Language of document : ECLI:EU:C:2018:621

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fil-25 ta’ Lulju 2018 (1)

Kawża C-56/17

Bahtiyar Fathi

vs

Predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mingħajr deċiżjoni espliċita fuq il-kompetenza tal-Istat Membru – Kunċett ta’ reliġjon – Evalwazzjoni tar-raġunijiet għal persekuzzjoni bbażati fuq ir-reliġjon”






1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), tal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2011/95/UE (3), kif ukoll tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 (4). Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Bahtiyar Fathi u l-Predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite (l-Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem id-“DAB”), dwar iċ-ċaħda minn din tal-aħħar, tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn B. Fathi.

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-kawża prinċipali u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

2.        B. Fathi, ċittadin Iranjan ta’ oriġini Kurda, li twieled fl-20 ta’ Settembru 1981 f’Marivan fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, ippreżenta, fl-1 ta’ Marzu 2016, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem id-DAB, immotivata mill-persekuzzjoni li kien vittma tagħha, minn naħa tal-awtoritajiet Iranjani minħabba raġunijiet reliġjużi. Skont kliemu stess, lejn it-tmiem tal-2008 u l-bidu tal-2009, huwa kkonverta għall-Kristjaneżmu fl-Iran. Huwa kellu fil-pussess tiegħu dixx tas-satellità (antenna parabolika) illegali li biha kien jaqbad l-istazzjon Nisrani pprojbit Nejat TV, u kien ipparteċipa wkoll, darba, bit-telefon, f’xandira televiżiva ta’ dan l-istazzjon. F’Settembru 2009, huwa kien inżamm għal għaxart’ijiem mis-servizzi sigrieti Iranjani u interrogat dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fix-xandira televiżiva diretta. Waqt id-detenzjoni tiegħu, huwa ġie mġiegħel jammetti li kien ikkonverta għall-Kristjaneżmu. Fl-2006, huwa mar lejn l-Ingilterra. F’Ġunju 2012, huwa telaq illegalment mill-Iran lejn l-Iraq, fejn baqa’ sat-tmiem tal-2015, fejn kien qed jirresjedi bħala applikant għal ażil. Waqt ir-residenza tiegħu, huwa indirizza ruħu quddiem il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), iżda, fin-nuqqas ta’ dokument ta’ identità, huwa ma kien is-suġġett ta’ ebda deċiżjoni min-naħa ta’ dan l-organu. Fir-rigward tal-konverżjoni tiegħu għall-Kristjaneżmu, ir-rikorrent sostna li dan kien proċess twil li rriżulta minn laqgħat ma’ xi nsara fl-Ingilterra, u mill-fatt li kien jara t-televiżjoni nisranija, u li ġie mgħammed bejn it-tmien tal-2008 u l-2009, iktar preċiżament fix-xahar ta’ Mejju, fi knisja f’dar f’Tehran. Huwa sostna li kien żamm relazzjonijiet ma’ nsara oħra fl-Iran, waqt “meetings” f’Tehran fejn kienu jingabru madwar tnax-il persuna. Huwa jiddefinixxi ruħu bħala “nisrani normali, inklinat lejn il-protestantiżmu”. Wara li ġie arrestat mill-awtoritajiet Iranjani, huwa kien żamm il-kuntatt ma’ xi nsara. Minħabba n-nuqqas ta’ possibbiltajiet finanzjarji, huwa telaq mill-Iran fl-2012. Wara li telaq, is-servizzi sigrieti fittxewh, u qalu lill-missieru li xtaqu sempliċiment jinterrogawh u li ma kien ikun hem l-ebda problema jekk imur lura. Waqt l-intervista personali tiegħu quddiem l-amministrazzjoni Bulgara, B. Fathi pproduċa ittra ta’ Nejat TV, tad-29 ta’ Novembru 2012 (5).

3.        L-applikazzjoni ta’ B. Fathi ġiet irrifjutata b’deċiżjoni tad-Direttur tad-DAB tal-20 ta’ Ġunju 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad-DAB”). F’din id-deċiżjoni, id-dikjarazzjonijiet ta’ B. Fathi kienu ġew ikkunsidrati bħala vvizzjati b’kontradizzjonijiet sinjifikattivi u l-istorja kollha tiegħu ġiet meqjusa bħala improbabbli. Id-dokument maħruġ minn Nejat TV tad-29 ta’ Novembru 2012 ġie, konsegwentement, imwarrab bħala falz. B’mod partikolari, id-Direttur tad-DAB ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li, mill-arrest tiegħu fl-2009 u sat-tluq tiegħu mill-Iran, fl-2012, B. Fathi ma kien is-suġġett ta’ ebda att ta’ persekuzzjoni. Id-deċiżjoni tad-DAB ikkonkludiet li ma kienx hemm kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat abbażi tal-Artikolu 8 taż-zakon za ubezhishteto i bezhantsite (il-Liġi fuq l-Ażil u fuq ir-Refuġjati, iktar ’il quddiem iż-“ZUB”) jew tal-istatus umanitarju, konformement mal-Artikolu 9 taż-ZUB (6).

