Language of document : ECLI:EU:T:2023:520

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

6 ta’ Settembru 2023 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjoni tal-irtirar – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Trasferiment lejn l-iskema tal-Unjoni – Perijodu ta’ servizz għal żmien iqsar minn għaxar snin – Mewt – Rifjut ta’ ħlas lura tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali ttrasferiti u d-drittijiet għall-pensjoni miksuba fl-IPIUE – Artikolu 11(1) u Artikolu 12(1)(b) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Arrikkiment indebitu”

Fil-Kawża T‑171/22,

OR,

OS,

irrappreżentati minn N. de Montigny, avukata,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Bohr, M. Brauhoff u G. Niddam, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn L. Truchot (Relatur), President, H. Kanninen u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑11 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrenti, OR u OS, fil-kwalità tagħhom ta’ aventi kawża ta’ A (iktar ’il quddiem “A” jew l-“uffiċjal mejjet”), jitolbu, fl-ewwel lok, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) tal-Kummissjoni Ewropea tat‑12 ta’ Lulju 2021 li tiċħad it-talba tagħhom għall-ħlas lura tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali miksuba minn missierhom qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni Ewropea u ttrasferiti lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (iktar ’il quddiem l-“IPIUE”), minn naħa, u tal-kapital li jikkorrispondi għall-kontribuzzjonijiet ta’ din il-persuna lill-IPIUE qabel mewtu, min-naħa l-oħra, kif ukoll, sa fejn jitqies li hija tagħti motivazzjoni addizzjonali, tad-deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2021 li permezz tagħha l-ilment tagħhom ġie miċħud u, fit-tieni lok, il-ħlas lura tas-somom mitluba, flimkien mal-interessi bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’2 punti perċentwali.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        A daħal fis-servizz tal-Unjoni fis‑16 ta’ Lulju 2003, bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt. Mis‑16 ta’ Lulju 2004, huwa eżerċita funzjonijiet mal-Kummissjoni, bħala membru tal-persunal temporanju, u sussegwentement sar uffiċjal fis‑16 ta’ April 2006.

3        Skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), A wettaq, f’Settembru 2005, it-trasferiment lejn l-IPIUE tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali miksuba qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni (iktar ’il quddiem it-“trasferiment ‘in’”). Il-ħlas ta’ dan il-kapital lill-IPIUE wassal għar-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ta’ ċertu tul ta’ żmien.

4        Sussegwentement, A talab, u kiseb, leave għal raġunijiet personali għall-perijodu mis‑17 ta’ Settembru 2008 sas‑16 ta’ Settembru 2013, sabiex ikun jista’ jidħol fis-servizz tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER (iktar ’il quddiem “ITER”), stabbilita f’Saint-Paul-lez-Durance (Franza). Dan il-leave għal raġunijiet personali ġie mġedded sar-riżenja tiegħu, ippreżentata fl‑1 ta’ Lulju 2020 u effettiva fis‑16 ta’ Settembru 2020.

5        Għalhekk, A ħallas kontribuzzjonijiet lill-IPIUE mis‑16 ta’ Lulju 2003 sas‑16 ta’ Settembru 2008, jiġifieri għal perijodu ta’ ħames snin u xahrejn.

6        Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑1 ta’ Lulju 2020, jum tal-preżentazzjoni tar-riżenja tiegħu lill-Kummissjoni, A staqsa lill-PMO dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jibbenefika minn trasferiment, fis-sens tal-Artikolu 11(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it- “trasferiment ‘out’”), tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fi ħdan l-IPIUE lejn skema tal-pensjoni oħra. Fl-istess messaġġ elettroniku, A ppreċiża li huwa ma kienx wettaq l-għaxar snin ta’ servizz effettiv meħtieġa sabiex ikun jista’ jibbenefika minn pensjoni tal-irtirar.

7        Fit-tweġiba tiegħu, mibgħuta permezz ta’ messaġġ elettroniku fit‑2 ta’ Lulju 2020, il-PMO indika lil A l-proċedura li kellha tiġi segwita sabiex jitwettaq trasferiment “out”. Il-PMO speċifika wkoll lil A li, peress li wettaq inqas minn għaxar snin ta’ servizz, huwa kien obbligat jittrasferixxi l-ekwivalenza attwarjali tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba fi ħdan l-IPIUE.

