Language of document : ECLI:EU:C:2023:339

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

27 ta’ April 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq il-kumpanniji – Tassazzjoni tad-dħul minn beni immobbli li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru – Differenza fit-trattament bejn il-fondi residenti u l-fondi mhux residenti – Eżenzjoni tal-fondi residenti biss – Paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Teħid inkunsiderazzjoni tas-sistema fiskali tal-investituri – Assenza – Ġustifikazzjoni – Ħtieġa li titħares il-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali – Ħtieġa li jinżamm tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri – Assenza”

Fil-Kawża C‑537/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

L Fund

vs

Finanzamt D,

fil-preżenza ta’:

Bundesministerium der Finanzen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur), T. von Danwitz, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: S. Beer, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Ottubru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal L Fund, minn K. Rohde, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Martenczuk, W. Roels u V. Uher, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn L Fund u l-Finanzamt D (l-Uffiċċju tat-Taxxa D, il-Ġermanja) dwar l-issuġġettar ta’ L Fund għat-taxxa fuq il-kumpanniji għas-snin finanzjarji 2008 sa 2010 (iktar ’il quddiem is-“snin finanzjarji kontenzjużi”).

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt Ġermaniż

3        Il-punt 5 tal-Artikolu 1(1) tal-Körperschaftsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ matul is-snin finanzjarji kontenzjużi (iktar ’il quddiem il-“KStG”), jipprevedi:

“Issuġġettar sħiħ

1.      Il-persuni ġuridiċi, il-gruppi ta’ persuni u l-korpi ta’ assi segwenti li għandhom it-tmexxija ċentrali jew l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju nazzjonali huma suġġetti kompletament għat-taxxa fuq il-kumpanniji:

[…]

5)      assoċjazzjonijiet, istituzzjonijiet, fondazzjonijiet u patrimonji oħra ta’ interessi taħt id-dritt privat mingħajr personalità ġuridika”.

4        Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-KStG jipprovdi:

“Issuġġettar parzjali

Huma suġġetti parzjalment għat-taxxa fuq il-kumpanniji:

1)      il-persuni ġuridiċi, il-gruppi ta’ persuni u l-korpi ta’ assi li la t-tmexxija ċentrali u lanqas l-uffiċċju rreġistrat tagħhom ma jinsabu fit-territorju nazzjonali, fir-rigward tad-dħul li huma jirċievu fl-imsemmi territorju”.

5        Skont l-Artikolu 1 tal-Investmentsteuergesetz 2004 (il-Liġi tal‑2004 dwar it-Taxxa fuq l-Investimenti), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ matul is-snin finanzjarji kontenzjużi (iktar ’il quddiem l-“InvStG 2004”), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”:

“Huma koperti minn din il-liġi:

1)      l-investimenti kollettivi rregolati mid-dritt nazzjonali, sa fejn dawn ikunu kkostitwiti fil-forma ta’ fondi komuni ta’ investiment fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-Investmentgesetz [(il-Liġi dwar l-Investimenti, iktar ’il quddiem l-‘InvG’)] jew fil-forma ta’ kumpannija ta’ investiment pubblika b’responsabbiltà limitata fis-sens tal-Artikolu 2(5) [tal-InvG] (kumpannija ta’ investiment irregolata mid-dritt nazzjonali), kif ukoll l-ishma miżmuma fihom (ishma miżmuma f’investimenti kollettivi rregolati mid-dritt nazzjonali);

2)      l-investimenti kollettivi barranin u l-ishma miżmuma fihom fis-sens tal-Artikolu 2(8) u (9) [tal-InvG].

[…]”

6        L-Artikolu 2 tal-InvStG 2004, intitolat “Dħul mill-ishma”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dħul imqassam fir-rigward tal-ishma miżmuma f’investimenti kollettivi u d-dħul ekwivalenti għal tali tqassim kif ukoll il-profitt intermedjarju jaqgħu taħt dħul mill-kapital fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 20(1) tal-Einkommensteuergesetz [(il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, iktar ’il quddiem l-‘EStG’)] […]”

