-qorti li teżamina l-kwistjoni tan-natura adegwata tal-miżura preventiva tuża, sabiex tibni l-konvinzjoni interna tagħha, provi miksuba bi ksur tar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva, f’sitwazzjoni fejn dan l-imputat kien meqjus bħala persuna ssuspettata u d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu kien limitat mill-pulizija?

(3)      L-esklużjoni, mill-qorti li teżamina l-kwistjoni tan-natura adegwata tal-miżura preventiva, ta’ provi miksuba bi ksur tad-Direttiva 2013/48, minkejja l-istruzzjonijiet kuntrarji mogħtija mill-istanza superjuri, għandha impatt negattiv fuq ir-rekwiżiti ta’ ekwità tal-proċedura previsti fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 47(1) u (2) tal-[Karta], u tqajjem dubji dwar l-imparzjalità tal-qorti?

(4)      L-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48, li jipprevedi l-possibbiltà ta’ deroga temporanja mid-dritt ta’ aċċess għal avukat f’ċirkustanzi eċċezzjonali matul il-fażi preliminari tal-proċess kriminali, meta jkun imperattiv li l-awtoritajiet investigattivi jaġixxu immedjatament sabiex jevitaw li tiġi kompromessa serjament proċedura kriminali, għandu effett dirett fl-Istat Membru kkonċernat tal-Unjoni Ewropea sa fejn ma jkunx ġie traspost fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu?

(5)      Il-garanziji previsti fl-Artikolu 9(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-premessa 39 tagħha, ikunu osservati fil-każ ta’ rinunzja bil-miktub għad-dritt ta’ aċċess għal avukat ta’ persuna ssuspettata li ma tafx taqra u tikteb, li ma tkunx ingħatat spjegazzjoni dwar il-konsegwenzi possibbli ta’ din ir-rinunzja, u li sussegwentement issostni, quddiem il-qorti, li hija ma kinitx ġiet informata dwar il-kontenut tad-dokument iffirmat minnha fil-mument tal-limitazzjoni tad-dritt ta’ moviment liberu tagħha mill-pulizija?

(6)      Ir-rinunzja minn persuna ssuspettata, fil-mument tal-arrest tagħha, għad-dritt li tkun difiża minn avukat li jirriżulta mid-Direttiva 2013/48, teskludi l-obbligu tal-awtoritajiet pubbliċi li jispjegawlha d-dritt ta’ aċċess għal avukat u l-konsegwenzi ta’ eventwali rinunzja, immedjatament qabel ma jwettqu kwalunkwe att ta’ investigazzjoni ulterjuri li jinvolvi l-parteċipazzjoni tagħha?”

12.      Billi CH ilu detenut mis‑16 ta’ Diċembru 2022 u t-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem kwistjonijiet f’qasam kopert mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) talbet ukoll, fid-deċiżjoni għal rinviju tagħha tal‑11 ta’ Jannar 2024, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi t-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha taħt il-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari urġenti stabbilita fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

13.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet din it-talba.

14.      L-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati f’isem CH jindikaw li huwa ma kellu xejn xi jżid mad-digriet tar-rinviju. Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub, ippreżentat argumenti orali u wieġbet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta tal‑11 ta’ Marzu 2024.

 III.      Evalwazzjoni

15.      L-Artikolu 82(2)(b) TFUE jipprovdi l-bażi legali għad-Direttiva 2013/48. Din id-dispożizzjoni tagħti s-setgħa lill-Unjoni Ewropea biex tadotta direttivi li jistabbilixxu regoli minimi dwar id-drittijiet tal-individwi fi proċeduri kriminali, minkejja d-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/48 għalhekk jippromulga regoli minimi dwar id-drittijiet tal-persuni ssuspettati u akkużati fi proċeduri kriminali, b’mod partikolari d-dritt ta’ aċċess għal avukat, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità (4). L-Istati Membri jistgħu jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni (5).

 A.      Ammissibbiltà

16.      L-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju huma intiżi għal interpretazzjoni tad-Direttiva 2013/48 fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta f’kuntest fejn CH jinsab f’detenzjoni preventiva ordnata mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija).

17.      L-Artikolu 267 TFUE jipprovdi li deċiżjoni preliminari għandha tkun “meħtieġa” biex tippermetti lill-qorti tar-rinviju “tagħti deċiżjoni” fil-kawża quddiemha (6). Għalhekk għandu jkun hemm tali fattur ta’ konnessjoni bejn il-kawża quddiem qorti nazzjonali u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba u din tal-aħħar għandha tkun oġġettivament meħtieġa sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar dik it-tilwima (7).

