Language of document : ECLI:EU:T:2014:60

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

6 ta’ Frar 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Spanjol tal-pompi tal-petrol — Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ impenji li saru obbligatorji b’deċiżjoni tal-Kummissjoni — Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura — Multi — Pagamenti ta’ penalità”

Fil-Kawża T‑342/11,

Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (CEEES), stabbilita f’Madrid (Spanja),

Asociación de Gestores de Estaciones de Servicio, stabbilita f’Madrid,

irrappreżentati minn A. Hernández Pardo u B. Marín Corral, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat inizjalment minn M. Muñoz Pérez, sussegwentement minn S. Centeno Huerta u fl-aħħar nett minn A. Rubio González, abogados del Estado,

u minn

Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA, irrappreżentata minn J. Jiménez-Laiglesia Oñate u S. Rivero Mena, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2994 finali, tat-28 ta’ April 2011, li tiċħad l-ilment ippreżentat mir-rikorrenti dwar il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq minn Repsol (Każ COMP/39461),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti, il-Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (CEEES) u l-Asociación de Gestores de Estaciones de Servicio, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2994 finali, tat-28 ta’ April 2011, li tiċħad l-ilment ippreżentat minnhom dwar il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq minn Repsol (Każ COMP/39461), (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). L-imsemmi lment isostni n-nuqqas ta’ osservanza mill-intervenjenti, Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA (iktar ’il quddiem “Repsol”), tal-impenji li saru obbligatorji bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ April 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/B‑1/38.348 — Repsol CPP) (verżjoni mqassra fil-ĠU L 176, p. 104, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar l-impenji”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Iċ-CEEES hija assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-għan tagħha huwa l-ħarsien u r-rappreżentanza tal-interessi fl-oqsma kollha tal-membri tagħha, li essenzjalment huma, kumpanniji proprjetarji ta’ drittijiet ta’ użu ta’ pompi tal-petrol.

3        L-Asociación de Gestores de Estaciones de Servicio hija assoċjazzjoni ta’ impriżi li hija integrata fiċ-CEEES u li tirrappreżenta l-interessi tal-imprendituri li joperaw pompi tal-petrol mingħajr ma huma l-proprjetarji tagħhom.

4        Repsol hija kumpannija Spanjola li topera fil-qasam tal-petrol.

5        Fis-16 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fetħet proċedura skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE kontra Repsol dwar id-distribuzzjoni ta’ karburant lill-pompi tal-petrol Spanjoli. Fl-evalwazzjoni preliminari tagħha, hija esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 81 KE ta’ ċerti elementi tal-ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiva għal tul twil ta’ żmien konkluż bejn Repsol u l-pompi tal-petroli.

6        Sabiex twieġeb għat-tħassib imqajjem mill-Kummissjoni, Repsol ipproponiet impenji, li ġew ippubblikati fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika prevista mill-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u li kienu suġġetti għal bosta reviżjonijiet.

7        Fit-12 ta’ April 2006, billi adottat id-deċiżjoni dwar l-impenji, fuq il-bażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni rrendiet l-impenji rriveduti obbligatorji sal-31 ta’ Diċembru 2011.

8        Id-deċiżjoni dwar l-impenji tipprovdi, b’mod partikolari, is-segwenti:

“[Repsol] għandha tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 2790/99 f’dak li jikkonċerna l-ftehimiet li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li fihom [Repsol] teżerċita l-attività ta’ distribuzzjoni ta’ karburanti u ta’ kombustibbli għal vetturi bil-mutur fil-pompi tal-petrol fi Spanja. [Repsol] timpenja ruħha b’mod partikolari li:

[…]

b)      ma tillimitax il-kapaċità tal-akkwirent li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ, madankollu [Repsol] tibqa’ libera li timponi prezzijiet ta’ bejgħ massimi jew li tirrakkomanda prezz ta’ bejgħ mixtieq, bil-kundizzjoni li dawn ma jwasslux għal prezz tal-bejgħ fiss jew minimu li jirriżulta mill-pressjonijiet imposti jew minn inkoraġġiment propost minn parti waħda jew oħra; jew, fil-każ ta’ ftehim ta’ aġenzija li fihom [Repsol] tiffissa l-prezz ta’ bejgħ, għaliex l-aġent ma jsirx il-proprjetarju tal-beni, [Repsol] timpenja ruħha li ma timpedixxix l-aġent milli jaqsam il-kummissjoni tiegħu mal-klijent u li ma timponix fuqu restrizzjonijiet f’dan ir-rigward, billi tħallih fil-libertà kollha li jbaxxi l-prezz effettivament imħallas mill-klijent mingħajr mad-dħul ta [Repsol] jitnaqqas.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Fid-deċiżjoni dwar l-impenji, il-Kummissjoni qieset li l-impenji proposti minn Repsol kienu biżżejjed biex jirrimedjaw għall-problemi kkonstatati u għalqet il-proċedura.

10      Fit-30 ta’ Mejju 2007, bħal bosta kumpanniji oħra, ir-rikorrenti ppreżentaw ilment quddiem il-Kummissjoni, u invokaw l-eżistenza ta’ ftehim li jmur kontra l-Artikolu 81 KE bejn diversi kumpanniji li joperaw fil-qasam tal-petrol. Huma sostnew ukoll li Repsol kienet qed timponi prezzijiet minimi ta’ bejgħ lill-pubbliku fil-pompi tal-petrol, bi ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

11      Fin-nota twila tagħhom tal-10 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti sostnew li Repsol ma kinitx osservat l-impenn tagħha, li sar obbligatorju bid-deċiżjoni dwar l-impenji, li ma tirrestrinġix il-fakultà tal-pompi tal-petrol fi Spanja milli jiddeterminaw il-prezz ta’ bejgħ tal-karburanti lill-pubbliku u talbu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ mill-ġdid il-proċedura kontra Repsol abbażi tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

12      Fl-osservazzjonijiet tagħhom tat-13 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni kellha timponi multa fuq Repsol minħabba n-nuqqas ta’ osservanza minn din tal-aħħar tal-impenji tagħha.

