Language of document : ECLI:EU:T:2010:528

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

16 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali Hallux – Raġuni assoluta għal rifjut – Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑286/08,

Fidelio KG, stabbilita f’Linz (l-Awstrija), irrappreżentata minn M. Gail, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Schäffner, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tal-21 ta’ Mejju 2008 (Każ R 632/2007‑4), dwar ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali Hallux bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Lulju 2008,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ottubru 2008,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Jannar 2009,

wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Ir-rikorrrenti, Fidelio KG, hija impriża taħt id-dritt Awstrijak li għandha bħala għan statutorju l-kummerċ bl-ingrossa taż-żraben. Hija tispeċjalizza fis-settur taż-żraben komdi.

2        Fid-19 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti, li kienet topera bl-isem Kasperek KG, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1. p. 146 ), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

3        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Hallux.

4        Il-prodotti li fir-rigward tagħhom kienet intalbet ir-reġistrazzjoni kienu jaqgħu fil‑klassijiet 10, 18 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu b’mod partikolari, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        Klassi 10: “Oġġetti ortopediċi”

–        Klassi 18: “Ġilda jew imitazzjonijiet tal-ġilda, u oġġetti oħra magħmula minn dan il-materjal (inklużi fil-Klassi 18); bagolli u basktijiet tal-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten”;

–        Klassi 25: “Ħwejjeġ, xedd tas-saqajn u xedd ir-ras”.

5        Permezz tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-eżaminatur”), l-eżaminatur, permezz tal-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 207/2009), ċaħad l-applikazzjoni għal trade mark għall-prodotti segwenti:

–        Klassi 10: “Oġġetti ortopediċi”;

–        Klassi 18: “Ġilda jew imitazzjonijiet tal-ġilda, u oġġetti oħra magħmula minn dan il-materjal (inklużi fil-Klassi 18)”;

–        –      Klassi 25: “Ħwejjeġ, xedd tas-saqajn”.

6        Fl-24 ta’ April 2007, ir-rikorrenti ppreżentat appell, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar‑Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar‑Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tal-eżaminatur.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2008 (Każ R 632/2007‑4) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell laqa’ dan l-appell fir-rigward, minn naħa, tal-prodotti inkwistjoni kollha li jaqgħu taħt il-Klassi 18 u, min-naħa l-oħra, tal-ħwejjeġ, li jaqgħu taħt il-Klassi 25. Kuntrarjament, huwa ċaħad il-kumplament tal-appell għall-prodotti segwenti:

–        Klassi 10: “Oġġetti ortopediċi”;

–        Klassi 25: “Xedd tas-saqajn”.

8        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-terminu “hallux” huwa kelma Latina li tfisser “is-saba’ l-kbir tas-sieq”. Din il-kelma tintuża fit-terminoloġija medika sabiex tirrappreżenta diversi sfigurazzjonijiet tas-sieq, konġenitali jew ereditarji. Waħda minn dawn hija l-hallux valgus, ikkaratterizzata minn sfigurazzjoni tal-artikulazzjoni li tinsab taħt is-saba’ l-kbir, li timplika devjazzjoni ta’ dan tal-aħħar lejn il-parti ta’ ġewwa tas-sieq. It-terminu “hallux” jintuża mill-pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż mhux speċjalizzat sabiex jirrappreżenta din il-patoloġija, li ma hijiex daqstant frekwenti.

9        It-terminu hallux” huwa direttament assoċjat mill-konsumatur medju li jitkellem bil-Ġermaniż mal-artikoli ortopediċi kif ukoll maż-żraben, peress li jevoka l-finalità ta’ dawn il-prodotti, jiġifieri li jitqiesu li jaqdu pazjenti li jsofru minn hallux valgus.

