Language of document : ECLI:EU:C:2020:585

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

16 ta’ Lulju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament (UE) 2015/848 – Artikolu 3 – Ġurisdizzjoni internazzjonali – Ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur – Persuna fiżika li ma teżerċitax professjoni liberali jew attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha – Preżunzjoni konfutabbli skont liema ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din il-persuna huwa r-residenza abitwali tagħha – Ikkonfutar tal-preżunzjoni – Sitwazzjoni li fiha l-unika proprjetà immobbli tad-debitur tinsab barra l-Istat Membru ta’ residenza abitwali”

Fil-Kawża C‑253/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal da Relação de Guimarães (il-Qorti tal-Appell ta’ Guimarães, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura

MH,

NI

vs

OJ,

Novo Banco SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, P. Lacerda, P. Barros da Costa u L. Medeiros, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, MH u NI u, min-naħa l-oħra, OJ u Novo Banco SA, dwar talba għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza ppreżentata minn MH u NI.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000

3        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191), tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament 2015/848. Il-premessa 13 tiegħu kienet tistipula:

“Iċ-‘ċentru prinċipali ta’ interessi’ [‘ċentru tal-interessi prinċipali’] għandu jikkoresspondi mal-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni ta’ l-interessi tiegħu fuq bażi regolari u huwa għalhekk aċċertabbli minn partijiet terzi.”

4        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 kien jipprovdi:

“Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.”

 Ir-Regolament 2015/848

5        Il-premessi 5, 23 u 27 sa 34 tar-Regolament 2015/848 jistipulaw:

“(5)      Biex is-suq intern jiffunzjona sew, hu neċessarju li jiġu evitati inċentivi għall-partijiet biex jittrasferixxu assi jew proċedimenti ġudizzjarji minn Stat Membru għall-ieħor, bil-ħsieb li jiksbu pożizzjoni legali aktar favorevoli għad-detriment tal-korp ġenerali tal-kredituri (forum shopping).

[…]

(23)      Dan ir-Regolament jawtorizza l-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza li jinbdew fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu ċ-ċentru prinċipali tal-interessi [iċ-ċentru tal-interessi prinċipali] tiegħu. Dawk il-proċedimenti għandhom ambitu universali u huma mmirati li jkopru l-assi kollha tad-debitur. Sabiex tiġi protetta d-diversità ta’ interessi, dan ir-Regolament jippermetti proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza li jinfetħu sabiex jimxu flimkien mal-proċedimenti prinċipali. Proċedimenti sekondarji jistgħu jinfetħu fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu stabbiliment. L-effetti ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza huma limitati għall-assi li jinsabu f’dak l-Istat. Regoli mandatorji ta’ koordinazzjoni mal-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza jissodisfaw il-ħtieġa ta’ unità fl-Unjoni.

[…]

(27)      Qabel il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, il-qorti kompetenti għandha teżamina fuq inizjattiva tagħha jekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali jew l-istabbiliment tad-debitur jinsabx effettivament fil-ġurisdizzjoni tagħha.

(28)      Meta jkun qed jiġi determinat jekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jistax jiġi aċċertat minn partijiet terzi, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-kredituri u l-perċezzjoni tagħhom dwar fejn debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu. […]

(29)      Dan ir-Regolament għandu jkun fih għadd ta’ salvagwardji bil-għan li jiġi evitat ‘forum shopping’ frodulenti jew abbużiv.