18.      Il-qrati nazzjonali jiddefinixxu l-kuntest fattwali u legali li fih jagħmlu domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeterminax l-eżattezza ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, b’tali mod li d-domandi ta’ interpretazzjoni magħmula jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari biss fejn ikun pjuttost ovvju li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti nazzjonali ma jkollha ebda relazzjoni mal-fatti tal-kawża prinċipali jew mal-għan tagħha, fejn il-problema hija ipotetika; jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-materjal fattwali jew legali meħtieġ biex tkun tista’ tagħti risposta utli għal dik id-domanda. Il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-deċiżjonijiet preliminari hija li tassisti fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (8).

19.      Mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, wara d-digriet tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) tas‑7 ta’ Novembru 2023 biex CH jibqa’ f’detenzjoni preventiva, fl‑20 ta’ Novembru 2023, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet, ex officio, li tagħmel domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (9). Kemm il-minuti tas-seduta li saret f’dik id-data quddiem il-qorti tar-rinviju kif ukoll id-deċiżjoni tar-rinviju jissuġġerixxu li, meta l-qorti tar-rinviju ħadet din id-deċiżjoni, hija ma ġietx adita b’talba biex tiġi emendata l-miżura restrittiva li s-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) kienet ħadet fir-rigward ta’ CH. Għalkemm l-Artikolu 270(1) ta’ Nakazatelno-protsesualen kodeks (10) (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) jipprovdi li emenda ta’ miżura restrittiva tista’ titqajjem fi kwalunkwe ħin qabel proċess, fin-nuqqas ta’ rikors f’isem persuna akkużata, il-qorti nazzjonali ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni biex temenda miżura restrittiva ex officio (11). Waqt li tagħti d-deċiżjoni finali tagħha dwar il-mertu tal-allegazzjonijiet, qorti nazzjonali għandha, madankollu, ġurisdizzjoni biex tieħu deċiżjonijiet xierqa fir-rigward ta’ kwalunkwe miżura restrittiva li ġiet adottata fir-rigward tal-persuna akkużata (12).

20.      Barra minn hekk nosserva li talbiet ġodda biex jiġu emendati miżuri restrittivi taħt l-Artikolu 270(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jistgħu jsiru biss fejn il-persuna akkużata tista’ turi li ċ-ċirkustanzi tagħha nbidlu (13). Id-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha l-ebda indikazzjoni li kien hemm xi bidla fiċ-ċirkustanzi ta’ CH fit-13-il jum li għaddew bejn l-għoti tad-digriet tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) u d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li tagħmel dan ir-rinviju. Jidher għalhekk li, permezz ta’ dan id-digriet tar-rinviju, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) tfittex li tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarreġ il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ deċiżjoni ta’ qorti tal-appell f’ċirkustanzi fejn il-qorti tar-rinviju ma jkollha ebda ġurisdizzjoni, taħt il-liġi nazzjonali, biex temenda jew tirrevedi dik id-deċiżjoni.

21.      Peress li l-qorti tar-rinviju ma hijiex adita b’rikors sabiex tiġi emendata, minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi, il-miżura restrittiva li adottat is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda huma manifestament ipotetiċi. Għal din ir-raġuni, nirrakkomanda lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda bħala inammissibbli. Madankollu, nipproponi li neżamina dawn id-domandi bil-għan li nassisti lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ li din tiddeċiedi mod ieħor.

 B.      Fuq ilmertu

 1.      Lewwel, ittieni, u t-tielet domanda

22.      Permezz tal-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jeżiġix li qorti nazzjonali adita b’rikors sabiex temenda miżura restrittiva matul l-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri kriminali jkollha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa jekk inkisbitx evidenza bi ksur tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, minkejja kwalunkwe struzzjonijiet kuntrarji li joriġinaw minn qorti tal-appell.

23.      Il-Kummissjoni tfakkar li d-Direttiva 2013/48 tistabbilixxi regoli minimi. Skont l-Artikolu 12(1) ta’ dik id-direttiva, il-persuni ssuspettati jew akkużati għandhom ikollhom rimedju effettiv taħt id-dritt nazzjonali fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom taħt din id-direttiva. Fin-nuqqas ta’ regoli ddettaljati fil-livell tal-Unjoni Ewropea, sakemm il-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività jiġu rrispettati, hija s-sistema legali domestika ta’ kull Stat Membru li għandha tistabbilixxi tali regoli, sakemm il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jiġu osservati. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li d-Direttiva 2013/48 ma tippermettix lil qorti li tiċħad awtomatikament il-provi kkontestati bħala inammissibbli u tissuġġerixxi li twettaq eżerċizzju ta’ bilanċ.

