Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2014 – Ir-Repubblika tal-Estonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-555/14)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Estonja (rappreżentant: N. Grünberg)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (C(2014)3271 finali) tal-14 ta’ Mejju 2014, dwar is-sospensjoni tal-ħlasijiet interim fl-ambitu tal-programm operattiv ta’ sostenn tal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) lill-Estonja għall-perijodu 2007-2013;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq ħames motivi.

L-ewwel motiv: il-Kummissjoni applikat ħażin l-Artikolu 25(2) u l-Artikolu 89 tar-Regolament Nru 1198/2006 1.

Ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat lill-Artikolu 25 u li skontha s-sostenn għal investimenti huwa ġġustifikat biss kemm-il darba jirriżulta titjib tal-indikaturi tekniċi rilevanti tal-bastiment li jmur lil hinn mis-sempliċi tqegħid tal-bastiment fl-istat orġinali tiegħu ma tikkorrispondix għall-kliem u għas-sens ta’ dan l-artikolu, u lanqas għall-għanijiet tiegħu. Il-kliem tal-Artikolu 25(2) iħalli diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-kwistjoni ta’ liema investimenti jistgħu jiġu sostnuti fl-ambitu tal-FES. Ladarba r-rikorrenti osservat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(2), lanqas ma huwa rilevanti li jiġi applikat l-Artikolu 89 jew li jiġu sospiżi l-ħlasijiet interim intiżi għas-sostenn tal-ewwel assi prijoritarju tal-programm operattiv.

It-tieni motiv: il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 1198/2006.

Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tal-ħlasijiet fi żmien sitt xhur dekorribbli mill-komunikazzjoni tal-interruzzjoni tat-terminu ta’ ħlas. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni b’hekk kisret l-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 1198/2006 u injorat il-linji gwida tagħha dwar l-interruzzjoni, is-sospensjoni u l-korrezzjoni finanzjarja ta’ ħlasijiet.

It-tielet motiv: il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

Ir-rikorrenti ssostni li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni marret kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ladarba: 1) hija ma evalwatx b’attenzjoni u lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi kollha mressqa mir-rikorrenti, 2) hija ma stħarrġitx jekk l-ipoteżijiet li fuqhom id-deċiżjoni tagħha kienet ibbażata kinux jirriflettu r-realtà, 3) hija kkunsidrat b’mod awtomatiku bħala nfiq ta’ manutenzjoni regolari l-investimenti li saru sabiex jitjieb l-istat ta’ bastimenti diġà amortizzati u 4) qieset, b’mod żbaljat, li dawn l-investimenti ma kkontribwixxewx sabiex jitlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 25(2).Ir-raba’ motiv: il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.Ir-rikorrenti tqis li, minkejja l-perspettiva esposta b’mod ċar u preċiż fl-ittra tal-Kummissjoni, li tippermetti li wieħed leġittimament jistenna li l-infiq intiż għar-rinovazzjoni/tiswija ta’ mutur jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1198/2006 kemm-il darba dan ma jinvolvix titjib tal-kapaċità ta’ qbid ta’ ħut tal-bastiment, il-Kummissjoni ddeċidiet sussegwentement li ma jirriżultax minn dan l-infiq titjib tal-indikaturi tekniċi tal-bastiment, iżda dan pjuttost jikkontribwixxi għat-tqegħid jew għaż-żamma tal-bastimenti tas-sajd fl-istat oriġinali tagħhom, b’mod li dawn l-investimenti huma ineliġibbli. Ir-rikorrenti ssostni li hija ma kinitx taf b’din ir-regola; din la tirriżulta mill-Artikolu 25 tar-Regolament Nr

u 1198/2006 u lanqas mill-ittra ta’ tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsija li

saritilha f’dan is-sens mir-rikorrenti.Il-ħames motiv: il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali.Ir-rikorrenti tqis li l-fatt li l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni finali ta’ sospensjoni tal-applikazzjoni għal ħlasijiet interim iktar minn tliet snin wara l-interruzzjoni tat-terminu ta’ ħlas fir-rigward tal-applikazzjoni għall-ewwel ħlas interim, b’mod li ma osservatx it-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 1198/2006, imur b’mod ċar kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Din l-attitudni tal-Kummissjoni ma kienet bl-ebda mod prevedibbli għall-benefiċjarji tas-sostenn tal-FES.