(30)      Għaldaqstant, il-preżunzjonijiet li l-uffiċċju reġistrat, il-post prinċipali tan-negozju u r-residenza abitwali huma ċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandhom ikunu konfutabbli, u l-qorti rilevanti ta’ Stat Membru għandha tivvaluta bir-reqqa jekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jinsabx ġenwinament f’dak l-Istat Membru. Fil-każ ta’ kumpanija, għandu jkun possibbli li din il-preżunzjoni tiġi kkontestata jekk l-amministrazzjoni ċentrali tal-kumpanija tkun tinsab fi Stat Membru minbarra dak li ma jkunx tal-uffiċċju rreġistrat tagħha, u fejn valutazzjoni komprensiva tal-fatturi rilevanti kollha tistabbilixxi, b’mod li jkun jista’ jiġi aċċertat minn partijiet terzi, li ċ-ċentru attwali ta’ tmexxija u superviżjoni tal-kumpanija u tat-tmexxija tal-interessi tagħha jinsab f’dak l-Istat Membru l-ieħor. Fil-każ ta’ individwu li ma jeżerċitax negozju indipendenti jew attività professjonali, għandu jkun possibbli li din il-preżunzjoni tiġi kkontestata pereżempju jekk il-parti l-kbira tal-assi tad-debitur tkun tinsab barra l-Istat Membru tar-residenza abitwali tad-debitur, jew jekk ikun jista’ jiġi stabbilit li r-raġuni ewlenija għaċ-ċaqliq kienet li jagħmel rikors għall-proċedimenti ta’ insolvenza fil-ġurisdizzjoni l-ġdida u jekk dan ir-rikors ikunx ta’ ħsara materjali għall-interessi tal-kredituri li n-negozju tagħhom mad-debitur ikun seħħ qabel ir-rilokazzjoni.

(31)      Bl-istess objettiv tal-prevenzjoni ta’ ‘forum shopping’ frodulenti jew abbużiv, il-preżunzjoni li ċentru tal-interessi prinċipali huwa fil-post tal-uffiċċju rreġistrat, il-post prinċipali tal-individwu ta’ negozju jew residenza abitwali tal-individwu, ma għandhomx japplikaw meta, rispettivament, fil-każ ta’ kumpanija, persuna ġuridika jew individwu li jeżerċita negozju indipendenti jew attività professjonali, id-debitur ikun irriloka l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jew il-post prinċipali tan-negozju għal Stat Membru ieħor f’perjodu ta’ tliet xhur qabel it-talba biex jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza, jew, fil-każ ta’ individwu li ma jeżerċitax negozju indipendenti jew attività professjonali, id-debitur ikun irriloka r-residenza abitwali tiegħu għal Stat Membru ieħor f’perjodu ta’ sitt xhur qabel it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.

(32)      Fil-każijiet kollha, fejn iċ-ċirkostanzi tal-każ jagħtu lok għal dubju rigward il-ġurisdizzjoni tal-qorti, il-qorti għandha titlob lid-debitur iressaq evidenza addizzjonali biex jappoġġa dak li qed isostni u, fejn il-liġi applikabbli għall-proċedimenti ta’ insolvenza tippermetti dan, tagħti lill-kredituri tad-debitur l-opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni.

(33)      Fil-każ li l-qorti invokata bit-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza issib li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ma jinsabx fit-territorju tagħha, din ma għandhiex tiftaħ proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza.

(34)      Barra minn hekk, kwalunkwe kreditur tad-debitur għandu jkollu rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni biex tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza. Il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe kontestazzjoni għad-deċiżjoni biex tiftaħ proċedimenti ta’ insolvenza għandhom jiġu rregolati mid-dritt nazzjonali.”

6        L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni biex jiftħu l-proċedimenti tal-insolvenza (‘il-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza’). Iċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun il-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari u li jista’ jiġi aċċertat minn partijiet terzi.

Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-preżunzjoni tkun li l-post tal-uffiċċju rreġistrat ikun iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja. Dik il-preżunzjoni għandha tapplika biss jekk l-uffiċċju rreġistrat ma jkunx iċċaqlaq għal Stat Membru ieħor fi żmien perjodu ta’ tliet xhur qabel it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.

Fil-każ ta’ individwu li qed jeżerċita attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun preżunt li hu l-post prinċipali tan-negozju ta’ dak l-individwu fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja. Dik il-preżunzjoni għandha tapplika biss jekk il-post prinċipali tan-negozju ta’ dak l-individwu ma jkunx iċċaqlaq għal Stat Membru ieħor fi żmien perjodu ta’ 3 xhur qabel it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.

Fil-każ ta’ kwalunkwe individwu ieħor, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun preżunt li hu l-post tar-residenza abitwali tal-individwu fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja. Din il-preżunzjoni għandha tapplika biss jekk ir-residenza abitwali ma tkunx iċċaqilqet għal Stat Membru ieħor fi żmien perjodu ta’ sitt xhur qabel it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.”

