Language of document :

Appell ippreżentat fit-2 ta’ Lulju 2013 minn BX mis-sentenza mogħtija fl-24 ta’ April 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-88/11, BX vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-352/13 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: BX (Washington, l-Istati Uniti) (rappreżentant: R. Rata, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza mogħtija fl-24 ta’ April 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-88/11;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Bord tal-Għażla li ma tinkludix lill-appellant fil-lista ta’ kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni EPSO/AD/148/09-RO (ĠU 2009 C 14 A, p. 1), u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka sitt aggravji.

L-ewwel aggravju jsostni li l-konklużjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (punt 33 tas-sentenza) li timplika li l-appellant ma ssodisfax il-livell ta’ prova meħtieġ hija inapplikabbli f’din il-kawża.

It-tieni aggravju jsostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta kkonstata li kandidat li l-marka inizjali tiegħu kienet ogħla mill-marka eliminatorja skont dawn il-kriterji prestabbiliti ma huwiex intitolat għal evalwazzjoni komparattiva (punt 41) għaliex:

skont ġurisprudenza stabbilita, kull kandidat f’kompetizzjoni EPSO għandu dritt għal evalwazzjoni komparattiva, irrispettivament mill-fatt jekk l-evalwazzjoni inizjali tiegħu teċċedix jew le l-marka eliminatorja;

il-bord ma osservax debitament l-obbligu tiegħu ta’ evalwazzjoni komparattiva mhux biss fil-konfront tal-appellant iżda wkoll fil-konfront tal-kandidati l-oħra kollha għall-eżami orali għaliex iż-żmien mogħti għas-sessjoni ta’ evalwazzjoni finali kien manifestament insuffiċjenti; u

is-sentenza appellata ma hijiex ibbażata fuq argumenti rilevanti mqajma mill-appellant u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-inkoerenza tal-argumenti tal-appellata

It-tielet aggravju jsostni li l-konklużjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li jipprovdi li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma nkisirx, hija inkorretta.

Ir-raba’ aggravju jsostni li r-regoli ta’ kompożizzjoni tal-bord inkisru għaliex

il-kompożizzjoni tal-bord kienet żbilanċjata (il-ħames inċiż tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea):

it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta kkonstata li huwa paċifiku li l-bord ikun kompost minn tliet membri matul l-eżami orali tal-appellant (punt 49 tas-sentenza appellata)

it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkwota b’mod inkorrett is-sentenza Bartha vs Il-Kummissjoni biex isostni l-konklużjoni tiegħu li l-prinċipju ta’ rappreżentazzjoni bbilanċjata bejn irġiel u nisa fil-kompożizzjoni ta’ bord kien ġie osservat.

il-preżenza fl-istess ħin ta’ membri permanenti u membri supplenti fil-bord matul l-eżamijiet orali wasslu f’din il-kawża għal proċedura illegali (punt 50)

il-prinċipju ta’ stabbiltà ta’ bord inkiser (punt 51).

Il-ħames aggravju jsostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball meta ddeċieda li l-fatti fil-kawża ma kinux jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura (punt 81) għaliex l-appellata kkonċediet li ċ-ċaħda tal-ilmenti amministrattivi preċedenti tal-appellant kienet ibbażata fuq motivażżjoni żbaljata u l-appellata għalhekk għandha tbati l-ispejjeż.

Is-sitt aggravju jsostni li t-talba għal danni morali kienet iġġustifikata.