Language of document : ECLI:EU:F:2009:142

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

21 ta’ Ottubru 2009

Kawża F-74/08

Dominique Ramaekers-Jørgensen

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Taxxa Komunitarja – Kalkolu – Kumulu tal-ammont tar-remunerazzjoni personali u tal-pensjoni tas-superstiti – Modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa – Data tal-intaxxar”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu D. Ramaekers‑Jørgensen titlob, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tal-20 ta’ Mejju 2008, li tiċħad l-ilment tagħha kontra l-modalitajiet ta’ kalkolu u ta’ ġbir tat-taxxa Komunitarja dovuta fuq il-pensjoni tas-superstiti tagħha kif ukoll, sa fejn huwa neċessarju, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Ottubru 2007, li tagħtiha din il-pensjoni sa fejn din l-aħħar deċiżjoni tadotta l-modalitajiet imsemmija iktar ’il fuq; it-tieni nett, il-konstatazzjoni tal-illegalità tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 33) kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 420/2008, tal-14 ta’ Mejju 2008, li jaġġusta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2007, ir-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 127, p. 1), sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu l-kumulu tal-pensjoni tas-superstiti mogħtija lil uffiċjal flimkien mas-salarju tiegħu għall-kalkolu tat-taxxa Komunitarja.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tal-Kummissjoni. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjent insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Sommarju

1.      Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja – Talba għall-annullament ta’ att individwali li jikkawża preġudizzju – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja sabiex tikkonstata l-illegalità ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali fid-dispożittiv tas-sentenzi tagħha

(Artikolu 230 KE)

2.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Pensjoni tas-superstiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 79; Anness VIII, Artikolu 17; Regolament tal-Kunsill Nru 260/68, Artikoli 2, 3(1), 4 u 8)

3.      Uffiċjali – Taxxa fuq is-salarji – Applikazzjoni ta’ rati differenti għall-kategoriji differenti ta’ dħul

(Regolament tal-Kunsill Nru 260/68, Artikolu 4)

4.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Pensjoni tas-superstiti

(Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 13; Regolament tal-Kunsill Nru 260/68, Artikoli 3 u 4)

1.      Jekk, fil-kuntest ta’ talba għall-annullament ta’ att individwali li jikkawża preġudizzju, il-qorti Komunitarja għandha effettivament ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata inċidentalment l-illegalità ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li fuqha huwa bbażat l-att ikkontestat, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, min-naħa l-oħra, ma għandux ġurisdizzjoni sabiex iwettaq tali konstatazzjonijiet fid-dispożittiv tas-sentenzi tiegħu.

(ara l-punt 37)

2.      Is-sistema fiskali Komunitarja tipprovdi impożizzjoni gradwali li tieħu inkunsiderazzjoni r-remunerazzjonijiet kollha ta’ kull benefiċjarju sabiex tikkalkola l-bażi taxxabbli. Għalhekk, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 260/68, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej, jistabbilixi li t-taxxa hija kkalkolata fuq l-ammont taxxabbli miksub bl-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) li jipprovdi li “[i]t-taxxa għandha titħallas kull xahar fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Komunitajiet lil kull persuna soġġetta għaliha”. Il-bażi taxxabbli suġġetta għat-taxxa Komunitarja hija għalhekk magħmula mis-somma li tinkludi salarji u remunerazzjonijiet oħra li joriġinaw mill-Komunita li jitħallsu lil kull persuna taxxabbli.