4.        B. Fathi ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tad-DAB quddiem il-qorti tar-rinviju, li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 604/2013, interpretat flimkien mal-premessa 12 u mal-Artikolu 17 tar-Regolament, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tippermetti li Stat Membru jadotta deċiżjoni li tikkostitwixxi eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament, ippreżentata fl-imsemmi Stat Membru, mingħajr ma tkun adottata deċiżjoni espliċita dwar ir-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru konformement mal-kriterji tar-Regolament, f’sitwazzjoni fejn ebda element tal-każ ineżami ma jagħti lok għall-applikazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 17 tar-Regolament?

2)      Mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 604/2013, interpretat flimkien mal-premessa 54 tad-Direttiva 2013/32, jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li tikkonċerna applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-istess regolament, f’sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm lok li tiġi applikata deroga prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament, hija meħtieġa l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Istat Membru jaċċetta li jeżamina l-applikazzjoni konformement mal-kriterji tar-Regolament, liema deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq il-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament japplikaw għall-applikant?

3)      L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fi proċedura ta’ rimedju ġudizzjarju kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, il-qorti għandha tevalwa, konformement mal-premessa 54 tad-Direttiva, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 604/2013 japplikawx għall-applikant, f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru ma adottax deċiżjoni espliċita dwar ir-responsabbiltà tiegħu sabiex jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali konformement mal-kriterji tar-Regolament? Fuq il-bażi tal-premessa 54 tad-Direttiva 2013/32, għandu jitqies li, fl-assenza ta’ elementi li jagħtu lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 604/2013, u f’sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kienet ġiet eżaminata mill-Istat Membru li quddiemu kienet tressqet fuq il-bażi tad-Direttiva 2011/95, is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament anki meta l-imsemmi Stat Membru ma jkunx adotta deċiżjoni espliċita dwar ir-responsabbiltà tiegħu konformement mal-kriterji tar-Regolament?

4)      Mill-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jeżistu raġunijiet ta’ persekuzzjoni bbażati fuq ir-“reliġjon” meta l-applikant la jkun ippreżenta dikjarazzjoni u lanqas dokumenti li jikkonċernaw l-elementi kollha koperti mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ reliġjon fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u li għandhom importanza fundamentali sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna kkonċernata hijiex affiljata ma’ reliġjon partikolari?

5)      Mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li jeżistu raġunijiet ta’ persekuzzjoni bbażati fuq ir-reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva, meta, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-applikant jallega li huwa s-suġġett ta’ persekuzzjoni minħabba r-reliġjon tiegħu, iżda ma jipprovdi ebda dikjarazzjoni u ebda prova fir-rigward taċ-ċirkustanzi karatteristiċi tal-affiljament ta’ persuna ma’ reliġjon partikolari u li jistgħu jikkostitwixxu raġuni sabiex wieħed iqis li l-persuna li hija s-suġġett ta’ persekuzzjoni hija affiljata ma’ din ir-relġjon, ċirkustanzi li jinkludu dawk marbuta mal-fatt li wieħed iwettaq jew jastjeni milli jwettaq ċerti atti reliġjużi u mal-espressjoni ta’ twemmin reliġjuż, jew mal-mod kif wieħed jaġixxi b’mod individwali jew soċjali bbażat fuq twemmin reliġjuż jew impost minn dan it-twemmin?

6)      Mill-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95, interpretat flimkien mal-Artikoli 18 u 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u mill-kunċett ta’ reliġjon fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva, jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali:

a)      il-kunċett ta’ reliġjon fis-sens tad-dritt tal-Unjoni jeskludi l-aġir li jikkostitwixxi ksur tad-dritt kriminali nazzjonali tal-Istati Membri? Tali aġir li jikkostitwixxi ksur tad-dritt kriminali fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant jista’ jikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni?

b)      Fil-kuntest tal-projbizzjoni ta’ proselitiżmu u tal-projbizzjoni ta’ atti li jmorru kontra r-reliġjon li fuqha huma bbażati l-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, għandhom jitqiesu li huma legali restrizzjonijiet previsti sabiex jitħarsu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor u sabiex jitħares l-ordni pubbliku ta’ dan il-pajjiż? F’sitwazzjoni fejn il-ksur tal-projbizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huwa punit bil-piena kapitali, l-eżistenza stess ta’ dawn il-projbizzjonijiet tikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija tad-Direttiva, anki f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni ma tagħmilx riferiment espliċitu għal reliġjon partikolari?

