Language of document : ECLI:EU:T:2009:230

Kawża T‑285/08

Securvita – Gesellschaft zur Entwicklung alternativer Versicherungskonzepte mbH

vs

L‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis—Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali Natur-Aktien-Index — Raġuni assoluta għal rifjut — Nuqqas ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Talba għal bdil — Inammissibbiltà manifesta”

Sommarju tad-digriet

Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza — Bdil ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju — Evalwazzjoni fir-rigward tal-kompetenzi mogħtija lill-Bord tal-Appell

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 45, 62(1), 63(3), 126 u 127(1))

Talba intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tbiddel id-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni), ikkontestata quddiemha, fis-sens li tiġi ordnata r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala trade mark Komunitarja quddiem l-UASI hija manifetament inammissibbli.

Din it-talba tikkostitwixxi talba sabiex tinbidel id-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja. F’dan ir-rigward, is-setgħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tbiddel id-deċiżjoni kkontestata tikkomporta li hija tagħti deċiżjoni li l-Bord tal-Appell imissu ħa, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, l-ammissibbiltà ta’ talba intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tbiddel id-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kompetenzi mogħtija lil dan tal-aħħar mir-Regolament Nru 40/94.

Issa, minn naħa, mill-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-Bord tal-Appell mhuwiex kompetenti li joħroġ ordni fil-konfront tad-dipartiment li tiegħu eżamina d-deċiżjoni. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, wara li jkun sar eżami fuq il-mertu tar-rikors, ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ waħda mid-dipartimenti msemmija fl-Artikolu 57(1) tal-istess Regolament, il-Bord tal-Appell jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lill-dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri.

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-appelli ppreżentati kontra deċiżjonijiet tal-eżaminatur jew tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, skont l-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 40/94, Bord tal-Appell mhuwiex kompetenti li jieħu konjizzjoni ta’ talba intiża sabiex hija tirreġistra trade mark Komunitarja. Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tirriżulta mill-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 40/94 ġew sodisfatti, fid-dawl tal-fatt li d-dipartimenti tal-Uffiċċju kompetenti fil-qasam tar-reġistrazzjoni tat-trade marks Komunitarji f’dan ir-rigward ma jadottawx deċiżjoni formali li tista’ tkun suġġetta għal rikors. Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 45, 126 u 127(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-kompetenzi mogħtija lill-eżaminatur u lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni mhumiex intiżi sabiex jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet kollha għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, previsti fl-Artikolu 45 tar-Regolament, ġew sodisfatti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94, Bord tal-Appell mhuwiex kompetenti biex jiddeċiedi dwar ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Għaldaqstant, lanqas il-Qorti tal-Prim’Istanza mhija kompetenti li tieħu konjizzjoni ta’ tali talba f’dan is-sens.

(ara l-punti 10‑17, 20‑24)