7        L-Artikolu 4 tal-InvStG 2004, intitolat “Dħul riċevut barra mill-pajjiż”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Meta d-dħul imqassam fir-rigward tal-ishma miżmuma f’investimenti kollettivi u d-dħul ekwivalenti għal tali tqassim jinkludu dħul li joriġina minn Stat barrani li, f’dan l-Istat, huwa suġġett għal taxxa li tista’ titnaqqas mit-taxxa fuq id-dħul jew mit-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikolu 34c(1) [tal-EStG] jew skont l-Artikolu 26(1) [tal-KStG] jew skont ftehim dwar ħelsien mit-taxxa doppja, l-ammont tat-taxxa barranija ddeterminat u mbagħad imħallas mill-investitur li huwa kompletament suġġett għat-taxxa, meta ma jibbenefika minn ebda tnaqqis ieħor, għandu jiġi paċut mal-parti tat-taxxa fuq id-dħul jew tat-taxxa fuq il-kumpanniji li tikkorrispondi għal dan id-dħul barrani, miżjud bl-ammont proporzjonali tat-taxxa barranija. […] Meta d-dħul imqassam fir-rigward tal-ishma miżmuma f’investimenti kollettivi barranin u d-dħul ekwivalenti għal tali tqassim jinkludu dħul suġġett għat-taxxa fuq il-dħul mill-kapital fil-Ġermanja, dan id-dħul kif ukoll it-taxxa imposta fuqu fil-Ġermanja għandhom jiġu assimilati, għall-finijiet tat-tnaqqis tagħhom, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1), ma’ dħul u ma’ taxxi barranin fis-sens tal-ewwel sentenza. […]”

8        L-Artikolu 7 tal-InvStG 2004, intitolat “Taxxa fuq id-dħul mill-kapital”, jipprevedi, fil-punt 1 tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Huma suġġetti għal taxxa f’ras l-għajn fuq id-dħul mill-kapital:

1)      id-dħul imqassam fis-sens tal-Artikolu 2(1) […]”

9        L-Artikolu 11 tal-InvStG 2004, intitolat “Patrimonju ta’ interessi, eżenzjoni mit-taxxa u kontroll fiskali”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-investimenti kollettivi statutorji ta’ tip miftuħ irregolati mid-dritt nazzjonali għandhom jiġu assimilati mal-patrimonji ta’ interessi fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 1(1) tal-[KStG]. Huma għandhom jiġu eżentati mit-taxxa fuq il-kumpanniji u mit-taxxa fuq in-negozju. It-tieni sentenza hija applikabbli wkoll għal kumpanniji ta’ investiment pubbliċi b’responsabbiltà limitata. […]”

10      L-Artikolu 15 tal-InvStG 2004, intitolat “Investimenti kollettivi statutorji speċjalizzati ta’ tip miftuħ irregolati mid-dritt nazzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Id-dħul mill-kiri u mill-kiri għall-operat ta’ proprjetajiet immobbli u ta’ drittijiet in rem assimilati ma’ proprjetajiet immobbli li jinsabu fit-territorju nazzjonali kif ukoll il-profitti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet ta’ bejgħ privati li jirrigwardaw tali proprjetajiet immobbli u drittijiet għandhom ikunu suġġetti għal kontabbiltà separata. Dan id-dħul għandu jiġi assimilat ma’ dħul riċevut direttament mill-investitur parzjalment suġġett għat-taxxa fis-sens tal-punt 2(f) tal-Artikolu 49(1), tal-punt 6 tal-Artikolu 49(1) jew tal-punt 8 tal-Artikolu 49(1) [tal-EStG]. L-istess jgħodd għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet dwar il-ħelsien minn taxxa doppja. L-Artikolu 7 għandu japplika, mutatis mutandis, b’rata ta’ tassazzjoni ta’ 25 fil-mija tad-dħul u b’żamma f’ras l-għajn, mill-kumpannija ta’ investiment, tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital. […]”

11      L-Artikolu 2(8) u (9) tal-InvG, fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin finanzjarji kontenzjużi, kien ifformulat kif ġej:

“8.      L-investimenti kollettivi barranin huma investimenti kollettivi, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1, irregolati mid-dritt ta’ Stat ieħor. Huma għandhom jitqiesu li josservaw il-prinċipju ta’ tqassim tar-riskji anki jekk ikunu kkostitwiti, fi proporzjon mhux negliġibbli, minn ishma miżmuma f’investiment ieħor wieħed jew iktar u jekk dawn l-investimenti l-oħra jitwettqu direttament jew indirettament b’applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju.

9.      L-ishma miżmuma f’investimenti kollettivi barranin huma ishma miżmuma f’investimenti kollettivi barranin maħruġa minn impriża stabbilita barra mill-pajjiż (kumpannija ta’ investiment barranija) li tagħhom l-investitur jista’ jitlob ir-rimbors bħala korrispettiv għar-restituzzjoni tagħhom, jew li tagħhom ma jistax jeżiġi x-xiri mill-ġdid, f’liema każ il-kumpannija ta’ investiment barranija tkun suġġetta għal superviżjoni prudenzjali tal-assi intiżi għal investiment kollettiv fl-Istat fejn għandha s-sede tagħha.”