8        A miet fil‑5 ta’ Jannar 2021.

9        Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑14 ta’ Jannar 2021, omm ir-rikorrenti, ex konjuġi tal-uffiċjal mejjet, informat lill-PMO bil-mewt tiegħu. Fl-istess jum, il-PMO weġibha, b’mod partikolari, li, peress li l-uffiċjal mejjet ma kienx ressaq talba għal trasferiment “out” qabel mewtu, tali trasferiment ma kienx iktar possibbli.

10      Fit‑18 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrenti, ulied u l-uniċi werrieta tal-uffiċjal mejjet, ressqu, fil-kwalità tagħhom ta’ aventi kawża, talba, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, intiża sabiex jiksbu l-ħlas, minn naħa, tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għal pensjoni nazzjonali miksuba minn missierhom qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni u ttrasferiti lejn l-IPIUE u, min-naħa l-oħra, tal-kapital li jikkorrispondi għad-drittijiet għal pensjoni miksuba minn dan tal-aħħar fi ħdan l-IPIUE qabel mewtu.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Lulju 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-PMO ċaħad it-talba tar-rikorrenti.

12      B’mod partikolari, il-PMO indika, fid-deċiżjoni kkontestata, li, peress li l-uffiċjal mejjet kien fis-servizz għal inqas minn għaxar snin, huwa ma setax jippretendi li jibbenefika minn pensjoni tal-Unjoni, b’tali mod li la l-armla tiegħu u lanqas l-orfni tiegħu ma kienu eliġibbli għall-benefiċċji ta’ riverżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-PMO indika wkoll li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienet tippermetti r-rimbors tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba fi ħdan l-IPIUE, inklużi d-drittijiet ittrasferiti lill-IPIUE minn ex uffiċjal jew membru tal-persunal li miet, u spjega li talba għal trasferiment “out” hija dritt individwali miftuħ biss għall-ex uffiċjali u għall-membri tal-persunal, li l-uffiċjal mejjet ma kienx uża wara d-dħul fis-seħħ tar-riżenja tiegħu.

13      Fl‑20 ta’ Settembru 2021, ir-rikorrent ressqu lment, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni kkontestata.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”), l-ilment tar-rikorrenti ġie miċħud.

 Ittalbiet talpartijiet

15      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, sa fejn jitqies li tagħti motivazzjoni addizzjonali, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–        tordna lill-Kummissjoni tħallas lura s-somom mitluba, flimkien mal-interessi bir-rata stabbilita mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’2 punti perċentwali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq issuġġett tarrikors

17      Mit-talbiet għal annullament jirriżulta li r-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tannulla mhux biss id-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll, sa fejn jitqies li din tagħti motivazzjoni addizzjonali, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

18      Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament diretti formalment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li l-Qorti Ġenerali tiġi adita bl-att li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment, meta l-imsemmija talbiet ikunu, bħala tali, neqsin minn kontenut awtonomu (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 63; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il‑Kummissjoni, T‑309/03, EU:T:2006:110, punt 43).

19      Fil-każ inkwistjoni, peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tikkonferma biss id-deċiżjoni kkontestata, billi tispeċifika l-motivi li jsostnu din id-deċiżjoni tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment huma nieqsa minn kontenut awtonomu u li għalhekk ma hemmx bżonn li tittieħed deċiżjoni speċifikament dwarhom. Madankollu, fl-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, peress li din il-motivazzjoni hija meqjusa li tikkoinċidi ma’ dik tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, Wattiau vs Il‑Parlament, T‑737/17, EU:T:2019:273, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq ilmertu

 Fuq ittalbiet intiżi għallannullament taddeċiżjoni kkontestata

20      Insostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti jinvokaw motiv uniku, ibbażat fuq l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni.

21      Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-baġit tal-Unjoni ġie arrikkit bil-kapital li jikkorrispondi, minn naħa, għad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali miksuba mill-uffiċjal mejjet qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni u ttrasferiti lejn l-IPIUE u, min-naħa l-oħra, għall-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-uffiċjal mejjet lill-IPIUE abbażi tal-funzjonijiet tiegħu fis-servizz tal-Unjoni.

22      B’mod partikolari, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma hija bbażata fuq ebda bażi legali jew interpretazzjoni ġurisprudenzjali.

