Language of document : ECLI:EU:T:2006:96

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

30 ta' Marzu 2006 (*)

"Rikors għal danni − Ftehim internazzjonali − Ftehim ta' Assoċjazzjoni KEE-Turkija − Unjoni doganali bejn il-Komunità Ewropea u t-Turkija − Għajnuna finanzjarja kumpensatorja"

Fil-kawża T-367/03,

Yedaş Tarim ve Otomotiv Sanayi ve Ticaret AŞ, stabbilita f'Ümraniye, Istanbul (it-Turkija), irrappreżentata minn R. Sinner, Avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u D. Canga Fano, bħala aġenti,

u

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Boudot u X. Lewis, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuti,

li għandha bħala suġġett rikors għal danni intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat bl-applikazzjoni tal-proċeduri ta' l-unjoni doganali stabbilita bil-Ftehim dwar il-ħolqien ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija u l-Protokolli addizzjonali tiegħu kif ukoll bid-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija, tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar l-implementazzjoni tal-fażi definittiva ta' l-unjoni doganali (ĠU L 35, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta' Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest ġuridiku u fattwali

1       Il-Ftehim dwar il-ħolqien ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (iktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Ankara") ġie ffirmat f'Ankara fit-12 ta' Settembru 1963 mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, u mill-Komunità u mill-Istati Membri tiegħu, min-naħa l-oħra. Fit-23 ta' Diċembru 1963, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 64/732/KEE dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Ankara (ĠU 1964, 217, p. 3685).

2       L-Artikolu 2(1) ta' dan il-Ftehim jipprovdi:

"Il-Ftehim għandu bħala skop li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-Partijiet, billi jieħu pjenament in kunsiderazzjoni n-neċessità li jassigura l-iżvilupp aċċellerat ta' l-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-poplu Tork." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3       Skond l-Artikolu 2(3) tal-Ftehim ta' Ankara:

"L-Assoċjazzjoni tinkludi:

a) fażi preparatorja;

b) fażi tranżitorja;

ċ) fażi definittiva." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       L-Artikolu 3(1) ta' l-imsemmi Ftehim jipprovdi:

"Matul il-fażi preparatorja, it-Turkija għandha ssaħħaħ l-ekonomija tagħha, bl-għajnuna tal-Komunità, bl-iskop li tkun tista' tassumi l-obbligi imposti fuqha matul il-fażi tranżitorja u l-fażi definittiva.

Il-modalitajiet ta' applikazzjoni relattivi għal din il-fażi preparatorja, u b'mod partikolari għall-għajnuna tal-Komunità, huma ddefiniti fil-Protokoll provviżorju u fil-Protokoll finanzjarju annessi mal-Ftehim." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       L-Artikolu 5 tal-Ftehim ta' Ankara jispeċifika:

"Il-fażi definittiva hija bbażata fuq l-unjoni doganali u timplika t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Partijiet kontraenti" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       L-Artikolu 6 ta' l-istess Ftehim jipprovdi:

"Sabiex jassiguraw l-applikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tas-sistema ta' Assoċjazzjoni, il-Partijiet kontraenti għandhom jiltaqgħu f'Kunsill ta' Assoċjazzjoni li għandu jaġixxi fil-limiti tas-setgħat li huma mogħtija lilu permezz tal-Ftehim." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 30 tal-Ftehim ta' Ankara:

"Il-Protokolli li l-Partijiet kontraenti qablu li jannettu mal-Ftehim jagħmlu parti integrali minnu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       B'mod partikolari, ġie anness mal-Ftehim ta' Ankara l-Protokoll Nru 2, intitolat "Protokoll finanzjarju", li l-iskop tiegħu huwa li jipprovdi mekkaniżmi finanzjarji sabiex jippromwovu l-iżvilupp aċċellerat ta' l-ekonomija Torka.

9       Fit-23 ta' Novembru 1970 ġew iffirmati Protokoll addizzjonali (iktar 'il quddiem il-"Protokoll addizzjonali ta' l-1970") u t-tieni Protokoll finanzjarju (ĠU 1972, L 293, p. 4), li ġew annessi mal-Ftehim ta' Ankara. Dawn il-Protokolli daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1973. It-tielet Protokoll finanzjarju ġie ffirmat fit-12 ta' Mejju 1977 (ĠU 1979, L 67, p. 14).

10     Fit-22 ta' Diċembru 1995, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija adotta d-Deċiżjoni Nru 1/95 dwar l-implementazzjoni tal-fażi definittiva ta' l-unjoni doganali (ĠU 1996, L 35, p. 1). Din id-deċiżjoni tistabbilixxi unjoni doganali bejn il-Komunità u t-Turkija għall-merkanzija, bħala regola, bl-eċċezzjoni tal-prodotti agrikoli. Hija tipprovdi għall-eliminazzjoni tad-dazji doganali u tat-taxxi b'effett ekwivalenti, kif ukoll għall-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kwantitattivi u ta' miżuri b'effett ekwivalenti.

