Language of document : ECLI:EU:T:2004:181

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

10 ta' Ġunju 2004(*)

"Klawżola ta' arbitraġġ – Kuntratt konkluż fil-kuntest tal-programm PLAN Cluster D – Spejjeż ta' l-ivvjaġġar – Spejjeż ta' l-irkupru tad-dejn – Ħlas tard"

Fil-kawża T-315/02,

Svend Klitgaard, residenti fi Skørping (id-Danimarka), irrappreżentat minn S. Koll Espensen, avocat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn  H. Støvlbæk u C. Giolito, bħala aġenti, assistiti minn P. Heidmann, avocat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq taħt l-Artikolu 238 KE intiż biex jitħallsu lura EUR 19,867.40 allegatament inkorsi mir-rikorrent fir-rigward ta' l-eżekuzzjoni tal-kuntratt nru. 32.0166, konkluż fil-kuntest tal-proġett Plant Life Assessment Network (PLAN) taqsima D, flimkien ma' l-interessi minħabba ħlas tard, u l-ħlas ta' kumpens għall-ispejjeż ta' l-irkupru, ukoll flimkien ma' l-interessi minħabba ħlas tard,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn  P. Lindh, President, R. García-Valdecasas u J. D. Cooke, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-20 ta' Jannar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fl-1997, il-Kummissjoni fdat liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (iktar 'il quddiem iċ-"ĊKR") ir-responsabbiltà għal madwar sittin proġett dwar it-tul tal-ħajja ta' impjanti industrijali miġbura taħt proġett wieħed bl-isem ta' "Plant Life Assessment Network" (iktar 'il quddiem il-"proġett PLAN").

2       Fit-22 ta' Diċembru 1997, il-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni, ikkonkludiet kuntratt (nru. 32.0166) mas-Sur S. Klitgaard biex titwettaq il-verifika teknika tat-taqsima D tal-proġett PLAN (iktar 'il quddiem il-"kuntratt") fuq perijodu ta' 48 xahar. Ir-rikorrent beda jwettaq dan l-inkarigu f'Ottubru 1997, qabel il-konklużjoni formali tal-kuntratt.

 L-istipulazzjonijiet tal-kuntratt

3       L-Artikolu 4.1 tal-kuntratt, li jikkonċerna r-remunerazzjoni tar-rikorrent, jipprovdi li:

"Il-Kummissjoni tintrabat li tħallas lill-kuntrattur bħala korrispettiv għas-servizzi tiegħu fil-kuntest ta' dan il-kuntratt ammont ta' mhux aktar minn ECU 81,000 (wieħed u tmenin elf) kif ġej:

–       30% wara l-iffirmar tal-kuntratt,

–       20% wara li l-Kummissjoni taċċetta l-ewwel rapport annwali,

–       20% wara li l-Kummissjoni taċċetta t-tieni rapport annwali,

–       20% wara li l-Kummissjoni taċċetta t-tielet rapport annwali,

–       10% wara li l-Kummissjoni taċċetta r-rapport finali.

Huwa miftiehem li l-ammont imsemmi iktar 'il fuq ser ikopri l-ispejjeż kollha inkorsi mill-kuntrattur fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt tiegħu, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 5."

4       L-Artikolu 5 tal-kuntratt, dwar l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar, jipprovdi li:

"5.1 L-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-akkomodazzjoni tal-kuntrattur, kif ukoll l-ispejjeż kollha inkorsi għat-trasport ta' materjal jew ta' bagalji li ma jkunux akkumpanjati, marbutin direttament ma' l-eżekuzzjoni tal-kompiti indikati fl-Artikolu 3 ta' dan il-kuntratt għandhom jiġu mħallsa lura skond id-dispożizzjonijiet partikolari ta' l-Anness 4.

5.2 Dawn l-ispejjeż għandhom jitħallsu fuq preżentazzjoni ta' dokumenti probatorji bħal irċevuti u mammi ta' biljetti."

5       L-aħħar parti tat-taqsima (ċ) ta' l-Anness 4, tal-kuntratt tipprovdi ammont massimu għall-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar:

"L-ispejjeż deskritti iktar 'il fuq huma koperti sa ammont massimu ta' ECU 27,000 għall-perijodu kuntrattwali ta' 48 xahar."