 Iddritt Lussemburgiż

12      Il-loi du 13 février 2007 relative aux fonds d’investissement spécialisés (il-Liġi tat‑13 ta’ Frar 2007 dwar il-Fondi ta’ Investiment Speċjalizzati) (Mémorial A 2007, Nru 13) tipprevedi, fl-Artikolu 66(1) tagħha, li, “[ħ]lief għad-dazju fuq il-kapital impost fuq il-ġbir tal-kapital fil-kumpanniji rregolati mid-dritt ċivili u mid-dritt kummerċjali u għat-taxxa ta’ sottoskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 68 [ta’ din il-liġi], ebda taxxa oħra ma hija dovuta mill-fondi ta’ investiment speċjalizzati koperti minn din il-liġi”.

 Ittilwima filkawża prinċipali, iddomanda preliminari u lproċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, L Fund, huwa fond ta’ investiment immobbiljari kkostitwit fil-forma ta’ fond ta’ investiment speċjalizzat, irregolat mid-dritt Lussemburgiż, li la l-uffiċċju rreġistrat tiegħu u lanqas it-tmexxija ċentrali tiegħu ma jinsabu fil-Ġermanja.

14      L Fund huwa fond ta’ tip magħluq, li jinkludi biss żewġ investituri istituzzjonali, li la l-uffiċċju rreġistrat tagħhom u lanqas it-tmexxija ċentrali tagħhom ma jinsabu fil-Ġermanja.

15      Konformement mad-dritt Lussemburgiż, bħala fond ta’ investiment speċjalizzat, L Fund ma huwiex taxxabbli fil-Lussemburgu, ħlief f’dak li jirrigwarda t-taxxa fuq il-ġbir tal-kapital fil-kumpanniji rregolati mid-dritt ċivili u mid-dritt kummerċjali u t-taxxa ta’ sottoskrizzjoni prevista fl-Artikolu 68 tal-Liġi dwar il-Fondi ta’ Investiment Speċjalizzati. Skont dan id-dritt, id-dividendi mqassma minn L Fund ma humiex suġġetti għal taxxa f’ras l-għajn fil-Lussemburgu u ma humiex taxxabbli fil-livell tal-investituri mhux residenti.

16      Matul is-snin finanzjarji kontenzjużi, L Fund irċieva dħul mill-kiri tal-beni immobbli tiegħu li jinsabu fil-Ġermanja kif ukoll mill-bejgħ ta’ wħud minnhom.

17      F’Lulju 2013, dan il-fond ippreżenta dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji għas-snin finanzjarji kontenzjużi, fil-kuntest tal-issuġġettar parzjali tiegħu għal din it-taxxa, filwaqt li ppreċiża li, fil-fehma tiegħu, huwa ma kienx suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Ġermanja.

18      Madankollu, l-Uffiċċju tat-Taxxa D qies li L Fund kien parzjalment suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji u ħareġ avviżi ta’ taxxa għas-snin finanzjarji kontenzjużi.

19      L Fund ikkontesta dawn l-avviżi quddiem il-Finanzgericht Münster (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Münster, il-Ġermanja), li, permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ April 2017, ikkonfermat, essenzjalment, dawn l-avviżi.

20      L Fund ippreżenta appell għal reviżjoni kontra dik is-sentenza quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

21      Dik il-qorti tosserva li, konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-KStG, L Fund, li la l-uffiċċju rreġistrat tiegħu u lanqas it-tmexxija ċentrali tiegħu ma jinsabu fil-Ġermanja, huwa parzjalment suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji abbażi tad-dħul kollu li huwa rċieva fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Huwa ma jibbenefika minn ebda eżenzjoni ta’ natura personali jew in rem. Fil-fatt, kuntrarjament għall-fondi komuni ta’ investiment ta’ tip miftuħ irregolati mid-dritt nazzjonali, L Fund ma jistax jibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-InvStG 2004, peress li, skont il-punt 2 tal-Artikolu 1(1) tal-InvStG 2004, moqri flimkien mal-Artikolu 2(8) tal-InvG, fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin finanzjarji kontenzjużi, L Fund huwa fond barrani.

22      F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk l-esklużjoni ta’ fond barrani mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

23      F’dan ir-rigward, filwaqt li ssemmi l-eżistenza ta’ pożizzjonijiet diverġenti, hija tindika li, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt fiskali Ġermaniż, din l-esklużjoni tista’ tkun kompatibbli mal-Artikolu 63 TFUE.

24      Fir-rigward ta’ dawn il-karatteristiċi speċifiċi, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji tal-fondi rregolati mid-dritt nazzjonali prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-InvStG 2004 tikkostitwixxi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza, li jipprovdi li d-dħul għandu jiġi ntaxxat darba biss, fil-livell tal-investituri. Konformement mal-Artikolu 2(1) tal-InvStG 2004, dawn għandhom iħallsu taxxi fuq id-dividendi mqassma lilhom, jew fuq id-dħul ekwivalenti għal tali tqassim, fil-każ ta’ fond li jżomm il-profitti li jirċievi.

