Language of document : ECLI:EU:T:2021:201

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ April 2021 (*)

“Rikors għal annullament u għad-danni – Is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007–2013) – Proġetti MARE, Senior u ECRN – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirkupra s-somom imħallsa indebitament – Rikorrent li waqaf jirrispondi għat-talbiet tal-Qorti Ġenerali – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża T‑539/13 RENV,

Inclusion Alliance for Europe GEIE, stabbilita f’Bukarest (ir-Rumanija),

rikorrenti,

kontra

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Moro, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 4693 final tas‑17 ta’ Lulju 2013 dwar l-irkupru mingħand ir-rikorrenti tas-somma totali ta’ EUR 212 411.89, flimkien mal-interessi, li kienet tħallset lilha fil-kuntest tal-proġetti MARE, Senior u ECRN u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu materjali u morali li r-rikorrenti allegatament ġarrbet minħabba din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u P. Nihoul (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Ir-rikorrenti, Inclusion Alliance for Europe GEIE, hija kumpannija stabbilita fir-Rumanija li teżerċita l-attività tagħha fis-settur tas-saħħa u tal-integrazzjoni soċjali.

2        Fid‑19 ta’ Diċembru 2007 u fit‑2 ta’ Settembru 2008, wara d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU 2006, L 412, p. 1), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonkludiet mar-rikorrenti, rispettivament, ftehim ta’ sussidju intitolat “Senior – Social Ethical and Privacy Needs in ICT for Older People: a dialogue roadmap” (Senior – Bżonnijiet fil-Qasam ta’ Etika Soċjali u ta’ Kunfidenzjalità fit-TIK għal Persuni Anzjani: pjan ta’ direzzjoni tad-djalogu, iktar ’il quddiem il-“kuntratt Senior”) u ftehim ta’ sussidju intitolat “Market Requirements, Barriers and Cost-Benefits Aspects of Assistive Technologies” (Rekwiżiti tas-Suq, Barrieri u Aspetti Spiża-Benefiċċji tat-Teknoloġiji ta’ Assistenza, iktar ’il quddiem il-“kuntratt MARE”).

3        Barra minn hekk, fis‑6 ta’ Ottubru 2008, fil-kuntest ta’ wieħed mit-tliet programmi speċifiċi tal-programm kwadru għall-kompetittività u l-innovazzjoni (CIP), adottat permezz tad-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU 2006, L 310, p. 15), il-Kummissjoni kkonkludiet mar-rikorrenti t-tielet ftehim ta’ sussidju, intitolat, “European Civil Registry Network” (Network Ewropew ta’ Reġistru Ċivili, iktar ’il quddiem il-“kuntratt ECRN”).

4        Fis‑17 ta’ Lulju 2013, wara diversi awditi li minnhom irriżulta li l-ġestjoni finanzjarja tal-proġetti inkwistjoni ma kinitx twettqet b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fil-kuntratti MARE, Senior u ECRN kif ukoll il-kundizzjonijiet ġenerali tal-Programmi Qafas korrispondenti, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2013) 4693 final, dwar l-irkupru mingħand Inclusion Alliance for Europe GEIE tas-somma totali ta’ EUR 212 411.89, flimkien mal-interessi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

5        Skont l-Artikolu 299 TFUE, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi titolu eżekuttiv għall-irkupru ta’ parti mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji rċevuti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratti MARE, Senior u ECRN kif ukoll interessi moratorji fuq dawn is-somom.

6        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat rikors li permezz tiegħu talbet is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-annullament tal-“proċeduri l-oħra kollha ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni jew fuq talba tagħha minn organizzazzjonijiet oħra”, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 263 TFUE u l-ħlas mill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, ta’ danni minħabba d-dannu materjali u morali li hija allegatament ġarrbet minħabba l-applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

7        Permezz tad-digriet tal‑21 ta’ April 2016, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑539/13, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet inizjali”, EU:T:2016:235), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala parzjalment manifestament inammissibbli u, għall-bqija, manifestament infondat fid-dritt. Fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, hija qieset li diversi motivi kienu manifestament inammissibbli, minħabba li ma kinux intiżi li jevalwaw il-legalità tal-att ikkontestat fid-dawl ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, iżda kienu bbażati fuq l-interpretazzjoni u fuq il-ksur ta’ stipulazzjonijiet kuntrattwali, kontestazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 272 TFUE u mhux taħt l-Artikolu 263 TFUE.