13      Fit-30 ta’ Lulju 2009, il-Comisión Nacional de la Competencia (il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Kompetizzjoni Spanjola, iktar ’il quddiem iċ-“CNC”) adottat deċiżjoni kontra Repsol, Cepsa Estaciones de Servicio SA u BP Oil España SA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-CNC”). F’din id-deċiżjoni, is-CNC ikkonstatat li l-imsemmija kumpanniji kienu kisru l-Artikolu 1 tal-ley 16/1989, de 17 de julio, de Defensa de la Competencia (Liġi Nru 16/1989, tas-17 ta’ Lulju 1989, dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, BOE Nru 170, tat-18 ta’ Lulju 1989, p. 22747), kif ukoll l-Artikolu 81(1) KE, sa fejn huma kienu ffissaw b’mod indirett il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-karburant lill-pubbliku li kellhom jiġu applikati mill-impriżi indipendenti li joperaw taħthom, u b’hekk irrestrinġew il-kompetizzjoni libera bejn il-pompi tal-petrol tan-netwerk tagħhom kif ukoll bejn il-bqija tal-pompi tal-petrol. Barra minn hekk, iċ-CNC imponiet multa ta’ EUR 5 miljuni fuq Repsol u ordnatilha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex ittemm din il-prattika ta’ ffissar tal-prezzijiet u li ma terġax twettaq din il-prattika fil-ġejjieni.

14      B’atti tat-30 ta’ Marzu u tat-28 ta’ Diċembru 2010, rispettivament, ir-rikorrenti u Repsol ippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni taċ-CNC.

15      B’ittra tal-21 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat lir-rikorrenti l-evalwazzjoni provviżorja tagħha tal-ilment li huma kienu ppreżentaw fit-30 ta’ Mejju 2007.

16      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ilment tar-rikorrenti, dwar l-allegat ftehim li jikser l-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni informat lil dawn tal-aħħar li hija kienet bagħtet l-atti kollha ta’ dan l-ilment dwar tali ftehim liċ-CNC u talbiethom biex jikkonfermaw jekk huma kinux ser jirtiraw l-ilment tagħhom li jirrigwarda dan il-ftehim.

17      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ilment tagħhom, dwar ksur minn Repsol u Cepsa Estaciones de Servicio tal-Artikolu 101 TFUE minħabba l-impożizzjoni ta’ prezzijiet ta’ bejgħ minimi lill-pompi tal-petrol, il-Kummissjoni sostniet li din il-kwistjoni kienet diġà ġiet deċiża fid-deċiżjoni tas-CNC u ħabbret l-intenzjoni tagħha li tiċħad din il-parti tal-ilment tagħhom, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Hija talbet lir-rikorrenti biex itemmu dan l-ilment.

18      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet parti tal-ilment tagħhom, dwar in-nuqqas ta’ osservanza minn Repsol tal-impenji tagħha li saru obbligatorji bid-deċiżjoni dwar l-impenji, il-Kummissjoni enfasizzat li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed biex tipproċedi b’investigazzjoni u li, dejjem prima facie, hija ċaħdet din il-parti tal-ilment tagħhom.

19      Fir-risposti tagħhom tat-18 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti qablu li jirtiraw l-ewwel żewġ partijiet tal-ilment tagħhom imsemmija fil-punti 16 u 17 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, huma żammew it-tielet parti tal-ilment tagħhom, imsemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq.

20      Fit-28 ta’ April 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti.

21      Il-Kummissjoni fakkret, fil-premessi 22 sa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li, wara n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-impenji, minn naħa, hija setgħet tiftaħ mill-ġdid il-proċedura skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u timponi multi jew pagamenti ta’ penalità skont l-Artikoli 23 u 24 tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, hija kellha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Issa, f’din il-kawża, ma hemmx raġunijiet biżżejjed biex tadotta miżuri kontra Repsol.

22      Fil-premessi 26 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li ma kienx hemm bżonn li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura kontra Repsol, għaliex iċ-CNC kienet diġà wettqet investigazzjoni kontra din il-kumpannija u adottat miżuri kontra din tal-aħħar. L-analiżi tal-ilment kien ser iwassal għal xogħol doppju u kien ser jikkonsisti f’użu ineffikaċi tar-riżorsi pubbliċi.

23      Fil-premessi 33 sa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat u ċaħdet żewġ argumenti tar-rikorrenti. Fl-ewwel lok, fil-premessi 34 sa 40 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-eżami tal-ilment kien ser iwassal għal xogħol doppju limitat. Fit-tieni lok, fil-premessi 41 sa 43 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument ibbażat fuq il-fatt li dan kien ksur distint. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qieset, b’mod partikolari, li, anki jekk jiġi preżunt li l-aġir kien jikkostitwixxi ksur ta’ żewġ dispożizzjonijiet legali distinti, jiġifieri tal-Artikolu 101TFUE, minn naħa, u tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, min-naħa l-oħra, ma kienx hemm biżżejjed raġunijiet biex jittieħdu miżuri dwar dan l-aspett tal-ilment. L-azzjoni pubblika meħuda miċ-CNC biex tissanzjona l-aġir ta’ Repsol kienet biżżejjed biex tiddiswadi lil din tal-aħħar milli tipparteċipa f’tali prattiki antikompetittivi fil-ġejjieni.