6       L-ewwel u t-tieni paragrafi ta' l-Artikolu 4.2 tal-kuntratt, dwar it-terminu għall-ħlas, jipprovdu:

"Il-Kummissjoni tintrabat li tħallas l-ammonti dovuti għall-eżekuzzjoni ta' dan il-kuntratt f'terminu ta' mhux aktar minn 60 ġurnata li jibda' jiddekorri mid-data meta hija tapprova jew meta hija kellha tapprova r-rapport ('data ta' approvazzjoni') sad-data ta' meta l-kont tagħha jiġi ddebitat.

Dan it-terminu jista' jiġi sospiż mill-Kummissjoni f'kull mument tal-perijodu ta' 60 ġurnata li jibda' jiddekorri mid-data ta' approvazzjoni bin-notifika lill-kuntrattur ikkonċernat li t-talbiet rispettivi għal ħlas mhumiex ammissibbli, jew minħabba li l-ammont mhux dovut, jew minħabba li d-dokumenti probatorji mitluba ma ġewx ippreżentati, jew minħabba li l-Kummissjoni jidhrilha li huma meħtieġa verifiki addizzjonali. It-terminu jkompli jiddekorri mill-ġurnata meta jiġu reġistrati t-talbiet għal ħlas magħmula b'mod korrett."

7       L-Artikolu 3(b) ta' l-Anness 1 tal-kuntratt jirregola l-approvazzjoni tar-rapport finali mill-Kummissjoni:

"Dan ir-rapport għandu jiddeskrivi l-ħidma kollha mwettqa kif ukoll ir-riżultati miksuba fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Huwa għandu jinkludi wkoll sommarju ta' l-aktar riżultati importanti miksuba.

[…]

Dan ir-rapport għandu jitqies bħala aċċettat mill-Kummissjoni jekk, fit-terminu ta' xahar minn meta tirċievi r-rapport finali […], hija ma tkunx għadha kkomunikat espressament l-osservazzjonijiet tagħha lill-kuntrattur."

8       Skond l-Artikolu 8 tal-kuntratt, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija kompetenti biex taqta' u tiddeċiedi dwar kull kwistjoni dwar il-kuntratt li, skond l-Artikolu 7 tiegħu, huwa rregolat mid-dritt Daniż.

 Il-fatti

9       Fl-1 ta' April 1998, skond l-Artikolu 4.1 tal-kuntratt, il-Kummissjoni ħallset lir-rikorrent l-ewwel pagament li kien jammonta għal EUR 24,3000.

10     Permezz ta' ittra tat-30 ta' Novembru 1998, ir-rikorrent talab lill-Kummissjoni biex, minn naħa, tħallsu t-tieni pagament li kien jammonta għal EUR 16,200, u, min-naħa l-oħra, tħallsu lura l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar għall-perijodu ta' bejn l-1 ta' Ottubru u t-30 ta' Novembru 1998.

11     Permezz ta' ittra tal-25 ta' Frar 1999, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-ħlas lura ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar waqt li ddikjarat kif ġej:

"Kif ċertament taf, inizjalment, kienet prevista somma ta' ECU 3,500 għal kull proġett ta' verifika teknika u l-ispejjeż inkorsi (flimkien ma' l-ispejjeż ta' parteċipazzjoni fil-PLAN u l-ispejjeż relatati). Dan l-ammont totali kien ta' ECU 81,000 fil-każ tat-taqsima D (ara Anness 1: tabella bl-ispejjeż ta' netwerk).

Sfortunatament, minħabba żball tipografiku, il-verżjoni finali tal-kuntratt tiegħek kienet tipprovdi:

'Huwa miftiehem li l-ammont imsemmi iktar 'il fuq ser ikopri l-ispejjeż kollha inkorsi mill-kuntrattur fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt tiegħu, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 5.'

Naturalment, il-kuntratt finali kellu jipprovdi kif ġej:

'Huwa miftiehem li l-ammont imsemmi iktar 'il fuq ser ikopri l-ispejjeż kollha inkorsi mill-kuntrattur fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt tiegħu, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 5.'

Nittamaw li ma ssib l-ebda problema biex tiffirma l-ftehim addizzjonali mehmuż ma' din l-ittra."