23      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kien jippermetti lill-Unjoni żżomm il-kapital akkumulat mill-uffiċjal mejjet fi ħdan l-IPIUE.

24      Minn naħa, ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura irrevokabbli tat-trasferiment “in”. Fil-fehma tagħhom, mill-Artikolu 8(5) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 1278 final tat‑3 ta’ Marzu 2011, ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 17‑2011 tat‑28 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem id-“DĠI”), jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li jipproċedi għat-trasferiment “in” tal-kapital li jikkorrispondi għad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali miksuba qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni lejn l-IPIUE hija irrevokabbli biss sa fejn l-imsemmi uffiċjal jew membru tal-persunal jibbenefika sussegwentement minn benefiċċji mħallsa fil-kuntest ta’ din l-iskema. Ir-rikorrenti jżidu, sussidjarjament, li, jekk din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li t-trasferiment “in” huwa irrevokabbli fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi eskluża sa fejn din tikser il-prinċipju tal-arrikkiment indebitu.

25      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-trasferiment “out”, ir-rikorrenti jsostnu li s-sitwazzjoni f’dan il-każ ma kinitx prevista mir-Regolamenti tal-Persunal u mid-DĠI. Huma jqisu li, f’dan il-każ, l-assenza ta’ passi konkreti għall-finijiet ta’ dan it-trasferiment “out” ma hijiex ir-riżultat ta’ negliġenza jew ta’ astensjoni volontarja tal-uffiċjal mejjet, iżda tirriżulta biss mill-okkorrenza f’daqqa, imprevedibbli u irreżistibbli tal-mewt tiegħu, inqas minn erba’ xhur wara r-riżenja tiegħu mill-funzjonijiet tiegħu mal-Kummissjoni.

26      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw li ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma timponi terminu għat-tressiq ta’ talba għal trasferiment “out”, b’tali mod li l-fatt li dan it-trasferiment ma ntalabx formalment ma jistax jiġi interpretat bħala rinunzja min-naħa tal-uffiċjal mejjet li jittrasferixxi s-somom kontenzjużi lejn skema ta’ pensjoni oħra. Huma josservaw ukoll li, meta staqsa lill-PMO, fl‑1 ta’ Lulju 2020, dwar il-passi li għandhom jittieħdu għal dan il-għan (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), l-uffiċjal mejjet esprima mingħajr ambigwità x-xewqa tiegħu li jipproċedi bl-imsemmi trasferiment “out”.

27      It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li, minkejja li teżisti bażi legali għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet mill-uffiċjal mejjet lill-IPIUE, dawn tħallsu minnu mingħajr korrispettiv u, għalhekk, mingħajr kawża. Fil-fatt, il-kontribuzzjonijiet akkumulati mill-uffiċjal mejjet fl-IPIUE kemm minħabba l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet fis-servizz tal-Unjoni kif ukoll minħabba t-trasferiment “in” li wettaq fl‑2005 finalment ma ħolqu ebda dritt għall-benefiċċju tiegħu taħt l-imsemmija IPIUE, sa fejn huwa ħadem inqas minn għaxar snin fis-servizz tal-Unjoni, tul minimu previst mir-Regolamenti tal-Persunal sabiex jintalab l-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar.

28      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jqisu li l-fatt li r-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu espressament il-possibbiltà, għal ex uffiċjal jew membru tal-persunal, li jittrasferixxi l-kapital korrispondenti għad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba fi ħdan l-IPIUE lejn skema tal-pensjoni oħra, kif ukoll il-ħlas ta’ allowance għall-firda, juri li l-imsemmi kapital ma jappartjenix għall-baġit tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw li l-argument li jgħid li l-bilanċ attwarjali tal-IPIUE jista’ jiġi ppreġudikat mir-rimbors tas-somom imħallsa minn ex uffiċjali jew membri tal-persunal mhux eliġibbli għall-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar ma huwiex ipprovat. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-prinċipju ta’ solidarjetà, li fuqu huwa bbażat l-imsemmi bilanċ, għandu jkun jista’ jibbenefika lill-ex uffiċjal jew lill-ex membru tal-persunal li kkontribwixxa għalih, u fin-nuqqas ta’ dan, l-imsemmija solidarjetà tkun il-kawża ta’ ftaqqir indebitu.