7)      Mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95, interpretat flimkien mal-Artikolu 4(5)(b) tad-Direttiva, mal-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi għandha tkun ibbażata esklużivament fuq id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti prodotti mill-applikant, iżda li jista’ jkun rikjest li jiġu ssostanzjati l-elementi neqsin, li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ reliġjon fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, f’sitwazzjoni fejn:

–        mingħajr din l-informazzjoni, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkollha tiġi miċħuda bħala infondata fis-sens tal-Artikolu 32, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 31(8)(e), tad-Direttiva 2013/32, u

–        id-dritt nazzjonali jirrikjedi li l-awtorità kompetenti tistabbilixxi l-fatti rilevanti kollha għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u fejn il-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut hija meħtieġa tindika li l-persuna kkonċernat la invokat u lanqas ipproduċiet provi?”

5.        Il-Gvern tal-Ungerija, tal-Polonja, tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja konformement mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

II.    Analiżi

A.      Fuq l-ewwel u t-tieni domandi preliminari

6.        Permezz tal-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu analizzati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħux jeżaminaw, fil-mertu, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Dublin III, mingħajr ma tkun ġiet preċedentement adottata, deċiżjoni espliċita li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-imsemmi Stat Membru sabiex jipproċedi għal tali eżami, fuq il-bażi tal-kriterji previsti mill-imsemmi regolament.

7.        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, […]. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli”.

8.        Il-punti 1, 2, u 3 tal-Artikolu 67a(3) taż-ZUB, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni ta’ B. Fathi, jipprevedu li l-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tinfetaħ “1. Permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità li fi ħdanha seħħew l-intervisti, fil-preżenza ta’ data li tistabbilixxi r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ Stat Membru ieħor; 2. Fuq riferiment mill-Ministeru tal-Intern u mill-Aġenzija Statali ta’ ‘Sigurtà nazzjonali’ li tikkonċerna r-residenza illegali tal-barrani fuq it-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija; 3. Fuq talba ta’ teħid jew ta’ teħid lura tar-responsabbiltà tal-barrani (…)” (7).

9.        Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fil-każ ta’ B. Fathi, ma kienu jeżistu l-ebda mill-motivi previsti fl-Artikolu 67a(2) taż-ZUB u li kien minħabba din ir-raġuni li ma kinitx infetħet proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni u li ma kienet ġiet adottata l-ebda deċiżjoni li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Istat Bulgaru fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III.

10.      Dan il-qorti tistaqsi jekk dan ir-regolament japplikax biss għall-proċeduri ta’ trasferiment tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jew jekk jimponix, f’kull każ, fuq l-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni, li jippreċiża, permezz ta’ deċiżjoni formali, fuq il-bażi ta’ liema kriterji huwa jqis ruħu responsabbli sabiex jipproċedi għal tali eżami.

11.      Skont il-qorti msemmija, fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni, il-kwistjoni jekk applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali partikolari taqax taħt ir-Regolament Dublin III ma tkunx ġiet deċiża.

12.      Qabel kollox nosserva li din il-konklużjoni ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, korretta. Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Dublin III, dan “jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida”. Konformement mal-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament, “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” hija, għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95/UE”, jiġifieri, skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, “talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha”.

13.      Issa, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-applikazzjoni ta’ B. Fathi miċħuda mid-DAB għandha titqies bħala intiża sabiex jiġi rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1 tat-Taqsima A tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati [iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 u li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”] (8) jew l-istatus umanitarju fuq il-bażi tal-Artikolu 9 taż-ZUB, li jikkorrispondi għall-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja prevista mid-Direttiva 2011/95.

14.      Għaldaqstant, din l-applikazzjoni taqa’ taħt id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95 u, konsegwentement, taħt dik li hemm fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Dublin III. Għaldaqstant, l-imsemmija applikazzjoni, li ġiet ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz fil-Bulgarija, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, hekk kif iddefinit mill-Artikolu 1 tiegħu. Il-kwistjoni jekk l-Istat Membru li ħa responsabbiltà għall-eżami fil-mertu tiegħu, applikax jew le l-kriterji previsti mill-imsemmi regolament sabiex jistabbilixxi r-responsabbiltà tiegħu stess sabiex jipproċedi għal tali eżami ma tgawdi, f’dan il-każ, minn ebda rilevanza.

15.      Bl-istess mod, għandha titwarrab l-interpretazzjoni ssuġġerita mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li r-Regolament Dublin III japplika biss meta jkun previst it-trasferiment tal-applikant lejn Stat Membru ieħor. Fil-fatt, kemm mill-għan kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tiegħu jirriżulta li l-imsemmi regolament huwa intiż sabiex japplika malli tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’wieħed mill-Istati Membri, indipendentement mill-kwistjoni jekk, diġà fil-fażi tal-preżentata ta’ tali applikazzjoni, jirriżultax li iktar minn Stat Membru wieħed jista’ jitqies bħala responsabbli għall-eżami tagħha (9).