12     Permezz ta' ittri tat-3 ta' Marzu u tas-26 ta' Marzu 1999, ir-rikorrent ċaħad il-proposta tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 1999 minħabba li r-remunerazzjoni ma kinitx ħa tibqa' aktar proporzjonata mas-servizzi pprovduti minnu. Huwa ppreżenta żewġ abbozzi ta' ftehim addizzjonali intiżi biex jew jillimitaw is-servizzi previsti fil-kuntratt, jew biex jitolbu l-ħlas lura ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar indipendentament mill-ammonti stipulati fl-Artikolu 4.1 tal-kuntratt.

13     Fis-17 ta' Mejju 1999, il-Kummissjoni ħallset it-tieni parti li kienet tammonta għal EUR 16,200, ammont li kien jinkludi l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar.

14     Permezz ta' ittra ta' l-20 ta' Mejju 1999, ir-rikorrent wissa lill-Kummissjoni li l-attivitajiet rilevanti kollha tal-kuntratt kienu ħa jiġu sospiżi b'effett mill-1 ta' Ġunju 1999 jekk il-Kummissjoni ma kinitx ser taċċetta li jew tħallas l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar kif ukoll l-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 4.1 tal-kuntratt, jew li tillimita s-servizzi previsti mill-kuntratt. Huwa bagħat żewġ abbozzi ta' ftehim addizzjonali f'dan ir-rigward.

15     Permezz ta' ittra tas-16 ta' Ġunju 1999, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrent żewġ abbozzi ta' ftehim addizzjonali għall-kuntratt, wieħed dwar ir-remunerazzjoni tar-rikorrent u l-ieħor dwar il-provvista ta' servizzi mir-rikorrent. Fl-ewwel ftehim addizzjonali, ġie espliċitament stabbilit massimu ta' EUR 81,000 fir-rigward tar-remunerazzjoni tar-rikorrent, inklużi l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar. Mill-banda l-oħra, skond it-tieni ftehim addizzjonali, tnaqqsu l-kompiti li kellu jwettaq ir-rikorrent b'mod partikolari fis-sens li l-parteċipazzjoni tiegħu fil-laqgħat tan-netwerk ma kinitx iżjed meħtieġa b'effett mill-1 ta' Ġunju 1999.

16     Permezz ta' ittra tat-18 ta' Ġunju 1999, ir-rikorrent wieġeb li l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ġunju 1999 kienet essenzjalment tikkorrispondi mat-tieni proposta tiegħu ta' l-20 ta' Mejju 1999. Ir-rikorrent iddikjara dan li ġej:

"Malli jkunu rċevuti ż-żewġ oriġinali ta' l-ewwel u tat-tieni ftehim addizzjonali, kopja ta' kull wieħed minnhom ser tintbagħat lura ffirmata bil-kundizzjoni espressa li l-aħħar pagamenti kuntrattwali jitħallsu fit-termini."

17     Fis-7 ta' Lulju 1999, ir-rikorrent iffirma u bagħat lura ż-żewġ abbozzi ta' ftehim addizzjonali lill-Kummissjoni li mbagħad tilfithom. Ir-rikorrent reġà bagħathom fl-24 ta' Settembru 1999. Il-Kummissjoni ffirmathom fid-29 ta' Settembru 1999.

18     Il-Kummissjoni ħallset it-tielet u r-raba' pagamenti fuq preżentazzjoni tar-rapporti annwali rispettivi fil-21 ta' Diċembru 1999 u fit-12 ta' Diċembru 2000.

19     Permezz ta' ittra tat-30 ta' Novembru 2001, ir-rikorrent bagħat dak li huwa sejjaħ "rapport annwali" u stieden lill-Kummissjoni biex tħallas l-aħħar pagament. Il-Kummissjoni rċeviet dan id-dokument fl-4 ta' Diċembru 2001.

20     Permezz ta' ittra elettronika tas-17 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrent biex jibgħatilha, permezz ta' ittra elettronika, ir-rapport li kienet irċeviet bħala dokument stampat fl-4 ta' Diċembru 2001. Barra minn hekk, hija talbet lir-rikorrent biex jgħaddilha ċerta informazzjoni dwar il-ħidma mwettqa matul il-perijodu kuntrattwali kollu.

21     Permezz ta' ittra elettronika tad-19 ta' Diċembru 2001, ir-rikorrent bagħat l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni.

22     Permezz ta' ittra tat-30 ta' Jannar 2002, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li t-talba tiegħu għal ħlas tat-30 ta' Novembru 2001 ma setgħatx tintlaqa' qabel ma jipproduċi d-dokumenti probatorji ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar tiegħu għall-perijodu kuntrattwali kollu.

