Language of document : ECLI:EU:T:2014:1039





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tad-9 ta’ Diċembru 2014 —
Leali u Acciaierie e Ferriere Leali Luigi vs Il-Kummissjoni


(Kawżi T‑489/09, T‑490/09 u T‑56/10)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-vireg jew tar-rombli għar-rinfurzar tal-konkrit — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 65 KEFA, wara l-iskadenza tat-Trattata KEFA, fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Iffissar tal-prezzijiet u tat-termini għall-ħlas — Limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ — Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali — Bażi legali — Eċċess ta’ poter u użu ħażin ta’ proċedura — Multi — Tul tal-ksur — Proporzjonalità — Preskrizzjoni — Rikors għal annullament — Deċiżjoni ta’ modifikazzjoni — Inammissibbiltà”

1.                     Proċedura ġudizzjarja — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Estensjoni ta’ motiv imressaq qabel — Ammissibbiltà (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1) u 48(2))(ara l-punti 62, 63)

2.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni nnotifikata mingħajr l-annessi tagħha — Kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha — Assenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (Artikoli 15 KA u 36 KA) (ara l-punti 66-71, 92)

3.                     Kummissjoni — Prinċipju ta’ kolleġjalità — Portata — Deċiżjoni li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni nnotifikata mingħajr l-annessi tagħha — Ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità — Assenza — Elementi esposti suffiċjentement skont il-liġi fit-test tad-deċiżjoni (Artikolu 219 KE) (ara l-punti 94, 95)

4.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Leġiżlazzjoni tal-Unjoni — Rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà — Indikazzjoni espressa tal-bażi legali — Deċiżjoni tal-Kumissjoni li tikkonstata wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA ksur tal-Artikolu 65 KEFA u li tissanzjona l-impriża inkwistjoni — Bażi legali kkostitwita mill-Artikolu 7(1) u mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (Artikolu 65(1) KEFA; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 7(1) u 23(2))(ara l-punti 105, 109)

5.                     Akkordji — Akkordji suġġetti ratione materiae u ratione temporis għas-sistema legali tat-Trattat KEFA — Skadenza tat-Trattat KEFA — Kontinwità tas-sistema ta’ kompetizzjoni libera taħt it-Trattat KEFA — Żamma ta’ kontroll mill-Kummissjoni li taġixxi fl-ambitu legali tar-Regolament Nru 1/2003 (Artikolu 65(1) KEFA; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003) (ara l-punti 110-125)

6.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Applikazzjoni ratione temporis — Regoli proċedurali — Regoli sostantivi — Distinzjoni — Skadenza tat-Trattat KEFA — Deċiżjoni li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni adottata wara din l-iskadenza u li tipprevedi fatti li jippreċeduha — Prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ nulla poena sine lege — Sitwazzjonijiet legali miksuba qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA — Issuġġettar għas-sistema legali tat-Trattat KEFA (Artikolu 65(1) KEFA; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(1) (ara l-punti 127, 128, 130-132)

7.                     Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Impriża — Kunċett — Unità ekonomika (Artikolu 65(1) KEFA) (ara l-punti 141-144)

8.                     Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Persuna ġuridika responsabbli għat-tmexxija tal-impriża matul il-ksur — Eċċezzjonijiet — Trasferiment tal-attività ta’ kumpannija li ma waqfetx milli teżisti lil oħra li tappartjeni lill-istess grupp — Imputazzjoni lill-persuna ġuridika li tkompli l-operat — Kundizzjonijiet (Artikolu 65(1) KEFA) (ara l-punti 145-150)

9.                     Akkordji — Ftehimiet bejn impriżi — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 65 KEFA — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti (Artikolu 65(1) KEFA) (ara l-punti 159, 160, 171, 220)

10.                     Akkordji — Ksur kumpless li jinkludi elementi ta’ ftehim u elementi ta’ prattika miftiehma — Klassifikazzjoni unika bħala “ftehim u/jew prattika miftiehma” — Ammissibbiltà — Konsegwenzi fir-rigward tal-oblligu ta’ motivazzjoni (Artikoli 15 KEFA u 65(1) KEFA) (ara l-punti 165-169, 176)

11.                     Akkordji — Prattika miftiehma — Kunċett — Koordinazzjoni u kooperazzjoni inkompatibbli mal-obbligu għal kull impriża li tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq — Skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri — Preżunzjoni tal-użu ta’ informazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-aġir fis-suq — Assenza ta’ effetti antikompetittivi fuq is-suq — Assenza ta’ effett (Artikolu 65(1) KEFA) (ara l-punti 172-175, 187, 190)

12.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni — Akkordji li jestendu għat-territorju kollu ta’ Stat Membru u li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri — Assenza ta’ motivi kontradittorji (Artikolu 15 KEFA) (ara l-punti 202, 214-216)

13.                     Akkordji — Parteċipazzjoni f’laqgħat li għandhom skop antikompetittiv — Ċirkustanza li tippermetti, fl-assenza ta’ tbegħid mid-deċiżjonijiet meħuda, li jiġi konkluż li l-impriża pparteċipat fl-akkordju sussegwenti — Stakkament pubbliku — Interpretazzjoni restrittiva (Artikolu 65(1) KEFA) (ara l-punti 220, 223, 258)

14.                     KEFA — Prezzijiet — Listi ta’ prezzijiet — Pubbliċità obbligatorja — Kompatibbiltà mal-projbizzjoni tal-akkordji (Artikoli 60 KEFA u 65(1) KEFA) (ara l-punti 228-230)

