Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Ġunju 2011 - Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-343/11)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: C. Wissels, M. de Ree, B. Koopman u C. Schillemans, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/244/UE, tal-15 ta' April 2011, innotifikata fit-18 ta' April 2011, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn jikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi u sa fejn jikkonċerna l-esklużjoni tas-somma ta' EUR 22 691 407.79 mill-finanzjament applikabbli għall-infiq iddikjarat matul il-perijodu ta' bejn l-2006 u l-2008 fil-kuntest ta' programmi operazzjonali u tar-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-Deċiżjoni 2011/244/UE, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala spejjeż ġenerali ta' produzzjoni fis-sens tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1433/2003 1 l-ispejjeż kollha tal-istampar fuq l-imballaġġi, indipendentement min-natura u mill-għan ta' dan l-istampar, u għalhekk ma kkunsidratx dawn l-ispejjeż bħala ammissibbli għall-finanzjament Komunitarju. Il-Gvern Olandiż iqis li l-istampar fuq l-imballaġġ tal-isem jew ta' trade mark ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi, liema stampar għandu għan promozzjonali, għandu jiġi kkunsidrat bħala promozzjoni ġenerika u promozzjoni ta' tikketti ta' kwalità u bħala promozzjoni tal-ismijiet/trade marks tal-produtturi. L-ispejjeż marbuta ma' dawn l-operazzjonijiet huma effettivament ammissibbli abbażi tal-Anness I tar-Regolament Nru 1433/2003.

Barra minn hekk, bid-Deċiżjoni 2011/244/UE, il-Kummissjoni eskludiet kompletament mill-finanzjament il-programmi operazzjonali tal-organizzazzjoni tal-produtturi FresQ għas-snin ta' kummerċjalizzazzjoni 2004 sa 2007, billi qieset li din l-organizzazzjoni ta' produtturi ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' rikonoxximent tar-Regolament Nru 2200/96 2 u tar-Regolament Nru 1432/2003. Il-Kummissjoni tibbaża l-konklużjoni tagħha fuq il-konstatazzjoni li tipprovdi li ċerti sussidjarji kummerċjali ta' FresQ kienu qiegħdin jikkummerċjalizzaw esklużivament il-prodotti ta' produttur wieħed, u li, bħala riżultat tal-allegata influwenza eżerċitata minn dan il-prodottur fuq is-sussidjarja, FresQ ma kinitx għadha taqdi l-funzjoni tagħha ta' ġestjoni ċentrali fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ u tal-iffissar tal-prezzijiet. Il-Gvern Olandiż jikkontesta din l-evalwazzjoni u l-konklużjoni li tirriżulta minnha, jiġifieri li l-awtoritajiet Olandiżi kellhom jirtiraw ir-rikonoxximent tal-organizzazzjoni tal-produtturi FresQ.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 3 u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 4, moqri flimkien mal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2200/96 u l-Artikolu 8, moqri flimkien mal-punti 8 u 9 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1433/2003, sa fejn l-ispejjeż tal-istampar fuq l-imballaġġ ġew ikkunsidrati bħala spejjeż ġenerali ta' produzzjoni u għalhekk ġew irtirati mill-finanzjament.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, moqri flimkien mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96 u l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 1433/2003, sa fejn ġie konkuż li l-kriterji ta' rikonoxximent ma ttieħdux inkunsiderazzjoni mill-organizzazzjoni ta' produtturi FresQ.

Sussidjarjament, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, moqri flimkien mal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1433/2033, sa fejn l-għajnuna rċevuta minn FresQ għas-snin ta'kummerċjalizzazzjoni 2004 sa 2007 ġiet ikkunsidrata, kompletament, bħala inammissibbli għall-kofinanzjament Komunitarju.

Iktar sussidjarjament, ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, kif ukoll tal-prinċipju ta' proporzjonalità, sa fejn l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja huwa sproporzjonat mar-riskju finanzjarju reali tal-Fond Agrikolu.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1433/2003, tal-11 ta' Awwissu 2003, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 dwar il-fondi operattivi, programmi operazzjonali u għajnuna finanzjarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 39, p. 431)

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, tat-28 ta' Ottubru 1996, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 55)

3 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta' Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414)

4 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta' Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 286M , 4.11.2010, p. 1)