25      Fil-każ ta’ fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati rregolati mid-dritt nazzjonali u kkostitwiti esklużivament minn investituri mhux residenti, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(2) tal-InvStG 2004, id-dħul immobbiljari riċevut minn tali fond fit-territorju Ġermaniż huwa direttament attribwit lill-investituri mhux residenti kkonċernati, bħala dħul proprju u parzjalment suġġett għat-taxxa. Sabiex tiġi żgurata t-tassazzjoni tal-investituri mhux residenti, il-fond ikollu l-obbligu li jżomm taxxa f’ras l-għajn skont ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 15(2) tal-InvStG 2004.

26      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza tikkorrispondi mar-rieda tal-leġiżlatur Ġermaniż li jipprekludi li l-investituri mhux residenti li, li kieku kienu investew direttament f’beni immobbli li jinsabu fit-territorju nazzjonali, kienu jkunu parzjalment suġġetti għat-taxxa, jevitaw tali ssuġġettar għat-taxxa billi jwettqu tali investiment permezz ta’ fond ta’ investiment immobbiljari speċjalizzat. Il-prinċipju ta’ trasparenza jwassal sabiex l-investituri mhux residenti jiġu ntaxxati daqslikieku għamlu l-investimenti diretti.

27      Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti, id-dħul immobbiljari riċevut fit-territorju Ġermaniż huwa taxxabbli fil-livell tal-fond, li huwa suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji sa fejn ma jibbenefikax mill-eżenzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-InvStG 2004, filwaqt li l-investituri mhux residenti ta’ dan il-fond ma humiex intaxxati, peress li t-tieni sentenza tal-Artikolu 15(2) tal-InvStG 2004 tapplika biss għall-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati rregolati mid-dritt nazzjonali.

28      Fiż-żewġ każijiet, b’hekk, id-dħul riċevut fil-Ġermanja minn investituri mhux residenti jiġi ntaxxat darba biss, iżda f’livelli differenti. Din id-differenza fit-trattament fiskali hija dovuta għall-fatt li, fil-każ tal-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti kkostitwiti minn investituri mhux residenti, minħabba l-prinċipju ta’ territorjalità tas-setgħa pubblika, il-leġiżlatur Ġermaniż ma jistax jiggarantixxi, permezz ta’ taxxa f’ras l-għajn, id-dritt tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħala Stat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-beni immobbli inkwistjoni, li jintaxxa lil dawn l-investituri mhux residenti.

29      Għalhekk, f’dan il-każ, L Fund, bħala fond ta’ investiment immobbiljari speċjalizzat barrani, huwa suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji abbażi tad-dħul li huwa jagħmel mill-beni immobbli li jinsabu fil-Ġermanja, filwaqt li ż-żewġ investituri istituzzjonali mhux residenti tiegħu ma humiex taxxabbli f’dan l-Istat Membru.

30      Għall-kuntrarju, fond ta’ investiment immobbiljari speċjalizzat rregolat mid-dritt nazzjonali paragunabbli kkostitwit minn żewġ investituri istituzzjonali mhux residenti ma huwiex suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Ġermanja fir-rigward ta’ dan id-dħul minħabba l-attribuzzjoni tiegħu lil dawn l-investituri.

31      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-qorti tar-rinviju għandha dubju, fl-ewwel lok, dwar jekk l-eżenzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-InvStG 2004 tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE. Minn naħa, din il-qorti tiddubita li din l-eżenzjoni tista’ tiddiswadi investituri mhux residenti milli jinvestu f’beni immobbli li jinsabu fit-territorju Ġermaniż, peress li d-dħul immobbiljari riċevut minn tali beni jkun intaxxat darba biss kemm fil-każ tal-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati residenti kif ukoll fil-każ ta’ dawk mhux residenti, għalkemm din it-taxxa sseħħ f’livelli differenti.

32      Min-naħa l-oħra, lanqas ma huwa ċert li l-imsemmija eżenzjoni għandha l-effett li tiddiswadi lill-investituri nazzjonali milli jakkwistaw ishma f’fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti. It-tassazzjoni doppja li tirriżulta mit-tassazzjoni parzjali ta’ dawn il-fondi abbażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji u mill-issuġġettar ta’ dawn l-investituri għat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital fir-rigward tad-dividendi mqassma mill-imsemmija fondi, fil-parti l-kbira tagħha hija mħassra b’applikazzjoni tat-tnaqqis previst fis-seba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tal-InvStG 2004. Barra minn hekk, peress li fond speċjalizzat iservi bħala strument ta’ investiment għal ċirku ristrett ħafna ta’ investituri istituzzjonali, għall-finijiet tal-investiment f’oġġett speċifiku, il-preżenza ta’ investituri istituzzjonali nazzjonali potenzjali tista’ tidher bħala possibbiltà purament teoretika.