24      Fl-aħħar nett, fil-premessi 44 sa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għall-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li hija kienet obbligata li timponi multi skont l-Artikolu 23(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 jew pagamenti ta’ penalità skont l-Artikolu 24(1)(ċ) tal-imsemmi regolament. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni sostniet li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux jistabbilixxu d-dritt li tintalab timponi multa jew pagamenti ta’ penalità u li, fi kwalunkwe każ, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, ma kienx hemm bżonn li tiftaħ proċedura sabiex timponi multa fuq Repsol.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti bdew din l-azzjoni.

26      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Settembru u fit-3 ta’ Ottubru 2011, rispettivament, ir-Renju ta’ Spanja u Repsol talbu sabiex jintervjenu f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digrieti tat-8 u tat-30 ta’ Novembru 2011, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ l-interventi tagħhom.

27      Wara li ntlagħqet il-proċedura bil-miktub, bi skritturi tat-12 ta’ Lulju 2012 u tad-9 ta’ April 2013, ir-rikorrenti pproduċew żewġ provi li ġew mehmuża mad-dokumenti. Dawn il-provi ddaħħlu fil-proċess bil-kundizzjoni li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħhom.

28      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

29      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-29 ta’ April 2013.

30      Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti talbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        konsegwentement, tikkonstata li l-Kummissjoni għandha timponi fuq Repsol multa jew pagamenti ta’ penalità għal ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

31      Bħala risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ir-rikorrenti rrinunċjaw għat-talbiet intiżi li jikkonstataw li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li timponi multa jew pagamenti ta’ penalità fuq Repsol, u dan ġie annotat fil-proċess verbali tas-seduta.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors bħala parzjalment inammissibbli u tiċħad ir-rikors bħala parzjalment infondat jew, fi kwalunkwe każ, tiċħdu kollu kemm hu bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

33      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

34      Repsol titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat jew, fi kwalunkwe każ, tiċħad ir-rikors bħala totalment infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż inklużi dawk marbuta mal-intervent tagħha.

 Id-dritt

35      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret, minn naħa, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 23(2)(ċ) u l-Artikolu 24(1)(ċ) tal-imsemmi regolament.

36      Ir-rikorrenti essenzjalment iressqu żewġ motivi.

37      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, wara n-nuqqas ta’ osservanza minn Repsol tad-deċiżjoni dwar l-impenji, il-Kummissjoni kellha tiftaħ mill-ġdid il-proċedura kontra din il-kumpannija u timponi fuqha multa jew pagamenti ta’ penalità. Billi naqset milli tieħu dawn il-miżuri, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll l-Artikolu 23(2)(ċ) tal-Artikolu 24(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament.

38      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, billi naqset milli tiftaħ mill-ġdid il-proċedura kontra Repsol u billi naqset milli tirtira jew tħassar id-deċiżjoni dwar l-impenji, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

39      Peress li ċerti osservazzjonijiet tar-rikorrenti jistgħu jinftiehmu bħala li jirrigwardaw mhux biss il-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata iżda wkoll l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, il-Qorti Ġenerali ser teżamina dan l-aspett wara li teżamina ż-żewġ motivi.

40      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ser tiddeċiedi fuq il-produzzjoni tal-provi tat-12 ta’ Lulju 2012 u ta9 ta’ April 2013.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll tal-Artikolu 23(2)(ċ) u tal-Artikolu 24(1)(ċ) tal-imsemmi regolament minħabba l-ommissjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura kontra Repsol u li timponi fuqha multa jew pagamenti ta’ penalità

 Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv

41      Il-Kummissjoni ssostni li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2)(ċ) u tal-Artikolu 24(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 ġie invokat biss insostenn tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti li ġew irrinunċjati minnhom (ara l-punt 31 iktar ’il fuq), intiż li tiġi ordnata tagħti ordni.

42      Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mir-rikors ma jirriżultax li r-rikorrenti sempliċement invokaw ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2)(ċ) jew tal-Artikolu 24(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 biss insostenn tal-kap ta’ talbiet intiż li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni għandha timponi multa jew pagamenti ta’ penalità fuq Respol, u mhux insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet.

43      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li huwa minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li fil-kuntest tal-kompetenza ta’ annullament mogħtija lilha mill-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni Ewropea ma hijiex awtorizzata tagħti ordni lill-istituzzjonijiet u li kap ta’ talbiet intiż li tinħareġ ordni lil istituzzjoni tal-Unjoni għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2010, Now Pharm vs Il-Kummissjoni, T‑74/08, Ġabra p. II‑4661, punt 19).

44      Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tipprekludix li r-rikorrenti jibbażaw talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2)(ċ) jew tal-Artikolu 24(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, fl-ipoteżi li l-Kummissjoni tkun kisret dawn id-dispożizzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti għandhom ikunu jistgħu jitolbu l-annullament ta’ din id-deċiżjoni lill-Qorti Ġenerali u għalhekk il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu l-miżuri li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikolu 266 TFUE.

45      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-fondatezza tal-motiv

46      Essenzjalment ir-rikorrenti jsostnu li, billi rrifjutat li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura kontra Respol u billi rrifjutat li timponi fuqha multa jew pagamenti ta’ penalità wara n-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni dwar l-impenji, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll l-Artikolu 23(2)(ċ) u l-Artikolu 24(1)(ċ) tal-imsemmi regolament.