11     Il-kumpannija Yedaş Tarim ve Otomotiv Sanayi ve Ticaret AŞ (iktar 'il quddiem "Yedaş Tarim") hija persuna ġuridika regolata bil-liġi Torka. L-attività tagħha tikkonsisti fl-importazzjoni u fil-manifattura ta' bolberings, kif ukoll fl-importazzjoni ta' kisi tal-krank u ta' ċinturini, bħala spare parts, b'mod partikolari, għal tagħmir agrikolu u għall-industrija tal-karozzi.

 Proċedura

12     Ir-rikorrenti ressqet din il-kawża permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-2 ta' Diċembru 2003.

13     B'atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 u fis-26 ta' Marzu 2004 rispettivament, il-Kummissjoni u l-Kunsill qajmu xi eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà skond l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura kontra l-preżenti rikors. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fis-17 ta' Mejju 2004. B'digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Jannar 2005, dawn l-eċċezzjonijiet u l-ispejjeż ġew riżervati għall-ġudizzju finali.

14     B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) kkunsidrat li ma kienx hemm bżonn ta' skambju ieħor ta' sottomissjonijiet.

15     Fuq rapport ta' l-imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

16     B'ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta' Lulju 2005, ir-rikorrenti talbet il-ħatra ta' espert, jekk ikun hemm bżonn.

17     Waqt is-seduta tat-8 ta' Settembru 2005, instemgħet it-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza. F'din l-okkażjoni, il-konvenuti ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-talba għall-ħatra ta' espert.

 It-talbiet tal-partijiet

18     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tikkundanna lill-konvenuti jħallsuha kumpens għad-dannu mġarrab;

–       tikkundanna lill-konvenuti jħallsu l-ispejjeż.

19     Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

20     Ir-rikorrenti ssostni li t-telf li hija sofriet għandu l-oriġini tiegħu fil-mod kif l-unjoni doganali stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 1/95 ġiet implementata mill-Komunità. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li l-Komunità naqset milli tagħtiha għajnuna finanzjarja, ħaġa li hija tattribwixxi lill-oppożizzjoni min-naħa tal-Greċja. F'dan ir-rigward, hija tispeċifika li l-Komunità għandha tinżamm responsabbli minħabba l-fatt li hija ma ħaditx proċeduri kontra l-Greċja għall-attitudni tagħha. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqiegħed in kwistjoni l-effetti ta' ftehim li l-Komunità kkonkludiet ma' pajjiżi terzi. Ir-rikorrenti ssostni, ukoll, li l-Kummissjoni naqset milli tieħu ċerti miżuri fil-qasam istituzzjonali. B'mod partikolari, ir-Repubblika tat-Turkija ġiet eskluża mid-diskussjonijiet fuq il-politiki komuni dwar il-kummerċ, b'mod partikolari f'oqsma direttament marbuta ma' l-unjoni doganali. Per eżempju, l-awtoritajiet Torok ma setgħux jipparteċipaw fil-kumitat speċjali stabbilit bl-Artikolu 133 KE. Fl-aħħar nett, hija tallega li l-Kummissjoni naqset milli tagħti parir lir-Repubblika tat-Turkija u li naqset milli timpedixxi prattiki kuntrarji għall-iżvilupp ta' kompetizzjoni b'saħħitha fil-kuntest ta' l-unjoni doganali.

21     Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti ddikjarat, essenzjalment, li ma tippretendix li l-fatt dannuż jikkonsisti fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/95 jew fl-adozzjoni ta' att ieħor ta' l-istituzzjonijiet, iżda fil-mod kif din id-Deċiżjoni ġiet implementata mill-konvenuti. Minbarra dan, ir-rikorrenti speċifikat li l-fatt dannuż jikkonsisti f'nuqqas ta' aġir min-naħa tal-konvenuti. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet nota ta' dan fil-verbal tas-seduta.

22     Ir-rikorrenti tiddeduċi n-natura illegali ta' l-aġir fuq imsemmi mill-Artikolu 2(1), mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) u mill-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Ankara. Hija tinvoka wkoll il-Protokoll finanzjarju li huwa anness ma' dan il-Ftehim kif ukoll il-Protokolli addizzjonali sussegwenti. Dawn it-testi għandhom ikunu kkunsidrati bħala atti Komunitarji ta' dritt sussidjarju, skond l-Artikolu 310 KE. Ir-rikorrenti tallega wkoll li l-Komunità ma rrispettatx obbligu li tagħti għajnuna finanzjarja ta' 2,5 biljun EUR lit-Turkija; dan l-obbligu ttieħed waqt is-seduta tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija li warajha ġiet adottata d-Deċiżjoni Nru 1/95 u ġie anness ma' din id-Deċiżjoni fil-forma ta' dikjarazzjoni unilaterali. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega l-eżistenza, fil-kuntest tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja, ta' wegħdiet ta' għajnuna mhux miżmuma, kif ukoll ta' diffikultajiet fl-għoti ta' sussidji.