29      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-ftaqqir tagħhom li jirriżulta mill-arrikkiment tal-Unjoni huwa reali u ċert.

30      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li, fl-assenza ta’ trasferiment “out” tal-kapital li jikkorrispondi għad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-uffiċjal mejjet, huma ma setgħux jibbenefikaw minn drittijiet addizzjonali li jikkorrispondu għall-imsemmi kapital, minkejja li tali trasferiment “out” lejn il-fond ta’ pensjoni marbut mal-aħħar impjieg tal-uffiċjal mejjet mal-ITER kien jippermettilhom, bħala aventi kawża ta’ dan tal-aħħar, li jibbenefikaw minn kumpens ta’ ammont ogħla minn dak li kienu diġà jibbenefikaw minnu, peress li l-ammont ta’ dan tal-aħħar kien jiddependi mill-ammont totali akkumulat fi ħdan l-imsemmi fond.

31      Ir-rikorrenti jżidu li, li kieku l-uffiċjal mejjet ma kienx għamel trasferiment “in”, huma kienu jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll minn pensjoni jew minn kapital imħallas mis-sistema nazzjonali li fuqha kien dipendenti qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni.

32      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

33      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sabiex tintlaqa’ azzjoni għal ħlas lura bbażata fuq l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri l-prova, minn naħa, ta’ arrikkiment mingħajr bażi legali valida tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ta’ ftaqqir tal-applikant marbut mal-imsemmi arrikkiment (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2018, Transtec vs Il‑Kummissjoni, T‑616/15, EU:T:2018:399, punt 156 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, li tgħid li d-dritt għal ħlas lura min-naħa tal-persuna arrikkita huwa suġġett għall-assenza ta’ bażi legali valida tal-arrikkiment inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

35      Għandu jiġi osservat li, permezz tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-eżistenza ta’ bażi legali valida dwar il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet mill-uffiċjal mejjet lill-IPIUE. Fil-fatt, minkejja li jilmentaw li d-diversi kontribuzzjonijiet magħmula mill-uffiċjal mejjet lill-IPIUE, kemm fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet li jirriżultaw mill-funzjonijiet tiegħu fis-servizz tal-Unjoni kif ukoll dawk li jirriżultaw mit-trasferiment “in” li wettaq fl‑2005 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), twettqu “mingħajr korrispettiv u mingħajr kawża” u “mingħajr ma nħoloq l-iċken dritt għal pensjoni […]”, ir-rikorrenti madankollu jirrikonoxxu mingħajr ambigwità fis-sottomissjonijiet tagħhom li “jeżisti bażi legali għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni[jiet] lill-IPI[UE]”. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rappreżentant tar-rikorrenti kkonferma li l-argument tagħhom kien jirrigwarda l-assenza ta’ bażi legali valida “sabiex jinżammu [s-]somom” li jikkorrispondu għall-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-uffiċjal mejjet lill-IPIUE.

36      Għalhekk, permezz tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu biss lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li ż-żamma, mill-Kummissjoni, tal-kontribuzzjonijiet kollha magħmula mill-uffiċjal mejjet fl-IPIUE tikkostitwixxi, wara l-mewt ta’ dan tal-aħħar, arrikkiment tal-Unjoni mingħajr bażi legali valida.

37      Peress li l-uffiċjal mejjet kien ħallas kontribuzzjonijiet lill-IPIUE bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, u sussegwentement bħala membru tal-persunal temporanju u fl-aħħar nett bħala uffiċjal, id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet għall-pensjoni tiegħu fil-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu 3 tat-Titolu V tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienu, wara r-riżenja tiegħu, applikabbli għalih. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat dan li ġej.

38      L-ewwel, l-Artikolu 36 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal‑Persunal jistabbilixxi li:

“Salarji u benefiċċji ta’ l-invalidità fil-każijiet kollha għandhom ikunu suġġetti għal tnaqqis tal-kontribuzzjoni [lill-IPIUE].”

39      Skont l-Artikolu 38 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, “[i]l-kontribuzzjoni[jiet] li tnaqqsu sewwa ma jitħallsux lura”.