33      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk il-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti u l-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati rregolati mid-dritt nazzjonali jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli. Skont dik il-qorti, il-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati rregolati mid-dritt nazzjonali li jkunu kkostitwiti minn investituri istituzzjonali mhux residenti ma humiex intaxxati abbażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji minħabba l-attribuzzjoni diretta tad-dħul immobbiljari lill-investituri mhux residenti, prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(2) tal-InvStG 2004, u minħabba l-issuġġettar parzjali espress ta’ dan id-dħul għat-taxxa fuq il-kumpanniji, li juri li l-leġiżlatur nazzjonali kkunsidra s-sitwazzjoni fiskali tal-investituri bħala kriterju ta’ distinzjoni sabiex jiġi ddeterminat it-trattament fiskali applikabbli u li t-tassazzjoni tad-dħul immobbiljari ma hijiex iddeterminata fil-livell tal-fond, iżda skont il-post ta’ residenza tal-investituri.

34      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk l-eżenzjoni tal-fondi residenti biss prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-InvStG 2004 tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

35      Minn naħa, skont dik il-qorti, il-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tiġi invokata sabiex tiġi ġġustifikata l-esklużjoni tal-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti minn din l-eżenzjoni, peress li t-tassazzjoni, fil-livell ta’ dawn il-fondi, tad-dħul immobbiljari minn beni immobbli li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru tippermetti li jiġi ggarantit id-dritt ta’ tassazzjoni ta’ dan l-Istat Membru fuq dawn il-beni, dritt li ma jistax jiġi ggarantit fil-livell tat-tassazzjoni tal-investituri mhux residenti tiegħu.

36      Min-naħa l-oħra, skont l-imsemmija qorti, l-esklużjoni ta’ L Fund mill-benefiċċju tal-imsemmija eżenzjoni tista’ tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li titħares il-koerenza tas-sistema fiskali, peress li l-istess eżenzjoni tal-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati rregolati mid-dritt nazzjonali hija kkumpensata mit-tassazzjoni diretta tal-investituri istituzzjonali mhux residenti ta’ dawn il-fondi, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(2) tal-InvStG 2004.

37      Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rifjut li jingħata l-benefiċċju ta’ eżenzjoni lill-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża fil-qasam tal-investimenti.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 56 KE (li sar l-Artikolu 63 TFUE) jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tgħid li fondi speċjali domestiċi ta’ investiment fi propjetà immobbli b’investituri esklużivament barranin huma eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji, filwaqt li fondi speċjali barranin ta’ investiment fi propjetà immobbli b’investituri esklużivament barranin huma parzjalment eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tad-dħul mill-kiri domestiku derivanti mit-territorju nazzjonali?”

39      Wara n-notifika lil dik il-qorti tas-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI-Fonds AEVN (C‑545/19, EU:C:2022:193), l-imsemmija qorti informat lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ April 2022, li hija xtaqet iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq iddomanda preliminari

40      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 63 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta parzjalment il-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, fir-rigward tad-dħul immobbiljari li huma jirċievu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li l-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati residenti huma eżentati minn din it-taxxa.

41      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam ta’ tassazzjoni diretta b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imqassam minn UCITS), C‑480/19, EU:C:2021:334, punt 25).

42      L-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri. Il-miżuri pprojbiti minn din id-dispożizzjoni, bħala restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti ta’ dan l-Istat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imqassam minn UCITS), C‑480/19, EU:C:2021:334, punt 26).

43      B’dan premess, skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE ma jippreġudikax id-dritt li għandhom l-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tar-residenza tagħhom jew tal-post fejn ikun investit il-kapital tagħhom.

44      Sa fejn tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, din id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Għaldaqstant, hija ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat fejn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat FUE. Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija, min-naħa tagħha, limitata mill-Artikolu 65(3) TFUE, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 65(1) TFUE “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 [TFUE]” (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI-Fonds AEVN, C‑545/19, EU:C:2022:193, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, għalhekk, hemm lok li ssir distinzjoni bejn id-differenzi fit-trattament permessi taħt l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mill-Artikolu 65(3) TFUE. Issa, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-kapital, huwa meħtieġ li d-differenza fit-trattament li tirriżulta minnha tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li din id-differenza tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI-Fonds AEVN, C‑545/19, EU:C:2022:193, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament, sussegwentement, l-eventwali paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet, u, jekk ikun il-każ, fl-aħħar nett, il-possibbiltà li t-trattament iddifferenzjat jiġi ġġustifikat.

