Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Awwissu 2010 - F91 Diddeléng et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-341/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: F91 Diddeléng (Dudelange, il-Lussemburgu), Julien Bonnetaud (Yutz, Franza), Thomas Gruszczynski (Amnéville, Franza), Rainer Hauck (Maxdorf, il-Ġermanja), Stéphane Martine (Esch-sur-Alzette, il-Lussemburgu), Grégory Molnar (Moyeuvre-Grande, Franza) u Yann Thibout (Algrange, Franza) (rappreżentanti: L. Misson, C. Delrée u G. Ernes, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni Ewropea mogħtija fit-3 ta' Ġunju 2010;

tannulla r-regolamenti li jiksru l-Artikoli 45 u 101 TFUE;

tordna kull sanzjoni neċessarja.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti (il-klabb tal-futbol ta' Dudelange u plejers mhux Lussemburgiżi impjegati ma' dan il-klabb) qegħdin jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ġunju 2010, innotifikata permezz ta' ittra tal-21 ta' Ġunju 2010, li permezz tagħha l-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li ma kinitx ser tittieħed azzjoni fir-rigward tal-ilment imressaq minnhom fil-konfront tal-Fédération Luxembourgeoise de Football (FLF) fuq il-bażi tal-Artikoli 45 u 101 TFUE dwar ir-regolamenti tal-FLF li jipprojbixxu lir-rikorrenti milli jieħdu sehem f'ċerti logħbiet tal-futbol jekk in-numru ta' plejers barranin indikati fl-iskeda tal-plejers għal dik il-logħba jkun iktar minn ċertu numru stabbilit fir-regolamenti tal-FLF.

Insostenn tar-rikors tagħhom ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi bbażati:

fuq ksur tal-Artikolu 45 TFUE, sa fejn l-obbligu attwalment stabbilit fir-regolamenti tal-FLF, jiġifieri li fuq l-iskeda uffiċjali tal-plejers għal logħba partikolari jitniżżlu seba' plejers li jkunu kisbu l-ewwel liċenzja fil-Lussemburgu kif ukoll il-projbizzjoni li jitniżżlu, fl-istess lista, iktar minn erba' plejers ittrasferiti fis-sena sportiva, jikkostitwixxu diskriminazzjoni diretta li tipprojbixxi lil ċittadin ta' Stat Membru milli jeżerċita attività ekonomika fit-territorju tal-Lussemburgu. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, fl-eventwalità li jitqies li r-regolamenti tal-FLF jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta u mhux diretta, l-għanijiet invokati mill-FLF, jiġifieri li dawn ir-regolamenti għandhom l-għan soċjali li jippromwovu l-logħba tal-futbol bħala sport mhux professjonali, huma infondati u ma jistgħux għalhekk jitqiesu bħala għanijiet leġittimi. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet huma sproporzjonati meta mqabbla mal-għan invokat;

fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE, sa fejn il-FLF għandha titqies bħala assoċjazzjoni bejn impriżi li qiegħda tikser id-dritt tal-kompetizzjoni u b'mod iktar partikolari l-Artikolu 101 TFUE, sa fejn ir-restrizzjonijiet fir-rigward tan-numru ta' plejers barranin għandhom konsegwenzi ekonomiċi għall-isportivi professjonali u jippreġudikaw il-libertà ta' kompetizzjoni tal-klabbs tal-futbol Lussemburgiżi.

____________