40      L-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li:

“L-uffiċjali għandhom jikkontribwixxu terz ta’ l-ispiża biex tkun iffinanzjat [l-IPIUE]. Il-kontribuzzjoni tkun ta’ 10,3 % tas-salarju bażiku ta’ l-uffiċjal, il-peżati [koeffiċjent ta’ korrezzjoni] pprovduti fl-Artikolu 64 ma jkunux ikkunsidrati. Titnaqqas kull xahar mis-salarji ta’ l-uffiċjali […]”

41      Għalhekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 36 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li hemm obbligu għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal tal-Unjoni li jikkontribwixxu finanzjarjament għall-IPIUE.

42      It-tieni, l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinsab fil-Kapitolu 3 tat-Titolu V tar-Regolamenti tal-Persunal, jistabbilixxi li:

“Uffiċjal li ta mill-anqas 10 snin servizz għandu jkun intitolat għal pensjoni tal-irtirar. Madankollu, għandu jkun intitolat għat-tali pensjoni jkun xi jkun it-tul tas-servizz jekk jaqbeż l-età pensjonabbli, jekk ma kienx possibbli li jerġa’ jingħata pożizzjoni matul perjodu ta’ stat mhux attiv jew fil-każ ta’ rtirar fl-interessi tas-servizz […]

L-età pensjonabbli għandha tkun 66 sena […]”

43      Skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, uffiċjal jew membru tal-persunal li jidħol fis-servizz tal-Unjoni wara li jtemm l-attivitajiet tiegħu fi ħdan amministrazzjoni, organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali, jew wara li jkun eżerċita attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, għandu l-possibbiltà, wara l-ħatra tiegħu bħala uffiċjali permanenti iżda qabel ma jsir eliġibbli għal pensjoni fis-sens tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jħallas lill-Unjoni l-kapital, aġġornat sad-data tat-trasferiment effettiv, li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba bis-saħħa tal-imsemmija attivitajiet.

44      Skont l-Artikolu 11(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Uffiċjal li jitlaq mis-servizz tal-Unjoni biex:

–        jidħol fis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali li kkonkludiet ftehim mal-Unjoni;

–        biex isegwi attività f’kapaċità ta’ impjegat jhew għal rasu, li bis-saħħa tagħha jakkwista d-drittijiet għal pensjoni taħt skema li l-korpi amministrattivi tagħha kkonkludew ftehim mal-Unjoni;

għandu jkun intitolat li jkollu l-ekwivalenza attwarjali tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ l-irtirar aġġornati sad-data attwali tat-trasferiment tiegħu fl-Unjoni ttrasferiti għal ġol-fond tal-pensjoni ta’dik l-organizzazzjoni jew għal ġol-fond tal-pensjoni li fiha jakkwista d-drittijiet għal pensjoni ta’ l-irtirar bis-saħħa ta’ l-attività segwita f’kapaċità ta’ impjegat jew ta’ għal rasu.”

45      Skont l-Artikolu 12(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Uffiċjal li jkollu anqas mill-età pensjonabbli u li s-servizz tiegħu jintemm b’mod ieħor għajr bil-mewt jew bl-invalidità u li ma jkunx intitolat għal pensjoni immedjata jew differita tal-irtirar, ikun intitolat hekk kif jitlaq mis-servizz:

[…]

(b)      […] għall-benefiċċji li hemm dispost dwarhom fl-Artikolu 11(1) jew għall-pagament tal-ekwivalenza attwarjali ta’ tali benefiċċi lil kumpanija privata tal-assigurazzjoni, jew il-fond tal-pensjoni tal-għażla tiegħu, bil-kondizzjoni li dik it-tali kumpanija jew fond jiggarantixxu li:

(i)      il-kapital ma jitħallasx lura;

(ii)      dħul kull xahar jitħallas mill-anqas mill-età ta’ 60 sena u mhux aktar tard mill-età ta’ 66 sena;

(iii)      ikunu inklużi dispożizzjonijiet għar-riverżjoni jew għall-pensjoni tas-superstiti;

(iv)      it-trasferiment għal kumpanija oħra tal-assigurazzjoni jew għal fond ieħor ikun awtorizzat biss jekk tali fond ikun jissodisfa l-kondizzjonijiet preskritti fil-punti (i), (ii), u (iii).”