23     Fir-rigward tar-rabta kawżali bejn id-dannu li sofriet ir-rikorrenti u l-aġir illegali li kkommettiet il-Komunità, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-unjoni doganali kellha impatt negattiv fuq l-ekonomija Torka fit-totalità tagħha.

24     Fit-tieni lok, f'dak li jirrigwardaha b'mod iktar partikolari, ir-rikorrenti ssostni li, fl-1990, hija ddeċidiet li tinvesti fil-produzzjoni tal-bolberings, billi l-produzzjoni interna kienet, minn naħa, stimulata b'konċessjonijiet u b'sussidji speċjali u, min-naħa l-oħra, protetta b'tariffa doganali partikolari. Ir-rikorrenti żżid li l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Turkija f'unjoni doganali mal-Komunità ma kinitx mistennija, dak iż-żmien, qabel ma jgħaddu għaxar snin. L-unità ta' produzzjoni tagħha bdiet l-attivitajiet tagħha fl-1993. Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ ta' l-unjoni doganali fl-1 ta' Jannar 1996, tneħħew it-taxxi kollha u d-dazji kollha tad-dwana, kif ukoll il-piżijiet l-oħra li jolqtu l-importazzjoni ta' bolberings u kisi tal-krank. Konsegwentement, is-suq Tork ġie maħkum minn prodotti ta' importazzjoni ta' kwalità għolja li ġejjin mill-Istati Membri tal-Komunità u minn prodotti bi prezzijiet tajbin u ta' kwalità inferjuri li ġejjin mil-Lvant Imbiegħed. Konsegwentement, id-diviżjoni ta' produzzjoni ta' bolberings tar-rikorrenti sofriet telf kbir, matul il-perijodu mill-1996 sa l-2003. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, minħabba t-tneħħija tad-dazji tad-dwana fl-1 ta' Jannar 1996, l-unjoni doganali kellha impatt negattiv fuq l-attivitajiet ta' importazzjoni tad-diviżjoni kummerċjali tagħha, billi l-bejgħ tagħha ta' merkanzija importata naqas b'effett ta' l-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni.

25     Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq rendikont ta' kontabbiltà u finanzjarju u ssostni, fir-rikors tagħha, li hija sofriet dannu stmat fl-ammont ta' 1 200 000 EUR. Fl-osservazzjonijiet tagħha b'risposta għall-eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà tal-konvenuti, ir-rikorrenti titlob, madankollu, li l-konvenuti jiġu kkundannati jħallsuha s-somma ta' 4 578 518 EUR.

26     Fl-ewwel lok, il-konvenuti jqajmu tliet raġunijiet ta' inammissibbiltà. Huma jsostnu li r-rikorrenti qiegħda titlob kumpens għal dannu allegat ikkawżat bid-Deċiżjoni Nru 1/95, li la huwa att tal-Kummissjoni u lanqas att tal-Kunsill, b'mod li rikors għal danni ma jistax ikun ibbażat fuq din id-Deċiżjoni. Huma jallegaw ukoll li t-talba tar-rikorrenti hija preskritta skond l-Artikolu 46 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li r-rikors huwa impreċiż u li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

27     Fit-tieni lok, fir-rigward tal-mertu, il-konvenuti jikkontestaw li l-attitudni tal-Komunità setgħet iġġenerat id-dannu allegat mir-rikorrenti. Il-Kunsill jikkontesta, b'mod partikolari, l-allegazzjonijiet dwar allegata insuffiċjenza ta' l-għajnuna finanzjarja mogħtija lit-Turkija. Il-Kummissjoni tirrileva li l-fatt li ma kinitx assoċjat it-Turkija mat-tnaqqis jew mat-tneħħija tad-dazji tad-dwana li jolqtu l-beni importati minn stati terzi ma jikser l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet iċċitati mir-rikorrenti. F'kull każ, l-ebda operatur ekonomiku ma jista', meta jitneħħew l-ostakoli doganali u mhux doganali, jippretendi dritt ta' proprjetà fuq parti minn suq li qabel kienet protetta minn dawn ta' l-aħħar. Fil-fatt, tali parti tas-suq tikkostitwixxi biss pożizzjoni ekonomika momentanja esposta għall-perikoli ta' tibdil fiċ-ċirkustanzi. Il-konvenuti jikkunsidraw ukoll li r-rikors ma jipprovdi l-ebda element li juri l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn l-allegati aġir illegali u dannu. Fl-aħħar nett, huma jikkontestaw dan ta' l-aħħar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 Osservazzjonijiet preliminari

28     Jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti fis-seduta (ara punt 21 iktar 'il fuq) li mhemmx lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-argumenti li hija ġibdet, fl-atti bil-miktub tagħha, mill-allegata illegalità tad-Deċiżjoni Nru 1/95 jew ta' att tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill.