10      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-artikoli ortopediċi, dawn huma liberament disponibbli, iżda normalment miksuba fuq pariri ta’ tabib. Matul il-konsultazzjoni, it-tabib, li jaf it-termini tekniċi bil-Latin, ikollu l-possibbiltà jispjega t-tifsira tat-terminu “hallux” lill-pazjenti li jiġu rrakkommandati l-ilbies taż-żraben adattati għall-hallux valgus. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell sostna, mingħajr ma kkunsidra l-konsegwenzi ta’ dan, li t-terminu jista’ wkoll ikun deskrittiv fil-partijiet tal-Unjoni Ewropea li ma jitkellmux bil-Ġermaniż (punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fir-rigward taż-żraben inġenerali, il-Bord tal-Appell qies li l-pubbliku rilevanti jifhem it-terminu “hallux” bħala li jirrappreżenta żraben adattati għall-persuni li jsofru minn hallux valgus ħafif, li ma jeħtieġx l-ilbies ta’ żraben ortopediċi, iżda li f’tali sitwazzjonijiet dawn iż-żraben jistgħu jagħtuhom vantaġġ, peress li huma partikolarment komdi, jew peress li ma humiex żraben dojoq, jew peress li jadattaw rwieħhom faċilment għall-isfigurazzjoni jew inkella għandhom effett inizjalment stabilizzanti ta’ tali sfigurazzjoni (punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Peress li huwa deskrittiv għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti, it-terminu “hallux” huwa wkoll nieqes minn karattru distintiv, peress li l-pubbliku rilevanti jifhmu biss bħala li jirrappreżenta karatteristika tal-prodotti inkwistjoni u mhux bħala trade mark li tindika l-oriġini kummerċjali tagħhom (punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

14      L‑UASI jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ddikjarat li l-ewwel kap tat-talbiet tagħha kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tiċħad l-appell tagħha fir-rigward tal-artikoli ortopediċi, li jaqgħu taħt il-Klassi 10, u taż-żraben li jaqgħu taħt il-Klassi 25, u li ta’ dan ittieħed nota fil-proċess verbal tas-seduta.

 Id-dritt

16      Insostenn tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [li issa sar l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009] u ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

 L-argumenti tal-partijiet

17      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-pubbliku rilevanti ma jistax, immedjatament u mingħajr ebda riflessjoni oħra, jistabbilixxi rabta konkreta bejn it-terminu “hallux” u l-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni.

18      L-ewwel nett, kif jistabbilixxi estratt minn dizzjunarju Latin-Ġermaniż li ġie prodott f’anness għar-replika, it-terminu “hallux” huwa kelma Latina li tfisser “is‑saba’ l-kbir tas-sieq”. Għalhekk, ma jiddeskrivix karatteristika tal-prodotti inkwistjoni.

19      Ir-rikorrenti ssostni li ż-żraben, iżda wkoll l-artikoli ortopediċi, huma liberament disponibbli u jistgħu jinkisbu mingħajr riċetta tat-tabib, b’mod li, għal dawn il-prodotti kollha, il-pubbliku rilevanti huwa magħmul mill-konsumatur medju, normalment infurmat, attent u avżat.

20      Ir-rikorrenti tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Bundespatentgericht (Qorti federali tal-privattivi, il-Ġermanja) li tipprovdi li t-termini li joriġinaw minn lingwi mejtin huma ġeneralment adatti għar-reġistrazzjoni, peress li, bħala prinċipju, jippreżentaw, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, ċerta oriġinalità ta’ natura li tippermettihom ikollhom irwol ta’ indikatur ta’ oriġini tat-trade mark, sakemm ma jiddeskrivux direttament il-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li ma jkunux abitwalment użati għall-ħolqien ta’ espressjonijiet speċifiċi għal qasam partikolari.

21      Issa, skont ir-rikorrenti, it-terminu “hallux” ma daħalx fil-vokabularju Ġermaniż, ma jiddeskrivix direttament il-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u ma jintużax bħala indikazzjoni teknika speċifika. Is-sens ta’ dan it-terminu ma huwiex għalhekk magħruf mill-popolazzjoni tal-Unjoni li titkellem bil-Ġermaniż, inkluż ukoll il-konsumaturi li għandhom konoxxenza tal-Latin, peress li t-terminu inkwistjoni ma jaqax taħt il-vokabularju letterarju ġeneralment studjat. It-terminu “hallux” għalhekk ma għandu ebda sinjifikat partikolari għall-pubbliku rilevanti, li kuntrarjament, f’tali terminu jara isem fantasjuż, adatt sabiex isservi ta’ indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti inkwistjoni u jissodisfa, b’ċertu mod, il-funzjoni ta’ identifikazzjoni mogħtija lit-trade marks.