–       Fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni

47      Għandu jiġi rrilevat li, fl-ipoteżi li r-rikorrenti jsostnu li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll l-Artikolu 23(2)(ċ) u l-Artikolu 24(1)(ċ) tal-imsemmi regolament jobbligaw lill-Kummissjoni biex tiftaħ mill-ġdid il-proċedura u biex timponi pagamenti ta’ penalità u multi fuq l-impriżi kollha li ma josservawx l-impenji tagħhom li saru obbligatorji b’deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 9(1) tal-istess regolament, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

48      Fil-fatt, minn kliem l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta mingħajr ekwivoku li meta impriża kkonċernata ma tosservax deċiżjoni dwar l-impenji, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura kontra l-imsemmija impriża, iżda tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Fil-fatt, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, meta impriża ma tosservax l-impenji tagħha li jkunu saru vinkolanti fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ tiftaħ mill-ġdid il-proċedura kontra din l-impriża fuq talba jew minn jeddha.

49      Il-Kummissjoni tiddisponi wkoll minn setgħa diskrezzjonali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(ċ) u tal-Artikolu 24(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, li abbażi tagħhom hija tista’ timponi multi jew pagamenti ta’ penalitajiet lill-impriżi meta dawn ma josservawx impenn li jkun sar obbligatorju b’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament.

50      Madankollu, fil-mori tal-kawża, ir-rikorrenti ppreċiżaw li huma ma kinux qed iqiegħdu inkwistjoni l-fatt li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jagħtu setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni.

51      Madankollu, ir-rikorrenti jqisu li, anki jekk bħala regola ġenerali l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni, hija kellha, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, tiftaħ mill-ġdid il-proċedura kontra Repsol u timponi fuqha pagamenti ta’ penalità jew multa.

52      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jsostnu li ma hijiex applikabbli għal din il-kawża l-ġurisprudenza li tipprovdi li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li tkompli b’ilment dwar ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE għaliex l-ilment tagħhom jirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni dwar l-impenji u għaliex dan in-nuqqas ta’ osservanza ntwera fid-deċiżjoni taċ-CNC.

53      F’dan ir-rigward, għandu preliminarjament jingħad li s-setgħa li l-proċedura tinfetaħ mill-ġdid li tgawdi minnha l-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u s-setgħa li timponi multi jew pagamenti ta’ penalità li għandha abbażi tal-Artikoli 23 u 24 tal-imsemmi regolament ingħatawlha fid-dawl tal-inkarigu ta’ sorveljanza tal-osservanza tal-Artikolu 101 TFUE u 102 TFUE mogħti lilha bl-Artikolu 105 TFUE.

54      Fil-fatt, meta hija tidentifika problemi ta’ kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista’ trendi obbligatorji l-impenji li ġew proposti mill-impriżi kkonċernati u li hija tiddeċiedi li huma xierqa, minflok ma tipproċedi b’konstatazzjoni formali ta’ ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, Ġabra p. I‑5949, punt 35).

55      Minn naħa, il-mekkaniżmu introdott bl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 jippermetti lill-impriża kkonċernata li tipparteċipa b’mod sħiħ fil-proċedura, billi tipproponi soluzzjonijiet li jidhrulha l-iktar xierqa biex tissodisfa t-tħassib tal-Kummissjoni u biex tevita li l-Kummissjoni tikkonstata formalment ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102TFUE. Min-naħa l-oħra, dan l-artikolu huwa motivat minn raġunijiet ta’ tqassir tal-proċedura, għaliex il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li turi kif meħtieġ mil-liġi li l-kundizzjonijiet tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE ġew issodisfatti u jista’ għalhekk iwassal għal soluzzjoni iktar veloċi għall-problemi li hija identifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Alrosa, punt 54 iktar ’il fuq, punt 35).

56      Il-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 9(2), tal-Artikolu 23(2)(ċ) u tal-Artikolu 24(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 huma intiżi li jiggarantixxu l-osservanza ta’ tali impenji. Fil-fatt, meta impriża ma tosservax l-impenji li hija tifformula u li jkunu saru obbligatorji mill-Kummissjoni, din tal-aħħar tista’ tiftaħ il-proċedura mill-ġdid u timponi fuqha pagamenti ta’ penalità jew multa sempliċement billi turi n-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni dwar l-impenji, mingħajr ma tikkonstata bil-quddiem ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE.

57      Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma huwiex li tippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjoni doppja lil impriża għal ksur partikolarment gravi tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE. Fil-fatt, tali interpretazzjoni ma hija bl-ebda mod konformi mal-aħħar sentenza tal-premessa 13 tar-Regolament Nru 1/2003, li tipprovdi li d-deċiżjonijiet intiżi li jrendu impenji obbligatorji ma humiex opportuni fil-każijiet li fihom il-Kummissjoni tkun tixtieq timponi multa.

58      Fir-rigward tal-elementi li jiddeterminaw l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jingħad li din tal-aħħar għandha biss riżorsi limitati, li għandha tużahom biex taġixxi kontra numru potenzjalment għoli ta’ aġir li jikser lid-dritt tal-kompetizzjoni.