29     Konsegwentement, lanqas mhemm lok li jiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà li qajmu l-konvenuti minħabba n-natura ta' din id-Deċiżjoni.

30     Barra minn hekk, hija l-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tevalwa jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu bla ma tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà mqajma mill-konvenuti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punt 52). Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li mhemmx lok li tiddeċiedi fuq l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà bbażata fuq il-preskrizzjoni tar-rikors.

31     Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim'Istanza skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 53 ta' l-istess Statut, u skond l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Prim'Istanza li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr is-sostenn ta' ebda informazzjoni oħra. Sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, almenu fil-qosor, iżda b'mod koerenti u li jistgħu jinftiehmu sewwa, mit-test tar-rikors innifsu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Mejju 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, T‑195/95, Ġabra p. II‑679, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32     Sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, rikors għal kumpens għal danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jikkontieni l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrenti tallega fil-konfront ta' l-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li hija tallega li sofriet, kif ukoll in-natura u l-kobor ta' dan id-dannu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, T‑19/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33     Madankollu, jirriżulta mill-punti 22 et seq. iktar 'il fuq li l-abbundanza ta' l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fl-atti proċedurali tagħha u l-mod li bih huma ppreżentati ma jippermettux li jiġi deċiż li r-rikors, fit-totalità tiegħu, huwa inammissibbli.

 Fuq il-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà

34     Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE trid tiġi sodisfatta serje ta' kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità ta' l-aġir allegat fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T‑175/94, Ġabra p. II‑729, punt 44, u tas-16 ta' Marzu 2005, EnBW Kernkraft vs Il-Kummissjoni, T‑283/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 84).

–       Fuq l-allegata illegalità ta' l-aġir tal-konvenuti

35     Fir-rigward ta' l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet enumerati iktar 'il fuq, skond ġurisprudenza stabbilita, għandu jiġi stabbilit ksur suffiċjentement gravi ta' regola tad-dritt intiża biex tagħti drittijiet lill-individwi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 51; ta' l-4 ta' Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punt 42; ta' l-10 ta' Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra p. I‑11355, punt 53, u ta' l-10 ta' Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs Fresh Marine, C‑472/00 P, Ġabra p. I‑7541, punt 25; sentenza EnBW Kernkraft vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar 'il fuq, punt 87).

36     F'din il-kawża, Yedaş Tarim issostni li l-insuffiċjenza ta' l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Komunità u l-ommissjonijiet tagħha jiksru, fl-ewwel lok, l-Artikolu 2(1), l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Ankara, fit-tieni lok, il-Protokolli finanzjarji, fit-tielet lok, il-Protokoll addizzjonali ta' l-1970, fir-raba' lok, obbligu meħud mill-Komunità fl-okkażjoni ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/95 li tħallas 2,5 biljun EUR lit-Turkija u, fil-ħames lok, wegħdiet oħra ta' għajnuna magħmula fil-kuntest tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja.

37     Għandu jiġi kkonstatat li l-Ftehim ta' Ankara u l-Protokolli fuq imsemmija jikkostitwixxu ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità u mill-Istati Membri ma' Stat terz.

38     Skond l-Artikolu 300(7) KE, ftehim bħal dawn jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tagħhom jifformaw parti integrali ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju minn meta jidħlu fis-seħħ (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' April 1974, Haegeman, 181/73, Ġabra p. 449, punt 5, u tat-30 ta' Settembru 1987, Demirel, 12/86, Ġabra p. 3719, punt 7). Madankollu, l-effetti ta' dawn il-ftehim fl-ordni ġuridiku Komunitarju ma jistgħux jiġu determinati mingħajr ma tittieħed in kunsiderazzjoni l-oriġini internazzjonali tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Ottubru 1982, Kupferberg, 104/81, Ġabra p. 3641, punt 17).

39     B'mod partikolari, sabiex jiġi deċiż jekk ir-rikorrenti tistax tinvoka ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim fuq imsemmija sabiex tistabbilixxi l-illegalità ta' l-aġir allegat fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet, għandu jiġi eżaminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jistgħux jiġu kkunsidrati bħala direttament applikabbli. F'dan ir-rigward, fis-sentenza Demirel, iċċitata iktar 'il fuq (punt 14), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjoni ta' ftehim konkluż mill-Komunità ma' pajjiżi terzi għandha tiġi kkunsidrata bħala direttament applikabbli meta, fid-dawl tat-termini tagħha kif ukoll ta' l-iskop u tan-natura tal-ftehim, hija tinkludi obbligu ċar u preċiż, li mhuwa suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-adozzjoni ta' ebda att ulterjuri.