7        Skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament:

“Qorti li tiġi invokata bit-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza għandha teżamina ex ufficio jekk għandhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3. Is-sentenza li tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza għandha tispeċifika r-raġunijiet fuq xiex tkun ibbażata l-ġurisdizzjoni tal-qorti, u, b’mod partikolari, jekk il-ġurisdizzjoni tkunx ibbażata fuq l-Artikolu 3(1) jew (2).”

8        L-Artikolu 7(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Ħlief fejn ipprovdut b’ mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ insolvenza u l-effetti tagħhom għandha tkun dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, (l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’).”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Il-konjuġi MH u NI, li mis-sena 2016 jirrisjedu f’Norfolk (ir-Renju Unit) fejn jeżerċitaw attività bħala persuni impjegati, talbu lill-qrati Portugiżi l-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza fil-konfront tagħhom. Il-qorti tal-ewwel istanza adita ddikjarat lilha nnifisha bħala li ma għandhiex ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tisma’ din it-talba, għar-raġuni li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien ir-residenza abitwali tagħhom, li kienet tinsab fir-Renju Unit, u li, għaldaqstant, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar kellhom ġurisdizzjoni sabiex jiftħu l-proċeduri ta’ insolvenza.

10      MH u NI appellaw mis-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza quddiem il-qorti tar-rinviju, billi argumentaw li din is-sentenza kienet ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tar-regoli stabbiliti mir-Regolament 2015/848. Fil-fatt, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħhom ma kienx ir-residenza abitwali tagħhom, fir-Renju Unit, iżda kien pjuttost il-Portugall, Stat Membru li fih hemm l-unika proprjetà immobbli li huma proprjetarji tagħha u fejn saru t-tranżazzjonijiet kollha u konklużi l-kuntratti kollha li wasslu għas-sitwazzjoni ta’ insolvenza tagħhom. Barra minn hekk, ma teżisti l-ebda rabta bejn il-post ta’ residenza abitwali tagħhom u l-fatti li wasslu għall-insolvenza tagħhom, li seħħew kollha kemm huma fil-Portugall. MH u NI jitolbu għaldaqstant li l-qrati Portugiżi jkunu rrikonoxxuti bħala li għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali.

11      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 u, b’mod iktar partikolari, dwar il-kriterji sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni sempliċi prevista f’din id-dispożizzjoni għall-persuni fiżiċi li ma jeżerċitawx professjoni liberali jew attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha.

12      Fil-fatt, din il-qorti tirrileva li l-premessa 30 tal-imsemmi regolament tesponi li, fil-każ ta’ dawn il-persuni fiżiċi, għandu jkun possibbli li din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata, pereżempju jekk il-parti l-kbira tal-assi tad-debitur tkun tinsab barra l-Istat Membru tar-residenza abitwali tad-debitur.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal da Relação de Guimarães (il-Qorti tal-Appell ta’ Guimarães, il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Fil-kuntest tar-Regolament [2015/848], il-qorti ta’ Stat Membru għandha ġurisdizzjoni tipproċedi għall-ftuħ ta’ proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza ta’ ċittadin li hemm għandu l-uniku proprjetà immobbli tiegħu, minkejja li għandu r-residenza abitwali tiegħu, flimkien mal-familja tiegħu, fi Stat Membru ieħor, fejn jinsab impjegat b’remunerazzjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

14      Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-preżunzjoni li huwa jipprevedi sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali għall-finijiet tal-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza, skont liema ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ persuna fiżika li ma teżerċitax professjoni liberali jew attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha huwa r-residenza abitwali tagħha, hija kkonfutata bis-sempliċi fatt li l-unika proprjetà immobbli ta’ din il-persuna tinsab barra l-Istat Membru ta’ residenza abitwali.

15      Bħalma jsegwi mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, il-kriterju ġenerali ta’ rabta sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali għall-finijiet tal-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza huwa ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur. Fil-każ partikolari li d-debitur huwa persuna fiżika li ma teżerċitax professjonali liberali jew attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi preżunjoni konfutabbli skont liema ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din il-persuna huwa r-residenza abitwali tagħha.

16      Sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, fl-ewwel lok, għandhom jiġu ppreċiżati s-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali”, fis-sens tal-imsemmi regolament.

