Language of document : ECLI:EU:F:2013:116

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

11 ta’ Lulju 2013

Kawża F‑9/12

CC

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Rikors għad-danni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqasijiet imwettqa fil-ġestjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa — Miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza — Obligu ta’ żamma tad-dokumenti — Telf ta’ opportunità”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu CC titlob, essenzjalment, il-kumpens għad-dannu kkawżat lilha minn numru ta’ nuqqasijiet imwettqa mill-Parlament Ewropew fil-ġestjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa stabbilita fi tmiem tal-kompetizzjoni EUR/A/151/98 u li fiha hija kienet ġiet inkluża wara li ngħatat is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Komunitajiet Ewropej tal‑5 ta’ Marzu 2003, [CC] vs Il‑Parlament (T‑24/01, iktar ’il quddiem is‑“sentenza ta’ annullament”).

Deċiżjoni:      Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat iħallas lil CC is-somma ta’ EUR 15 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn CC.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors għad-danni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Dannu — Qerda illegali minn istituzzjoni ta’ dokumenti relatati mal-miżuri meħuda fir-rigward ta’ kandidat li għadda minn kompetizzjoni inkluż fil-lista ta’ kandidati xierqa ta’ kompetizzjoni — Qerda li ma ċċaħħadx lill-kandidat li għadda minn kompetizzjoni minn kull opportunità li jiġi kkumpensat — Assenza ta’ dannu

(Artikolu 340 TFUE)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Termini — Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

4.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Kompetizzjoni — Obbligu tal-kompetizzjoni li organizzat il-kompetizzjoni li tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra bir-riżultati — Assenza — Eċċezzjoni — Eżistenza ta’ assigurazzjonijiet f’dan is-sens li huma tali li jagħtu lok għal aspettattivi leġittimi — Ksur — Nuqqas amministrattiv

5.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Kunċett — Telf ta’ opportunità li tirriżulta miċ-ċaħda illegali ta’ kandidatura — Kriterji ta’ evalwazzjoni tad-dannu

(Artikolu 340 TFUE)

6.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Dannu materjali kkawżat minn kandidat li għadda minn kompetizzjoni li ma kellux l-istess opportunitajiet ta’ reklutaġġ bħal dawk offerti lil kandidati oħra li għaddew minn kompetizzjoni — Dannu reparabbli

(Artikolu 340 TFUE)

7.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Danni morali — Rabta kawżali — Oneru tal-prova — Assenza

(Artikolu 340 TFUE)

1.      Il-kwistjoni dwar jekk rikorrent ippreżentax talba għal kumpens f’terminu raġonevoli għandha tiġi evalwata, mhux b’mod globali, iżda fir-rigward ta’ kull waħda min-nuqqasijiet allegati u tad-data li fiha seħħ id-dannu mwettaq minn kull wieħed minn dawn in-nuqqasijiet.

(ara l-punt 54)

2.      Il-qerda minn istituzzjoni tal-Unjoni tad-dokumenti relatati mal-miżuri meħuda minn din l-istituzzjoni sabiex jiġu informati l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Unjoni dwar l-inklużjoni ta’ rikorrent fil-lista ta’ kandidati xierqa ta’ kompetizzjoni, ikkunsidrata illegali minħabba l-fatt li t-tul taż-żamma tal-imsemmija dokumenti kien inferjuri għat-terminu li fih tista’ titressaq talba għal kumpens, ma ċċaħħadx lir-rikorrent minn kull opportunità li jiġi kkumpensat. Jekk l-imsemmija istituzzjoni kellha l-obbligu li tinforma lill-istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni dwar l-inklużjoni tar-rikorrent fl-imsemmija lista, l-oneru jaqa’ għalhekk fuq l-istituzzjoni sabiex tipprova li hija kienet tissodisfa dan l-obbligu. Għalhekk, iċ-ċirkustanza li l-istituzzjoni qiegħdet lilha nnifisha volontarjament f’sitwazzjoni fejn huwa impossibbli għaliha li tistabbilixxi jekk l-allegazzjonijiet tiegħu humiex veri tista’ sseħħ biss għad-detriment tagħha. F’dan is-sens, il-qerda għaldaqstant ma hijiex tali li tikkawża dannu lir-rikorrent, bħala tali.

