Language of document : ECLI:EU:F:2013:91

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

26 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑106/11

BM

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BĊE — Proċedura dixxiplinari — Sanzjoni dixxiplinari — Twissija bil-miktub”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, li permezz tiegħu, BM, membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tad-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tar-Riżorsi Umani, tal-Baġit u tal-Organizzazzjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠ ‘Riżorsi Umani’”, tal-15 ta’ April 2011, li timponi, fir-rigward tiegħu, twissija bil-miktub u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-dannu morali subit.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. BM għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Sistema dixxiplinari — Obbligu li ssir investigazzjoni qabel il-bidu tal-proċedura dixxiplinari — Assenza

(Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 45; Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 8.3.2; Ċirkolari amministrattiva tad-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew Nru 1/2006)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament — Invokazzjoni tal-bona fides minn membru tal-persunal li kien naqas milli jiddikjara allowances tal-istess natura bħall-allowances tal-familja tal-Unjoni — Inammissibbiltà

(Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 21; Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 0.4.3 u 3.3.2)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Sistema dixxiplinari — Sanzjoni — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Kunċett — Setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kompetenti — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 45)

1.      Ebda dispożizzjoni applikabbli, la fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew jew fir-Regoli applikabbli għall-imsemmi persunal, u lanqas fiċ-ċirkolari amministrattiva tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank dwar investigazzjonijiet amministrattivi interni, ma tipprovdi li qabel ma jingħata bidu għall-proċedura dixxiplinari għandu jkun hemm investigazzjoni amministrattiva fis-sens tal-imsemmija ċirkolari.

(ara l-punt 31)

2.      Membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, li naqas mill-obbligi professjonali tiegħu, billi ma ddikjarax lil dan tal-aħħar l-allowances li rċieva li huma tal-istess natura bħall-allowances tal-familja mogħtija mill-bank, ma jistax jinvoka l-bona fides tiegħu sabiex jevita sanzjoni dixxiplinari. Fi kwalunkwe każ, membru tal-persunal normalment diliġenti għandu jkollu għarfien tar-regoli li jirregolaw ir-remunerazzjoni tiegħu.

(ara l-punti 45 u 63)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 1 ta’ Frar 1996, Chabert vs Il-Kummissjoni, T‑122/95, punt 32; 1 ta’ April 2004, Gussetti vs Il-Kummissjoni, T‑312/02, punt 106

3.      Fir-rigward ta’ membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-applikazzjoni fil-qasam dixxiplinari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tinkludi żewġ aspetti. Minn naħa, hija l-awtorità kompetenti li għandha tagħżel is-sanzjoni xierqa ladarba tiġi stabbilita l-ġenwinità tal-fatti allegati kontra l-membru tal-persunal, u l-qorti tal-Unjoni ma tistax tikkritika din l-għażla sa fejn is-sanzjoni imposta ma tkunx sproporzjonata meta mqabbla mal-fatti allegati fil-konfront tal-membru tal-persunal. Min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tas-sanzjoni għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni globali mill-imsemmija awtorità tal-fatti kollha konkreti u taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ individwali, peress li, fir-rigward tal-membri tal-persunal tiegħu, il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Bank Ċentrali Ewropew ma jipprevedux relazzjoni speċifika bejn is-sanzjonijiet dixxiplinari li huma jistabbilixxu u t-tipi differenti ta’ nuqqas min-naħa tal-membri tal-persunal, u ma jispeċifikawx sa fejn ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-għażla tas-sanzjoni. Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni hija kompetenti teżamina il-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi li huma rilevanti għall-kawża quddiemha, li jimplika, fil-każ ta’ sanzjoni dixxiplinari, li jkollha s-setgħa teżamina l-proporzjonalità bejn l-aġir żbaljat u s-sanzjoni. Fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni huwa għalhekk limitat għall-evalwazzjoni dwar jekk is-sanzjoni imposta hijiex sproporzjonata meta mqabbla mal-fatti allegati kontra l-membru tal-persunal u dwar jekk il-valutazzjoni mill-Bank taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti twettqitx b’mod xieraq.

(ara l-punti 51 u 52)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 15 ta’ Mejju 2012, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑184/11 P, punt 85