Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Općinski građanski sud u Zagrebu (il-Kroazja) fid-29 ta’ Ottubru 2020 – A. H. vs Zagrebačka banka d.d.

(Kawża C-567/20)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Qorti tar-rinviju

Općinski građanski sud u Zagrebu

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A. H.

Konvenut: Zagrebačka banka d.d.

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 , kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza Dunai (C-118/17, EU:C:2019:207), għandhom jiġu interpretati fis-sens li intervent leġiżlattiv fir-relazzjonijiet bejn konsumaturi, persuni li jissellfu, u bank, ma jistax jipprekludi lill-konsumaturi mid-dritt li jikkontestaw b’azzjoni ġudizzjarja l-klawżoli tal-kuntratt inizjali jew tal-emenda għall-kuntratt prevista mil-liġi, sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-ħlas lura tal-vantaġġi kollha indebitament miksuba mill-bank għad-detriment tagħhom fuq il-bażi ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti, meta huma, skont intervent leġiżlattiv, ipproċedew volontarjament bl-emenda tar-relazzjoni kuntrattwali inizjali, fuq il-bażi tal-obbligi legali li jimponu fuq il-banek li joffrulhom din il-possibbiltà, u mhux direttament fuq il-bażi ta’ liġi ta’ intervent, bħalma kien il-każ fil-kawża Dunai?

Fil-każ li l-ewwel domanda titlob risposta fl-affermattiv, il-qorti nazzjonali adita bi proċedura bejn żewġ persuni, persuna li tissellef u bank, li ma tistax tinterpreta konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13 id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali, jiġifieri ż-Zakon o izmjenama i dopunama Zakona o potrošačkom kreditiranju (il-Liġi Kroata li Temenda u Tikkompleta l-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumaturi), kif interpretata mill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema, il-Kroazja), tista’ u/jew għandha, skont din id-direttiva u l-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, teskludi l-applikazzjoni ta’ din il-liġi nazzjonali, kif interpretata mill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema)?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 2, p. 288 (Edizzjoni Speċjali bil-Kroat, Kapitolu 15, Vol. 12, p. 24).