(ara l-punt 71)

3.      Meta talbiet huma strettament għall-kumpens, fis-sens li ma humiex intiżi għall-annullament ta’ att speċifiku iżda esklużivament għall-kumpens ta’ danni allegatament ikkawżati minn sensiela ta’ nuqqasijiet jew ommissjonijiet li, fl-assenza ta’ kull effett ġuridiku, ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala atti li jikkawżaw preġudizzju, il-proċedura amministrattiva għandha, taħt piena ta’ inammissibbiltà, tibda b’talba tal-parti kkonċernata li tistieden lill-Awtorità tal-Ħatra tikkumpensa d-danni allegati u tkompli, jekk ikun il-każ, bit-tressiq ta’ lment indirizzat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba. Mingħajr riferiment espliċitu fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-terminu għat-tressiq ta’ tali talba għal kumpens għandu jkun raġonevoli, liema fatt għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, tal-interessi fit-tilwima għall-parti kkonċernata, tal-kumplessità tal-kawża u tal-aġir tal-partijiet ikkonċernati. Madankollu, sabiex issir din l-evalwazzjoni, jista’ jinsilet utilment paragun mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ azzjonijiet għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-mument li fih iseħħ effettivament id-dannu subit mill-vittma.

(ara l-punti 80, 81 u 95)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, C‑51/05 P, punt 63

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il‑Kummissjoni, F‑23/05, punt 69; 11 ta’ Mejju 2010, Nanopoulos vs Il‑Kummissjoni, F‑30/08, punti 116 u 117; 8 ta’ Frar 2011, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑95/09, punt 52

4.      Ma jistax jiġi dedott miċ-ċirkustanza li istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni minbarra dak jew dawk li organizzaw kompetizzjoni jistgħu jirreklutaw kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni inklużi fil-lista ta’ kandidati xierqa maħruġa minn din il-kompetizzjoni obbligu kwalunkwe għall-istituzzjoni jew korp inkarigat milli jorganizza kompetizzjoni li jinforma lill-istituzzjonijiet u korpi kollha tal-Unjoni dwar ir-riżultati ta’ din il-kompetizzjoni.

Mhux l-istess jgħodd fil-każ fejn l-istituzzjoni li torganizza l-kompetizzjoni tagħti x’tifhem, numru ta’ drabi, lil kandidat li għadda mill-kompetizzjoni li hija kienet informat lill-istituzzjonijiet u korpi l-oħra tal-Unjoni dwar l-inklużjoni tiegħu fil-lista ta’ kandidati xierqa tal-kompetizzjoni u li kienet ikkomunikat il-curriculum vitae tiegħu. Issa, meta istituzzjoni tipprovdi lil persuna assigurazzjonijiet taħt forma ta’ tagħrif preċiż, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti, li jirriżulta minn sorsi awtorizzati u affidabbli, hija għandha d-dritt li tistenna, skont il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, li din l-istituzzjoni tikkonforma ruħha mall-assigurazzjonijiet li hija tat. Meta tonqos milli tagħmel dan, l-istituzzjoni inkwistjoni twettaq nuqqas ta’ natura li tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nuqqas ta’ informazzjoni lill-istituzzjonijiet u korpi l-oħra tal-Unjoni jikkostitwixxi nuqqas ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni. Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni biċ-ċirkustanza li l-kandidat li għadda mill-kompetizzjoni ħa l-kompitu li jinforma huwa stess lil ċerti istituzzjonijiet u lil ċerti korpi tal-Unjoni. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza tista’ biss tnaqqas id-dannu subit mill-kandidat li għadda mill-kompetizzjoni, iżda ma tiskużax l-aġir tal-istituzzjoni li organizzat il-kompetizzjoni min-nuqqas imwettaq.

(ara l-punti 99, 100, 104 u 105)

5.      Fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, id-dannu għandu jkun debitament stabbilit u ċert. Għalhekk jirriżulta li, meta d-dannu allegat jikkonċerna telf ta’ opportunità, minn naħa, l-opportunità mitlufa għandha tkun reali u, min-naħa l-oħra, dan it-telf għandu jkun definittiv.

Għandha teżisti rabta diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn in-nuqqas imwettaq mill-istituzzjoni kkonċernata u d-dannu invokat. Madankollu din il-kundizzjoni ma teskludix li, meta d-dannu allegat jirriżulta mit-tneħħija ta’ eventwalità favorevoli, il-persuna kkonċernata tiġi kkumpensata għat-telf, mhux ta’ dritt sabiex isseħħ din l-eventwalità, iżda tal-opportunità sabiex din l-eventwalità sseħħ.