 Fuq leżistenza ta’ restrizzjoni għallmoviment liberu talkapital

47      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati residenti huma eżentati mit-taxxa fuq il-kumpanniji, filwaqt li l-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti ma jibbenefikawx minn tali eżenzjoni.

48      Għalhekk, il-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti u dawk residenti huma suġġetti, fir-rigward tar-regoli ta’ tassazzjoni applikabbli għalihom, għal trattament differenti, li huwa sfavorevoli għall-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti.

49      Tali differenza fit-trattament fiskali tista’ tiddiswadi, minn naħa, lill-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti milli jagħmlu investimenti f’beni immobbli li jinsabu fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, lill-investituri residenti fil-Ġermanja milli jirrikorru għal fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti għal tali investimenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 17, kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 44).

50      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata billi tittieħed inkunsiderazzjoni t-tassazzjoni applikabbli għad-dividendi mqassma lill-investituri ta’ fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati residenti, sa fejn il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissuġġettax l-eżenzjoni ta’ dawn il-fondi għall-kundizzjoni li d-dħul immobbiljari kollu jiġi ntaxxat fil-livell tal-investituri tagħhom.

51      Fil-fatt, fil-każ ta’ fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti li għandhom investituri residenti fil-Ġermanja, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li, minbarra t-tassazzjoni parzjali ta’ dawn il-fondi abbażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji, dawn l-investituri, li huma kompletament suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, huma wkoll suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital fir-rigward tad-dividendi mqassma mill-imsemmija fondi.

52      Huwa minnu li t-tnaqqis previst fis-seba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tal-InvStG 2004 huwa intiż li jelimina din it-taxxa doppja. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li, fil-fatt, l-eliminazzjoni kompleta tal-imsemmija taxxa doppja tiddependi mis-sitwazzjoni fiskali partikolari ta’ kull detentur ta’ ishma u għalhekk hija inċerta. Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż afferma, waqt is-seduta, li, skont is-sitwazzjoni fiskali tagħhom, l-investituri residenti tal-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti setgħu jkunu żvantaġġati meta mqabbla mal-investituri residenti tal-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati residenti.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li leġiżlazzjoni bħal dik Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li bħala prinċipju hija pprojbita mill-Artikolu 63 TFUE.

 Fuq ilparagunabbiltà tassitwazzjonijiet

54      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li n-natura paragunabbli jew le ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll tas-suġġett u tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar, u, min-naħa l-oħra, li huma biss il-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn tali leġiżlazzjoni tirriflettix differenza oġġettiva fis-sitwazzjoni (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imqassam minn UCITS), C‑480/19, EU:C:2021:334, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dħul immobbiljari tal-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati residenti kkostitwiti minn investituri istituzzjonali mhux residenti huwa ntaxxat abbażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji mhux fuq il-livell tal-fond, iżda fuq il-livell tal-investituri, sabiex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trasparenza, li abbażi tiegħu d-dħul għandu jiġi ntaxxat darba biss, kif ukoll sabiex tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament bejn l-investimenti diretti u l-investimenti mwettqa permezz ta’ fond ta’ investiment. Billi jintaxxaw id-dħul immobbiljari tal-fondi residenti biss fil-livell tal-investituri, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jevitaw kumulu ta’ imposti fiskali fil-livell tal-fond u fil-livell tal-investituri.

56      Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti kkostitwiti minn investituri mhux residenti huma ntaxxati fil-livell tal-fond u mhux tal-investituri, għar-raġuni li, minħabba l-prinċipju ta’ territorjalità tas-setgħa pubblika, il-leġiżlatur Ġermaniż ma jistax jiggarantixxi, permezz ta’ taxxa f’ras l-għajn, id-dritt tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħala Stat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-beni immobbli inkwistjoni, li tintaxxa dawn l-investituri mhux residenti.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-uniku kriterju ta’ distinzjoni stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-InvStG 2004 huwa bbażat fuq il-post ta’ residenza tal-fondi, peress li huma biss il-fondi rregolati mid-dritt nazzjonali li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji prevista f’din id-dispożizzjoni, filwaqt li l-fondi ta’ investiment irregolati mid-dritt ta’ Stat ieħor huma esklużi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni. Bl-istess mod, it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(2) tal-InvStG 2004 tapplika biss għall-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati residenti.

