Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Frar 2010 - Embraer et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-75/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Empresa Brasileira de Aeronáutica, SA (Embraer) (São José dos Campos, il-Brażil), Embraer Aviation Europe SAS (EAE) (Villepinte, Franza), Indústria Aeronáutica de Portugal SA (OGMA) (Alverca do Ribatejo, il-Portugall) (rappreżentanti: U. O'Dwyer u A. Martin, solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 4541 finali, tas-17 ta' Ġunju 2009, li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna għall-ispejjeż ta' riċerka u żvilupp għad-disinn u l-manifattura ta' prodott ta' inġenji tal-ajru mogħtija mill-awtoritajiet tar-Renju Unit lil Bombardier (Short Brothers) [N 654/2008] 1. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ttieħdet wara eżami preliminari magħmul taħt l-Artikolu 108(3) TFUE. Ir-rikorrenti huma l-kompetituri tal-benefiċjarja tal-għajnuna u ressqu lment kontra l-għajnuna proposta fejn talbu lill-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni formali.

Insostenn tar-rikors tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti jsostnu l-motivi li ġejjin:

L-ewwel nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni kellha diffikultajiet serji matul l-eżami preliminari tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni u, għaldaqstant, kellha l-obbligu li tibda proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE. Barra minn hekk, huma jsostnu li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali ċaħħdet lir-rikorrenti u lill-partijiet l-oħra kkonċernati mid-dritt tagħhom li jiġu kkonsultati matul l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fehma tar-rikorrenti, dan l-aġir jikkostitwixxi difett proċedurali li jikser it-Trattat.

B'mod speċifiku, id-diffikultajiet serji li ltaqgħet magħhom il-Kummissjoni jidhru:

mit-tul u miċ-ċirkustanzi tal-eżemi preliminari;

min-nuqqas tal-Kummissjoni li tidentifika s-suq tal-ġwienaħ tal-ajruplani b'kapaċità ta' bejn 100 u 149 post bħala suq ta' prodott rilevanti;

min-nuqqas tal-Kummissjoni li tanalizza l-impatt tal-għajnuna mill-Istat fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-ġwienaħ tal-ajruplani b'kapaċità ta' bejn 100 u 149 post;

mill-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-impatt tal-għajnuna mill-Istat fuq il-kompetizzjoni fil-qasam ta' ajruplani kompluti b'kapaċità ta' bejn 100 u 149 post, li kienet insuffiċjenti u inkompleta.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-identifikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta' allegat suq għall-istrutturi tal-ajruplani u n-nuqqas ta' identifikazzjoni tas-suq rilevanti għall-ġwienaħ tal-ajruplani b'kapaċità ta' bejn 100 u 149 post jikkostitwixxi żball manifest ta' evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni skont l-Artikolu 107(3)(ċ).

It-tielet nett, huma jsostnu li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tanalizza l-impatt tal-għajnuna mill-Istat fuq is-suq rilevanti għall-ġwienaħ tal-ajruplani b'kapaċità ta' bejn 100 u 149 post jikkostitwixxi żball manifest ta'evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni magħmula skont l-Artikolu 107(3)(ċ).

Ir-raba' nett, huma jsostnu li l-analiżi inkompleta u difettuża tal-Kummissjoni dwar l-impatt tal-għajnuna mill-Istat fuq is-suq għall-ajruplani kompluti b'kapaċità ta' bejn 100 u 149 post tikkostitwixxi żball manifest ta' evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni magħmula skont l-Artikolu 107(3)(ċ).

____________

1 - ĠU C 298, p. 2