22      Anki jekk jitqies li s-sens tat-terminu Latin “hallux” huwa magħruf, għandu jiġi kkonstatat li dan it-terminu ma jiddeskrivix direttament il-prodotti inkwistjoni.

23      Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-pubbliku rilevanti ma hijiex ikkonċernata mill-patoloġija msejħa “hallux valgus” (devjazzjoni lejn in-naħa ta’ barra tal-ġog tas-saba’ l-kbir tas-sieq) u ż-żraben normalment mibjugħa fis-suq ma humiex speċifikament destinati lejn pubbliku li jbati minn din il-patoloġija. Anki l-parti tal-pubbliku rilevanti li jaf it-terminu “hallux” ma jipperċepixxix is-sinjal mitlub bħala deskrizzjoni tal-prodotti inkwistjoni, peress li s-saba’ l-kbir tas-sieq ma huwiex direttament marbut mal-finalità jew ma’ kwalunkwe karatteristika oħra taż-żraben u ta’ artikoli ortopediċi.

24      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li t-terminu “hallux” jikkostitwixxi abbrevjazzjoni magħrufa tat-terminu “hallux valgus”. Fil-fatt, jeżistu patoloġiji oħra tas-saba’ l-kbir tas-sieq li l-isem bil-Latin tagħhom jinkludi t-terminu “hallux” (per eżempju, hallux rigidus jew hallux malleus) u ma hemm ebda raġuni għalfejn għandu jiġi kkunsidrat li t-terminu “hallux” waħdu jikkostitwixxi abbrevjazzjoni ta’ waħda minnhom b’mod partikolari. L-estratti tas-siti tal-internet li rrefera għalihom il-Bord tal-Appell ma humiex xierqa sabiex juru n-natura abitwali tal-użu tat-terminu “hallux”. Huma ma jurux li t-terminu “hallux” jikkostitwixxi l-abbrevjazzjoni abitwali tat-termini “hallux valgus”. Barra minn hekk, il-preżenza, f’waħda mis-siti tal-internet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, tal-espressjoni “Hallux Schuhe” (żraben Hallux) hija r-riżultat ta’ strateġija kummerċjali ta’ impriża u ma hijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi li din l-espressjoni tinkludi abbrevjazzjoni abitwali.

25      Barra minn hekk, ma jeżistux żraben speċifiċi intiżi li jfejqu l-hallux valgus. Kuntrarjament, l-ilbies ta’ kwalunkwe żarbuna komda, nieqsa minn karatteristiċi partikolari, hija fattur li jipprevjeni jew jipprekludi li tali patoloġija tmur għall-agħar. Għalhekk ma hemmx żarbuna li l-karatteristiċi tagħha jippermettu li jserrħu persuna li ssofri minn hallux valgus. Fid-dawl ta’ tali ċirkustanzi, ir-rabta eventwali li l-pubbliku rilevanti jista’ jistabbilixxi bejn it-terminu “hallux” u ż-żraben hija wisq vaga u insuffiċjentement partikolari sabiex tagħti karattru deskrittiv lil dan it-terminu.

26      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-assoċjazzjoni tat-terminu “hallux” maż-żraben intiżi għall-pubbliku inġenerali hija strateġija kummerċjali intiża li toħloq, l-iktar l-iktar, effett ta’ suġġeriment. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza, trade mark verbali li tillimita ruħha li tissuġġerixxi finalità tal-prodotti ma hijiex neċessarjament deskrittiva u nieqsa minn karattru distintiv.