8        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat appell mid-digriet inizjali.

9        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji, skont l-Artikolu 278 TFUE, intiża sabiex tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-digriet inizjali kif ukoll tad-deċiżjoni kkontestata.

10      Permezz tad-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2016, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑378/16 P-R, mhux ippubblikat, EU:C:2016:668), it-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda.

11      Permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑378/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-appell”, EU:C:2020:575), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet inizjali, minħabba li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni għandha tevalwa l-legalità tal-att ikkonċernat biss fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni u li nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat jew ksur tad-dritt applikabbli għal dan il-kuntratt jistgħu jiġu invokati biss fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE.

12      Peress li l-kawża ma kinitx fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tal-appell, punti 117 sa 119) u rriżervat l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza mogħtija fl-appell ġiet innotifikata lill-partijiet. Għar-rikorrenti, in-notifika ġiet indirizzata lil M. D’Amico, li ma kienx l-avukat tagħha, iżda r-rappreżentant legali tagħha.

13      Fil‑31 ta’ Lulju 2020, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza mogħtija tal-appell għas-soluzzjoni tat-tilwima, skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Peress li din is-sentenza ġiet innotifikata lil M. D’Amico, din it-talba ġiet indirizzata lilu.

14      Fit‑18 ta’ Awwissu 2020, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bagħat ittra elettronika lir-rikorrenti sabiex din tikkonferma li rċeviet l-ittra tal‑31 ta’ Lulju 2020.

15      Din l-ittra elettronika baqgħet mingħajr risposta.

16      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Settembru 2020, il-Qorti Ġenerali tenniet il-pożizzjoni tagħha u stiednet lir-rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal-appell għas-soluzzjoni tal-kawża.

17      Din l-ittra baqgħet, mill-ġdid, mingħajr risposta.

18      F’dan il-kuntest, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ ittra elettronika tas‑16 ta’ Ottubru 2020, indirizza lil G. Famiani, li kien l-avukat tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċeduri li taw lok għad-digriet inizjali u għad-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2016, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑378/16 P-R, mhux ippubblikat, EU:C:2016:668), kif ukoll, inizjalment, fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza tal-appell, sabiex jitolbu li huwa jkompli jirrappreżentaha.

19      Din l-ittra elettronika baqgħet ukoll mingħajr risposta.

20      Wara dawn il-passi differenti, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li kkonstatat li r-rikorrenti kienet waqfet tirrispondi għat-talbiet tagħha, stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Diċembru 2020, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, dwar il-possibbiltà li jiġi kkonstatat, ex officio, permezz ta’ digriet motivat, li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni, skont l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

21      Din it-talba ġiet akkumpanjata b’terminu li kien jiskadi fit‑8 ta’ Jannar 2021. Fir-rigward tar-rikorrenti, hija ġiet indirizzata, minn naħa, lil M. D’Amico, ir-rappreżentant legali tagħha, u, min-naħa l-oħra, lil G. Famiani, l-avukat tagħha.

22      Fid-data indikata fil-punt 21 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kienet irċeviet ir-risposta tal-Kummissjoni, iżda ma kienet irreġistrat ebda reazzjoni min-naħa ta’ M. D’Amico jew ta’ G. Famiani.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi applikat l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li, jekk ir-rikorrenti tieqaf tirrispondi għat-talbiet tal-Qorti Ġenerali, din tista’, wara li jinstemgħu l-partijiet, tikkonstata ex officio permezz ta’ digriet motivat li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni.

24      Sa fejn huwa neċessarju, għandu jiġi kkonstatat li, fit‑18 ta’ Jannar 2021, il-Qorti Ġenerali rċeviet ittra mingħand avukat, miktuba bl-Ingliż u għalhekk f’lingwa differenti mil-lingwa tal-kawża, li sostna li kien qiegħed jirrappreżenta lir-rikorrenti u talab li jkun jista’ jippreżenta osservazzjonijiet f’isimha f’terminu li għandu jiġi ddeterminat, filwaqt li spjega li r-rikorrenti ma kinitx ġiet informata bl-aħħar notifiki tal-Qorti Ġenerali minħabba “problemi ta’ komunikazzjoni” u “konsegwenzi tal-pandemija”. Barra minn hekk, huwa indika li rċieva l-ittra tal‑21 ta’ Diċembru 2020 biss fit‑18 ta’ Jannar 2021 u talab li jibbenefika minn terminu addizzjonali sabiex ikun informat aħjar bl-inkartament.