23     Permezz ta' ittra tal-31 ta' Jannar 2002, ir-rikorrent nnotifika lill-Kummissjoni li ma kinitx ħallset l-aħħar pagament kuntrattwali li kien jammonta għal EUR 8,100 fit-terminu. Barra minn hekk, huwa talab il-ħlas lura ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar li kienu jammontaw għal EUR 19,867.40, abbażi ta' l-ittra tiegħu tat-18 ta' Ġunju 1999 li kienet tgħid li l-aċċettazzjoni min-naħa tiegħu ta' l-ewwel ftehim addizzjonali kien jiddependi fuq ir-rispett tat-terminu għall-ħlas tal-pagamenti li kien fadal.

24     Permezz ta' ittri ta' l-4 ta' Frar 2002 u tat-12 ta' Marzu 2002, ir-rikorrent ikkontesta t-talba tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti probatorji ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar filwaqt li allega li l-Kummissjoni kienet qiegħda tipprova ddewwem il-ħlas ta' l-aħħar pagament. Barra minn hekk, huwa reġa' talab lill-Kummissjoni biex tħallsu l-aħħar pagament qabel l-1 ta' April u biex tħallsu lura l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar qabel l-1 ta' Mejju 2002.

25     Fit-18 ta' April 2002, il-Kummissjoni rċeviet id-dokumenti probatorji mitluba.

26     Il-Kummissjoni ħallset l-aħħar pagament fil-15 ta' Mejju 2002. Madankollu, minħabba li l-Kummissjoni ma laqgħatx it-talba għall-ħlas lura ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar, ir-rikorrent ressaq dan ir-rikors fl-10 ta' Diċembru 2002.

 It-talbiet tal-partijiet

27     Ir-rikorrent jitlob sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata:

–       tħallsu s-somma ta' EUR 19,867.40 bħala ħlas lura ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar, flimkien ma' l-interessi skond ir-rata ta' skont tal-Bank tad-Danimarka miżjuda b'5% li bdew jiddekorru mit-30 ta' April 2002 sal-ġurnata tal-ħlas;

–       tħallsu s-somma ta' EUR 592.95 bħala l-ispejjeż ta' l-irkupru tad-dejn, flimkien ma' l-interessi skond ir-rata ta' skont tal-Bank tad-Danimarka miżjuda b'5% li bdew jiddekorru mit-30 ta' Marzu 2002 sal-ġurnata tal-ħlas;

–       tbati l-ispejjeż.

28     Barra minn hekk, ir-rikorrent jitlob, bħala miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, li l-Kummissjoni tgħaddilu ċerti dokumenti, b'mod partikolari, kopja tal-ftehim bejn iċ-ĊKR u l-Kummissjoni u l-baġit li fuqu kien ibbażat dan il-ftehim

29     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

30     Il-Kummissjoni topponi t-talba għal miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura.

 Id-dritt

 Dwar it-talba biex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas somma ta' EUR 19,867.40

31     In sostenn tat-talba tiegħu, ir-rikorrent jallega li l-Kummissjoni għandha tħallsu l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar li huwa kien inkorra matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt u li jammontaw għal EUR 19,867.40, flimkien ma' l-interessi. F'dan ir-rigward, ir-rikorrent essenzjalment juża żewġ argumenti prinċipali u argument sussidjarju.

32     L-ewwel nett, ir-rikorrent jammetti li kien aċċetta l-ammont ta' EUR 81,000 bħala l-ammont massimu tar-remunerazzjoni tiegħu, bl-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar inklużi, permezz ta' żewġ ftehim addizzjonali, fosthom wieħed li emenda l-Artikolu 4.1 tal-kuntratt, konklużi fid-29 ta' Settembru 1999. Madankollu, skond ir-rikorrent, dawn il-ftehim addizzjonali huma nulli u għaldaqstant l-Artikolu 4.1 tal-kuntratt għandu japplika fil-verżjoni oriġinali tiegħu konkluża fit-22 ta' Diċembru 1997.

33     It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 4.1 tal-kuntratt, kif kien fil-verżjoni oriġinali tiegħu, jeskludi l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar inkorsi matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt mill-ammont ta' EUR 81,000 u b'hekk jagħtih id-dritt li jitħallas lura għal dawn l-ispejjeż apparti minn dan l-ammont.

