Language of document : ECLI:EU:F:2013:90

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

26 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑78/11

BM

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz Pubbliku — Persunal tal-BĊE — Estensjoni retroattiva tal-perijodu ta’ prova — Deċiżjoni li jiġi tterminat kuntratt matul il-perijodu ta’ prova — Proċedura dixxiplinari ”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, li permezz tiegħu BM, membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2011, li tittermina l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u l-kumpens tad-dannu materjali u tad-dannu morali tiegħu, fejn dan tal-aħħar ġie evalwat għal EUR 10 000.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-20 ta’ Mejju 2011, li jiġi tterminat il-kuntratt ta’ BM fil-31 ta’ Ottubru 2011, hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn BM.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rikors speċjali — Nuqqas ta’ preżentazzjoni qabel il-preżentata ta’ rikors intiż kontra deċiżjoni li ma tikkonfermax ir-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal li jwettaq perijodu ta’ prova — Ammissibbiltà

(Kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 41; Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 8.1.6)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rikors ippreżentat fl-assenza ta’ preżentata minn qabel ta’ rikors speċjali skont ir-Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank — Informazzjoni tal-assenza ta’ proċedura interna mill-Assistent Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani — Ammissibbiltà — Żball skużabbli

(Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 8.1.6)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Interess ġuridiku — Rikors intiż kontra deċiżjoni li tittermina l-kuntratt ta’ impjieg — Ammissibbiltà

4.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Evalwazzjoni tal-iżvolġiment — Assenza ta’ indikazzjonijiet tal-amministrazzjoni qabel l-iskadenza tal-imsemmi perijodu fir-rigward tal-eventwali estensjoni tagħha — Konsegwenza — Konferma tal-perijodu ta’ prova — L-adozzjoni sussegwenti tad-deċiżjoni li estendiet il-perijodu ta’ prova b’effett retroattiv — Inammissibbiltà — Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

(Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 2.1.1 sa 2.1.3)

1.      Fir-rigward ta’ rikors ippreżentat minn membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew kontra deċiżjoni li ma tikkonfermax ir-reklutaġġ tiegħu fl-iskadenza tal-perijodu ta’ prova, iċ-ċirkustanza li r-rikors ġie ppreżentat fl-assenza ta’ preżentata minn qabel ta’ rikors speċjali, fis-sens tal-Artikolu 8.1.6 tar-regoli applikabbli għall-imsemmi persunal, ma hijiex tali li tirrendi r-rikors inammissibbli.

Fil-fatt, ma jirriżultax mingħajr ekwivoku mill-Artikolu 41 tal-Kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema tal-Bank Ċentrali Ewropew, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2009, li d-deċiżjonijiet li ma jiġix ikkonfermat ir-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal li jwettaq perijodu ta’ prova huma suġġetti għal proċedura ta’ rikors speċjali. Issa, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ġuridika effettiva, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri tar-rikorsi interni ta’ istituzzjoni għandhom ikunu ċari, preċiżi u ċerti.

(ara l-punti 37, 40 u 42)

2.      Membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew huwa fondat li jinvoka l-iżball skużabbli biex jiġġustifika l-preżentata tar-rikors tiegħu fl-assenza ta’ preżentata minn qabel ta’ rikors speċjali fis-sens tal-Artikolu 8.1.6 tar-regoli applikabbli għall-imsemmi persunal, meta huwa jkun ġie informat mill-Assistent Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani, tal-baġit u tal-organizzazzjoni li ma kienx hemm proċedura interna kontra d-deċiżjoni li ma jiġix ikkonfermat ir-reklutaġġ tal-imsemmi membru li kien għaddej minn perijodu ta’ prova u li, minħabba f’hekk, kellu jirreferi direttament lill-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punt 41)

3.      Membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew ma huwiex imċaħħad mill-interess ġuridiku fl-annullament ta’ deċiżjoni li jiġi tterminat il-kuntratt tiegħu minħabba li eventwali annullament ta’ din id-deċiżjoni ma jwassalx neċessarjament għall-estensjoni tal-kuntratt tiegħu u lanqas għal reklutaġġ ġdid.

