Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2024 – CE vs BEI

(Kawża T-48/24)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: CE (rappreżentant: D. Giabbani, avukat)

Konvenut: Il-Bank Ewropew tal-Investiment

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa’ r-rikors preżenti bħala ammissibbli proċeduralment;

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli fuq il-mertu;

tannulla d-deċiżjoni tal-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tat-30 ta’ Ottubru 2023;

tikkundanna lill-BEI ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mir-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors kontra d-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tat-30 ta’ Ottubru 2023 billi l-ilment għal fastidju psikoloġiku ppreżentat mir-rikorrent huwa infondat u jikkostitwixxi abbuż tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 7 tal-politika fil-qasam tal-osservanza tad-dinjità tal-persunal fuq il-post tax-xogħol tal-BEI, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża.

It-tieni motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kumitat Investigattiv dwar id-Dinjità fuq il-Post tax-Xogħol (iktar ’il quddiem il-“Kumitat”).

It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ qbil bejn il-konklużjonijiet tar-rapport finali tal-Kumitat mar-realtà oġġettiva tal-fatti.

____________