46      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi l-possibbiltà għall-uffiċjal jew għall-membru tal-persunal li jidħol fis-servizz tal-Unjoni wara li jkun waqaf mill-attivitajiet tiegħu ma’ amministrazzjoni jew ma’ organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali jew inkella wara li jkun eżerċita attività bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha li jwettaq it-trasferiment “in”, lejn l-IPIUE, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba abbażi tal-attivitajiet professjonali preċedenti tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 12(1)(b) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprevedi l-possibbiltà għall-uffiċjal jew għall-membru tal-persunal li jtemm il-funzjonijiet tiegħu fis-servizz tal-Unjoni li jipproċedi bit-trasferiment “out” tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fi ħdan l-Unjoni lejn fond ta’ pensjoni ieħor jew lejn assigurazzjoni privata li tippreżenta ċerti garanziji partikolari.

47      It-tielet, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta wkoll li l-kontribuzzjonijiet lill-IPIUE min-naħa tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-Unjoni, kemm fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet li jirriżultaw minn funzjonijiet fis-servizz tal-Unjoni kif ukoll dawk li jirriżultaw minn trasferiment “in”, għandhom l-għan li jiffinanzjaw l-IPIUE, bl-għan ta’ likwidazzjoni futura ta’ pensjoni tal-irtirar, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-DĠI. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex intiżi sabiex jikkostitwixxu kapital li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal inkwistjoni jista’ jiddisponi minnu. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li sostnew ir-rikorrenti waqt is-seduta, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal ma humiex “detenturi” tas-somom li jikkorrispondu għall-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom lill-IPIUE.

48      F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li l-arrikkiment tal-Unjoni wara l-ħlas mill-uffiċjal mejjet ta’ kontribuzzjonijiet lill-IPIUE li l-ħlas lura tiegħu huwa mitlub, kemm fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet li jirriżultaw mill-funzjonijiet tiegħu fis-servizz tal-Unjoni kif ukoll dawk li jirriżultaw mit-trasferiment “in” li huwa wettaq fl‑2005 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), ma huwiex nieqes minn bażi legali valida, sa fejn dawn il-kontribuzzjonijiet saru, fid-dawl tal-likwidazzjoni futura ta’ pensjoni tal-irtirar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-DĠI.

49      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, peress li l-uffiċjal mejjet ma kienx wettaq għaxar snin ta’ servizz qabel ir-riżenja tiegħu u lanqas laħaq l-età ta’ 66 sena, u peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, imfakkra fil-punt 42 iktar ’il fuq, huwa ma setax jitlob il-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar.

50      Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet kollha mfakkra fil-punti 38 sa 45 iktar ’il fuq jirriżulta li, wara r-riżenja tiegħu mill-funzjonijiet tiegħu fis-servizz tal-Unjoni, l-uffiċjal mejjet seta’ biss jitlob it-trasferiment “out” tal-ekwivalenza attwarjali tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni tal-irtirar miksuba fi ħdan l-IPIUE, li parti minnu kienet tirriżulta mit-trasferiment “in” imwettaq fl‑2005, jew lejn il-fond ta’ pensjoni li mingħandu huwa kiseb drittijiet minħabba l-funzjonijiet tiegħu mal-ITER, jew lejn assigurazzjoni privata jew fond ta’ pensjoni tal-għażla tiegħu li tissodisfa l-lista ta’ kriterji ddefiniti fl-Artikolu 12(1)(b) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-annessi tagħhom jew tad-DĠI ma tipprevedi l-possibbiltà jew l-obbligu ta’ ħlas lura, fil-każ ta’ riżenja tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal li jseħħ wara iktar minn sena servizz, iżda qabel ma jkun wettaq għaxar snin ta’ servizz, tal-kontribuzzjonijiet kollha jew ta’ parti minnhom li jikkorrispondu għad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fi ħdan l-IPIUE lill-ex uffiċjal jew membru tal-persunal jew, fil-każ ta’ mewt, lill-aventi kawża tiegħu, peress li l-kontribuzzjonijiet inkwistjoni ma jistgħux jiġu assimilati ma’ kapital li l-ex uffiċjal jew membru tal-persunal jista’ jiddisponi minnu. L-uniku obbligu impost fuq l-amministrazzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawn, huwa stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-DĠI u jikkonsisti, fil-mument meta l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal itemm definittivament il-funzjonijiet tiegħu, li jikkomunikalu l-ammont tal-ekwivalenza attwarjali li jikkorrispondi għat-totalità tad-drittijiet għall-pensjoni li huwa jkun kiseb f’dak il-mument fi ħdan l-IPIUE.

