Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Jannar 2012 - MAF vs Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol

(Kawża T-23/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Mutuelle des Architectes Français assurances (MAF) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis, E. Marchal u D. Abreu Caldas, avukati)

Konvenuta: Autorité européenne des assurances et des pensions professionnelles

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara u tiddeċiedi li,

id-deċiżjonijiet li jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-internet tal-Awtorità l-informazzjoni kollha bl-Ingliż biss, inkluż il-konsultazzjonijiet pubbliċi varati fis-7 u fit-8 ta' Novembru 2011 kif ukoll fil-21 ta' Diċembru 2011, huma annullati;

sa fejn hu meħtieġ, id-deċiżjoni tal-Awtorità tas-16 ta' Jannar 2012, hija annullata ;

l-Awtorità hija kkundannata għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 8(1)(k) u 73 tar-Regolament Nru 1094/2010  sa fejn dawk id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-konvenuta biex tippubblika informazzjoni relatata mal-attivitajiet tagħha fuq is-sit tal-internet, u dan fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (UE). Ir-rikorrenti tinvoka żball manifest ta' evalwazzjoni u żball ta' liġi sa fejn il-konvenuta tiġġustifika r-rifjut li jiġu ppubblikati l-konsultazzjonijiet pubbliċi kkontestati fil-lingwa tar-rikorrenti b'mod partikolari abbażi ta' kunsiderazzjonijiet relatati mal-ispiża, kif ippreċiżat fl-Artikolu 73(3), tar-Regolament Nru 1094/2010 li x-xogħlijiet ta' traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Awtorità jsiru miċ-ċentru tat-traduzzjoni tal-entitajiet tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligu tal-pubblikazzjoni fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrenti ssostni li dan l-obbligu japplika wkoll fir-rigward tal-konsultazzjonijiet pubbliċi varati mill-konvenuta u mhux biss fir-rigward tar-rapport annwali, tal-pjan ta' ħidma u tad-direzzjoni u rakkomandazzjonijiet tal-konvenuta.

____________

1 - Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta' Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, p. 48).