17      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqiesu l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Interedil, C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Għaldaqstant, peress li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 ma jinkludi ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, il-kunċetti li jinsabu fih għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi. B’mod partikolari, peress li l-kunċett ta’ “ċentru ta’ l-interessi prinċipali” huwa partikolari għal dan ir-regolament, dan għandu jiġi interpretat b’mod uniformi u indipendenti mil-liġijiet nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Interedil, C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, dwar il-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali” li jinsab fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, li l-portata ta’ dan il-kunċett hija ċċarata bil-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, li tindika li “[i]ċ-‘ċentru prinċipali ta’ interessi’ [‘ċentru tal-interessi prinċipali’] għandu jikkoresspondi mal-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni ta’ l-interessi tiegħu fuq bażi regolari u huwa għalhekk aċċertabbli minn partijiet terzi”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan li minn din id-definizzjoni jsegwi li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jiġi identifikat skont kriterji kemm oġġettivi kif ukoll aċċertabbli minn terzi. Din l-oġġettività u din il-possibbiltà ta’ verifika minn terzi huma neċessarji sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà dwar id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiftaħ proċeduri prinċipali ta’ insolvenza (digriet tal‑24 ta’ Mejju 2016, Leonmobili u Leone, C‑353/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:374, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20      L-istess interpretazzjoni għandha tingħata għad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tal-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali” fis-sens tar-Regolament 2015/848. Fil-fatt, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest ta’ dan ir-regolament li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1346/2000, l-użu ta’ kriterji oġġettivi jibqa’ kruċjali sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tad-determinazzjoni tal-forum li għandu ġurisdizzjoni. Barra minn hekk, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali li jipprevedi r-Regolament 2015/848 huma intiżi li jevitaw, bħalma tistipula l-premessa 5 tiegħu, li l-partijiet ikollhom inċentivi biex jittrasferixxu assi jew proċeduri ġudizzjarji minn Stat Membru għal ieħor, bil-ħsieb li jiksbu pożizzjoni legali iktar favorevoli b’detriment tal-korp ġenerali tal-kredituri.

21      Il-premessa 28 ta’ dan ir-regolament tagħmel ukoll xi preċiżjonijiet utli f’dan ir-rigward, billi tistipula li, meta jkun qiegħed jiġi ddeterminat jekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jistax jiġi aċċertat minn terzi, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-kredituri u l-perċezzjoni tagħhom dwar il-post fejn id-debitur jamministra l-interessi tiegħu. Fil-fatt, l-użu ta’ kriterji oġġettivi li jistgħu jiġu vverifikati minn terzi sabiex jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandu jippermetti li jiġi ddeterminat il-forum li miegħu d-debitur għandu rabta vera u għalhekk li jiġu ssodisfatti t-talbiet leġittimi tal-kredituri.

22      Għaldaqstant, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ debitur għandu jiġi ddeterminat wara evalwazzjoni globali tal-kriterji kollha oġġettivi u aċċertabbli minn terzi, b’mod partikolari mill-kredituri, li jistgħu jiddeterminaw il-post effettiv fejn id-debitur jamministra abitwalment l-interessi tiegħu.

23      It-tielet, mill-kliem stess tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 jsegwi li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti japplikaw ukoll b’mod indistint għal kull debitur, irrispettivament minn jekk humiex kumpanniji, persuni ġuridiċi jew persuni fiżiċi. Dan il-kriterju ġenerali ta’ rabta sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali għall-finijiet tal-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza kif ukoll l-approċċ ibbażat fuq kriterji oġġettivi u aċċertabbli minn terzi li għandu jiġi adottat sabiex jiġi applikat, japplika għalhekk a fortiori għall-persuni fiżiċi li ma jeżerċitawx professjoni liberali jew attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha.

24      Dan ingħad, għandu jiġi ppreċiżat, bħalma rrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 u 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ persuna fiżika li ma teżerċitax professjoni liberali jew attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha huma dawk relatati mas-sitwazzjoni patrimonjali u ekonomika tagħha, li jikkorrispondi mal-post fejn din il-persuna tamministra l-interessi ekonomiċi tagħha u fejn hija tagħmel u tonfoq il-maġġoranza tad-dħul tagħha, jew anki l-post fejn għandha l-maġġoranza tal-assi tagħha.