59      Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tagħti l-gradi ta’ prijorità lill-problemi differenti tal-kompetizzjoni li jinġabru quddiemha u hija hi li għandha tiddeċiedi jekk it-tkomplija tal-eżami ta’ kawża hijiex fl-interess tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2010 CEAHR vs Il-Kummissjoni, T‑427/08, Ġabra p. II‑5865, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ lment għal ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-punti kollha rilevanti ta’ liġi u ta’ fatt, b’mod partikolari dawk li jinġiebu quddiemha mil-lanjant. Għalhekk, f’dan il-kuntest, hija għandha, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza tal-ksur allegat għall-funzjonament tas-suq intern, il-probabbiltà li tkun tista’ tistabbilixxi l-eżistenza tiegħu u l-portata tal-miżuri ta’ investigazzjoni meħtieġa, bi ħsieb li tissodisfa, fl-aħħar kundizzjonijiet, il-missjoni tagħha ta’ sorveljanza tal-osservanza tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C‑450/98 P, Ġabra p. I‑3947, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑24/90, Ġabra p. II‑2223, punt 86, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Ufex et vs Il-Kummissjoni, T‑60/05, Ġabra p. II‑3397, punt 178). Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri tal-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni nazzjonali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Lulju 2007, Au lys de France vs Il-Kummissjoni, T‑458/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat li ma hemm xejn li jipprekludi lill-Kummissjoni, f’kawża bħal din, milli tagħti prijorità għal kriterju wieħed biex tevalwa l-interess tal-Unjoni li teżamina problema tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IECC vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 59).

61      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-awtur ta’ lment li jirrigwarda ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE ma għandux id-dritt li jeżiġi li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni definittiva dwar l-eżistenza jew l-ineżistenza tal-ksur allegat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C‑119/97 P, Ġabra p. I‑1341, punt 87; sentenzi tal-Qorti Ġenerali Automec vs Il‑Kummissjoni, punti 60 u 61 iktar ’il fuq, punt 75, u tat-13 ta’ Settembru 2012, Protégé International vs Il-Kummissjoni, T‑119/09, punt 32).

62      Fid-dawl tal-fatt li l-kompetenza tal-Kummissjoni li trendi impenji vinkolanti skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 għandha wkoll l-għan li tiggarantixxi l-osservanza tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u fid-dawl tal-fatt li l-kompetenzi previsti fl-Artikolu 9(2), fl-Artikolu 24(1)(ċ) u fl-Artikolu 23(2)(ċ) tal-imsemmi regolament huma intiżi li jiggarantixxu l-osservanza tal-imsemmija impenji, il-Qorti Ġenerali tqis li l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 60 sa 61 iktar ’il fuq japplikaw ukoll f’każ fejn l-eventwali nuqqas ta’ osservanza ta’ impenn jitressaq quddiem il-Kummissjoni jew fejn hija għandha tiddeċiedi jekk tiftaħx il-proċedura mill-ġdid.

63      Issa, peress li l-Kummissjoni għandha tevalwa l-kwistjoni dwar jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li tkompli bl-eżami ta’ lment fid-dawl tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti f’din il-kawża, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sitwazzjoni tista’ tippreżenta ruħha b’mod differenti skont jekk dan l-ilment jikkonċernax in-nuqqas ta’ osservanza eventwali ta’ deċiżjoni dwar l-impenji jew ksur eventwali tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE.

64      Fil-fatt, peress li n-nuqqas ta’ osservanza tal-impenji huwa ġeneralment iktar faċli li jintwera minn ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE, il-portata tal-miżuri ta’ investigazzjoni meħtieġa biex jiġi stabbilit tali nuqqas ta’ osservanza ta’ impenji hija, bħala regola ġenerali, iktar limitata. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, minn dan ma jistax jiġi dedott li, f’tali każ, il-Kummissjoni għandha sistematikament tiftaħ il-proċedura mill-ġdid u timponi multa jew pagamenti ta’ penalità. Fil-fatt, tali approċċ ikollu l-konsegwenza li jittrasforma l-kompetenzi li hija għandha abbażi tal-Artikolu 9(2), tal-Artikolu 23(2)(ċ) u tal-Artikolu 24(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 f’kompetenzi marbuta, ħaġa li ma hijiex konformi ma’ kliem dawn id-dispożizzjonijiet.

65      Sussegwentement, fir-rigward tal-argument imressaq mir-rikorrenti li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tara li tiġi osservata deċiżjoni dwar l-impenji, għandu jiġi kkonstatat li xejn ma jipprekludi li, fil-każ tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali.

66      F’dan il-kuntest, għandu jingħad li l-kompetenza parallela tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, ma hijiex imqiegħda inkwistjoni bl-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni dwar l-impenji meħuda skont l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 13 tar-Regolament Nru 1/2003, id-deċiżjonijiet dwar l-impenji meħuda mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament huma bla ħsara għall-fakultà li għandhom l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali biex jikkonstataw ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE u biex jiddeċiedu fuq il-kawża inkwistjoni. Barra minn hekk, mill-premessa 22 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li d-deċiżjonijiet dwar l-impenji meħuda mill-Kummissjoni ma jaffettwawx is-setgħa li għandhom l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali li japplikaw l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.

67      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jagħtihiex kompetenza esklużiva. Ċertament, l-Artikolu 11(6) tal-imsemmi regolament, li r-rikorrenti jinvokaw f’dan il-kuntest, jipprovdi, b’mod partikolari, li l-ftuħ mill-Kummissjoni ta’ proċedura bi ħsieb li tiġi adottata deċiżjoni li tikkonstata ksur u li tordna l-waqfien tiegħu skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jew ta’ proċedura bi ħsieb li tiġi adottata deċiżjoni li trendi obbligatorji impenji skont l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament għandu l-konsegwenza li jtemm il-kompetenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li japplikaw l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn dawn id-dispożizzjonijiet li awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali ma tistax iktar tadotta deċiżjoni kontra impriża wara li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni dwar l-impenji, fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jtemmx il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali b’mod permanenti, iżda biss matul it-tul tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, punti 68 sa 92).