58      Issa, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li fond ta’ investiment immobbiljari speċjalizzat mhux residenti jista’ jkollu wkoll investituri residenti fil-Ġermanja, li fuq id-dħul tagħhom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ teżerċita s-setgħa ta’ tassazzjoni tagħha. Minn din il-perspettiva, fond ta’ investiment immobbiljari speċjalizzat mhux residenti jinsab f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik ta’ fond ta’ investiment immobbiljari speċjalizzat residenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI-Fonds AEVN, C‑545/19, EU:C:2022:193, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      It-tieni, il-fondi residenti u mhux residenti jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-għan imfittex mill-prinċipju ta’ trasparenza, jiġifieri li tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament bejn l-investimenti diretti u l-investimenti magħmula permezz ta’ fond ta’ investiment. Fil-fatt, id-dħul immobbiljari tal-fondi residenti huwa ntaxxat biss fil-livell tal-investituri tagħhom sabiex jintlaħaq dan l-għan.

60      It-tielet, l-għan intiż li l-livell tat-tassazzjoni jiġi ttrasferit mill-fond lejn l-investitur jista’ jintlaħaq ukoll fir-rigward tal-fondi mhux residenti, billi l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-InvStG 2004, tiġi suġġetta għat-tassazzjoni tal-investituri ta’ dawn il-fondi. Għalkemm huwa minnu li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tintaxxa l-investituri mhux residenti, tali impossibbiltà hija koerenti mal-loġika ta’ trasferiment tal-livell ta’ tassazzjoni mill-fond lejn l-investitur.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-fatt li huma biss il-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati residenti li għandhom il-possibbiltà jiksbu eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn ma huwiex iġġustifikat minn differenza oġġettiva fis-sitwazzjoni bejn dawn il-fondi u dawk residenti fi Stat Membru differenti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI-Fonds AEVN, C‑545/19, EU:C:2022:193, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Għaldaqstant, fid-dawl tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tal-kriterju ta’ distinzjoni stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni, il-fondi residenti u l-fondi mhux residenti jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

63      Barra minn hekk, huwa minnu li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C‑252/14, EU:C:2016:402), invokata mill-Gvern Ġermaniż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trattament iddifferenzjat tat-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni skont l-istatus ta’ persuna residenti jew ta’ persuna mhux residenti ta’ dawn tal-aħħar, li jirriżulta mill-applikazzjoni, għal dawn il-fondi rispettivi, ta’ żewġ metodi ta’ tassazzjoni differenti, kien iġġustifikat mid-differenza fis-sitwazzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’dik il-kawża, kif ukoll fid-dawl tas-suġġett u tal-kontenut tagħha (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI-Fonds AEVN, C‑545/19, EU:C:2022:193, punt 51).

64      Madankollu, fl-imsemmija kawża, il-fondi residenti u mhux residenti, li kienu fondi ta’ pensjoni, kienu huma stess intaxxati, iżda b’mod differenti, fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li kien, fil-kuntest tal-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar, li tiġi introdotta tassazzjoni newtrali u indipendenti mis-sitwazzjoni ekonomika tad-diversi tipi ta’ attiv kif ukoll mill-forom kollha ta’ tfaddil għall-irtirar ikkonċernati, peress li l-Istat ikkonċernat ma setax jiggarantixxi dan l-għan billi jintaxxa bl-istess mod il-fondi residenti u l-fondi mhux residenti.

65      Issa, f’dan il-każ, il-fondi residenti huma eżentati mit-taxxa fuq il-kumpanniji u ma humiex suġġetti għal tip ieħor ta’ taxxa.

 Fuq leżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

66      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi aċċettata jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jekk tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI-Fonds AEVN, C‑545/19, EU:C:2022:193, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      F’dan il-każ, il-Gvern Ġermaniż isostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, jekk jitqies li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, din tkun iġġustifikata fid-dawl ta’ żewġ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jiġifieri, minn naħa, il-ħtieġa li titħares il-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali u, min-naħa l-oħra, dik li jitħares tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