34     Sussidjarjament, ir-rikorrent isostni li, f'kull każ, il-Kummissjoni aċċettat taċitament, matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li tħallsu lura l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar kollha li kien inkorra apparti mill-ammont ta' EUR 81,000.

 Fuq in-nullità taż-żewġ ftehim addizzjonali

–       L-argumenti tal-partijiet

35     Fir-rigward tan-nullità taż-żewġ ftehim addizzjonali, ir-rikorrent isostni, minn naħa, li matul in-negozjati huwa kien stabbilixxa r-rispett tat-terminu għall-ħlas tal-pagamenti li kien fadal bħala kundizzjoni tal-validità tagħhom, kundizzjoni li-Kummissjoni kienet aċċettat. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li, minħabba li billi l-Kummissjoni kienet ħallset l-aħħar pagament tard, din il-kundizzjoni ma kinitx ġiet rispettata u għalhekk iż-żewġ ftehim addizzjonali huma nulli.

36     Fir-rigward tal-ħlas tard ta' l-aħħar pagament, ir-rikorrent isostni li l-ħlas kien dovut fl-4 ta' Marzu 2002. Għalhekk, minħabba li ħallset l-aħħar pagament fil-15 ta' Mejju 2002, il-Kummissjoni ma rrispettatx it-terminu għall-ħlas previst fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4.2 tal-kuntratt.

37     Fil-fatt, skond l-Artikolu 4.1 tal-kuntratt, il-Kummissjoni rċeviet ir-rapport tar-rikorrent dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt fl-4 ta' Diċembru 2001. Minħabba li l-Kummissjoni ma bagħtitx osservazzjonijiet dwar dan ir-rapport fix-xahar li segwa, ir-rapport tqies bħala approvat fl-4 ta' Jannar 2002, skond l-Artikolu 3(b) ta' l-Anness 1 tal-kuntratt. F'dan ir-rigward, ir-rikorrent iżid li l-fatt li l-Kummissjoni rċeviet verżjoni elettronika ta' dan ir-rapport fid-19 ta' Diċembru 2001 ma jfissirx li r-rapport finali tiegħu ġie riċevut f'dik id-data. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4.2 tal-kuntratt, it-terminu għall-ħlas ta' 60 ġurnata beda jiddekorri mill-4 ta' Jannar 2002.

38     Wara dan, ir-rikorrent jikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li t-terminu għall-ħlas kien ġie sospiż. Fil-fatt, safejn il-Kummissjoni ssostni li l-partijiet kienu qablu dwar remunerazzjoni fissa, ma kienx hemm lok li jintalbu dokumenti probatorji fir-rigward ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar. Barra minn hekk, il-verifiki addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni ma kinux ippreċiżati b'mod ċar fil-kuntratt. Barra dan, il-partijiet ma kinux ftiehmu li t-talbiet għal informazzjoni addizzjonali jkollhom l-effett li jissospendu t-terminu għall-ħlas. Barra minn hekk, minħabba li ma talbitx il-verifiki fil-terminu miftiehem, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt li tissospendi t-terminu.

39     Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li, matul l-erba' snin ta' eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-mod kif kien jippreżenta t-talbiet tiegħu għall- ħlas lura ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar billi kien jibgħat, b'mod partikolari, sommarji sempliċi f'forma ta' tabella mingħajr ma kien jehmeż magħhom dokumenti probatorji. Għalhekk, din il-preżentazzjoni saret element tal-kuntratt.

40     Il-Kummissjoni twieġeb li hija ħallset l-aħħar pagament fit-terminu previst fl-Artikolu 4.2 tal-kuntratt.

41     L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li jallega r-rikorrent, it-terminu għall-ħlas beda jiddekorri fid-19 ta' Jannar 2002, xahar wara li kienet riċevuta verżjoni elettronika tar-rapport tar-rikorrent u tad-data neċessarja biex ikun jista' jikkwalifika bħala rapport finali fis-sens ta' l-Artikolu 3(b) ta' l-Anness 1 tal-kuntratt.

