Language of document : ECLI:EU:T:2014:669

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

14 ta’ Lulju 2014

Kawża T‑356/13 P

Giorgio Lebedef

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Proċeduri dixxiplinari — Sanzjoni dixxiplinari — Demozzjoni — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-24 ta’ April 2013, Lebedef vs Il‑Kummissjoni (F‑56/11, ĠabraSP, EU:F:2013:49), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Giorgio Lebedef għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita — Deċiżjoni dixxiplinari li saret definittiva, meħuda qabel id-deċiżjoni dixxiplinari appellata — Esklużjoni

(Artikoli 263 TFUE u 277 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

Fil-kuntest ta’ rikors dirett kontra deċiżjoni li timponi sanzjoni dixxiplinari fuq uffiċjal, eċċezzjoni ta’ illegalità kontra deċiżjoni dixxiplinari meħuda qabel ma tistax tiġi eżaminata fil-mertu mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta l-aħħar deċiżjoni ma tikkostitwixxix il-bażi legali tad-deċiżjoni inkwistjoni u meta l-uffiċjal ikollu d-dritt li jippreżenta rikors kontra din l-ewwel deċiżjoni dixxiplinari konformement ma’ u fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-fatt, l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura d-dritt ta’ kull parti li tikkontesta b’mod inċidentali, bil-għan li tikseb l-annullament ta’ att li kontrih tista’ tippreżenta rikors, il-validità ta’ att istituzzjonali preċedenti li jikkostitwixxi l-bażi legali tal-att ikkontestat, jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dan l-att, li tiegħu hija għalhekk tkun qiegħda tbati l-konsegwenzi mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob li jiġi annullat.

F’dan ir-rigward, it-termini għall-preżentata ta’ lment u ta’ rikors huma ta’ ordni pubbliku u ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti, peress li ġew istitwiti bl-għan li jiżguraw iċ-ċarezza u s-sigurtà tas-sitwazzjonijiet legali. Jekk wieħed jippermetti lil uffiċjal li jikkontesta l-ewwel deċiżjoni dixxiplinari b’mod inċidentali, fl-okkażjoni ta’ rikors ippreżentat kontra t-tieni deċiżjoni dixxiplinari, dan ikun f’kunflitt mal-prinċipji li jirregolaw ir-rimedji ġudizzjarji istitwiti mir-Regolamenti tal-Persunal u jikkawża preġudizzju lill-istabbiltà ta’ din is-sistema kif ukoll lill-prinċipju ta’ ċertezza legali li minnu din tal-aħħar hija ispirata.

(ara l-punti 23, 24, 31 u 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni, 92/78, Ġabra, EU:C:1979:53, punt 39, u tad-19 ta’ Jannar 1984, Andersen et vs Il‑Parlament, 262/80, Ġabra, EU:C:1984:18, punt 6

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digriet tal-21 ta’ Ġunju 2010, Meister vs UASI, T‑284/09 P, ĠabraSP, EU:T:2010:246, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata