Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Nacional (Spanja) fis-26 ta’ Lulju 2023 – Proċeduri kriminali kontra JMTB

(Kawża C-481/23, Sangas) 1

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Nacional

Proċeduri kriminali kontra

J.M.T.B.

Partijiet oħra: Ministerio Fiscal; Abogacía del Estado

Domandi preliminari

Sa fejn il-punt (6) tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoi Qafas 2002/584) 1 jipprevedi, fost ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew, il-fatt li l-mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà kontra persuna mfittxija li hija ċittadina jew residenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew tgħix hemmhekk, u dan l-Istat Membru jimpenja ruħu li jeżegwixxi din il-piena jew din il-miżura preventiva konformement mad-dritt intern tiegħu:

Huwa ammissibbli li tiġi estiża l-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni fakultattiva ta’ rifjut ta’ konsenja fil-każijiet li fihom tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni finali fil-konfront tal-persuna mfittxija?

Jekk tiġi aċċettata din il-possibbiltà, huwa possibbli li tiġi rrifjutata l-konsenja għar-raġuni li l-persuna mfittxija hija meqjusa bħala residenti fl-Istat Membru mitlub, mingħajr dan tal-aħħar ma jimpenja ruħu li jeżegwixxi huwa stess din il-piena jew din il-miżura preventiva konformement mad-dritt intern tiegħu?

Sa fejn il-punt (4) tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi, fost ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew, il-fatt li l-azzjoni kriminali jew il-piena hija preskritta skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u li l-fatti jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dan l-Istat Membru skont il-liġi kriminali rispettiva tiegħu, huwa possibbli li din ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew tiġi estiża għall-każijiet li fihom l-azzjoni kriminali jew il-piena hija meqjusa bħala preskritta skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, anki jekk il-qrati ta’ dan l-Istat ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-fatti?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.