Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Jannar 2017 – Amicus Therapeutics UK u Amicus Therapeutics vs EMA

(Kawża T-33/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Amicus Therapeutics UK Ltd (Gerrards Cross, ir-Renju Unit) and Amicus Therapeutics, Inc. (Cranbury, New Jersey, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: L. Tsang, J. Mulryne, Solicitors, u F. Campbell, Barrister)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni, ikkomunikata mill-konvenuta lir-rikorrenti fl-14 ta’ Diċembru 2016, li jiġi żvelat ir-rapport ta’ studju kliniku AT1001-011 skont ir-Regolament (KE) Nru 1039/2001;

sussidjarjament, tibgħat id-deċiżjoni lura lill-konvenuta sabiex teżaminaha mill-ġdid, wara li r-rikorrenti jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet speċifiċi dwar partijiet partikolari tar-rapport ta’ studju kliniku li għandhom jitħallew barra qabel l-iżvelar; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż legali u għall-ispejjeż l-oħra sostnuti mir-rikorrenti f’din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-rapport ta’ studju kliniku inkwistjoni huwa kopert minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fid-dawl ta’: (i) l-istruttura u t-termini tal-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni rilevanti; (ii) l-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jwettqu l-obbligi skont l-Artikolu 39(1) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrigwardaw il-kummerċ; u (iii) l-importanza li għandha tingħata lid-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti għall-privatezza u għall-proprjetà.

It-tieni motiv, ibbażat, sussidjarjament fuq l-allegazzjoni l-uniku eżitu legalment ammissibbli ta’ eżerċizzju xieraq ta’ bbilanċjar, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kien ikun deċiżjoni li ma jiġix żvelat ir-rapport ta’ studju kliniku inkwistjoni, fid-dawl ta’: (i) il-piż konvinċenti tal-interess privat tar-rikorrenti li jiġi evitat l-iżvelar, minħabba l-effett distruttiv li tali żvelar ikollu fuq drittijiet fundamentali għall-proprjetà u għal-libertà ta’ intrapriża; u (ii) l-interess pubbliku fl-iżvelar, li huwa sempliċement vag u ġeneriku, peress li ma hemm ebda neċessità pubblika suffiċjentement urġenti għall-iżvelar.

____________