52      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu għat-trasferiment lejn l-IPIUE tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali miksuba mill-uffiċjal mejjet qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni, mill-formulazzjoni ċara u preċiża tal-Artikolu 8(5) tad-DĠI jirriżulta li kull deċiżjoni dwar proċedura ta’ trasferiment “in”, kif deskritta fil-punt 43 iktar ’il fuq, hija, “min-natura tagħha, irrevokabbli”. Fil-fatt, hija biss talba għal trasferiment “out” li tippermetti lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal li jieqaf definittivament mill-funzjonijiet tiegħu fis-servizz tal-Unjoni li jittrasferixxi l-ekwivalenza attwarjali tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni tal-irtirar miksuba fi ħdan l-IPIUE lejn skema tal-pensjoni oħra.

53      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li hemm lok li l-argument tar-rikorrenti jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż sabiex iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 8(5) tad-DĠI (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li dan l-argument tqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u li ma jistax jitqies bħala l-amplifikazzjoni ta’ motiv diġà mqajjem. Konsegwentement, huwa jikkostitwixxi motiv ġdid li ma huwiex ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt irrilevati matul il-proċedura u li, minħabba f’hekk, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jipprojbixxi l-preżentata ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża.

54      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat, minkejja t-talba għal informazzjoni indirizzata lill-PMO mill‑1 ta’ Lulju 2020 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), li l-uffiċjal mejjet ma ressaqx talba għal trasferiment “out” qabel mewtu, ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, minkejja l-fatt li tali talba għal informazzjoni hija ta’ natura li tappoġġja l-ipoteżi ta’ proġett, ippreżentat minn A, li jsir tali trasferiment “out”.

55      Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ likwidazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar tal-uffiċjal mejjet u tat-tressiq, minnu, ta’ talba għal trasferiment “out”, il-Kummissjoni li, fi kwalunkwe każ, ma tislet minn ebda dispożizzjoni legali l-possibbiltà li tipproċedi għall-ħlas lura lill-aventi kawża tal-kapital kollu jew ta’ parti minnu li jikkorrispondi għad-drittijiet għal pensjoni miksuba fi ħdan l-IPIUE jew ittrasferiti mill-uffiċjal mejjet lejn l-IPIUE qabel mewtu, ma tinkorri ebda allegazzjoni ta’ arrikkiment mingħajr bażi legali valida minħabba ż-żamma, wara l-mewt tal-uffiċjal mejjet, tal-kontribuzzjonijiet kollha magħmula minnu lill-IPIUE.

56      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma jistax jitqies li l-arrikkiment tal-Unjoni wara ż-żamma, wara l-mewt tal-uffiċjal, tal-kontribuzzjonijiet tiegħu lill-IPIUE li l-ħlas lura tagħhom huwa mitlub, kemm fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet li jirriżultaw mill-funzjonijiet tiegħu fis-servizz tal-Unjoni kif ukoll dawk li jirriżultaw mit-trasferiment “in” li wettaq fl‑2005, huwa nieqes minn bażi legali valida, b’tali mod li l-ewwel kundizzjoni li minnha tiddependi l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ arrikkiment indebitu ma hijiex issodisfatta u li għalhekk ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk it-tieni kundizzjoni, imsemmija fil-punt 33 iktar’ il fuq, hijiex issodisfatta.

57      Konsegwentement, il-motiv uniku għandu jiġi miċħud u t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittalbiet intiżi għallħlas lura tassomom mitluba

58      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tordna l-ħlas lura, minn naħa, tad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali miksuba mill-uffiċjal mejjet qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni u ttrasferiti lejn l-IPIUE u, min-naħa l-oħra, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba minnu fi ħdan l-IPIUE qabel mewtu.

59      F’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-motiv uniku mqajjem mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet għal annullament ta’ dan ir-rikors, ibbażat fuq arrikkiment indebitu tal-Unjoni, kien infondat u kellu jiġi miċħud, il-konklużjonijiet pekunjarji msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, li huma stess huma bbażati fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, jistgħu biss, konsegwentement, jiġu miċħuda.

60      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

61      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

62      Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      OR u OS huma kkundannati għall-ispejjeż.

Truchot

Kanninen

Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑6 ta’ Settembru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.