25      Fit-tieni lok, għandha tiġi ppreċiżata l-portata tal-preżunzjoni stipulata fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848. Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li persuna fiżika li ma teżerċitax professjoni liberali jew attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha hija preżunta, sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja, li tamministra abitwalment l-interessi tagħha fil-post tar-residenza abitwali tagħha, għaliex teżisti probabbiltà kbira li dan il-post jikkorrispondi maċ-ċentru tal-interessi ekonomiċi prinċipali tagħha. Minn dan jirriżulta li, sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja, il-qrati tal-Istat Membru fejn hemm din ir-residenza għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiftħu proċeduri ta’ insolvenza fil-konfront tal-imsemmija persuna fiżika.

26      Madankollu, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 jipprevedi li din il-preżunzjoni tapplika biss sakemm ikun hemm prova kuntrarja, u l-premessa 30 ta’ dan ir-regolament tippreċiża li għandu jkun possibbli li l-imsemmija preżunjoni tiġi kkonfutata, pereżempju jekk il-parti l-kbira tal-assi tad-debitur tkun tinsab barra l-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, jew jekk jista’ jiġi stabbilit li r-raġuni prinċipali taċ-ċaqliq tiegħu kienet li jiftaħ proċeduri ta’ insolvenza fil-qorti l-ġdida u jekk il-ftuħ ta’ dawn il-proċeduri jista’ jkun ta’ ħsara serja għall-interessi tal-kredituri li r-relazzjonijiet tagħhom mad-debitur ikunu bdew qabel iċ-ċaqliq.

27      Xorta jibqa’, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, li s-sempliċi fatt li jkunu ssodisfatti ċirkustanzi msemmija f’din il-premessa ma jistax ikun biżżejjed sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni stipulata fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848.

28      Fil-fatt, minkejja li l-post tal-assi tad-debitur jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji oġġettivi u aċċertabbli minn terzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-post fejn id-debitur jamministra abitwalment l-interessi tiegħu, din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata biss wara evalwazzjoni globali ta’ dawn il-kriterji kollha. Minn dan isegwi li l-fatt li l-unika proprjetà immobbli ta’ persuna fiżika li ma teżerċitax professjoni liberali jew attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha tinsab barra l-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, ma jistax ikun biżżejjed, waħdu, sabiex jikkonfuta l-imsemmija preżunzjoni.

29      F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jargumentaw barra minn hekk quddiem il-qorti tar-rinviju li l-Portugall mhux biss huwa l-Istat Membru fejn hemm l-unika proprjetà immobbli iżda wkoll dak fejn saru t-tranżazzjonijiet u ġew konklużi l-kuntratti li wasslu għas-sitwazzjoni ta’ insolvenza tagħhom.

30      F’dan ir-rigward, minkejja li l-kawża tas-sitwazzjoni ta’ insolvenza ma hijiex, bħala tali, element rilevanti għad-determinazzjoni taċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ persuna fiżika li ma teżerċitax professjoni liberali jew attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha, madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha oġġettivi u aċċertabbli minn terzi li huma relatati mas-sitwazzjoni patrimonjali u ekonomika tagħha. F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħalma tfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, din is-sitwazzjoni hija lokalizzata fil-post fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jamministraw abitwalment l-interessi ekonomiċi tagħhom u fejn jagħmlu u jonfqu l-maġġoranza tad-dħul tagħhom, jew il-post fejn għandhom il-parti l-kbira tal-assi tagħhom.

31      Fid-dawl tal-elementi preċedenti kollha, ir-risposta tad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-preżunzjoni li jipprevedu sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali għall-finijiet tal-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza, skont liema ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ persuna fiżika li ma teżerċitax professjoni liberali jew attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha huwa r-residenza abitwali tagħha, ma hijiex ikkonfutata bis-sempliċi fatt li l-unika proprjetà immobbli ta’ din il-persuna tinsab barra l-Istat Membru ta’ residenza abitwali.

 Fuq l-ispejjeż

32      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-preżunzjoni li jipprevedu sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali għall-finijiet tal-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza, skont liema ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ persuna fiżika li ma teżerċitax professjoni liberali jew attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha huwa r-residenza abitwali tagħha, ma hijiex ikkonfutata bis-sempliċi fatt li l-unika proprjetà immobbli ta’ din il-persuna tinsab barra l-Istat Membru ta’ residenza abitwali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.