42     It-tieni nett, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4.2 tal-kuntratt, it-terminu għall-ħlas, skond il-Kummissjoni, kien ġie sospiż bejn it-30 ta' Jannar 2002, id-data meta hija talbet lir-rikorrent biex jgħaddilha d-dokumenti probatorji, u t-18 ta' April 2002, id-data ta' meta rċeviet id-dokumenti mitluba. Għalhekk, meta wieħed iqis is-sospensjoni, kienu għaddew 38 ġurnata bejn id-19 ta' Jannar 2002, id-data meta ġie aċċettat ir-rapport finali, u l-15 ta' Mejju 2002, id-data tal-ħlas.

43     Il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-rikorrent li hija ma kellhiex dritt titlob dokumenti probatorji. Skond il-Kummissjoni, il-fatt li kien hemm ftehim dwar prezz fiss ma kienx jipprekludiha milli titlob verifiki addizzjonali taħt it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4.2 tal-kuntratt.

44     Għall-kuntrarju, hija jidhrilha li l-klawżola ta' sospensjoni ta' ħlas kienet intiża sabiex tippermettilha li tassigura ruħha li hija tikseb informazzjoni li ssostni l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar effettivament inkorsi. Hija targumenta li hija ma setgħatx tħallas lura l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar li kienu jaqbżu l-ammont ta' EUR 27,000 u li, fil-każ li l-ispejjeż effettivament inkorsi kienu inqas minn dan l-ammont, hija kellha d-dritt li titlob tnaqqis fl-ammont tal-kuntratt, dritt li madankollu hija ma użatx f'dan il-każ minħabba fl-iżball imwettaq fl-abbozzar ta' l-Artikolu 4.1 tal-kuntratt.

45     Il-Kummissjoni tiċħad ukoll l-affermazzjoni tar-rikorrent li l-kuntratt ma kienx jipprovdi li t-talbiet għal verifiki addizzjonali kienu ta' natura li jissospendu t-terminu. Għall-kuntrarju, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4.2 tal-kuntratt kien jipprovdi b'mod ċar li t-terminu għall-ħlas jista' jiġi sospiż jekk il-Kummissjoni jidhrilha li twettaq verifiki addizzjonali. Skond il-Kummissjoni, din il-klawżola kienet preċiża: hija tagħtiha d-dritt li titlob dokumenti probatorji.

46     Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-affermazzjoni tar-rikorrent li s-sommarji sempliċi użati b'mod regolari biex isostnu l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar kienu saru "element tal-ftehim bejn il-partijiet" li ssostitwixxa t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4.2 tal-kuntratt, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li, bħala parti kontraenti, hija ma użatx aktar kmieni d-dritt tagħha biex titlob dokumenti probatorji aktar dettaljati ma jfissirx li hija kienet irrinunzjat għal dan id-dritt. Hija żżid li għaliha kien importanti li tkun tista' tivverifika d-dokumenti probatorji fir-rigward ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar fl-aħħar tal-kuntratt.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

47     Il-partijiet mhumiex jaqblu dwar il-kwistjoni ta', minn naħa, liema kienet id-data li minnha beda jiddekorri t-terminu għall-ħlas ta' l-aħħar pagament u, min-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt tissospendi t-terminu għall-ħlas.

48     Fir-rigward tad-data meta beda jiddekorri t-terminu għall-ħlas, għandu jiġi osservat li, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4.2 tal-kuntratt, it-terminu għall-ħlas ta' 60 ġurnata jibda jiddekorri mid-data ta' approvazzjoni tar-rapport finali ppreżentat mir-rikorrent skond l-Artikolu 4.1 tal-kuntratt. Skond l-Artikolu 3(b) ta' l-Anness 1 tal-kuntratt, ir-rapport finali għandu jiddeskrivi l-ħidma kollha mwettqa kif ukoll ir-riżultati miksuba fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Din il-klawżola tipprevedi wkoll li r-rapport finali għandu jitqies bħala approvat jekk il-Kummissjoni ma tibgħatx xi osservazzjonijiet f'terminu ta' xahar wara li jkun ġie ppreżentat.