16.      Madankollu, għandu jitfakkar li r-Regolament Dublin III għandu bħala għan, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jistabbilixxi metodu ċar u operazzjonali, ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ekwi kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati, li jippermetti determinazzjoni rapida tal-Istat Membru responsabbli biex jiggarantixxi aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u li ma jikkompromettix l-għan ta’ ħeffa fit-trattament tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jiggarantixxi, skont il-premessa 19 tal-imsemmi regolament, rimedju effettiv stabbilit mill-imsemmi regolament kontra deċiżjonijiet ta’ trasferiment (10). Is-sistema stabbilita mir-Regolament Dublin III hija bbażata fuq il-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 3(1) tiegħu, li jipprovdi li Stat Membru wieħed għandu jkun kompetenti sabiex jeżamina l-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ applikant, minkejja l-fatt li dan ikun ippreżenta applikazzjoni f’diversi Stati Membri, fejn l-għan ta’ din ir-regola huwa li tippromwovi l-effettività tas-sistema, billi tiskoraġġixxi l-“forum shopping” minn naħa tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u ċ-ċaqliq sekondarju ġewwa l-Unjoni.

17.      Il-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III jipprevedi proċeduri ta’ teħid u ta’ teħid lura tar-responsabbiltà tal-applikant fil-każ fejn l-Istat Membru li jipproċedi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jqis li Stat Membru ieħor huwa kompetenti sabiex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti mill-imsemmi regolament. Fil-każ fejn dawn il-proċeduri jinbdew, u wara li l-Istat Membru rikjest ikun aċċetta impliċitament jew espliċitament li jieħu jew li jieħu lura r-responsabbiltà tal-applikant (11), dan jirċievi notifika ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment lejn dan l-Istat Membru, li dan ikun jista’ jikkontestaha abbażi tal-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III.

18.      Bil-kontra, dan ir-regolament ma jipprevedi l-ebda proċedura partikolari fil-każ fejn l-Istat Membru li jkun ipproċeda għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jasal għall-konklużjoni li huwa stess ikun kompetenti, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti mill-imsemmi regolament, sabiex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għalkemm mid-dritt għall-informazzjoni tal-applikant, irrikonoxxut mill-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III jirriżulta li dan għandu, f’kull każ, jirċievi komunikazzjoni mill-Istat Membru li ser jipproċedi għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, malli dan l-Istat jiġi ddeterminat, kif ukoll ir-raġunijiet li waslu għal tali ħatra (12), min-naħa l-oħra, dan ir-regolament ma jimponix fuq l-Istat Membru li pproċeda għal tali determinazzjoni li jadotta u jinnotifika lill-applikant b’deċiżjoni formali fil-każ fejn il-kriterji tar-Regolament Dublin III jindikawh bħala l-Istat Membru responsabbli.

19.      Minkejja dan, għandu jiġi enfasizzat li huwa biss permezz tal-applikazzjoni tal-kriterji obbligatorji u ġerarkiċi stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 15 tar-Regolament Dublin III jew ta’ dak li jipprevedi lill-persuni dipendenti stabbilit fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, jew, ukoll billi tiġi attivata l-klawżola diskrezzjonali prevista mill-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament (13), li Stat Membru jista’ jistabbilixxi l-kompetenza tiegħu stess sabiex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tressqet quddiemu fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-istess regolament. Għaldaqstant, l-eżami fil-mertu ta’ tali applikazzjoni jimplika dejjem it-teħid ta’ pożizzjoni minn qabel tal-Istat Membru li jipproċedi għal tali eżami fir-rigward tar-raġunijiet għat-teħid tar-responsabbiltà tal-applikant minnu.

20.      Il-qorti tar-rinviju tispjega n-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni formali mill-awtoritajiet Bulgari fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Bulgarija għall-eżami ta’ B. Fathi permezz tal-Artikolu 67 taż-ZUB, li jimponi l-ftuħ ta’ proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biss meta jkunu jeżistu xi elementi li jwasslu biex jitqies li Stat Membru ieħor jista’ jitqies bħala responsabbli fuq il-bażi tar-Regolament Dublin III. Għaldaqstant, mid-digriet tar-rinviju bl-ebda mod ma jirriżulta li l-awtoritajiet Bulgari ma kinux stabbilixxew il-kompetenza tagħhom fuq il-bażi tal-kriterji previsti mir-Regolament Dublin III, wara li eskludew ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru ieħor fin-nuqqas ta’ elementi li jimmilitaw f’dan is-sens (14). Mid-digriet tar-rinviju lanqas ma jirriżulta li B. Fathi ma kienx ġie informat li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu kienet ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet Bulgari u, wisq inqas, li kien ifformula xi oġġezzjoni kontra tali kompetenza.

21.      Barra minn hekk, filwaqt li enfasizzat li r-raġunijiet għalfejn ir-Repubblika tal-Bulgarija ġiet ikkunsidrata bħala l-Istat Membru responsabbli ma humiex magħrufa, il-qorti tar-rinviju eskludiet li kienet ġiet applikata l-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III. Bħala konsegwenza, hija ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu.