24.      Mill-premessi 4 u 6 tagħha jirriżulta li d-Direttiva 2013/48 għandha l-għan li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali, prinċipju li huwa bbażat fuq il-fiduċja li l-Istati Membri għandhom fis-sistemi ta’ ġustizzja kriminali ta’ xulxin. L-għanijiet ta’ din id-direttiva jinkludu l-promozzjoni tad-dritt għal konsulenza, difiża u rappreżentanza kif stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u d-drittijiet tad-difiża li jiggarantixxi l-Artikolu 48(2) tal-Karta (14). Madankollu, id-Direttiva 2013/48 tistabbilixxi regoli minimi biex jiġu sostnuti d-drittijiet tal-persuni ssuspettati u akkużati li jkollhom aċċess għal avukat fi proċeduri kriminali (15). Dan huwa konformi mal-fatt li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-proċeduri kriminali jaqgħu prinċipalment taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (16).

25.      L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2013/48 jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu rimedji effettivi taħt id-dritt nazzjonali fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet li din id-direttiva tagħti. Fid-dawl tat-termini ċari, inkundizzjonati u preċiżi tagħha, din id-dispożizzjoni tidher ukoll li tipprekludi kull miżura nazzjonali li timpedixxi l-aċċess għal rimedju effettiv fil-każ ta’ kwalunkwe ksur ta’ dawn id-drittijiet (17) L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2013/48 madankollu jipprovdi li d-dritt ta’ kontestazzjoni ta’ ksur possibbli tad-drittijiet li tagħti d-direttiva għandu jingħata skont il-proċeduri legali nazzjonali. Għaldaqstant, ma tfittixx li tiddetermina kif dan il-ksur għandu jiġu allegat, kif għandi jiġi pprovat jew il-mument li fih għandha tiġi ddeterminata l-verità ta’ tali allegazzjonijiet (18).

26.      L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-evalwazzjoni tal-provi miksuba bi ksur tad-dritt għal avukat fi proċeduri kriminali, id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità ta’ dawn il-proċeduri jiġu rrispettati. Sa fejn l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2013/48 jippreċiża li din id-direttiva għandha tapplika meta persuna ssuspettata jew akkużata tiġi mċaħħda mil-libertà tagħha, irrispettivament mill-istadju tal-proċeduri kriminali, hija tipprovdi appoġġ ċar għall-proposta li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48 jista’ jiġi invokat matul il-proċeduri kriminali.

27.      Il-premessa 50 tad-Direttiva 2013/48 tipprovdi li l-obbligu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-ekwità tal-proċeduri għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli jew is-sistemi nazzjonali fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-provi. Dak l-obbligu ma jipprevjenix lill-Istati Membri milli jżommu sistema li taħtha l-evidenza eżistenti kollha tista’ titressaq quddiem qorti, “mingħajr ma jkun hemm valutazzjoni separata jew minn qabel dwar l-ammissibbiltà [tagħhom] […]” (19). Din il-premessa għalhekk tikkonferma l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni biex jadottaw proċeduri speċifiċi għal dan il-għan.

28.      Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri japplika mingħajr preġudizzju għal-limiti li jistabbilixxi d-dritt tal-Unjoni (20). Fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni, hija s-sistema legali domestika ta’ kull Stat Membru li tiddelimita l-ġurisdizzjoni tal-qrati u t-tribunali u li tistabbilixxi regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw azzjonijiet li jissalvagwardjaw id-drittijiet li l-individwi għandhom skont id-dritt tal-Unjoni. Regoli proċedurali ddettaljati għal dak il-għan ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx irendu eċċessivament diffiċli jew impossibbli fil-prattika l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (21).

29.      F’dak li għandu x’jaqsam mal-prinċipju tal-effettività, id-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx li l-Istati Membri jistabbilixxu rimedji għajr dawk li jeżistu fid-dritt nazzjonali, sakemm ma jirriżultax mill-iskema ġenerali ta’ sistema legali nazzjonali li ma jeżisti ebda rimedju legali li jagħmilha possibbli li jiġi żgurat, anki indirettament, ir-rispett għad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni (22).

30.      Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix Stat Membru milli jillimita l-istħarriġ ġudizzjarju tal-provi invokati biex jadotta miżuri restrittivi fl-istadju ta’ qabel il-proċess jekk, sussegwentement, il-qorti adita bil-mertu tal-akkuża kriminali tkun f’pożizzjoni li tivverifika li d-drittijiet tal-persuna akkużata li għalihom tirreferi d-Direttiva 2013/48, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta, ġew irrispettati (23).

