Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Jannar 2012 - PT Ecogreen Oleochemicals et vs Il-Kunsill

(Kawża T-28/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: PT Ecogreen Oleochemicals (Kabil-Batam, l-Indoneżja), Ecogreen Oleochemicals (Singapor) Pte Ltd (Singapor, ir-Repubblika ta' Singapor), Ecogreen Oleochemicals GmbH (Dessau-Roßlau, il-Ġermanja) (rappreżentanti: F. Graafsma u J. Cornelis, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1138/2011, tat-8 ta' Novembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta' ċerti alkoħols xaħmija u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja (ĠU L 293, p. 1), sa fejn japplika għar-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq

l-allegat ksur tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea  (iktar 'il quddiem ir-"regolament bażiku"); peress li l-Kunsill manifestament żbalja fl-evalwazzjoni tiegħu, meta ċaħad it-talba tar-rikorrenti, li PTEO u EOS jikkostitwixxux entità ekonomika waħda. B'riżultat ta' dan, il-Kunsill naqqas kummissjoni ipotetika li ma hijiiex permissibbli skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku meta jiġi stabbilit il-prezz għall-esportazzjoni, billi hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta' entità ekonomika waħda tipprekludi tali tnaqqis ta' kummissjoni fittizja;

Sussidjarjament, it-tieni motiv ibbażat fuq

l-allegazzjoni li l-inklużjoni ta' marġni ta' profitt fittizju ta' 5 % meta jsir aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku jikkostitwixxi interpretazzjoni mhux permessa tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Hija biss iż-żieda fuq il-prezz attwali li n-negozjant ikun irċieva li tista' titnaqqas mill-prezz għall-esportazzjoni. Dan it-tieni motiv sussidjarju huwa invokat biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta' evalwazzjoni meta ċaħad it-talba tar-rikorrenti li PTEO u EOS jikkostitwixxu entità ekonomika waħda.

____________

1 - ĠU L 343, p. 51.