49     Mill-inkartament jirriżulta li, f'dan il-każ, kif indikaw il-partijiet matul is-seduta, ir-rapport riċevut mill-Kummissjoni fl-4 ta' Diċembru 2001 kien jinkludi biss informazzjoni dwar ir-raba' sena ta' eżekuzzjoni tal-kuntratt u ma kienx fih informazzjoni dwar l-erba' snin kollha ta' eżekuzzjoni tal-kuntratt kif kien jitlob il-kuntratt stess. Barra minn hekk, fis-17 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrent biex jgħaddilha ċerta informazzjoni addizzjonali dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt fir-rigward tal-perijodu kuntrattwali kollu. Għalhekk, jidher illi r-rikorrent ssodisfa biss ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tar-rapport finali fid-19 ta' Diċembru 2001, id-data meta bagħat lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba. Peress illi l-Kummissjoni ma bagħtitx osservazzjonijiet dwar ir-rapport finali fix-xahar ta' wara, dan ir-rapport għandu jitqies li kien ġie approvat fid-19 ta' Jannar 2002. Għaldaqstant, it-terminu għall-ħlas ta' 60 ġurnata beda jiddekorri fid-19 ta' Jannar 2002.

50     Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt f'dan il-każ li tissospendi t-terminu għall-ħlas, mill-inkartament jirriżulta li, kif indikaw il-partijiet matul is-seduta, ir-rikorrent, minflok ma kien jippreżenta lill-Kummissjoni dokumenti probatorji dwar l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar inkorsi matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, kien jannetti biss sommarji fil-forma ta' tabella ma' kull wieħed mir-rapporti ppreżentati taħt l-Artikolu 4.1 tal-kuntratt. Mill-inkartament jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni, permezz ta' l-ittra tagħha tat-30 ta' Jannar 2002, talbet lir-rikorrent jgħaddilha dokumenti probatorji fir-rigward ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar kollha inkorsi matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt u avżat lir-rikorrent li din it-talba kienet tinvolvi s-sospensjoni tat-terminu għall-ħlas.

51     F'dan ir-rigward, l-affermazzjoni tar-rikorrent li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt titlob dokumenti probatorji minħabba li l-partijiet kienu ftiehmu dwar remunerazzjoni fissa, għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, l-Anness 4 (ċ) tal-kuntratt, li ma ġiex emendat mill-ewwel ftehim addizzjonali, jillimita l-ħlas lura ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar inkorsi mir-rikorrent għall-ammont ta' EUR 27,000. Għaldaqstant, mill-kuntratt ma jirriżultax li l-partijiet kienu stabbilixxew ammont fiss fir-rigward tal-ħlas lura ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar. Barra minn hekk, mill-Artikolu 5.2 tal-kuntratt, li ma kienx ġie emendat mill-ewwel ftehim addizzjonali, jirriżulta espressament li l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar kellhom jitħallsu fuq preżentazzjoni ta' dokumenti probatorji.

52     Għandha tiġi miċħuda wkoll l-affermazzjoni tar-rikorrent li d-dritt tal-Kummissjoni li titlob verifiki addizzjonali mhuwiex stipulat b'mod ċar fil-kuntratt, li talba bħal din m'għandhiex l-effett li tissospendi t-terminu għall-ħlas u li, f'dan il-każ, il-Kummissjoni kienet għamlet it-talba tagħha tard. Fil-fatt, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4.2 tal-kuntratt jagħti lill-Kummissjoni d-dritt li tissospendi t-terminu għall-ħlas fis-60 ġurnata li jsegwu l-approvazzjoni ta' kull wieħed mir-rapporti ppreżentati mir-rikorrent skond l-Aritkolu 4.1 tal-kuntratt jekk "[i]l-Kummissjoni jidhrilha li jkun meħtieġ li jsiru verifiki addizzjonali".

53     Fl-aħħar nett, għandhom jiġu miċħuda l-affermazzjonijiet tar-rikorrent li l-Kummissjoni kienet irrinunzjat għad-dritt tagħha li titlob verifiki addizzjonali taħt it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4.2 tal-kuntratt. Fil-fatt, il-fatt li hija ma talbitx dokumenti probatorji fi stadju qabel il-ħlas ta' l-aħħar pagament mhuwiex, fih innifsu, biżżejjed biex jiġi konkluż li hija kienet irrinunzjat għal dan id-dritt.

54     Għalhekk, peress li t-terminu għall-ħlas kien ġie sospiż bejn it-30 ta' Jannar 2002, id-data meta il-Kummissjoni talbet lir-rikorrent id-dokumenti probatorji fir-rigward ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar, u t-18 ta' April 2002, id-data meta d-dokumenti probatorji mitluba kienu rċevuti mill-Kummissjoni, kienu għaddew biss 38 ġurnata bejn l-approvazzjoni tar-rapport finali tad-19 ta' Jannar 2002 u l-ħlas ta' l-aħħar pagament mill-Kummissjoni fil-15 ta' Mejju 2002.