31.      Id-deċiżjoni tar-rinviju tissuġġerixxi li, skont is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), bħala kwistjoni ta’ dritt Bulgaru, meta ġiet adita bit-talba biex jiġu emendati miżuri restrittivi adottati fil-kors tal-istadju ta’ qabel il-proċess taħt l-Artikolu 270(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-qorti tar-rinviju ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tinvestiga ċ-ċirkustanzi li fihom kienu nkisbu l-provi kontra l-akkużat. Fid-dawl tal-konklużjoni li nasal għaliha fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48 ma jipprekludix regoli u ġurisprudenza nazzjonali f’dan is-sens, sakemm qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-akkużi kontra persuna akkużata tkun f’pożizzjoni li tevalwa l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet li d-Direttiva 2013/48 tipproteġi u tista’ tiġbed kwalunkwe konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn tali ksur, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammissibbiltà jew il-valur probatorju tal-provi miksuba f’tali ċirkustanzi (24).

32.      Għall-kuntrarju tas-suppożizzjoni li, taħt id-dritt Bulgaru, meta tiġi adita b’rikors taħt l-Artikolu 270 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni biex tinvestiga ċ-ċirkustanzi li fihom inkisbu l-provi kontra l-akkużat, hija għandha teżerċita din il-ġurisdizzjoni f’konformità mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48, u b’hekk jiġu żgurati d-drittijiet tad-difiża.

33.      Id-digriet tar-rinviju sfortunatament ma huwiex ċar dwar dan il-punt tad-dritt Bulgaru. Dan jidher li jsostni li d-digriet tas‑7 ta’ Settembru 2023 tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċieda li l-qorti tar-rinviju ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tiddetermina l-kwistjoni dwar jekk kienx hemm ksur tad-dritt ta’ aċċess għal avukat. Huwa interessanti li l-qorti tar-rinviju ma tagħmilx l-istess affermazzjoni fir-rigward tad-digriet tas‑7 ta’ Novembru 2023 tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), li jidher li ddeċidiet dwar il-mertu tat-talba sabiex tiġi emendata l-miżura restrittiva, u b’hekk impliċitament aċċettat li l-qorti tar-rinviju kellha ġurisdizzjoni biex tagħmel id-digriet tagħha.

34.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għall-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda fis-sens li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jeħtieġx li qorti nazzjonali adita b’talba sabiex tiġi emendata l-miżura restrittiva matul l-istadju ta’ qabel il-proċess kriminali jkollha ġurisdizzjoni biex tevalwa jekk inkisbitx evidenza bi ksur tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, sakemm il-qorti adita bil-mertu tal-akkuża kriminali tkun f’pożizzjoni li tevalwa l-eżistenza ta’ tali ksur u li tiġbed il-konsegwenzi kollha li jistgħu jirriżultaw minnu, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammissibbiltà jew il-valur probatorju ta’ kull prova miksuba f’tali ċirkustanzi. Fl-eżerċizzju ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni biex tagħmel din l-evalwazzjoni fl-istadju ta’ qabel il-proċess kriminali, il-qorti nazzjonali għandha tosserva l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48.

 2.      Ir-raba’ domanda

35.      Ir-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48 għandux effett dirett.

36.      Il-Kummissjoni ssostni li din id-domanda għandha tirċievi risposta negattiva.

37.      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, kull meta d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, sa fejn għandu x’jaqsam is-suġġett tagħhom, li huma inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, l-individwi jistgħu jinvokaw dawk id-dispożizzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat fejn dan tal-aħħar ikun naqas milli jimplimenta d-direttiva fid-dritt intern sa tmiem il-perijodu preskritt għaliha, jew għamel dan b’mod żbaljat (25). Minn dan isegwi li l-invokazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva li ma hijiex biżżejjed ċara, preċiża u inkundizzjonata biex ikollha effett dirett ma tistax, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, twassal lill-qorti ta’ Stat Membru biex ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali (26). Huwa wkoll stabbilit sew li direttiva ma tistax, minnha nnifisha, timponi obbligi fuq individwu u ma tistax, bħala tali, tiġi invokata kontra individwu quddiem qorti nazzjonali (27).

38.      L-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48 jipprovdi li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali u fl-istadju ta’ qabel il-proċess biss, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mid-dritt ta’ aċċess għal avukat meta azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun imperattiva biex jipprevjenu periklu sostanzjali għal proċeduri kriminali, sal-punt iġġustifikat fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.