22.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma jkun neċessarju li mmur lil hinn bl-analiżi tiegħi, inqis, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofia, il-Bulgarija), meħuda flimkien, għandha tkun fis-sens li Stat Membru li jeżamina fil-mertu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lilu ma huwiex marbut li jadotta, minn qabel, deċiżjoni formali li permezz tagħha jirrikonoxxi r-responsabbiltà tiegħu abbażi tar-Regolament Dublin III sabiex jipproċedi għal tali eżami. Madankollu, dan l-Istat Membru għandu, abbażi tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, jinforma lill-applikant, billi jsegwi l-modalitajiet previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, bil-fatt li l-applikazzjoni tiegħu ser tiġi eżaminata mill-awtoritajiet kompetenti tal-imsemmi Stat Membru, kif ukoll bir-raġunijiet li wasslu sabiex dan jinżamm responsabbli abbażi ta’ dan ir-regolament.

23.      Fir-rigward tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, li dwaru l-partijiet interessati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ħadu pożizzjoni minkejja l-fatt li ma ntalbitx l-interpretazzjoni tiegħu mill-qorti tar-rinviju, ser nillimita ruħi għar-riflessjonijiet li ġejjin, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, madankollu, li tagħti deċiżjoni f’dan ir-rigward.

24.      L-imsemmi artikolu, intitolat “[k]lawsoli diskrezzjonali”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (1) tiegħu, li “[p]ermezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament”. It-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu jippreċiża li “[l]-Istat Membru li jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dan il-paragrafu għandu jsir l-Istat Membru responsabbli u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. Fejn jixraq, huwa għandu jgħarraf, billi juża in-netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika ‘DubliNet’ stabbilita skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1560/2003, lill-Istat Membru li qabel kien responsabbli, l-Istat Membru li jmexxi proċedura biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li kien intalab biex jinkariga ruħu minn, jew biex jieħu lura l-applikant”. Minn naħa tiegħu, it-tielet subparagrafu jippreċiża li “[l]-Istat Membru li jsir responsabbli skont dan il-paragrafu għandu minnufih jindika dak il-fatt fil-Eurodac skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 (15) billi jżid id-data ta’ meta ttieħdet id-deċiżjoni sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni”.

25.      L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jirriproduċi l-klawżola ta’ sovranità li kienet diġà tinsab fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru°343/2003 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin II”) (16) u li l-bażi tagħha tinsab fir-rikonoxximent tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali bħala prerogattiva Statali. Bħall-klawżola umanitarja, prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Dublin II, li issa tinsab fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Dublin III, il-klawżola ta’ sovranità tippreżenta, fis-sistema stabbilita minn dan ir-regolament, element ta’ flessibbiltà importanti, li jagħti lil kull Stat Membru adit b’applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-fakultà sabiex jidderoga mill-prinċipju li jgħid li huwa l-Istat Membru identifikat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti mill-imsemmi regolament li huwa responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni.

26.      Minkejja li l-eżerċizzju ta’ tali fakultà ta’ evokazzjoni ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni partikolari (17) u li, għaldaqstant, il-klawżola ta’ sovranità tista’, bħala prinċipju, tiġi attività permezz ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ kull ordni (18), l-użu tagħha huwa essenzjalment irrikonoxxut minħabba raġunijiet ta’ natura umanitarja u bħala protezzjoni kontra l-fallimenti tas-sistema ta’ Dublin li jistgħu jwasslu għal ksur tad-drittijiet fundamentali tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Taħt din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet, b’mod partikolari wara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) tal-21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (19), li, minkejja n-natura diskrezzjonali tagħha u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija tagħti lill-Istati Membri (20), il-klawżola ta’ sovranità tista’, f’ċerti ċirkustanzi, partikolarment sabiex ma taggravax sitwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-applikant, tkun għall-Istati Membri, mhux sempliċi fakultà ta’ teħid ta’ responsabbiltà minnu, iżda obbligu reali (21).

27.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fir-rigward tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin II li jirrikonoxxi lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali li hija parti integrali mis-sistema Ewropea komuni ta’ ażil prevista mit-Trattat FUE u elaborata mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li din is-setgħa għandha tiġi eżerċitata mill-Istati Membri b’rispett għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmi regolament u għad-dispożizzjonijiet tal-Karta (22). Isegwi li, minkejja – bil-kontra ta’ dak li pprevediet il-Kummissjoni fil-proposta tagħha għar-riforma tar-Regolament Dublin II (iktar ’il quddiem “il-Proposta għal Regolament Dublin III”) (23) – il-kunsens tal-applikant ma huwiex meħtieġ sabiex il-klawżola ta’ sovranità tiġi attivata (24), din il-klawżola ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi applikata bi ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ dan tal-aħħar (25). Għaldaqstant, ma naqbilx mal-opinjoni espressa mill-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li jipprovdu li l-eżerċizzju tal-fakultà ta’ evokazzjoni rrikonoxxuta fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jaqa’ taħt l-evalwazzjoni ħielsa tal-Istati Membri u huwa eżentat minn kwalunkwe stħarriġ tal-qorti.