55     Għaldaqstant, l-affermazzjoni tar-rikorrent li l-ħlas ta' l-aħħar pagament kien sar tard għandha tiġi miċħuda. B'dan il-mod, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-validità taż-żewġ ftehim addizzjonali tal-kuntratt kinitx tiddependi fuq ir-rispett tat-terminu għall-ħlas tal-pagamenti li kien fadal, l-argument tar-rikorrent li dawn il-ftehim addizzjonali huma nulli għandu jiġi miċħud.

56     Għaldaqstant, mhux meħtieġ li l-Qorti tippronunzja ruħha dwar l-argument tar-rikorrent li l-Artikolu 4.1 tal-kuntratt, skond il-verżjoni oriġinali tiegħu, kien jagħtih id-dritt li jitħallas lura għall-ispejjeż tal-vjaġġ apparti mill-ammont ta' EUR 81,000.

 Fuq l-argument sussidjarju, dwar l-aċċettazzjoni taċita mill-Kummissjoni li tħallas lura l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar inkorsi mir-rikorrent apparti mill-ammont ta' EUR 81,000

57     Sussidjarjament, ir-rikorrent jsostni li l-Kummissjoni, f'kull każ, wara l-iffirmar tal-kuntratt u tal-ftehim addizzjonali tiegħu, aċċettat taċitament li tħallas lura l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar inkorsi kollha apparti mill-ammont ta' EUR 81,000. Għal dan il-għan, ir-rikorrent jirreferi għar-rendikonti tan-numru ta' sigħat annessi ma' kull wieħed mir-rapporti annwali ppreżentati taħt l-Artikolu 4.1 tal-kuntratt u li qatt ma ġew ikkontestati mill-Kummissjoni.

58     Il-Kummissjoni twieġeb li, wara l-konklużjoni tal-ftehim addizzjonali għall-kuntratt, hija ma tat lir-rikorrent l-ebda raġuni biex jemmen li hija kienet ħa tħallsu lura l-ispejjeż reali tiegħu apparti mill-ammont ta' EUR 81,000. Għall-kuntrarju, mill-ftehim addizzjonali konklużi bejn il-partijiet jirriżulta b'mod ċar li din ma kinitx l-intenzjoni tagħha.

59     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata f'dan ir-rigward li r-rikorrent, mar-rapporti ppreżentati taħt l-Artikolu 4.1 tal-kuntratt, annetta rendikonti tan-numru ta' sigħat iddedikati għall-proġett PLAN. Dawn id-dokumenti bl-ebda mod ma jistabbilixxu li l-Kummissjoni kienet aċċettat taċitament li tħallas l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar apparti mill-ammont ta' EUR 81,000, kuntrarjament għall-Artikolu 4.1 tal-kuntratt kif emendat. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

60     Fid-dawl ta' dak kollu li għadu kemm intqal, għandha tiġi miċħuda t-talba li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas is-somma ta' EUR 19,867.40 mingħajr ma jkun meħtieġ li jkunu ordnati l-miżuri ta' organizzazzjoni mitluba.

 Fuq it-talba għal kumpens fir-rigward ta' l-ispejjeż ta' l-irkupru tad-dejn

61     In sostenn tat-talba tiegħu għal kumpens fir-rigward ta' l-ispejjeż ta' l-irkupru tad-dejn, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni hija marbuta li tħallsu l-ispejjeż ta' l-irkupru li inkorra biex jikseb il-ħlas ta' l-aħħar pagament.

62     F'dan ir-rigward, diġà ġie kkonstatat li l-aħħar pagament tħallas fit-terminu kuntrattwali. Dan ifisser li t-talba għall-ħlas ta' EUR 592.95 bħala spejjeż ta' l-irkupru tad-dejn għandha wkoll tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

63     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat li minbarra li jbati l-ispejjeż, ibati wkoll dawk tal-Kummissjoni skond it-talbiet tal-Kummissjoni f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA  (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-10 ta' Ġunju 2004.

H. Jung

 

       P, Lindh

Reġistratur

 

       President tal-Ħames Awla


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.