39.      Il-premessa 38 tad-Direttiva 2013/48 tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu b’mod ċar, fid-dritt nazzjonali tagħhom, ir-raġunijiet u l-kriterji li fuqhom jistgħu japplikaw tali derogi temporanji u li jagħmlu użu ristrett tagħhom. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/48 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni tad-derogi temporanji li għalihom jirreferi l-Artikolu 3(6) tagħha. Tali derogi temporanji għandhom ikunu proporzjonati u strettament limitati fiż-żmien. Jistgħu jiġu awtorizzati biss b’deċiżjoni motivata meħuda każ b’każ minn awtorità ġudizzjarja jew awtorità kompetenti oħra, sakemm id-deċiżjonijiet tal-aħħar ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

40.      Minn dan isegwi li l-Istati Membri ma jistgħux jirrikorru għal deroga temporanja mid-dritt ta’ aċċess għal avukat għad-detriment ta’ individwu meta ma jkunux adottaw regoli ddettaljati sabiex jagħmlu użu mill-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48 (28).

41.      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tirrispondi għar-raba’ domanda billi tistabbilixxi li l-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48 ma għandux effett dirett.

42.      Filwaqt li din hija kwistjoni li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju, ninnota li din tqis li l-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48 ma ġiex traspost fid-dritt Bulgaru. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qrati nazzjonali ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48 biex jillimitaw id-drittijiet li d-Direttiva 2013/48 tagħti lill-individwi. Inżid li, fi kwalunkwe każ, xejn fil-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika l-preżenza ta’ xi ċirkustanzi eċċezzjonali li kienu jeħtieġu azzjoni immedjata min-naħa tal-awtoritajiet tal-pulizija.

 3.      Il-ħames domanda

43.      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tivverifika jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li suspettat illitterat jista’ jirrinunzja għad-dritt tiegħu ta’ aċċess għal avukat bil-kundizzjoni li jingħata informazzjoni suffiċjenti u ċara dwar il-kontenut ta’ dak id-dritt u l-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja tiegħu b’mod li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi individwali tiegħu jew tagħha, hu jew hi kapaċi jifhmu.

44.      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 fih għadd ta’ garanziji sabiex jiġi żgurat li, bħala riżultat tar-rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat, suspettat jew akkużat ma jagħmilx involontarjament dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti jew ma jipprovdix provi awtoinkriminanti. Id-dritt ta’ aċċess għal avukat huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-opportunità ugwali għall-partijiet, b’mod partikolari fil-ħin tal-arrest ta’ suspettat jew akkużat meta, minħabba n-natura kumplessa tal-proċeduri kriminali, huwa jew hi tkun partikolarment vulnerabbli. L-illitteriżmu ta’ CH jagħmlu persuna vulnerabbli għall-finijiet tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48 (29).

45.      Mingħajr preġudizzju għad-dritt nazzjonali li jeżiġi il-preżenza jew l-assistenza ta’ avukat, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/48 jipprevedi rinunzja tad-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċeduri kriminali. F’dawk iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettat jew l-akkużat ikun ġie pprovdut, bil-fomm jew bil-miktub, b’informazzjoni ċara u suffiċjenti b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem dwar il-kontenut ta’ dak id-dritt u l-konsegwenzi ta’ tali rinunzja. Kwalunkwe rinunzja trid tkun volontarja u tingħata mingħajr ekwivoku. Il-premessa 39 tad-Direttiva 2013/48 tindika li, meta tingħata informazzjoni dwar il-kontenut tad-dritt ta’ aċċess għal avukat u l-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja tiegħu, għandhom jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi tas-suspettati, inklużi l-età u l-kundizzjoni mentali u fiżika tagħhom. L-illitteriżmu ta’ suspettat huwa għalhekk ċirkustanza rilevanti li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni meta jipprovdu l-informazzjoni li jeħtieġ l-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 13 tagħha impliċitament isostni din l-interpretazzjoni, peress li jeħtieġ li l-bżonnijiet tal-persuni vulnerabbli (30) jiġu kkunsidrati mingħajr ma jipprevjenihom milli jiddeċiedu li jirrinunzjaw għad-dritt ta’ aċċess għal avukat (31).

46.      Għalkemm il-liġi nazzjonali għandha toffri lis-suspettati u lill-akkużati opportunità prattika u effettiva biex jikkonsultaw avukat, jekk dawn jirrinunzjaw għal dik l-opportunità b’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48, huma ma jiġux preklużi milli jġorru l-konsegwenzi possibbli ta’ dik ir-rinunzja (32).