25      Din l-ittra ma hijiex ta’ natura li tikkonfuta l-konstatazzjoni stabbilita fil-punt 23 iktar ’il fuq.

26      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li din l-ittra ma ntbagħtitx lill-Qorti Ġenerali fit-terminu previst fil-punt 21 iktar ’il fuq, iżda għaxart ijiem wara l-iskadenza tagħha.

27      Sussegwentement, l-avukat il-ġdid tar-rikorrenti f’dawn l-ittri llimita ruħu li jirreferi b’mod ġenerali għall-“problemi ta’ komunikazzjoni” u l-“konsegwenzi tal-pandemija”, mingħajr ma pprovda ebda element preċiż u konkret li jippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn iċ-ċirkustanzi setgħu jipprekludu kull risposta għat-talbiet tal-Qorti Ġenerali wara n-notifika tas-sentenza tal-appell.

28      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat ex officio, f’dan il-każ, fid-dawl tan-nuqqas ta’ azzjoni tar-rikorrenti u fl-assenza ta’ spjegazzjoni konkreta min-naħa tagħha li tippermetti li jiġi ġġustifikat dan in-nuqqas ta’ azzjoni jew ta’ element li jsostni r-raġunijiet tal-imsemmi nuqqas ta’ azzjoni, li, kif jipprovdi l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Marcuccio vs L‑Unjoni Ewropea, T‑409/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:398, punti 24 u 25).

 Dwar l-ispejjeż

29      Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura, fid-deċiżjoni tagħha mogħtija wara annullament u rinviju, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż relatati, minn naħa, mal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

30      Fid-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2016, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑378/16 P-R, mhux ippubblikat, EU:C:2016:668), u sussegwentement fis-sentenza tal-appell, l-ispejjeż ġew irriżervati.

31      Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi, f’dan id-digriet, fuq l-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura kif ukoll fuq l-ispejjeż relatati mal-proċeduri li taw lok għad-digriet inizjali, mad-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2016, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑378/16 P-R, mhux ippubblikat, EU:C:2016:668), u s-sentenza tal-appell.

32      L-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

33      F’dan il-każ, qabel kollox, ir-rikorrenti tilfet fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għad-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2016, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑378/16 P-R, mhux ippubblikat, EU:C:2016:668).

34      Sussegwentement, mid-digriet inizjali u mis-sentenza tal-appell jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx l-argument tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ diversi motivi invokati insostenn tat-talba għal annullament imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.

35      Min-naħa l-oħra, minn dawn id-deċiżjonijiet ma jirriżultax li l-Kummissjoni ma ġietx segwita dwar il-kwistjoni tal-fondatezza ta’ dawn il-motivi, dwar it-talba ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni, dwar it-talba ta’ annullament “tal-proċeduri kollha l-oħra ta’ investigazzjoni mwettqa [minnha] jew fuq it-talba tagħha minn organizzazzjonijiet oħra” u dwar it-talba għal kumpens.

36      Fl-aħħar nett, mill-punti 13 sa 27 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura tirriżulta direttament mill-aġir tar-rikorrenti, jiġifieri n-nuqqas ta’ risposta min-naħa tagħha, fit-terminu stabbilit, għad-diversi talbiet tal-Qorti Ġenerali.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati ma’ din il-proċedura kif ukoll mal-proċeduri li taw lok għad-digriet inizjali, għad-digriet tas-6 ta’ Settembru 2016, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑378/16 P-R, mhux ippubblikat, EU:C:2016:668), u s-sentenza tal-appell.



Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

tordna:

1)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea u Inclusion Alliance for Europe GEIE għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċeduri fil-Kawżi T539/13, C378/16 P-R, C378/16 P u T539/13 RENV.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl‑20 ta’ April 2021.

Ir-Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon

 

S. Gervasoni


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.