Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresní soud v Teplicích (Ir-Repubblika Ċeka) fit-30 ta’ Novembru 2023 – Innogy Energie, s.r.o. vs QS

(Kawża C-749/23, Innogy Energie)

Lingwa tal-kawża: ic-Ċek

Qorti tar-rinviju

Okresní soud v Teplicích

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Innogy Energie, s.r.o.

Konvenut: QS

Domandi preliminari

Is-sens u l-għan tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 jipprekludu li l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-punt 1(e) tal-anness ta’ din id-direttiva dwar il-klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, u moqri flimkien mal-Artikolu 5 tagħha dwar l-abbozzar ta’ klawżoli bil-miktub b’lingwaġġ sempliċi u ċar kif ukoll mal-prinċipju ta’ effettività msemmi fl-Artikolu 7 tal-istess direttiva, jiġi interpretat fis-sens li penali kuntrattwali li ġiet ifformulata f’kuntratt ta’ adeżjoni, fil-parti intitolata “Klawżoli oħra” li tinsab fil-paġna 1/2 (l-ewwel paġna tal-kuntratt), minkejja li din “l-ewwel” paġna (bi ksur tal-prassi standard fil-qasam tal-kuntratti mal-konsumatur) ma fiha ebda tagħrif ta’ identifikazzjoni tal-partijiet, ma ġie kkompletat xejn manwalment fiha u l-penali kuntrattwali hija mdaħħla fit-taqsima intitolata “Klawżoli oħra”, li jħalli lil wieħed x’jifhem li din hija klawżola mhux sostantiva, tqieset bħala element regolari tal-kuntratt bil-miktub konkluż bejn il-konsumatur u l-fornitur peress li mill-konsumatur jista’ jkun mistenni li huwa jkun qara kif xieraq din il-paġna tal-kuntratt peress li t-tieni paġna tal-kuntratt (2/2), li bħala fatt hija kkompletata u ffirmata, tinkludi informazzjoni suffiċjenti dwar il-fatt li din hija t-tieni paġna tal-kuntratt preċiżament immarkata bħala 2/2?

Is-sens u l-għan tad-Direttiva 93/13/KE jipprekludu li l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-punt 1(e) tal-anness ta’ din id-direttiva, u/jew flimkien mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE 1 , jiġi interpretat fis-sens li, meta kuntratt għal terminu fiss, bi prezz fiss ta’ provvista tal-elettriku jiġi xolt mill-fornitur minħabba ksur ta’ obbligu tal-konsumatur, l-ammont tat-telf ekonomiku dirett reali subit mill-fornitur wara x-xoljiment antiċipat tal-kuntratt mal-konsumatur ma huwiex determinanti?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.

1     ĠU 2019, L 158, p. 125.