15.                     Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Rekwiżit ta’ imparzjalità — Konsegwenzi fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-provi (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, premessa 37) (ara l-punti 244-247)

16.                     Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Provi dokumentali — Evalwazzjoni tal-valur probatorju ta’ dokument — Kriterji — Assenza ta’ inizjali u ta’ firma — Assenza ta’ effett (Artikolu 65 KEFA) (ara l-punt 263)

17.                     Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Portata — Rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ dokument — Konsegwenzi — Neċessità li ssir, fuq il-livell tal-oneru tal-prova li taqa’ fuq l-impriża kkonċernata, distinzjoni bejn id-dokumenti li huma prova kontra u dawk li jiskaġunaw (ara l-punti 269-273)

18.                     Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Portata tal-prinċipju — Annullament tal-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida fuq il-bażi ta’ bażi legali oħra u ta’ atti preparatorji preċedenti — Ammissibbiltà — Obbligu li tagħmel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida — Assenza (Artikolu 65,(1),(4) u (5) KEFA) (ara l-punti 278-283)

19.                     Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Drittijiet tad-difiża — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ssemmi dokument mhux anness — Assenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-każ ta’ aċċess għal dan id-dokument qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti għat-tweġiba (ara l-punti 292-294)

20.                     Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat ta’ verifika tal-Kummissjoni — Portata — Teħid ta’ kopji ta’ dokumenti fis-sede tal-impriżi previsti fid-deċiżjoni ta’ verifika — Dokumenti relatati ma’ kumpanniji oħra — Inklużjoni — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Assenza (Artikolu 47 KEFA; Deċiżjoni tal-Kumissjoni 379/84, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1) (ara l-punti 298-302)

21.                     Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni — Dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jifformaw l-entità ekonomika li taġixxi bħala impriża (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) (ara l-punti 318, 320)

22.                     Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva — Teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriża sanzjonata (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) (ara l-punt 319)

23.                     Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Rekwiżiti analogi għall-ilmenti invokati insostenn ta’ motiv (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ara l-punti 322, 323)

24.                     Kompetizzjoni — Multi — Evalwazzjoni skont l-aġir individwali tal-impriża — Effett tal-assenza ta’ sanzjoni kontra operatur ekonomiku ieħor — Assenza (Artikolu 65 KEFA; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23) (ara l-punt 324)

25.                     Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Assenza ta’ lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A) (ara l-punt 329)

26.                     Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Evalwazzjoni ekonomika kumplessa — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Stħarriġ tal-legalità — Portata (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punti 1 A u 1 B) (ara l-punti 329, 339-341)

27.                     Kompetizzjoni — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi — Natura ġuridika — Regola ta’ kondotta indikattiva li timplika awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Obbligu ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03) (ara l-punti 331-333)

28.                     Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Klassifikazzjoni ta’ ksur bħala serju ħafna — Rwol fundamentali tal-kriterju dedott min-natura tal-ksur — Assenza ta’ awtonomija ta’ dawk dedotti mid-daqs tas-suq tal-prodotti inkwistjoni u mill-effett konkret tal-ksur fuq is-suq — Klassifikazzjoni ta’ ksur bħala serju ħafna minkejja l-limitazzjoni tiegħu għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed — Ammissibbiltà (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A) (ara l-punti 344, 353)

29.                     Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tqassim tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji li għandhom punt ta’ tluq speċifiku — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Assenza ta’ ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità — Neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati u li tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-multi ma’ dan id-dħul — Assenza (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A) (ara l-punti 360-369)

30.                     Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tul tal-ksur — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi — Evalwazzjoni tat-tul ta’ ksur uniku u kontinwu — Teħid inkunsiderazzjoni tat-tul kollu ta’ kull parti tal-ksur (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 B)(ara l-punti 374, 377-381)

31.                     Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Neċessità li l-aġir ikun iffaċilita l-konstatazzjoni tal-ksur mill-Kummissjoni — Informazzjoni dwar atti li ma setgħetx twassal għal multi skont ir-Regolament Nru 1/2003 — Insuffiċjenza ta’ sempliċi rieda ta’ kooperazzjoni — Evalwazzjoni tal-grad ta’ kooperazzjoni mogħti minn kull waħda mill-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju — Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04, punt D(2) (ara l-punti 389, 401-403, 407-410, 414-416)

32.                     Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Neċessità li l-aġir ikun iffaċilita l-konstatazzjoni tal-ksur mill-Kummissjoni — Oneru tal-prova (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23,(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04) (ara l-punt 405)

33.                     Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Rikors kontra deċiżjoni li żżid annessi ma’ deċiżjoni eżistenti mingħajr ma tibdel is-sustanza tagħha — Rikors li ma jistax ikun ta’ benefiċċju għall-parti li ppreżentatu — Inammissibbiltà (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE) (ara l-punti 431-434)

Suġġett

Fil-kawżi T‑489/09 u T‑490/09, talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 7492 finali, tat-30 ta’ Settembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 65 KEFA (Każ COMP/37.956 — Vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, adozzjoni mill-ġdid), u, sussidjarjament, talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti u, fil-Kawża T‑56/10, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9912 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2009, li temenda d-Deċiżjoni C (2009) 7492 finali.

Dispożittiv

1)

Il-Kawżi T-489/09, T-490/09 u T-56/10 huma magħquda għall-finijiet ta’ din is-sentenza.

2)

Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)

Fil-Kawża T-489/09, Leali SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

4)

Fil-Kawża T-490/09, Acciaiaerie e Ferriere Leali Luigi SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

5)

Fil-Kawża T-56/10, Leali u Acciaierie e Ferriere Leali Luigi huma kkundannati għall-ispejjeż.