Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Jannar 2012 - PT Musim Mas vs Il-Kunsill

(Kawża T-26/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: PT Perindustrian dan Perdagangan Musim Semi Mas (PT Musim Mas) (Medan, l-Indoneżja) (rappreżentant: D. Luff, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1138/2011, tat-8 ta' Novembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta' ċerti alkoħols xaħmija u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja (ĠU 2011 L 293, p. 1) (iktar 'il quddiem ir-"Regolament ikkontestat", sa fejn japplika għar-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv li jsostni

li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tistħarreġ l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament ikkontestat u l-konformità tagħhom mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea  (iktar 'il quddiem ir-"Regolament bażiku") u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

It-tieni motiv isostni

li l-Kunsill kiser l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku peress li:

(a) wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u użu ħażin tal-poter billi ċaħad l-eżistenza ta' "entità ekonomika unika" bejn ir-rikorrenti u s-sussidjarja tagħha li tieħu ħsieb il-bejgħ f'Singapore. Matul l-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni deliberatament injorat il-fatti esposti mir-rikorrenti dwar il-kumpanniji relatati;

(b) il-Kunsill ma pproduċiex biżżejjed provi li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku huma sodisfatti. Huwa wettaq ukoll użu ħażin tal-poter u żball manifest ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku billi serraħ fuq fatti żbaljati jew interpretati b'mod żbaljat sabiex jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku kienu sodisfatti. Il-Kunsill injora l-fatti li r-rikorrenti pprovdiet lill-Kummissjoni, li l-din tal-aħħar ivverifikat mingħajr ma kkontestathom matul l-ebda stadju tal-proċedura ta' investigazzjoni.

It-tielet motiv isostni

li l-Kunsill kiser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, peress li:

(a) ma għamilx paragun ġust bejn il-prezz ta' esportazzjoni u l-valur normali. Huwa ma weriex biżżejjed id-differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabbiltà tal-prezzijiet. B'kuntrast mal-ġurisprudenza eżistenti, huwa ma stabbilixxiex nuqqas ta' simetrija bejn il-valur normali u l-prezz ta' esportazzjoni, fin-nuqqas ta' aġġustament għall-kummissjonijiet imħallsa. Il-Kunsill injora l-informazzjoni u l-provi prodotti fir-risposti tar-rikorrenti għall-kwestjonarju u matul iż-żjarat ta' verifika, li stabbilixxew li ICOF S tkopri wkoll il-bejgħ domestiku. Huwa naqas milli jindika biżżejjed ir-raġunijiet għalfejn ma ħax inkunsiderazzjoni dik l-informazzjoni u dawk il-provi. Billi għamel hekk, il-Kunsill wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u użu ħażin tal-poter. Huwa ma mmotivax biżżejjed il-bżonn għal aġġustament u dan huwa diskriminatorju kontra r-rikorrenti;

(b) il-Kunsill ma evitax tnaqqis doppju tal-profitti mill-prezz ta' esportazzjoni. Il-Kunsill naqqas inizzjalment marġni ipotetiku ta' 5 % għall-profitti ta' ICOF E, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku u marġni ipotetiku ieħor ta' 5 % għall-profitti ta' ICOF S, u b'dan il-mod naqqas marġni ipotekarju totali mhux raġonevoli ta' 10 % għal tranżazzjoni ta' bejgħ fi ħdan il-grupp. Dan huwa evidentement kuntrarju għall-fatti u l-prattika għal dan it-tip ta' tranżazzjoni ta' kummerċ. Il-Kummissjoni, bħala awtorità ta' investigazzjoni, kellha tkun tafu dan. Il-Kunsill għalhekk wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti dwar il-profitti fi ħdan il-grupp u applika b'mod ħażin, diskriminatorju u mhux raġonevoli l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

Ir-raba' motiv isostni

li l-Kunsill fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti kiser il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. Huwa injora informazzjoni, provi u argumenti prodotti lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni. Minflok, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq irċevuti formali, kummissjonijiet imħallsa u kuntratti meħuda barra mill-kuntest tagħhom sabiex il-marġni ta' dumping tar-rikorrenti jitkabbar b'mod artifiċjali. Il-Kummissjoni u l-Kunsill kellhom jeżerċitaw diliġenza ikbar u kellhom jagħmlu analiżi iktar rigoruża sabiex jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom.

Il-ħames motiv isostni

li r-Regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tal-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' nondiskriminazzjoni. Billi applika aġġustament għall-prezz ta' esportazzjoni, il-Kunsill ħoloq nuqqas ta' simetrija bejn il-prezz ta' esportazzjoni u l-valur normali sempliċement minħabba l-istruttura tal-kumpannija u ta' taxxa tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti sofriet minn tnaqqis doppju ta' marġni ta' profit ipotetiku minħabba din l-istruttura. Iż-żewġ sitwazzjonijiet huma diskriminatorji kontra r-rikorrenti f'relazzjoni mal-kumpanniji investigati l-oħra, li għandhom l-istess spejjeż li ma ġewx suġġetti għal aġġustamenti.

____________

1 - ĠU L 342, 22.12.2009, p. 51.