27      Sabiex jasal għall-konklużjoni li teżisti rabta bejn it-trade mark mitluba u l-patoloġija msejħa “hallux valgus”, il-konsumatur medju, inkluża l-persuna li tbati minn hallux valgus, għandu jagħmel sforz riflessiv kunsiderevoli li huwa impossibbli li jiġi preżunt. Fil-fatt, peress li hemm diversi patoloġiji tas-saba’ l-kbir distinti, li kull waħda minnhom tinkludi t-terminu “hallux” u fin-nuqqas ta’ informazzjoni speċifika, diretta u immedjata dwar il-kwalità jew il-karatteristika partikolari tal-prodotti inkwistjoni, il-pubbliku rilevanti, inkluż il-parti ta’ dan il-pubbliku li jbati minn hallux valgus u li jaf l-isem ta’ din il-patoloġija, jista’ biss jara s-sinjal li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni bħala deskrittiv wara approċċ analitiku li jeħtieġ sforz ta’ interpretazzjoni. Għalhekk, hemm marġni kbir ta’ interpretazzjoni fl-istabbiliment ta’ kwalunkwe rabta bejn is-saba’ l-kbir tas-sieq, minn naħa, u ż-żraben u l-artikoli ortopediċi, min-naħa l-oħra.

28      Ir-raba’ nett, ma jeżistix lessiku tekniku li fih it-terminu “hallux” jintuża sabiex ifisser żraben jew artikoli ortopediċi.

29      Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li l-UASI ma rnexxilux juri li l-evoluzzjonijiet demografiċi prevedibbli ser jiżviluppaw il-konoxxenza tat-termini “hallux” jew “hallux valgus” mill-pubbliku inġenerali. Ir-rikorrenti hija tal-fehma li n-numru ta’ konsumaturi li jixtiequ jilbsu żraben komdi, mingħajr madankollu ma jkunu jbatu minn hallux valgus, jista’ jiżdied minħabba l-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ. Għalhekk, xejn ma jippermetti li wieħed jistenna li l-pubbliku, li huwa kkonċernat mill-prodotti tar-rikorrenti, ikun jaf bl-eżistenza tal-hallus valgus jew ikun, b’mod jew ieħor, ikkonfrontat bit-terminu “hallux”.

30      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

31      Skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, il-finalità, il-valur, l-oriġini ġeografika jew meta saret il-produzzjoni tal-prodotti jew meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħra ta’ dawn il-prodotti jew servizzi. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament jistabbilixxi li l-Artikolu 7(1) huwa applikabbli anki meta r-raġunijiet għal rifjut jeżistu biss f’parti waħda tal-Komunità.

32      Fil-fatt, is-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw il-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni huma, skont ir-Regolament Nru 40/94, meqjusa bħala inadegwati, minħabba n-natura tagħhom stess, sabiex jissodisfaw il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini mwettqa mit-trade mark, bla ħsara għall-possibbiltà li jinkiseb karattru distintiv permezz tal-użu previst mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l‑Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009] (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, Ġabra p. I‑12447, punt 30).

33      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 għandu għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li s-sinjali jew indikazzjonijiet li jiddeskrivu l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandhom ikunu jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd [sentenza UASI vs Wrigley, iċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq, punt 31, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali [li issa saret il-Qorti Ġenerali] tas-7 ta’ Ġunju 2005, Münchener Rückversicherungs‑Gesellschaft vs UASI (MunichFinancialServices), T‑316/03, Ġabra p. II‑1951, punt 25].

34      Sabiex ikun iġġustifikat rifjut ta’ reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar‑Regolament Nru 40/94, ma huwiex neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li jiffurmaw it-trade mark inkwistjoni jkunu effettivament użati, fil-mument tal‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għad-deskrizzjoni ta’ prodotti jew ta’ servizzi bħal dawk li fir-rigward tagħhom ġiet ippreżentata l-applikazzjoni jew sabiex jiġu deskritti l-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi. Huwa biżżejjed, kif jindika l-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet ikunu jistgħu jintużaw għal dawn il-finijiet. B’hekk, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal verbali għandha tiġi rrifjutata jekk minn tal-inqas waħda mit‑tifsiriet tiegħu tindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (sentenza UASI vs Wrigley, iċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq, punt 32).

35      Għandu jitfakkar ukoll li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, b’referenza għal dak li jifhem bih il-pubbliku kkonċernat u, min-naħa l-oħra, b’referenza għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Ġunju 2010, Hoelzer vs UASI (SAFELOAD), T-315/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      B’hekk, l-UASI għandu, skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, jevalwa jekk trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni attwalment tikkostitwixxix, mill-perspettiva tal-oqsma kkonċernati, deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati jew jekk ikunx raġonevoli li jiġi previst li dan ser ikun il-każ fil-futur. Jekk, fit-tmiem ta’ dan l-eżami, il-Bord tal-Appell jasal għall-konklużjoni li dan huwa l-każ, huwa għandu, abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni, jirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, Ġabra p. I‑1619, punt 56).

