Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Rieti (l-Italja) fis-26 ta’ Mejju 2021 – Proċeduri kriminali kontra G.B., R.H.

(Kawża C-334/21)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale di Rieti.

Partijiet fil-proċeduri kriminali nazzjonali

G.B., R.H.

Domandi preliminari

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u skont il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C-746/18, EU:C:2021:152), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, prevista fl-Artikolu 132(3) tad-decreto legislativo n. 196/2003 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003), li tagħti lill-Uffiċċju tal-Prosekutur, korp li l-indipendenza u l-awtonomija tiegħu huma ggarantiti b’mod sħiħ mid-dispożizzjonijiet previsti fit-Titolu IV tal-Kostituzzjoni Taljana, il-kompetenza li jordna, b’digriet motivat, il-ksib ta’ data dwar it-traffiku u data dwar is-sit għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, huwa possibbli li jingħataw kjarifiki li jirrigwardaw applikazzjoni eventwali nonretroattiva tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C-746/18, EU:C:2021:152), b’kunsiderazzjoni għall-ħtiġijiet predominanti ta’ ċertezza legali fil-kuntest tal-prevenzjoni, tal-konstatazzjoni u tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew it-theddid kontra s-sigurtà ?

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u skont il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C-746/18, EU:C:2021:152), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, prevista fl-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003, moqri fid-dawl tal-Artikolu 267(2) tal-Codice di procedura penale (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), li tagħti lill-Uffiċċju tal-Prosekutur is-setgħa li jikseb immedjatament, f’każ ta’ urġenza, id-data dwar it-traffiku telefoniku, bi skrutinju u superviżjoni sussegwenti mill-qorti adita ?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514