28.      Minkejja dan, nirrileva li l-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, li, mill-bqija, jirriproduċi kważi kelma b’kelma (26) lil dak tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin II, huma differenti minn dan tal-aħħar fis-sens li tintuża l-espressjoni “jista’ jiddeċiedi li jeżamina” minflok “jista’ jeżamina”. Din l-evoluzzjoni fil-formulazzjoni tal-klawżola ta’ sovranità hija riprodotta fil-bidu tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, li jistabbilixxi: “[l]-Istat Membru li jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dan il-paragrafu għandu jsir l-Istat Membru responsabbli […]” (27). Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, li ma għandux ekwivalenti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin II, jipprevedi li l-Istat Membru li jipproċedi bl-evokazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali huwa marbut li jindika, fis-sistema Eurodac, konformement mar-Regolament Nru°603/2013, id-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni.

29.      Issa, fl-opinjoni tiegħi, dawn l-emendi juru b’mod ċar l-intenzjoni tal-leġiżlatur sabiex jifformalizza l-proċedura ta’ rikors għall-klawżola ta’ sovranità u sabiex jikkjarifika l-modalitajiet tal-attivazzjoni tagħha, hekk kif jirriżulta barra minn hekk mill-Proposta għal Regolament Dublin III (28), liema ħaġa hija spjegata wkoll mill-ħtieġa li jiġi evitat li l-eżerċizzju tal-fakultà ta’ evokazzjoni minn Stat Membru ma jkunx fih diversi proċeduri ta’ eżami u ma jispiċċax sabiex jikkostitwixxi fattur ta’ ineffiċjenza fis-sistema.

30.      Għaldaqstant, jien inklinat sabiex nikkunsidra, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li r-rikors għall-klawżola ta’ sovranità inkluża fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, jirrikjedi minn naħa tal-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jużaha, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni formali f’dan is-sens.

31.      Madankollu, konformement mal-konklużjoni li wasalt għaliha fil-paragrafu 22 iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi, abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Dublin III, l-applikant għandu d-dritt li jiġi informat bl-evokazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali bl-applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, malli l-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jagħmel hekk ikun iddeċieda f’dan is-sens.

B.      Fuq it-tielet domanda preliminari

32.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li l-kontenut tagħha jirriżulta diffiċli sabiex jiġi identifikat, il-qorti tar-rinviju tidher li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk bl-applikazzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, il-qorti adita bir-rikors imressaq mill-applikant għall-protezzjoni internazzjonali kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni tiegħu għandhiex tivverifika ex officio jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III japplikawx għall-imsemmi applikant, f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru li pproċeda bl-eżami tal-applikazzjoni ma jadottax deċiżjoni espliċita fuq ir-responsabbiltà tiegħu sabiex jiddeċiedi fuq l-imsemmija applikazzjoni, konformement mal-kriterji tal-imsemmi regolament, u meta jirriżulta li l-Istat Membru ma jkunx applika l-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament.

33.      Il-qorti tar-rinviju tibda mill-premessa li meta deċiżjoni espliċita ma tkunx ġiet adottata mill-Istat Membru li pproċeda bl-eżami ta’ applikazzjoni ta’ protezzjoni internazzjonali fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji ta’ responsabbiltà tar-Regolament Dublin III, il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk din l-applikazzjoni taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament ma tiġix deċiża. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hijiex marbuta sabiex tipproċedi ex officio bl-eżami ta’ din il-kwistjoni, peress li, skont il-premessa 54 tad-Direttiva 2013/32, din hija intiża sabiex tapplika għall-applikanti li għalihom ir-Regolament Dublin III japplika “flimkien u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament”.

34.      Issa, hekk kif diġà indikajt fil-paragrafu 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali premessa tkun żbaljata, peress li l-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk l-Istat Membru li ħa r-responsabbiltà għall-eżami fil-mertu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Dublin III li tkun ippreżentata lilu, applikax jew le l-kriterji previsti mill-imsemmi regolament sabiex jistabbilixxi r-responsabbiltà tiegħu stess sabiex jipproċedi għal tali eżami għandhiex rilevanza għall-finijiet sabiex isir magħruf jekk din l-applikazzjoni taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III. Fil-każ preżenti, hekk kif enfasizzajt ukoll fil-paragrafi 13 u 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-applikazzjoni ta’ B. Fathi taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, anki fin-nuqqas ta’ deċiżjoni espliċita tal-awtoritajiet Bulgari fir-rigward tar-responsabbiltà tagħhom abbażi tar-Regolament Dublin III għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni.