37      Barra minn hekk, meta r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja tintalab mingħajr distinzjoni għal kategorija ta’ prodotti fl-intier tagħha u dan is-sinjal huwa biss deskrittiv fir-rigward ta’ parti mill-prodotti li jaqgħu taħt din il-kategorija, ir-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 madankollu tostakola r-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal għall-kategorija kollha kkonċernata [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T‑106/00, Ġabra p. II‑723, punt 46, u tal-20 ta’ Novembru 2007, Tegometall International vs UASI – Wuppermann (TEK), T‑458/05, Ġabra p. II‑4721, punt 94, u tal-ġurisprudenza ċċitata].

38      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti, fir-rigward kemm tal-artikoli ortopediċi, li jaqgħu taħt il-klassi 10, kif ukoll taż-żraben, li jaqgħu taħt il-klassi 25.

–       Fir-rigward tal-artikoli ortopediċi

39      Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi, fir-rigward tal-artikoli ortopediċi, li l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn persuni avżati, jiġifieri persuni li jbatu minn sfigurazzjoni jew malfunzjoni, dwar l-apparat ta’ sostenn kif ukoll dwar tobba u professjonisti speċjalizzati fil-materjal ortopediku (punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Skont ir-rikorrenti, peress li l-artikoli ortopediċi jinsabu liberament disponibbli u jistgħu jiġi akkwistati mingħajr riċetta tat-tabib, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti fir-rigward ta’ dawn l-artikoli huwa magħmul mill-pubbliku inġenerali.

41      Jekk huwa minnu li l-kundizzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott jistgħu jkollhom effett fuq il-kompożizzjoni tal-pubbliku rilevanti, ma jistax jiġi sostnut madankollu li l-prodotti kkummerċjalizzati kollha li huma liberament disponibbli u aċċessibbli mingħajr riċetta tat-tabib jindirizzaw ruħhom, minħabba dan il-fatt stess, lill-pubbliku inġenerali. Għandha pjuttost tingħata importanza prinċipalment għan-natura tal-prodotti koperti u għall-kategorija tal-popolazzjoni li fir-rigward tagħhom huma intenzjonati dawn il-prodotti.

42      F’dan ir-rigward, il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li l-pubbliku rilevanti, fir-rigward tal-artikoli ortopediċi, huwa magħmul minn professjonisti ta’ dan is-settur u minn pazjenti li għandhom sfigurazzjoni jew malfunzjoni li jeħtieġu korrezzjoni permezz tal-ilbies ta’ dawn l-artikoli, għandha tiġi approvata. Isegwi li l-livell ta’ konoxxenzi tekniċi tal-pubbliku rilevanti għandu jitqies bħala għoli.

43      Għalhekk hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, it-terminu “hallux” jistax jinftiehem bħala li jirrappreżenta karatteristika tal-artikoli ortopediċi, bħall-finalità tagħhom.

44      Huwa paċifiku li ċerti artikoli ortopediċi inklużi fil-kategorija koperta mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, huma speċifikament adattati għall-isfigurazzjonijiet tas-saba’ l-kbir tas-sieq. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq jirriżulta li huwa biżżejjed sabiex jiġi fondat rifjut għal reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, li r-raġuni assoluta li huwa jipprevedi tkun applikabbli għall-parti mill-prodotti inklużi fil-kategorija li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni tas-sinjal Hallux.

45      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell għamel tliet konstatazzjonijiet, li huwa sostna permezz tas-siti tal-internet. L-ewwel nett, it-terminu “hallux” ifisser “is-saba’ l-kbir tas-sieq” bil-Latin. It-tieni nett, l-istess terminu marbut ma’ kliem bil-Latin ieħor jirrappreżenta sfigurazzjonijiet tas-sieq li jikkaratterizzaw diversi patoloġiji. It-tielet nett, it-terminu “hallux” huwa biss użat sabiex jirrappreżenta l-iktar sfigurazzjoni komuni, jiġifieri devjazzjoni lejn in-naħa ta’ barra tal-bażi tas-saba’ l-kbir tas-sieq, li jissejjaħ “hallux valgus”.