L-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 17 tal-Anness VIII tiegħu dwar il-pensjoni tas-superstiti ma jinkludu ebda deroga għar-regola ġenerali tal-kumulu tar-remunerazzjonijiet għall-kalkolu tat-taxxa Komunitarja. Fil-fatt, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-ammont, qabel it-taxxa, tal-pensjoni tas-superstiti skont il-karriera tal-konjuġi mejjet, din il-pensjoni tirrappreżenta, favur il-konjuġi superstiti, dħul supplenti intiż li jikkumpensa t-telf ta’ dħul tal-konjuġi li miet. Din tikkostitwixxi wkoll remunerazzjoni mħallsa mill-Komunitajiet, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 260/68, li l-konjuġi superstiti huwa l-benefiċjarju dirett tagħha skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament. Sa fejn l-imsemmi konjuġi huwa wkoll uffiċjal, huwa wkoll suġġett għat-taxxa Komunitarja fuq is-salarju tiegħu skont l-istess dispożizzjonijiet. Konsegwentement, it-taxxa dovuta minn dan tal-aħħar hija tabilħaqq dik ikkalkolata skont l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 260/68, filwaqt li l-bażi taxxabbli tirrappreżenta s-somma tal-imsemmi salarju u tal-imsemmija remunerazzjoni mħallsa kull xahar.

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni derogatorja espressa dwar il-pensjoni tas-superstiti, ir-regola tal-kumulu għandha tapplika għall-ħlas simultanju ta’ salarju u ta’ tali pensjoni. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata abbażi tal-fatt li tali ħlas lill-imsemmi uffiċjal tas-salarju tiegħu, fil-15 ta’ kull xahar, u tal-pensjoni tas-superstiti tiegħu, fl-aħħar tax-xhar, ma humiex simultanji, peress li r-Regolament Nru 260/68 ma jissuġġettax l-applikazzjoni tar-regola tal-kumulu għall-ħlas f’daqqa tar-remunerazzjonijiet kollha. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) tiegħu jipprovdi li “[i]t-taxxa għandha titħallas kull xahar fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Komunitajiet lil kull persuna soġġetta għaliha”, b’mod li t-taxxa hija kkalkolata abbażi tas-somom kollha mħallsa matul dan il-perijodu. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 260/68 li jipprovdi li “t-taxxa għandha tinġabar minn ras il-għajn”, jistabbilixxi biss modalità tal-ġbir tat-taxxa.

(ara l-punti 48, 49 u 52 sa 56)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 1 ta’ Diċembru 1994, Coen-Porisini vs Il‑Kummissjoni, T‑502/93, ĠabraSP p. I‑A‑303 u II‑949, punti 22, 28 u 29

3.      L-applikazzjoni ta’ rati differenti għall-kategoriji differenti ta’ dħul previsti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 260/68, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej, ma tipprekludix li tinġabar biss kontribuzzjoni waħda ta’ taxxa applikabbli fuq id-dħul globali, mingħajr distinzjoni, filwaqt li l-perċentwali tal-imsemmija kontribuzzjoni tiżdied sa fejn id-dħul globali tal-persuna taxxabbli jilħaq kategorija ogħla.

(ara l-punt 64)

4.      Billi jafda lill-Kunsill bl-inkarigu li jistabbilixxi, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom l-uffiċjali Ewropej huma suġġetti għal taxxa, favur il-Komunitajiet, fuq is-salarji u remunerazzjonijiet kollha mħallsa minnhom u billi jeżenta parallelment minn kull taxxa nazzjonali l-istess salarji u remunerazzjonijiet, l-Artikolu 13 tal-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej stabbilixxa sistema fiskali li tikkonċerna speċifikament lill-membri tal-persunal tal-Komunitajiet. Din is-sistema hija intiża, permezz tan-natura uniformi u awtonoma tagħha fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali, li tiggarantixxi ugwaljanza fit-trattament bejn l-uffiċjali tal-Komunitajiet. Il-kwalità ta’ uffiċjal Ewropew hija għalhekk kriterju rilevanti sabiex is-sitwazzjoni fiskali ta’ tali uffiċjal tiġi distinta minn dik ta’ persuni li ma jibbenefikawx minn remunerazzjoni Komunitarja.

(ara l-punti 73 u 74)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs L-Istat Belġjan, 6/60, Ġabra p. 1125; 3 ta’ Lulju 1974, Brouerius van Nidek, 7/74, Ġabra p. 757, punt 11; 3 ta’ Marzu 1988, Il‑Kummissjoni vs BEI, 85/86, Ġabra p. 1281, punt 23; 22 ta’ Marzu 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑437/04, Ġabra p. I‑2513, punt 61