40     Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet kif ġej (sentenza Demirel, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16):

"Il-Ftehim [ta' Ankara] huwa kkaratterizzat, fir-rigward ta' l-istruttura u tal-kontenut tiegħu, mill-fatt li, b'mod ġenerali, jipprovdi l-għanijiet ta' l-Assoċjazzjoni u jistabbilixxi l-linji gwida għat-twettiq ta' dawn l-għanijiet, mingħajr ma jistabbilixxi huwa nnifsu regoli preċiżi sabiex iseħħ dan it-twettiq. Huwa biss fir-rigward ta' ċerti kwistjonijiet speċifiċi li l-Protokolli annessi sostitwiti bil-Protokoll addizzjonali jistabbilixxu regoli dettaljati."

41     Konsegwentement, fid-dawl tan-natura u ta' l-istruttura tiegħu, il-Ftehim ta' Ankara ma jiffigurax, bħala regola, fost ir-regoli li abbażi tagħhom il-Qorti tal-Prim'Istanza tistħarreġ il-legalità ta' atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji.

42     B'mod partikolari, l-Artikolu 2(1) ta' l-imsemmi Ftehim, jiddeskrivi, f'termini ġenerali, l-iskop tal-Ftehim ta' Ankara, li jikkonsisti fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn it-Turkija u l-Komunità. Huwa jsemmi wkoll żewġ linji gwida ġenerali, jiġifieri n-natura kontinwa u ekwilibrata ta' dan it-tisħiħ, u t-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-iżvilupp aċċellerat ta' l-ekonomija Torka kif ukoll taż-żieda fil-livell tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet ta' l-għajxien tal-poplu Tork. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni hija ta' natura programmatika. Hija mhijiex preċiża u inkundizzjonata biżżejjed u hija neċessarjament suġġetta, fl-esekuzzjoni jew fl-effetti tagħha, għall-adozzjoni ta' atti ulterjuri, ħaġa li teskludi li hija tista' tirregola direttament is-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Barra minn hekk, hija m'għandhiex l-iskop li tagħti drittijiet lil individwi.

43     Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward ta' l-Artikolu 3(1) tal-Ftehim ta' Ankara, li l-ewwel paragrafu tiegħu jindika f'termini ġenerali l-iskop tal-fażi preparatorja ta' l-Assoċjazzjoni bejn it-Turkija u l-Komunità. B'hekk, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) tal-Ftehim ta' Ankara jirreferi għall-Protokolli annessi għad-definizzjoni tal-modalitajiet ta' applikazzjoni ta' din il-fażi. Barra minn hekk, din ta' l-aħħar tikkostitwixxi biss l-ewwel minn tliet fażijiet previsti fil-Ftehim u hija ġiet fit-tmiem tagħha mad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll addizzjonali ta' l-1970.

44     L-istess konklużjoni tapplika wkoll fir-rigward ta' l-Artikolu 6 ta' l-imsemmi Ftehim, li huwa dispożizzjoni istituzzjonali li tistabbilixxi Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

45     Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka l-Protokoll finanzjarju anness mal-Ftehim ta' Ankara, mingħajr ma tispeċifika liema dispożizzjonijiet ġew miksura. Issa, sabiex tkun ammissibbli fis-sens ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, l-allegazzjoni ta' illegalità għandha tidentifika l-aġir illegali. Dan l-obbligu huwa msaħħaħ, f'din il-kawża, mill-fatt li l-applikabbiltà diretta m'għandhiex tiġi evalwata globalment, iżda teħtieġ l-eżami f'kull każ tan-natura, ta' l-istruttura u tat-termini tad-dispożizzjonijiet imqajma (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Diċembru 1974, Van Duyn, 41/74, Ġabra p. 1337, punt 12). Minn dan isegwi li, fin-nuqqas li tissemma preċiżament id-dispożizzjoni li ġiet miksura, l-argumentazzjoni li r-rikorrenti tiddeduċi mill-Protokoll finanzjarju fuq imsemmi mhijiex ammissibbli. Yedaş Tarim tagħmel ukoll referenza għal Protokolli finanzjarji oħra. Madankollu, u anki kieku kellu jitqies li b'hekk hija qiegħda tirreferi għall-Protokolli finanzjarji tat-23 ta' Novembru 1970 u tat-12 ta' Mejju 1997, l-istess konklużjoni hija applikabbli fir-rigward tagħhom. F'kull każ, ir-rikorrenti ddikjarat waqt is-seduta li l-ebda proġett ta' investiment li hija ppreżentat fil-kuntest tal-Protokolli in kwistjoni ma kien ġie rrifjutat, ħaġa li l-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet nota tagħha fil-verbal tas-seduta.