46      Ir-rikorrenti, min-naħa tagħha, tammetti li t-terminu “hallux” ifisser “is-saba’ l-kbir tas-sieq” bil-Latin u li t-terminu “hallux” jikkombina ruħu ma’ termini oħra sabiex jirrappreżenta sfigurazzjonijiet differenti tas-sieq. Min-naħa l-oħra, hija tikkontesta l-fatt li t-terminu “hallux” jinftiehem bħala abbrevjazzjoni tat-termini “hallux valgus” u li s-sens tat-terminu “hallux” huwa magħruf fiż-żoni tal-Unjoni fejn huwa mitkellem il-Ġermaniż.

47      Ir-rikorrenti hija ġġustifikata fl-argument tagħha li l-produzzjoni ta’ estratti tas-sit tal-internet ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-pubbliku rilevanti huwa f’pożizzjoni li jipperċepixxi t-terminu “hallux” bħala abbrevjazzjoni użata b’mod abitwali minflok l-espressjoni “halgus valgus” sa fejn dan it-terminu jirrappreżenta patoloġija waħda. L-użu ta’ terminu fuq is-siti tal-internet ma huwiex biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-frekwenza tal-użu tiegħu, inkluż mill-pubbliku speċjalizzat.

48      Madankollu, ir-rikorrenti tammetti hija stess li t-terminu “hallux” ifisser “is-saba’ l-kbir tas-sieq” bil-Latin u jintuża fil-vokabularju xjentifiku sabiex jirrappreżenta diversi patoloġiji u malfunzjonijiet tas-sieq. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element ta’ natura li jista’ jistabbilixxi dubju dwar il-fondatezza tal-argument ippreżentat mill-Bord tal-Appell li jipprovdi li l-isem xjentifiku tal-patoloġiji tas-sieq huwa magħruf mill-pubbliku rilevanti, jiġifieri mhux biss mill-professjonisti – tobba li jistgħu jippreskrivu u bejjiegħa ta’ artikoli ortopediċi–, iżda wkoll il-parti tal-konsumaturi finali li jsofru minn patoloġiji tas-saba’ l-kbir tas-sieq u li għandhom bżonn ta’ apparat ortopediku adattat għal dawn il-patoloġiji. Fil-fatt, il-persuni li għandhom intenzjoni jixtru artikoli ortopediċi adattati għall-patoloġija tagħhom jistgħu, b’mod ġenerali, jinformaw ruħhom stess jew setgħu ġew informati bin-nom xjentifiku tal-patoloġiji li jsofru minnhom, jew anki informaw ruħhom waqt ix-xiri tal-artikoli ortopediċi adattati għall-patoloġija tagħhom. Għalhekk huwa probabbli li l-persuni li jbatu minn sfigurazzjonijiet tas-saba’ l-kbir tas-sieq ikunu jafu li għandhom patoloġija li tinkludi l-isem “hallux” u li huwa raġonevoli li jitqies li l-parti tal-pubbliku kkonċernat mill-artikoli ortopediċi adattati għall-isfigurazzjonijiet tas-saba’ l-kbir tas-sieq li ma jkunx għadu ffamiljarizza ruħu mat-terminu “hallux” jista’ jiġi informat bis-sens ta’ dan it-terminu, waqt ix-xiri ta’ dawn l-artikoli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2010, Exalation vs UASI (Vektor-Lycopin), T‑85/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 42 u 43, u l-ġurisprudenza ċċitata].

49      Għalhekk, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat mill-artikoli ortopediċi intiżi bħala sostenn għall-patoloġiji tas-saba’ l-kbir tas-sieq, it-terminu “hallux” jevoka l-patoloġija huwa stess. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-pubbliku rilevanti kkonċernat minn dawn l-artikoli jista’ għalhekk, mingħajr ma jkollu jwettaq sforz ta’ riflessjoni partikolari, jistabbilixxi rabta konkreta bejn it-terminu “hallux” u l-finalità ta’ dawn il-prodotti.