35.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari tkun fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn l-Istat Membru li pproċeda għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Dublin III, ippreżentata quddiemu, ma adottax deċiżjoni espliċita li tikkonċerna r-responsabbiltà tiegħu abbażi ta’ dan ir-regolament sabiex jiddeċiedi fuq l-imsemmija applikazzjoni u fejn jirriżulta li dan l-Istat Membru ma applikax il-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tal-istess regolament, ma hijiex il-qorti nazzjonali adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-imsemmija applikazzjoni li għandha tivverifika ex officio jekk l-imsemmi regolament japplikax għall-applikant.

36.      Bil-kontra tal-Gvern Ungeriż u tal-Kummissjoni, ma nemminx li t-tielet domanda preliminari tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk hijiex marbuta li tevalwa ex officio l-kwistjoni jekk ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet li pproċedew għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġietx stabbilita b’mod korrett fuq il-bażi tal-kirterji u tar-regoli previsti mir-Regolament Dublin III.

37.      Jekk, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpretaha f’dan is-sens, ser nillimita ruħi sabiex nirrileva li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jżomm distinti l-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli fis-sens tar-Regolament Dublin III u dak tal-eżami fil-mertu tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. B’hekk, minn naħa, skont il-kliem tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament Dublin III, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, “eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” tfisser, “kull eżami ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva [2013/32] u d-Direttiva [2011/95] ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skont [l-imsemmi] Regolament” (29), u min-naħa l-oħra, konformement mal-premessa 53 tad-Direttiva 2013/32, dan ma japplikax għall-proċeduri bejn Stati Membri rregolati mir-Regolament Dublin III.

38.      Għaldaqstant, ma hijiex il-qorti nazzjonali, adita b’rikors kontra deċiżjoni adottata fit-tmiem tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, hekk kif iddefinit fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament Dublin III, li għandha teżamina ex officio jekk il-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli abbażi ta’ dan ir-regolament saritx sew u jekk l-Istat Membru li pproċeda għall-eżami tal-imsemmija applikazzjoni huwiex tassew dak li, bl-applikazzjoni tar-regoli u tal-kriterji previsti mill-imsemmi regolament, kellu jiġi maħtur bħala responsabbli.

C.      Fuq ir-raba’, il-ħames u s-seba’ domanda preliminari

39.      Permezz tar-raba’ u l-ħames domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk tkunx teżisti raġuni għal persekuzzjoni bbażata fuq ir-reliġjon meta d-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumenti mressqa minnu ma jkunux jikkonċernaw l-elementi kollha tal-kunċett ta’ “reliġjon” hekk kif iddefinit mill-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 u, b’mod partikolari, meta tali dikjarazzjonijiet u tali dokumenti ma jkunux jikkonċernaw l-aspetti karatteristiċi ta’ sħubija f’reliġjon, li jistgħu jippermettu lill-atturi preżunti tal-persekuzzjoni sabiex jissopponu li l-applikant huwa affiljat f’din ir-reliġjon. Permezz tas-seba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk, f’tali sitwazzjoni, jistax jiġi rikjest mill-applikant li jipprovdi l-elementi nieqsa, kostituttivi tal-kunċett ta’ “reliġjon” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 meta, mingħajr din l-informazzjoni, l-applikazzjoni tiegħu jkollha tiġi miċħuda bħala infondata.

40.      Konformement mal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 “[l]-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni: […]; b) il-kunċett ta’ reliġjon għandu partikolarment jinkludi t-twemmin teistiku, non-teistiku, u ateistiku, il-parteċipazzjoni fi, jew l-astenzjoni minn, qima formali fil-privat jew fil-pubbliku, jew b’mod individwali jew f’komunità ma’ oħrajn, atti oħra reliġjużi jew espressjonijiet ta’ opinjoni, jew forom ta’ kondotta personali jew kommunali bbażati fuq jew magħmula obbligatorji minn xi twemmin reliġjuż […]”.