68      Għalhekk, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri li awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tkun adottotat kontra impriża, meta hija tevalwa jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li tiftaħ proċedura mill-ġdid kontra din l-impriża għal nuqqas ta’ osservanza tal-impenji tagħha, sabiex timponi fuqha multa jew pagamenti ta’ penalità. Kuntrarjament, sa fejn il-kompetenzi tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(2) tal-Artikolu 23(2)(ċ) u tal-Artikolu 24(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 ingħatawlha fid-dawl tal-missjoni tagħha ta’ sorveljanza tal-osservanza tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, tali teħid inkunsiderazzjoni huwa obbligatorju.

–       Fuq l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali f’din il-kawża

69      L-eżami tal-ilment li jipprovdi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura mill-ġdid u li ma timponix pagamenti ta’ penalità jew ta’ multa fuq Repsol hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni għandu jsir fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Ir-rikorrenti jsostnu li l-motivi esposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jiġġustifikawx din id-deċiżjoni.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fuq l-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lilha fit-trattament tal-ilmenti ma għandux iwassalha biex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni magħmula mill-Kummissjoni b’dik tagħha, iżda huwa intiż biex jiġi vverifikat li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tkunx ibbażata fuq fatti sostantivament ineżatti u li ma tkun ivvizzjata b’ebda żball ta’ liġi jew b’xi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza CEAHR vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Il-Qorti Ġenerali tqis li f’din il-kawża l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata miġbura fil-punti 21 sa 24 iktar ’il fuq ma humiex ivvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

72      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq l-eżistenza tad-deċiżjoni tas-CNC, li fiha din tal-aħħar ikkonstatat li Repsol kienet kisret l-Artikolu 101 TFUE billi ffissat indirettament il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-karburant lill-pubbliku, u imponiet multa ta’ EUR 5 miljuni u ordnatilha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex ittemm din il-prattika ta’ ffissar tal-prezzijiet u biex tastjeni minn din il-prattika fil-ġejjieni. Dan l-approċċ huwa skont l-għan ta’ kooperazzjoni stretta bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fi ħdan in-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni, li huwa msemmi, b’mod partikolari, fil-premessi 6, 8 u 15 tar-Regolament Nru 1/2003.

73      Barra minn hekk, fid-dawl tad-deċiżjoni tas-CNC, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-adozzjoni tal-miżuri addizzjonali kontra Repsol ma kinux meħtieġa.

74      Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, li jipprovdi li l-Kummissjoni kellha tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza minn Repsol tad-deċiżjoni dwar l-impenji billi timponi fuqha pagamenti ta’ penalità skont l-Artikolu 24(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jingħad li din is-setgħa tal-Kummissjoni hija intiża biex iġġiegħel lil impriża sabiex tosserva impenn fil-ġejjieni. Issa, f’dan ir-rigward, l-għanijiet li l-Kummissjoni setgħet issegwi billi timponi pagamenti ta’ penalità fuq Repsol u l-għanijiet segwiti mis-CNC fid-deċiżjoni tagħha huma konverġenti, għaliex l-għan huwa li l-prattika ta’ ffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-karburant tintemm. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri adottati mis-CNC kienu biżżejjed biex iġiegħlu lil Repsol tastjeni minn din il-prattika fil-ġejjieni. Għalhekk, hija setgħet tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li intervent minnha ma kienx meħtieġ u li għalhekk ma kienx fl-interess tal-Unjoni li l-proċedura tinfetaħ mill-ġdid sabiex timponi pagamenti ta’ penalità.

75      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, li jipprovdi li l-Kummissjoni kellha timponi multa minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni dwar l-impenji, għandu jitfakkar li l-għan prinċipali ta’ multa imposta abbażi tal-Artikolu 23(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa li jiġi ssanzjonat aġir li dwaru l-Kummissjoni tqis li jqajjem problemi ta’ kompetizzjoni, mingħajr ma jkollha l-ħtieġa li turi kif meħtieġ mil-liġi li l-kundizzjonijiet tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE ġew issodisfatti. Fid-deċiżjoni tagħha, iċ-CNC kienet diġà kkonstatat li Repsol kienet iffissat il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-karburant u imponiet fuqha sanzjoni. Peress li d-deċiżjoni dwar l-impenji tirrigwarda l-istess aġir, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni taċ-CNC. Issa, peress li l-għan prinċipali ta’ sanzjoni fuq l-aġir ta’ Repsol li l-Kummissjoni kienet identifikat bħala problematiku kien diġà ntlaħaq, hija setgħet tqis li l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura u l-imponiment ta’ multa addizzjonali ma kienx fl-interess tal-Unjoni, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

76      L-ebda argument miġjub mir-rikorrenti ma jista’ jqiegħed fid-dubju din l-evalwazzjoni.

77      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, minkejja li s-CNC kienet diġà imponiet multa fuq Repsol għax hija kienet iffissat il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-karburant, il-Kummissjoni kellha timponi fuqha multa addizzjonali abbażi tal-Artikolu 23(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex ma tikkompromettix il-qofol stess tal-mekkaniżmu introdott bl-Artikolu 9 tal-istess regolament, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u biex in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ impenn ma jidhirx bħala fatt “gratwitu, insinjifikattiv u bla importanza”, b’mod partikolari fir-rigward tal-impriżi li ma aċċettawx impenji.