50      Din l-evalwazzjoni lanqas ma hija kkontestata mill-fatt, evokat mill-partijiet waqt is-seduta, li l-artikoli ortopediċi kollha ma humiex intiżi għal sostenn tal-patoloġiji tas-saba’ l-kbir tas-sieq. Fil-fatt, anki jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tinkludi l-artikoli ortopediċi li huma intiżi jipprovdu sostenn għall-patoloġiji oħra u jekk il-pubbliku kkonċernat minn dawn tal-aħħar jista’, konsegwentement, ma jkunx jaf bis-sens tat-terminu “hallux”, li jirrappreżenta patoloġija li ma jsofrux minnha, għandu jiġi osservat li din il-parti tal-pubbliku ma tikkostitwixxix il-pubbliku kkonċernat mill-artikoli ortopediċi intiżi għas-sostenn tal-patoloġiji tas-saba’ l-kbir tas-sieq. Għalhekk, għar-raġunijet indikati fil-punti 48 u 49 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkunsidra li t-terminu “hallux” jirrappreżenta, mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, wieħed mill-karatteristiċi tagħhom. Għalhekk, peress li l-kategorija tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tinkludi prodotti li għalihom is-sinjal Hallux huwa deskrittiv, dan il-motiv huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika rifjut għal reġistrazzjoni għall-kategorija kollha li fiha huma inklużi l-prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi STREAMSERVE, punt 37 iktar ’il fuq, punt 46, u TEK, punt 37 iktar ’il fuq, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tistax validament tinvoka l-fatt, insostenn tal-motiv tagħha intiż li jistabbilixxi li l-UASI wettaq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, tal-ġurisprudenza tal-Bundespatentgericht fil-qasam tar-reġistrazzjoni tas-sinjali magħmula minn kelma li tagħmel parti minn lingwa mejta. Fil-fatt, fil-qasam tat-trade mark Komunitarja, l-UASI jeżerċita kompetenza relatata sabiex japplika biss id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti kif interpretata mill-qorti Komunitarja [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Jannar 2001, Sunrider vs UASI (VITALITE), T‑24/00, Ġabra p. II‑449, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T‑16/02, Ġabra p. II‑5167, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata].

52      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Appell għamel applikazzjoni eżatta tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 meta qies li r-raġuni assoluta għal rifjut prevista f’din id-dispożizzjoni tipprekludi r-reġistrazzjoni tas-sinjal Hallux għall-artikoli ortopediċi li jaqgħu taħt il-klassi 10.

 Fir-rigward taż-żraben

53      Ir-rikorrenti u l-UASI jaqblu mal-Bord tal-Appell, li indika fid-deċiżjoni kkontestata li, peress li ż-żraben huma beni ta’ konsum regolari, il-pubbliku rilevanti huwa l-pubbliku inġenerali. Din il-konstatazzjoni għandha tiġi approvata. Minn dan isegwi li għandha tiġi evalwata l-perċezzjoni tat-terminu “hallux” mill-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Ellos vs UASI (ELLOS), T‑219/00, Ġabra p. II‑753, punt 30; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 26].

54      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-kelma ‘hallux”, għalkemm tinsab fid-dizzjunarji, tagħmel parti minn lingwa mejta li l-istudju tagħha ma huwiex komuni. Iktar minn hekk, kif issostni r-rikorrenti, dan it-terminu ma jagħmilx parti mill-vokabularju litterali li huwa ta’ sikwit l-iktar użat fl-istudju tal-Latin. Barra minn hekk, ma jistax jiġi preżunt li l-isem xjentifiku tal-isfigurazzjonijiet differenti tas-saba’ l-kbir tas-sieq huwa magħruf mill-pubbliku inġenerali. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell illimita ruħu li jirreferi għas-siti tal-internet. Għalhekk, tali elementi ta’ prova ma humiex biżżejjed sabiex jipprovaw il-frekwenza tal-użu ta’ terminu tekniku, u konsegwentement, il-konoxxenza ta’ dan it-terminu mill-pubbliku inġenerali (ara l-punt 47 itkar ’il fuq). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li ma kienx suffiċjenti li jintwera li l-użu ta’ terminu tekniku kien jinsab f’dizzjunarji speċjalizzati sabiex tiġi stabbilita l-konoxxenza ta’ dan it-terminu mill-pubbliku rilevanti, meta dan huwa magħmul mill-konsumatur medju [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2008, Compagnie générale de diététique vs UASI (GARUM), T‑341/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39].