(ara l-punt 45)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza: 23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u T‑109/99, punt 127

4.      Il-perijodu ta’ prova previst fl-Artikolu 2.1.1 tar-Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu bħala għan li jippermetti lill-Bank li jgħaddi ġudizzju konkret dwar l-abbiltà ta’ kandidat li jeżerċita funzjoni determinata, dwar l-ispirtu li bih iwettaq il-kompiti tiegħu u dwar l-effiċjenza tiegħu fis-servizz. F’dan il-kuntest, estensjoni tal-perijodu ta’ prova tista’ tikkostitwixxi miżura xierqa għal dan il-għan. Konsegwentement, l-eżistenza ta’ dubji dwar l-abbiltà ta’ impjegat ġdid tista’ tikkostitwixxi “każ eċċezzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 2.1.2 tal-imsemmija regoli, li jiġġustifika b’hekk li l-perijodu ta’ prova tiegħu jiġi estiż. B’hekk jirriżulta li l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova tbiddel is-sitwazzjoni legali tal-membru tal-persunal ikkonċernat b’mod sostanzjali peress li, minn din id-data, l-Artikolu 2.1.3 tal-imsemmija regoli ma jkunx jista’ jiġi applikat fir-rigward tal-abbiltà ta’ membru tal-persunal sabiex jokkupa l-post li għalih huwa ġie rreklutat u sabiex ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet relatati miegħu, wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, membru tal-persunal, fl-assenza ta’ kull indikazzjoni kuntrarja min-naħa tal-amministrazzjoni qabel l-iskadenza tal-perijodu tiegħu ta’ prova, jista’ jkollu, mid-data tar-Rapport dwar il-perijodu ta’ prova tiegħu, aspettattivi leġittimi sabiex il-Bank ma jadottax deċiżjoni li testendi l-perijodu ta’ prova tiegħu. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kwistjoni jekk kandidat jissodisfax jew le r-rekwiżiti personali u professjonali kollha meħtieġa sabiex jokkupa l-post li għalih huwa ġie rreklutat u sabiex ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet relatati miegħu, kull att individwali meħud fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa wiesgħa, li jikkawża preġudizzju lil membru tal-persunal u jaffettwa s-sitwazzjoni legali personali tiegħu, għandu jirrispetta l-prinċipju ta’ ċertezza legali li għalih hija suġġetta kull istituzzjoni tal-Unjoni fil-ġestjoni tal-persunal tagħha. B’mod partikolari, tali prinċipju jipprekludi li l-portata ratione temporis ta’ att individwali jkollha l-bidu ta’ dekorrenza tagħha stabbilita għal data qabel l-adozzjoni tiegħu. Madankollu, dan jista’ jkun mod ieħor, b’mod eċċezzjonali, meta hekk ikun meħtieġ mill-għan li għandu jintlaħaq u meta l-aspettattivi leġittimi tad-destinatarju jkunu debitament osservati.

Għaldaqstant, deċiżjoni tal-Bank li testendi l-perijodu ta’ prova b’mod retroattiv hija illegali minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

(ara l-punti 61 sa 64 u 66)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 25 ta’ Frar 1979, Racke, 98/78, punt 20; 13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et C‑331/88, punt 45; 22 ta’ Novembru 2001, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kunsill, C‑110/97, punt 151, 26 ta’ Mejju 2005, Tralli vs BĊE, C‑301/02 P, punt 73

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 1 ta’ April 1992, Kupka-Floridi vs CES, T‑26/91, punt 43

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ Mejju 2011, Kalmar vs Europol, F‑83/09, punt 92, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑455/11 P; 13 ta’ Ġunju 2012, Guittet vs Il‑Kummissjoni, F‑31/10, punti 63 u 64, u l-ġurisprudenza ċċitata