78      Dan l-argument għandu għalhekk jiġi miċħud.

79      Fil-fatt, anki fl-ipoteżi doppja li, minn naħa, l-Artikolu 23(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 kellu jiġi interpretat b’mod li jippermetti lill-Kummissjoni li timponi multa addizzjonali fuq impriża sempliċement għaliex hija ma osservatx l-impenji tagħha, anki jekk dan l-istess aġir diġà ġie ssanzjonat minn awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE, u fl-ipoteżi li, min-naħa l-oħra, tali aġir ma jiksirx il-prinċipju ne bis in idem, f’din il-kawża, il-Kummissjoni setgħet tqis li l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura bl-għan li tiġi imposta multa addizzjonali fuq Repsol ma kienx fl-interess tal-Unjoni, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

80      Qabelxejn, għandu jingħad li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma setgħetx timponi multa fuq Repsol għan-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni fuq l-impenji mingħajr ma taffettwa r-riżorsi pubbliċi għal dan l-inkarigu. Kif ġustament invokat il-Kummissjoni, hija kellha twettaq sensiela ta’ atti amministrattivi, fosthom li tifformula d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, is-smigħ tal-partijiet kkonċernati u l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi multa.

81      It-tieni nett, il-Kummissjoni setgħet tqis li l-valur miżjud ta’ intervent magħmula minnha kien ser ikun limitat, peress li l-għan prinċipali msemmi fl-Artikolu 23(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri s-sanzjoni ta’ aġir ta’ Repsol li hija qieset bħala problematiku fid-dawl tar-regoli tal-kompetizzjoni, kien diġà ntlaħaq.

82      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għan invokat mir-rikorrenti, jiġifieri l-ħarsien tal-effettività tal-mekkaniżmu introdott bl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jitqies li dan huwa għan li jikkonċerna direttament id-determinazzjoni tal-politika tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni.

83      Għalhekk, anki fl-ipoteżi doppja msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma setgħetx teċċedi l-limiti tal-marġni diskrezzjonali tagħha billi tiddeċiedi li, f’din il-kawża, ma kienx iġġustifikat li l-proċedura tinfetaħ mill-ġdid u li tiġi imposta multa addizzjonali fuq Repsol.

84      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur ta’ Repsol u l-effetti tal-aġir tagħha fuq is-suq.

85      Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

86      Fil-fatt, kif espost fil-punti 60 u 62 iktar ’il fuq, meta l-Kummissjoni tagħti gradi ta’ prijorità lill-problemi ta’ kompetizzjoni li jitressqu quddiemha, xejn ma jipprekludiha milli tipprijorizza wieħed mill-kriterji rilevanti.

87      Issa, minħabba l-motivi msemmija fil-punti 72 sa 83 iktar ’il fuq, f’din il-kawża, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li, fid-dawl tad-deċiżjoni taċ-CNC fil-konfront ta’ Repsol, intervent addizzjonali minn naħa tagħha ma kienx fl-interess tal-Unjoni, mingħajr ma jkollha tikkunsidra kriterji oħra jew mingħajr ma hija jkollha tiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-kawża, fuq il-gravità tal-aġir ta’ Repsol, fuq l-istruttura tas-suq Spanjol jew fuq l-effetti tal-aġir ta’ Repsol f’dan is-suq.

88      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li, minħabba l-effett dirett tad-deċiżjoni dwar l-impenji, tan-natura vinkolanti tagħha fuq Repsol, tar-relazzjoni bilaterali u tar-relazzjoni ta’ fiduċja li hija tistabbilixxi bejn din l-impriża u l-Kummissjoni kif ukoll tal-ħtieġa li tapplika d-dritt tal-Unjoni b’mod uniformi u billi tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura mill-ġdid u timponi multa u pagamenti ta’ penalità fuq Repsol.

89      Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

90      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, billi invokaw dawn il-punti, ir-rikorrenti sempliċement ifakkru li Repsol aċċettat li tiġi suġġetta għal deċiżjoni dwar l-impenji, abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, u li hija ma osservatx din id-deċiżjoni.

91      Issa, kif ġie espost fil-punt 64 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jagħti marġni kbira ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni meta hija hi kkonfrontata b’nuqqas ta’ osservanza ta’ impenn li sar obbligatorju abbażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Għalhekk, iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti, li sempliċement isostnu li l-Kummissjoni hija fil-preżenza ta’ tali każ, ma jistgħux juru li hija eċċediet il-limiti tal-marġni diskrezzjonali li hija għandha fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija lillha abbażi tal-Artikolu 9(2) tal-imsemmi regolament kif ukoll tal-Artikolu 23(2)(ċ) u tal-Artikolu 24(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, l-approċċ sostnut mir-rikorrenti, li jipprovdi li dawn iċ-ċirkustanzi waħedhom jobbligaw lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura mill-ġdid u li timponi multa jew pagamenti ta’ penalità, għandu l-konsegwenza li japplika l-imsemmija kompetenzi bħala kompetenzi marbuta, fatt li jikser dak previst minn kliem l-imsemmija dispożizzjonijiet.

92      Fir-raba’ lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-effikaċja sħiħa tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE teħtieġ li kull persuna tkun tista’ titlob kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur ta’ dawn ir-regoli (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punt 26, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punt 60). Peress li din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet meta persuna tkun ġarbet danni, ma jistax jiġi dedotta minnha li, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fuq l-inizjattiva ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, li għandha biss riżorsi limitati, il-każijiet kollha li fihom impriża ma tosservax impenn li sar obbligatorju skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom jiġu ssanzjonati.

93      Fil-ħames lok, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw il-premessa 29 tar-Regolament Nru 1/2003, li tipprovdi li l-osservanza tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u l-eżekuzzjoni tal-obbligi imposti fuq l-impriżi skont l-imsemmi regolament għandhom jiġu żgurati permezz ta’ multi u ta’ pagamenti ta’ penalità, għandu jingħad li din il-premessa ma tqiegħedx inkwistjoni la l-għan ta’ applikazzjoni deċentralizzata tal-Artikolu 101 TFUE mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u lanqas il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri tal-imsemmija awtoritajiet meta hija tiddetermina jekk hemmx interess tal-Unjoni li tkompli bl-eżami ta’ każ.