55      It-tieni nett, madankollu, għandu jiġi osservat li, fi ħdan il-kategorija taż-żraben inġenerali, tiddistingwi ruħha s-subkategorija taż-żraben komdi. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata barra minn hekk li r-rikorrenti sostniet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, li hija tikkummerċjalizza żraben komdi. Din is-subkategorija partikolari taż-żraben, kif issostni r-rikorrenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), minkejja li ma hijiex speċifikament intiża għall-pazjenti li jsofru minn hallux valgus, madankollu tibbenefikahom u tillimita l-iżvilupp tal-patoloġija tagħhom.

56      Għalhekk, għandu jiġi osservat li l-pubbliku kkonċernat minn din is-subkategorija partikolari ta’ żraben jikkoinċidi, minn naħa, mal-pubbliku kkonċernat mill-artikoli ortopediċi adattati għall-patoloġiji tas-saba’ l-kbir tas-sieq, li ġie stabbilit li kien jifhem is-sens tat-terminu “hallux” jew li seta’ jinforma ruħu dwar dan (ara l-punt 48 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, kif isostni l-UASI, il-pubbliku kkonċernat miż-żraben komdi jinkludi wkoll persuni li, mingħajr ma għandhom bżonn jilbsu artikoli ortopediċi huma madankollu jew direttament milquta’ mill-patoloġiji tas-sieq, jew suxxettibbli għal dawn il-kwistjonijiet jew jistgħu jkunu ta’ attenzjoni partikolari f’dan ir-rigward. Għalhekk, għalkemm huwa minnu li ż-żraben komdi jinxtraw mingħajr riċetta tat-tabib, il-bejjiegħa ta’ dawn iż-żraben, madankollu, jistgħu jipprovdu spjegazzjonijiet u pariri lill-persuni li jsofru minn patoloġiji tas-saba’ l-kbir tas-sieq, u b’mod partikolari jinfurmawhom bl-isem tal-patoloġiji li fir-rigward tagħhom huma adattati ż-żraben komdi. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-konsumatur ta’ żraben komdi li huma kkummerċjalizzati bit-trade mark Hallux jaraw dan is-sinjal bħala li jindika li l-prodotti inkwistjoni huma partikolarment adattati għall-persuni li għandhom patoloġija tas-saba’ l-kbir tas-sieq.

57      Huwa għalhekk b’mod ġust li, minn tal-inqas għas-subkategorija taż-żraben komdi, il-Bord tal-Appell qies li s-sinjal “hallux” jiddeskrivi l-finalità tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għalhekk, il-Bord tal-Appell kien korrett meta kkunsidra li s-sinjal inkwistjoni ma setax jiġi rreġistrat għall-kategorija kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi STREAMSERVE, punt 37 iktar ’il fuq, punt 46, u TEK, punt 37 iktar ’il fuq, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Appell għamel applikazzjoni eżatta tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, billi qies li r-raġuni assoluta għal rifjut prevista f’din id-dispożizzjoni kienet tipprekludi r-reġistrazzjoni tas-sinjal Hallux għaż-żraben li jaqgħu fil-klassi 25.

59      Għalhekk, l-ewwel motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud għall-prodotti inkwistjoni kollha.

60      Mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li huwa suffiċjenti li tkun applikabbli waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut f’din id-dispożizzjoni sabiex is-sinjal inkwistjoni ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2000, Community Concepts vs UASI (Investorworld), T‑360/99, Ġabra p. II-3545, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata].

61      Isegwi, minn naħa, li huwa b’mod korrett li l-Bord tal-Appell qies li s-sinjal Hallux ma setax jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni kollha u min-naħa l-oħra, li t-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni motiv tar-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Fidelio KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Diċembru 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.