 Fuq ilħtieġa li titħares ilkoerenza tassistema fiskali nazzjonali

68      Għandu jitfakkar li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħtieġa li titħares il-koerenza ta’ sistema fiskali nazzjonali tista’ tiġġustifika leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ natura li tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali, hija madankollu ppreċiżat li, sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista’ jirnexxi, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali partikolari, fejn in-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate, C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punti 65 u 66, kif ukoll tas‑7 ta’ April 2022, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Eżenzjoni tal-fondi ta’ investiment kuntrattwali), C‑342/20, EU:C:2022:276, punti 91 u 92 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      Il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Ġermaniż jikkunsidraw li tali rabta teżisti peress li l-vantaġġ fiskali li tikkostitwixxi l-eżenzjoni tal-fondi residenti huwa kkumpensat mit-tassazzjoni diretta tal-investituri istituzzjonali mhux residenti ta’ dawn il-fondi sa fejn it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(2) tal-InvStG 2004 tipprevedi l-attribuzzjoni diretta tad-dħul immobbiljari lill-investituri mhux residenti. Sabiex tiġi żgurata t-tassazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, l-imsemmija fondi għandhom l-obbligu li jżomm taxxa f’ras l-għajn skont ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 15(2) tal-InvStG 2004. Barra minn hekk, li kieku kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżenzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-InvStG 2004, din l-eżenzjoni tkun ikkumpensata mit-tassazzjoni tal-investituri, prevista fl-Artikolu 2(1) tal-InvStG 2004, peress li dawn ikunu suġġetti għal taxxa f’ras l-għajn, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-InvStG 2004.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-eżenzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-InvStG 2004 ma hijiex espliċitament suġġetta, skont din id-dispożizzjoni, għall-kundizzjoni li t-tassazzjoni tal-investituri tal-fond tippermetti li din l-eżenzjoni tiġi kkumpensata, tali rabta diretta tista’ madankollu tirriżulta mis-sistema fiskali inkwistjoni.

71      Hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk l-attribuzzjoni diretta tad-dħul immobbiljari lill-investituri mhux residenti u t-tassazzjoni tal-investituri residenti tal-fondi residenti jikkumpensawx l-eżenzjoni mogħtija lil dawn il-fondi. B’mod partikolari, hija għandha tivverifika jekk tali investituri humiex intaxxati b’mod sistematiku u ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-imsemmija taxxa.

72      Anki jekk jitqies li tali rabta diretta tista’ tirriżulta mis-sistema fiskali inkwistjoni, ikun għad irid jiġi vverifikat jekk, minħabba l-fatt li huma biss il-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati residenti li għandhom il-possibbiltà jibbenefikaw mill-eżenzjoni tad-dħul immobbiljari mit-taxxa fuq il-kumpanniji, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-koerenza ta’ din is-sistema fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 83).

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, fil-każ tal-investituri residenti ta’ fond ta’ investiment immobbiljari speċjalizzat mhux residenti, it-tassazzjoni ta’ dan il-fond twassal għal tassazzjoni ekonomika doppja ta’ dan id-dħul, peress li dan id-dħul jiġi ntaxxat, l-ewwel, fil-livell tal-imsemmi fond u, it-tieni, fil-livell tal-investitur residenti. Issa, kif tfakkar fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, l-eliminazzjoni ta’ din it-taxxa doppja ma tistax tinkiseb dejjem, u dan imur preċiżament kontra l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 85).

74      Min-naħa l-oħra, il-koerenza interna tas-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tinżamm jekk il-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi jiżguraw ruħhom, bil-kollaborazzjoni sħiħa ta’ dawn il-fondi, li l-investituri fl-imsemmija fondi jħallsu taxxa ekwivalenti għal dik li huma suġġetti għaliha l-investituri f’fond ta’ investiment immobbiljari speċjalizzat residenti. Jekk tali fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti jitħallew jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, taħt dawn il-kundizzjonijiet, dan ikun jikkostitwixxi miżura inqas restrittiva mis-sistema attwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 84).

75      Il-ħtieġa li titħares il-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali ma tistax, għaldaqstant, tiġġustifika r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq ilħtieġa li jitħares tqassim ibbilanċjat tassetgħa ta’ tassazzjoni bejn lIstati Membri

76      Għandu jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ħtieġa li jitħares it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tkun aċċettata meta s-sistema inkwistjoni tkun intiża li tipprevjeni aġir ta’ natura li jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI-Fonds AEVN, C‑545/19, EU:C:2022:193, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Madankollu, meta Stat Membru jkun għażel, bħal fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jintaxxax lill-fondi residenti fuq id-dħul tagħhom ta’ oriġini nazzjonali, huma ma jistax jinvoka l-ħtieġa li jiżgura tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġġustifika t-tassazzjoni tal-fondi mhux residenti li jirċievu tali dħul (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI-Fonds AEVN, C‑545/19, EU:C:2022:193, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Minn dan isegwi li lanqas il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ħarsien ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri ma tista’ tiġi aċċettata.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta parzjalment il-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, fir-rigward tad-dħul immobbiljari li huma jirċievu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li l-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati residenti huma eżentati minn din it-taxxa.

 Fuq l-ispejjeż

80      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta parzjalment il-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati mhux residenti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, fir-rigward tad-dħul immobbiljari li huma jirċievu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li l-fondi ta’ investiment immobbiljari speċjalizzati residenti huma eżentati minn din it-taxxa.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.