94      Fis-sitt lok, fir-rigward tal-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ April 2006, dwar id-deċiżjoni tagħha fil-Każ COMP/B-1/38.348 dwar l-impenji ta’ Repsol kif ukoll il-memorandum tagħha tal-istess jum, li jirreferu għalih ir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni sempliċement qalet li hija setgħet timponi multi fuq Repsol fil-każ li hija ma tosservax id-deċiżjoni dwar l-impenji, mingħajr ma ddeċidiet fuq tali multi b’mod awtomatiku.

95      Fis-seba’ lok, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tiegħu. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi li kellha twettaq skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-Artikolu 23(2)(ċ) u l-Artikolu 24(1)(ċ) tal-imsemmi regolament. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tippreġudika l-interessi tar-rikorrenti b’mod sproporzjonat.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tiftaħ il-proċedura mill-ġdid fil-konfront ta’ Repsol u timponi fuqha multa jew pagamenti ta’ penalità. Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll tal-Artikolu 23(2)(ċ) u l-Artikolu 24(1)(ċ) tal-imsemmi regolament għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003 minħabba l-ommissjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura mill-ġdid u tirtira jew tħassar id-deċiżjoni dwar l-impenji

97      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003 billi ma fetħitx mill-ġdid il-proċedura kontra Repsol u billi ma rtiratx jew ma ħassritx id-deċiżjoni dwar l-impenji. Wara n-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni dwar l-impenji, il-Kummissjoni kellha tirtira jew tħassar l-imsemmija deċiżjoni.

98      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġustament issostni li, f’din il-kawża, kien hemm interess li tinżamm id-deċiżjoni dwar l-impenji. Qabelxejn, id-deċiżjoni dwar l-impenji ma tirrigwardax biss l-obbligi ta’ Respol dwar il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-karburant, iżda tirrigwarda wkoll u prinċipalment il-kuntratti ta’ distribuzzjoni esklużivi għal tul twil ta’ żmien. Barra minn hekk, fir-rigward tal-impenji dwar il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-karburant, xejn ma jipprekludi li l-Kummissjoni żżomm id-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta’ dawn l-impenji. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 56 iktar ’il fuq, tali żamma tippermetti lill-Kummissjoni li timponi pagamenti ta’ penalità u multi minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija deċiżjoni, mingħajr il-ħtieġa li qabel tikkonstata ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE.

99      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda prova li tista’ turi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

100    Fl-ipoteżi li, billi jiġi sostnut li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx suffiċjentement motivata, ir-rikorrenti jixtiequ mhux biss isostnu motiv li jirrigwarda l-fondatezza tad-deċiżjoni, iżda wkoll motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, għandu qabelxejn jingħad li dan huwa motiv li għandu jiġi eżaminat ex officio u li ma jistax jiġi miċħud bħala tardiv.

101    Dwar il-fondatezza ta’ dan il-motiv, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ att għandha tkun xierqa għan-natura tagħha u għandha turi b’mod ċar u mingħajr ekwivoki r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jirrikonoxxu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 147).

102    F’din il-kawża, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni hija suffiċjenti. Fil-fatt, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni qieset li, wara d-deċiżjoni tas-CNC, intervent addizzjonali minnha ma kienx fl-interess tal-Unjoni.

103    Fir-rigward tal-argument sostnut mir-rikorrenti li jipprovdi li iktar ma tkun wiesgħa s-setgħa diskrezzjonali ta’ organu, iktar id-deċiżjoni għandha tkun motivata, għandu jitfakkar li l-portata tal-motivazzjoni meħtieġa tiddependi wkoll fuq ir-regoli applikabbli. Issa, kif ġie espost fil-punti 60, 62, 86 u 87 iktar ’il fuq, anki jekk il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti, xejn ma jipprekludi li, f’din il-kawża, hija tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-kunsiderazzjoni li l-miżuri meħuda miċ-CNC kienu suffiċjenti. Għalhekk, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandha titqies bħala suffiċjenti.

 Fuq il-produzzjoni ta’ provi tar-rikorrenti

104    Fit-12 ta’ Lulju 2012 u fid-9 ta’ April 2013, għalhekk wara li ngħalqet il-proċedura bil-miktub, ir-rikorrenti pproduċew provi, li jikkonsistu f’dokumenti flimkien ma’ noti li jesponi l-importanza tagħhom għall-evalwazzjoni ta’ din il-kawża.

105    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-produzzjonijiet ta’ provi ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħhom, għaliex id-dokumenti kollha ppreżentati fit-12 ta’ Lulju 2012 u fid-9 ta’ April 2013 jirrigwardaw dati wara dik tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jeżistu fid-data li fiha l-att ġie adottat. Minn dan isegwi li ma jistgħux jiġu kkunsidrati, matul l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dan l-att, elementi posterjuri għad-data ta’ meta l-att tal-Unjoni ġie adottat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2011, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑257/07, Ġabra p. II‑5827, punt 172, u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

107    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. F’din il-kawża, ir-rikorrenti għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

108    Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u l-Qorti Ġenerali tista’ tordna lil intervenjenti biex tbati l-ispejjeż tagħha. F’din il-kawża, ir-Renju ta’ Spanja u Repsol għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (CEEES) u l-Asociación de Gestores de Estaciones de Servicio għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

4)      Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Frar 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.