47.      L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/48 jirrikjedi li, sabiex rinunzja tkun effettiva, il-konsegwenzi possibbli tagħha għandhom jiġu spjegati lil persuna ssuspettata jew akkużata b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem. Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ tali spjegazzjonijiet, ma tistax tingħata rinunzja effettiva. F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, filwaqt li l-qorti tar-rinviju tqis li CH qatt ma ġie infurmat bil-konsegwenzi tar-rinunzja tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) hija tal-fehma kuntrarja. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw dik il-kwistjoni ta’ fatt li tidher kontroversjali.

48.      L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2013/48 jipprovdi li rinunzja tista’ ssir bil-miktub jew bil-fomm skont il-proċeduri stabbiliti mil-liġi tal-Istat Membru rilevanti. Id-Direttiva 2013/48 nnifisha ma titlob l-ebda kundizzjoni formali għat-teħid ta’ rinunzja, tali kundizzjonijiet huma suġġett għal regolazzjoni mil-liġi nazzjonali. L-eżistenza ta’ ksur ta’ kundizzjoni formali li d-dritt nazzjonali jeħtieġ biex rinunzja tkun valida, bħal stipulazzjoni li xhud jixhed jew jiffirma rinunzja, u l-konsegwenzi ta’ ksur ta’ kwalunkwe rekwiżiti bħal dawn, huma kwistjonijiet ta’ dritt nazzjonali u li jiġu ddeterminati mill-qrati nazzjonali.

49.      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ħames domanda billi tinterpreta l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 fis-sens li suspettat jew akkużat illitterat jista’ jirrinunzja għad-dritt tiegħu ta’ aċċess għal avukat sakemm jingħata informazzjoni ċara u suffiċjenti dwar il-kontenut ta’ dak id-dritt u l-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja tiegħu b’mod li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi individwali tiegħu jew tagħha, hu jew hi kapaċi jifhmu.

 4.      Issitt domanda

50.      Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/48 jobbligax lill-Istati Membri jinfurmaw lil persuna ssuspettata jew akkużata li tirrinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat li hija tista’ tirrevoka din ir-rinunzja fi kwalunkwe mument qabel ma l-awtoritajiet kompetenti jwettqu azzjoni investigattiva li tinvolvi l-parteċipazzjoni tiegħu jew tagħha.

51.      Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li d-domanda għandha tirċievi risposta affermattiva.

52.      L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/48 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew akkużati jkunu jistgħu jirrevokaw rinunzja sussegwentement fi kwalunkwe punt matul il-proċeduri kriminali, u li huma jkunu infurmati b’dik il-possibbiltà. Tali revoka għandha effett mill-mument li ssir.

53.      Ir-rekwiżit li s-suspettati jew l-akkużati għandhom jiġu infurmati bil-possibbiltà li sussegwentement jirrevokaw rinunzja fi kwalunkwe punt matul il-proċeduri kriminali jista’ jiġi ssodisfatt billi jiġu infurmati b’dan fil-ħin li jirrinunzjaw għal dak id-dritt. Tali approċċ jidher li jimplika li ladarba s-suspettat jew l-akkużat ikun irrinunzja għad-dritt tiegħu jew tagħha, minn hemm ’il quddiem issir kwistjoni għalih jew għaliha li jiddeċiedi jekk isostnix dak id-dritt jew jirrevokahx.

54.      Mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tagħha jirriżulta, li d-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċeduri kriminali għandu l-għan li jiżgura li persuna ssuspettata jew akkużata tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħu jew tagħha tad-difiża prattikament u effettivament sal-konklużjoni tal-proċeduri kriminali. Meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni n-natura volontarja ta’ rinunzja taħt l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2013/48, flimkien mal-ħtieġa li jiġu protetti l-bżonnijiet partikolari ta’ ssuspettati u akkużati vulnerabbli fl-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif jeħtieġ l-Artikolu 13 tagħha, huwa ċar li qari tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/48 skont il-linji deskritti fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet preżenti jmur kontra l-għan u l-iskema tad-dispożizzjonijiet tagħha. F’ċirkustanzi bħal dawn, interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) ta’ dik id-direttiva li timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw li persuni ssuspettati u akkużati, b’mod partikolari persuni vulnerabbli, jiġu infurmati regolarment bid-dritt tagħhom li jirrevokaw rinunzja li huma taw liberament sal-konklużjoni ta’ kwalunkwe proċeduri kriminali, għandha tkun ippreferuta.