46     Ir-rikorrenti tikkunsidra wkoll li l-Komunità kisret it-termini ta' dikjarazzjoni unilaterali li biha hija kienet intrabtet, meta adottat id-Deċiżjoni Nru 1/95, li tagħti għajnuna finanzjarja ta' 2,5 biljun EUR lit-Turkija. Issa din id-dikjarazzjoni ma tidhirx fost id-dikjarazzjonijiet tal-Komunità, annessi mad-Deċiżjoni Nru 1/95. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni ta' Yedaş Tarim mhijiex preċiża biżżejjed sabiex tkun ammissibbli fis-sens ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tipprovax li din id-dikjarazzjoni kellha portata legali. Inċidentalment, skond l-istess termini tar-rikors, il-kontribuzzjoni in kwistjoni kellha tingħata lill-Istat Tork, b'mod li hija ma toħloqx drittijiet għall-individwi.

47     Ir-rikorrenti ssemmi wkoll in-nuqqas ta' rispett ta' wegħdiet ta' għajnuna fil-kuntest ta' programm ta' azzjoni speċjali, ta' assistenza makro-ekonomika u ta' Fond ta' kooperazzjoni amministrattiva. Madankollu, l-affermazzjonijiet tagħha mhumiex preċiżi biżżejjed sabiex jidentifikaw, fl-ewwel lok, l-aġir allegat b'ċertezza u sabiex tiġi evalwata, fit-tieni lok, in-natura eventwalment illegali tiegħu. F'kull ipoteżi, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix f'hiex jirriżulta xi dritt għall-individwi minn dawn il-wegħdiet.

48     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tagħmel referenza għad-diffikultajiet u problemi li qamu fil-kuntest tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja. Madankollu, hija ma tikkorroborahomx u ma tindikax f'hiex dawn jikxfu xi aġir illegali min-naħa tal-konvenuti.

49     Fl-aħħar nett, Yedaş Tarim tibbaża r-rikors tagħha wkoll fuq il-Protokoll addizzjonali ta' l-1970 u b'mod iktar partikolari fuq il-fatt li jaħseb għal "obbligi reċiproċi u ekwilibrati" bejn il-partijiet. Madankollu, din l-eżiġenza tidher biss fil-preambolu ta' l-imsemmi Protokoll u għaldaqstant m'għandhiex portata legali fiha nfisha. Hija tirriżulta essenzjalment, madankollu, mill-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta' Ankara. Madankollu, in-natura programmatika u, konsegwentement, in-nuqqas ta' applikazzjoni diretta ta' din id-dispożizzjoni, ġew irrilevati fil-punt 42 iktar 'il fuq.

50     Indipendentement mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-Komunità m'għandhiex tiġi imputata bħala aġir illegali l-allegata insuffiċjenza ta' l-għajnuna finanzjarja mogħtija lit-Turkija, billi, skond ir-rikorrenti, din l-insuffiċjenza tirriżulta mill-oppożizzjoni ta' Stat Membru.

51     Fir-rigward ta' l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Komunità ma ħaditx proċeduri kontra dan l-Istat Membru għall-pożizzjoni li ħa, għandu jiġi mfakkar li, anki jekk jitqies li dan ta' l-aħħar jista' jiġi kkunsidrat bħala kostitutiv ta' nuqqas ta' dan l-Istat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu skond it-Trattat, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tibda proċedura ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE. Għaldaqstant, in-nuqqas tal-Kummissjoni li tibda tali proċedura mhuwiex, f'kull każ, kostituttiv ta' illegalità, b'mod li ma jistax jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Jannar 2004, Makedoniko Metro u Michaniki AE vs Il-Kummissjoni, T‑202/02, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52     Ir-rikorrenti tissuġġerixxi wkoll li hija sofriet dannu b'riżultat tal-ftehim li l-Komunità kkonkludiet ma' pajjiżi terzi. Billi, minn naħa, hija speċifikat waqt is-seduta (ara punt 21 iktar 'il fuq) li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta atti uffiċjali tal-Komunità u billi, min-naħa l-oħra, hija kompliet tiddiżapprova dawn il-ftehim, għandu jiġi kkunsidrat jew li hija adottat pożizzjoni kontradittorja li dwarha l-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tagħti deċiżjoni, jew li hija tilmenta li l-Komunità ma kinitx ħadet biżżejjed in kunsiderazzjoni l-interessi ta' l-Istat Tork meta kkonkludiet dawn il-ftehim. Fir-rigward ta' din l-aħħar ipoteżi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li r-rikors huwa nieqes mill-preċiżjoni u tikkonstata li huwa ma jindikax l-insuffiċjenzi tal-Komunità li b'mod konkret affettwaw l-attivitajiet tagħha. Issa rikors għal kumpens għal danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jinkludi, sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, kif interpretat mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 iktar 'il fuq, l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrenti takkuża lill-istituzzjoni kkonċernata bih. Minn dan isegwi li l-preżenti lment mhuwiex ammissibbli.