Huwa biss meta jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri, meta l-opportunità mitlufa kienet reali u meta dan it-telf ikun definittiv, li l-persuna kkonċernata għandha dritt li tiġi kkumpensata għal telf ta’ opportunità, jiġifieri, fir-rigward tat-telf tal-opportunità li tiġi rreklutata minn istituzzjoni tal-Unjoni, fejn tista’ tikseb il-ħlas tar-remunerazzjoni li hija kienet tirċievi li kieku hija kellha tinħatar uffiċjal bi prova, b’koeffiċenti li jirrifletti l-probabbiltà li din l-opportunità titwettaq fl-assenza tal-illegalità mwettqa.

F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li l-opportunità mitlufa tkun ftit importanti ma tipprekludix il-konstatazzjoni ta’ rabta kawżali bejn in-nuqqas imwettaq u d-dannu subit. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li opportunità mitlufa tkun minima ma għandhiex rabta mal-eżistenza ta’ rabta kawżali, iżda tirrifletti biss il-fatt li d-dannu subit huwa żgħir. Barra minn hekk, li jiġi rikjest li l-opportunità mitlufa kienet gravi sabiex tkun tista’ tiġi kkumpensata tagħti lok sabiex jiġu kkumpensati biss id-danni ta’ ċerta serjetà, filwaqt li l-Unjoni għandha l-obbligu li tikkumpensa bis-sħiħ lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal għad-danni li hija kkawżatilhom.

Ċertament, in-nuqqas imwettaq għandu effettivament ikun il-kawża determinanti għall-assenza ta’ twettiq tal-opportunità allegata. Fil-fatt, l-Unjoni tista’ titqies bħala responsabbli għal dannu biss jekk dan jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir irregolari ta’ istituzzjoni, li jfisser li l-illegalità mwettqa kienet il-kawża determinanti tat-telf ta’ opportunità.

(ara l-punti 115, 116, 118 u 119)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Ġunju 1984, Lux vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 69/83, punt 13; 9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, punti 22 u 28

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza: 5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il‑Kummissjoni, T‑45/01, punt 150; 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, punt 165; 6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, punt 96

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ Novembru 2008, Hristova vs Il‑Kummissjoni, F‑50/07, punt 41; 12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, F‑50/09, punt 179, u l-ġurisprudenza ċċitata

6.      Iċ-ċirkustanza li kandidat li għadda minn kompetizzjoni ma ġiex maħtur uffiċjal ma jipprekludix talba għal kumpens għad-dannu li huwa kellu jsofri minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-għażla tal-kompetizzjoni li ma tinkludihx ab initio fil-lista ta’ kandidati xierqa tal-kompetizzjoni u marbuta mat-telf ta’ opportunità li jinħatar uffiċjal bi prova.

Fil-fatt, filwaqt li persuna inkluża tardivament f’lista ta’ kandidati xierqa tista’ tikseb kumpens, jekk finalment hija tiġi rreklutata, għal telf ta’ opportunità li tinħatar uffiċjal bi prova iktar kmieni milli nħatret, dan ma jfissirx li persuna li ma nħatritx uffiċjal ma tistax tikseb kumpens talli ma setgħetx tibbenefika mill-istess opportunitajiet ta’ reklutaġġ bħal dawk offerti lill-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni inklużi ab initio f’lista ta’ kandidati xierqa meta, b’mod partikolari, ikun ċar li dawn l-opportunitajiet ta’ reklutaġġ kienu iktar importanti u li barra minn hekk jikkorrispondu għal dawk li minnhom din il-persuna finalment ibbenefikat.

(ara l-punt 126)

Referenza:

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Settembru 2011, AA vs Il‑Kummissjoni, F‑101/09, punti 81 et seq

7.      Fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, rikorrent ma għandux jipprova l-eżistenza ta’ dannu morali jew ta’ rabta kawżali, billi dawn tal-aħħar jistgħu jiġu dedotti miċ-ċirkustanzi u min-natura tan-nuqqas li ġie kkonstatat. B’hekk, huwa paċifiku li s-sentiment ta’ inġustizzja u t-turment li kkaġuna l-fatt, għal persuna, li jkollha tressaq proċedura prekontenzjuża, imbagħad kontenzjuża, sabiex taċċerta li jiġu rikonoxxuti d-drittijiet tagħha, jikkostitwixxi dannu li jista’ jiġi dedott mis-sempliċi fatt li l-amministrazzjoni wettqet illegalità.

(ara l-punt 128)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, punti 27 u 28