55.      Peress li l-ħtieġa li tiġi pprovduta dik l-informazzjoni teżisti sabiex persuni akkużati jew issuspettati li wettqu reati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom b’mod prattiku u effettiv, dan ir-rekwiżit għandu jiġi ssodisfatt b’mod prattiku, iktar milli b’mod formali (33). L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw ruħhom biex jinfurmaw lil suspettat jew akkużat bil-possibbiltà li jirrevoka rinunzja fil-ħin li jkun taha, partikolarment fejn is-suspettat jew l-akkużat ikun persuna vulnerabbli. Mhux bilfors isegwi li l-Istati Membri jridu jfakkru lil suspettat jew akkużat bil-possibbiltà li jirrevoka rinunzja qabel kull pass fl-investigazzjoni ta’ reat allegat li jinvolvi l-parteċipazzjoni tiegħu jew tagħha. Il-ħtieġa li ssuspettat jew akkużat jiġi mfakkar tiddependi min-natura u l-importanza oġġettiva tal-azzjoni investigattiva prevista, meqjusa fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tinterpreta l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/48 tadotta t-test li ġej. Kull meta jkun hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jemmen li suspettat jew akkużat, li jkun irrinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat, jista’ jiġi sostanzjalment imfixkel fid-difiża tiegħu bħala konsegwenza ta’ dik ir-rinunzja, l-Istati Membri għandhom jieħdu passi raġonevoli biex jiżguraw li jkun infurmat bid-dritt tiegħu li jirrevoka dik ir-rinunzja.

56.      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għas-sitt domanda fis-sens li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/48 għandu jiġi interpretat li jfisser li, meta suspettat jew akkużat jirrinunzja għad-dritt tiegħu ta’ aċċess għal avukat, l-Istati Membri għandhom jieħdu passi raġonevoli biex jiġi żgurat li jkun infurmat bid-dritt li jirrevoka dik ir-rinunzja f’kull punt fiż-żmien meta, bħala konsegwenza ta’ dik ir-rinunzja, ikun hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jemmen li s-suspettat jew akkużat jista’ jiġi sostanzjalment ostakolat fid-difiża tiegħu.

 IV.      Konklużjoni

57.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti tad-Distrett ta’ Sofija, il-Bulgarija) permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Jannar 2024 kif ġej:

(1)      L-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

(2)      L-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li jkun hemm terza persuna infurmata dwar iċ-ċaħda tal-libertà u li tikkomunika ma’ terzi persuni u ma’ awtoritajiet konsulari waqt li tkun imċaħħda mil-libertà ma għandux effett dirett.

(3)      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li suspettat jew akkużat illitterat jista’ jirrinunzja għad-dritt tiegħu ta’ aċċess għal avukat sakemm jingħata informazzjoni ċara u suffiċjenti dwar il-kontenut ta’ dak id-dritt u dwar il-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja b’mod li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tiegħu, hu kapaċi jifhmu.

(4)      L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta suspettat jew akkużat jirrinunzja għad-dritt tiegħu ta’ aċċess għal avukat, l-Istati Membri għandhom jieħdu passi raġonevoli biex jiżguraw li hu jkun infurmat bid-dritt tiegħu li jirrevoka dik ir-rinunzja kull meta, bħala konsegwenza ta’ dik ir-rinunzja, ikun hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jemmen li s-suspettat jew akkużat jista’ jiġi sostanzjalment ostakolat fid-difiża tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


i      L-isem mogħti f’dan il-każ huwa fittizju u ma jikkorrispondix mal-isem reali ta’ kwalunkwe parti fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju.


2      ĠU 2013, L 294, p. 1.


3      Għalkemm is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) tissuġġerixxi, fil-punt 10 tad-digriet tar-rinviju, li Stachev ma kienx infurmat bil-konsegwenzi tar-rinunzja tad-dritt tiegħu ta’ aċċess għal avukat, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) tieħu pożizzjoni kuntrarja, kif jindika l-punt 39 tad-digriet tar-rinviju.


4      Ara wkoll il-premessi 7, 12 u 57 tad-Direttiva 2013/48.


5      Premessa 54 tad-Direttiva 2013/48.


6      Sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-qrati ordinarji fil-Polonja) (C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 63).


7      Sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-qrati ordinarji fil-Polonja) (C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 65.


8      Sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Bayer Intellectual Property (C‑204/20, EU:C:2022:892, punti 88 sa 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Skont id-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħmel dan ir-rinviju fl‑20 ta’ Novembru 2023, anki jekk bagħtet id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Jannar 2024.