53     L-istess inkoerenza u impreċiżjoni jolqtu l-argument, imqajjem fis-seduta, li t-Turkija ġiet eskluża mid-diskussjonijiet fuq il-politiki komuni dwar il-kummerċ, b'mod partikolari fl-oqsma marbuta direttament ma' l-unjoni doganali. Hija biss espliċita biżżejjed sabiex tkun ammissibbli, il-kritika fis-sens li t-Turkija ġiet eskluża mill-kumitat speċjali stabbilit bl-Artikolu 133 KE. Jekk jitqies li din il-kritika ta' l-aħħar għandha tiġi interpretata bħala l-akkuża tan-nuqqas li tiġi mistiedna t-Turkija biex tipparteċipa f'dan il-kumitat, għandu jiġi osservat li tali parteċipazzjoni tat-Turkija f'dan il-kumitat ma tammontax għal dritt għar-rikorrenti.

54     Ir-rikorrenti ssostni fl-aħħar nett li l-Kummissjoni naqset mill-funzjoni tagħha li tagħti parir lit-Turkija u li tissorvelja l-mod kif l-unjoni doganali hija applikata, sabiex timpedixxi kull prattika li hi ta' ostakolu għall-iżvilupp ta' kompetizzjoni b'saħħita. Madankollu, dan l-ilment ukoll huwa wisq impreċiż sabiex fuqu jkun ibbażat rikors għal danni. F'dan l-ilment, ir-rikorrenti ssemmi biss serje ta' attitudnijiet tal-Komunità f'diversi setturi ekonomiċi, iżda d-dikjarazzjoni tagħha mhija bbażata fuq l-ebda fatt preċiż marbut ma' l-attività tagħha.

55     Dejjem fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-illegalità ta' l-aġir allegat, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar fl-aħħar nett li, sakemm il-marġini ta' diskrezzjoni ma tkunx konsiderevolment ridotta, jew tabilħaqq ineżistenti, l-eżiġenza li l-ksur tar-regola tad-dritt għandha tkun suffiċjentement gravi hija biss sodisfatta f'każ ta' ksur manifest u gravi, mill-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata, tal-limiti imposti għas-setgħa ta' diskrezzjoni tagħha (sentenza L-Kummissjoni vs Camar u Tico, punt 35 iktar 'il fuq, punt 54; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T‑198/95, T‑171/96, T‑230/97, T‑174/98 u T‑225/99, Ġabra p. II‑1975, punt 134, u EnBW Kernkraft vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar 'il fuq, punt 87).

56     Issa, f'din il-kawża, ir-rikorrenti ma pprovatx li l-Komunità kienet qabżet il-limiti tas-setgħa ta' diskrezzjoni wiesgħa li għandha fl-għoti ta' għajnuna finanzjarja. Tant ma saritx din il-prova li Yedaş Tarim stess ammettiet li l-Komunità kienet għamlet diversi għotjiet ta' għajnuna lit-Turkija u li l-Kunsill semma l-eżistenza ta' ċertu numru ta' strumenti finanzjarji favur it-Turkija. Lanqas ma ġie pprovat li l-Komunità eċċediet l-imsemmija limiti fil-konklużjoni ta' ftehim ma' Stati terzi, bil-fatt li ma inkludietx it-Turkija fid-definizzjoni ta' politiki jew fl-evalwazzjoni ta' x'jirrikjedu l-unjoni doganali u l-iżvilupp tal-kompetizzjoni.

–       Fuq ir-rabta kawżali

57     Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 34 iktar 'il fuq, jirriżulta mill-ġurisprudenza li sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità ir-rikorrent f'azzjoni għal danni għandu jipprova, b'mod partikolari, l-eżistenza ta' rabta kawżali diretta bejn l-aġir illegali u d-dannu invokat (sentenzi Brasserie du Pêcheur u Factortame, punt 35 iktar 'il fuq, punt 51; Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar 'il fuq, punti 41 u 42, u Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, punt 35 iktar 'il fuq, punt 53). Barra minn hekk, huwa r-rikorrent li għandu jġib il-prova ta' tali rabta diretta (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 1995, Blackspur et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑168/94, Ġabra p. II‑2627, punt 40, u tas-17 ta' Diċembru 2003, DLD Trading vs Il-Kunsill, T‑146/01, Ġabra p. II‑6005, punt 73).