10      DV Nru 86 tat‑28 ta’ Ottubru 2005. L-Artikolu 270(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprovdi li: “Il-kwistjoni ta’ emenda tal-miżura ta’ restrittiva tista’ titqajjem fi kwalunkwe mument fl-istadju tal-proċedura. Applikazzjoni ġdida għall-emenda tal-miżura ta’ trażżin tista’ ssir fl-istess każ biss jekk iċ-ċirkustanzi jkunu nbidlu”.


11      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Spetsializirana prokuratura (C‑653/19 PPU, EU:C:2019:1024, punt 14).


12      Artikolu 309(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.


13      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Spetsializirana prokuratura (C‑653/19 PPU, EU:C:2019:1024, punt 14).


14      Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat meta suspettat jonqos milli jidher meta jkun ġie mħarrek) (C‑659/18, EU:C:2020:201, punt 44).


15      Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 103); tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom (C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 36); u tas‑7 ta’ Settembru 2023,  Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie Lukovit (Tiftix personali) (C‑209/22, EU:C:2023:634, punt 34).


16      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali  Ćapeta f’M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minorenni) (C‑603/22, EU:C:2024:157, punti 1 u 26).


17      Sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom (C‑467/18, EU:C:2019:765, punti 57 u 58), u tas‑7 ta’ Settembru 2023, Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie Lukovit (Tiftix personali) (C‑209/22, UE:C:2023:634, punti 49 u 50).


18      Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie Lukovit  (Tiftix personali) (C‑209/22, EU:C:2023:634, punti 51 u 52).


19      Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie Lukovit  (Tiftix personali) (C‑209/22, EU:C:2023:634, punt 53).


20      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe f’Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie Lukovit (Tiftix personali) (C‑209/22, EU:C:2023:249, punt 63).


21      Sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2020, Kolev et (C-704/18, EU:C:2020:92, punt 49), u tal‑21 ta’ Ottubru 2021, ZX (Regolarizzazzjoni tal-akkuża) (C‑282/20, UE:C:2021:874, paragrafu 35). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Rayonna prokuratura (Tiftix personali) (C‑209/22, EU:C:2023:249, punt 64).


22      Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia (C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 62), u tas‑7 ta’ Settembru 2023, Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie Lukovit (Tiftix personali) (C‑209/22, EU:C: 2023:634, punt 54).


23      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie Lukovit (Tiftix personali) (C‑209/22, EU:C:2023:634, punt 55).


24      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie Lukovit (Tiftix personali) (C‑209/22, EU:C:2023:634, punt 58).


25      Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C-403/01, EU:C:2004:584, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 64).


27      Sentenzi tat‑3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punt 73), u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 65).


28      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punt 74).


29      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni rreferiet għar-Rakkomandazzjoni tagħha tas‑27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2013, C 378, p. 8; iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni dwar il-persuni vulnerabbli”).


30      Il-punt 7 tar-Rakkomandazzjoni dwar il-persuni vulnerabbli jiddikjara li hemm preżunzjoni ta’ vulnerabbiltà b’mod partikolari għal persuni b’diżabbiltajiet psikoloġiċi, intellettwali, fiżiċi jew sensorjali serji, jew mard mentali jew disturbi konjittivi li jfixkluhom milli jifhmu u jipparteċipaw b’mod effettiv fi proċeduri legali. Huwa inċert jekk l-illitteriżmu jistax jitqies bħala ‘indeboliment intellettwali’ li jxekkel lil persuna akkużata milli tifhem u tipparteċipa b’mod effettiv fi proċeduri kriminali.


31      Il-punt 11 tar-Rakkomandazzjoni dwar il-persuni vulnerabbli jgħid li l-persuni vulnerabbli ma għandhomx ikunu jistgħu jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom ta’ aċċess għal avukat biss f’ċirkustanzi fejn ma jkunux jistgħu jifhmu u jsegwu l- proċeduri kriminali.


32      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, K.B. u F.S. (Tqajjim ex officio ta’ ksur fi proċeduri kriminali) (C‑660/21, EU:C:2023:498, punt 46).


33      Ara f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023,  Rayonna prokuratura (Tiftix personali) (C‑209/22, EU:C:2023:634, punti 75 sa 78), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet għall-qorti nazzjonali, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, biex tivverifika jekk il-preżenza ta’ avukat fil-ħin ta’ tfittxija personali tas-suspettat u l-qbid sussegwenti ta’ sustanzi illegali kinitx oġġettivament meħtieġa sabiex jiġu ssalvagwardjati b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tas-suspettat.