58     F'din il-kawża, l-allegat żbilanċ makro-ekonomiku li jirriżulta mill-insuffiċjenza ta' l-għajnuna finanzjarja mogħtija lill-Istat Tork fil-kuntest ta' l-unjoni doganali ma jistax jikkostitwixxi l-prova ta' tali rabta diretta bejn kawża u effett bejn din l-insuffiċjenza u s-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti. Din ta' l-aħħar lanqas ma tipprova r-rabta kawżali diretta bejn, minn naħa, it-telf li hija tallega li għamlet u, min-naħa l-oħra, l-ommissjoni tal-Komunità li tinkludi lit-Turkija fid-diskussjonijiet fuq il-miżuri li kellhom jittieħdu fl-oqsma relatati ma' l-unjoni doganali, l-eventwali nuqqas tagħha li tagħti parir u l-allegat nuqqas tagħha li tissorvelja l-kompetizzjoni. Bl-istess mod, l-ispjegazzjonijiet li r-rikorrenti tiddedika għas-settur tat-tapiti mmanifatturati bl-idejn, għal dak ta' l-esportazzjoni ta' televiżuri, għas-settur agrikolu u b'mod partikolari għal dak tat-tin, tal-ġellewż u tal-pistaċċi, kif ukoll għas-settur tas-tessut u tal-ħwejjeġ jidhru bla rilevanza diretta ma' l-għanijiet tagħha bħala kumpannija. (ara punt 11 iktar 'il fuq).

59     Il-fatt li d-dħul fis-seħħ ta' l-unjoni doganali jikkonċidi bejn wieħed u ieħor mat-tnaqqis fil-profitti tar-rikorrenti lanqas mhuwa biżżejjed sabiex jipprova relazzjoni diretta bejn il-fatti allegati u d-dannu allegat. Fil-fatt, fatturi oħra determinanti setgħu seħħew, bħall-istruttura tas-suq Tork, l-adattament tal-kompetituri ta' Yedaş Tarim fid-diversi swieq ikkonċernati, il-varjazzjonijiet tal-munita nazzjonali u l-konklużjoni ta' ftehim kummerċjali oħra mit-Turkija.

60     Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li d-diffikultajiet ta' l-unità tagħha ta' produzzjoni ta' bolberings tant huma gravi li huma biss ir-riżultati ta' l-unità tagħha ta' importazzjoni ta' bolberings, kisi tal-krank u ċinturini li jsalvawha minn waqfien mill-attività. Issa r-rikorrenti tesponi li kienet bdiet timmanifattura l-bolberings fl-1993, billi spekulat fuq iż-żamma tal-protezzjoni ta' l-ostakoli doganali u ta' l-għajnuna pubblika, meta l-ħolqien ta' unjoni doganali kienet prevista mit-12 ta' Settembru 1963, id-data li fiha ġie ffirmat il-Ftehim ta' Ankara. Barra minn hekk, il-Protokoll addizzjonali ta' l-1970 kien stabbilixxa kalendarju ta' l-azzjonijiet li kellhom jittieħdu matul perijodu tranżitorju ta' 22 sena li kellu jippreċedi d-dħul fis-seħħ ta' l-unjoni doganali. Minkejja l-prokrastinazzjoni li ġab miegħu il-passaġġ għal din l-aħħar fażi, id-diffikultajiet ta' l-unità ta' produzzjoni tar-rikorrenti għaldaqstant jirriżultaw minn riskju li hija kkunsidrat li setgħet tieħu billi tistrieħ fuq iż-żamma ta' sitwazzjoni li t-Turkija stess xtaqet tara tevolvi. B'dan il-mod, hija r-rikorrenti stess li hija l-kawża tad-dannu tagħha, u b'hekk hija kisret ir-rabta kawżali bejn l-aġir illegali u l-imsemmi dannu.

61     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li r-rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat hija nieqsa f'din il-kawża.

 Konklużjonijiet

62     Skond il-ġurisprudenza, meta waħda mill-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, enumerati fil-punt 34 iktar 'il fuq, ma tiġix sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet oħra ta' l-imsemmija responsabbiltà (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra p. I‑4199, punt 81; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra p. II‑515, punt 37; tad-19 ta' Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs Il-Kummissjoni, T‑273/01, Ġabra p. II‑1093, punt 23, u EnBW Kernkraft vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar 'il fuq, punt 85). Issa f'din il-kawża, huwa stabbilit li r-rikors ma jissodisfax tnejn mill-kundizzjonijiet fuq imsemmija.

63     Minn dan isegwi li l-preżenti rikors għandu jiġi miċħud, mingħajr mhuwa neċessarju la li tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà dedotta, mill-konvenuti, mill-Artikolu 46 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas li tiġi ordnata miżura istruttorja mitluba mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

64     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-konvenuti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija fil-Qorti fil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta' Marzu 2006.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.