41.      Din id-dispożizzjoni tagħti definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “reliġjon”, billi tinkludi t-totalità tal-komponenti tagħha, sew jekk huma pubbliċi jew privati, kollettivi jew individwali (30). Dan il-kunċett, ispirat ħafna mill-istandards imfassla fil-kuntest tad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem (31) u rifless fil-UNHCR (32), ma huwiex limitat għar-reliġjonijiet tradizzjonali, għal dawk li fihom elementi istituzzjonali jew xi prattiċi analogi għal dawk tar-reliġjonijiet tradizzjonali, iżda jkopri kull twemmin jew konvinzjoni reliġjuża, anki dawk minoritarji (33), kif ukoll ir-rifjut li tiġi osservata reliġjon partikolari jew li wieħed ikollu twemmin reliġjuż. Hija tkopri kemm il-fatt innifsu ta’ twemmin reliġjuż, u anki n-nuqqas ta’ kwalunkwe manifestazzjoni esterna ta’ dan, kif ukoll l-espressjoni pubblika ta’ dan it-twemmin, l-osservanza ta’ prattiċi reliġjużi, jew, ukoll, it-tagħlim reliġjuż. Ir-reliġjon hija prevista fih bħala “twemmin”, “identità” jew “stil ta’ ħajja” (34). Dawn it-tliet partijiet tad-definizzjoni jimplikaw rapport tal-persuna lejn ir-reliġjon differenti ħafna. B’hekk, l-ewwel tissoponi l-adeżjoni volontarja f’ċertu numru ta’ prinċipji, filwaqt li r-reliġjon bħala identità, li hija l-bażi ta’ numru kbir ta’ każijiet ta’ persekuzzjoni madwar id-dinja, hija bbażata pjuttost fuq l-eżistenza ta’ rabtiet familjari, kulturali, ta’ etniċità jew ta’ nazzjonalità, li jiddefinixxu l-affiljazzjoni, pjuttost milli l-adeżjoni, ta’ persuna ma’ komunità partikolari. Finalment, bħala stil ta’ ħajja, ir-reliġjon tista’ mhux biss tokkupa rwol spiritwali fil-persuna, iżda tista’ wkoll taffettwa diversi aspetti tal-eżistenza tagħha, billi timponi fuqha regoli ta’ aġir varjati ħafna (talb, riti, ċerimonji, regoli ta’ lbies jew ta’ ikel, tagħlim reliġjuż, konverżjoni, eċċ), li jistgħu jkunu f’kunflitt, ftit jew wisq fil-miftuħ, mal-liġijiet ta’ Stat partikolari (35).

42.      Mill-flessibbiltà tal-kunċett ta’ “reliġjon”, iddefinit fl-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 – li jittraduċi l-isforz tal-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex ikopri, kemm jista’ jkun possibbli, il-faċċati differenti ta’ dan il-kunċett – jirriżulta li ma jistax jiġi rikjest mingħand applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jinvoka riskju ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet marbuta mar-reliġjon li, sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu li jikkonċernaw it-twemmin reliġjuż tiegħu, li jipprovdi xi provi fuq l-elementi kollha tal-imsemmi kunċett. B’mod partikolari, peress li dan il-kunċett ikopri wkoll il-fatt fih innifsu li wieħed ikollu twemmin reliġjuż, ma jistax jiġi rikjest li tali applikant jistabbilixxi t-twettiq, fl-isfera pubblika, ta’ atti marbuta mal-imsemmi twemmin jew imposti minnu jew tan-nuqqas tat-twettiq ta’ atti li ma humiex kompatibbli ma’ dan it-twemmin u, wisq inqas, li juri, bis-sostenn ta’ provi dokumentali, il-materjalità tal-allegazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward.

43.      Tali konklużjoni hija indirettament ikkonfermata mill-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 65), li jipprovdi li l-eżistenza ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet reliġjużi ma hijiex stabbilita skont l-element tal-libertà tar-reliġjon li qiegħed jinkiser, iżda skont in-natura tar-ripressjoni eżerċitata (36). Għalhekk, hija s-serjetà tal-miżuri u tas-sanzjonijiet meħuda jew li jistgħu jittieħdu kontra l-persuna kkonċernata li għandha tiddetermina jekk hemmx persekuzzjoni (37). Issa, tali miżuri u sanzjonijiet, li jilħqu s-serjetà meħtieġa sabiex persekuzzjoni jew ir-riskju ta’ persekuzzjoni jkunu jistgħu jiġu stabbiliti, jistgħu jittieħdu jew ikunu jistgħu jittieħdu anki fin-nuqqas ta’ manifestazzjonijiet esterni, mill-parti kkonċernata, tat-twemmin reliġjuż tiegħu, pereżempju minħabba s-sempliċi fatt tal-konverżjoni tiegħu, tar-rifjut tiegħu li josserva r-reliġjon uffiċjali tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew l-isħubija tiegħu f’komunità reliġjuża partikolari (38).

44.      Barra minn hekk, mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2011/95 – li abbażi tal-kliem tiegħu, meta jiġi evalwat jekk applikant jibżax ġustament li jiġi ppersegwitat, ma huwiex rilevanti jekk għandux effettivament il-karatteristika marbuta mar-raġuni għal persekuzzjoni invokata, sa fejn din il-karatteristika tiġi attribwita lilu mill-attur tal-persekuzzjoni – jirriżulta li ma huwiex dejjem neċessarju, sabiex tingħata deċiżjoni fuq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mmotivata minn biża ta’ persekuzzjoni minħabba r-reliġjon, li tiġi evalwata l-kredibbiltà tat-twemmin reliġjuż tal-applikant fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva (39).

45.      Għandu jitfakkar li, skont dan l-artikolu, l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandu jinkludi evalwazzjoni individwali tagħha filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż tal-oriġini tal-persuna kkonċernata fil-mument li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, informazzjoni u dokumenti rilevanti ppreżentati minnha kif ukoll l-istatus individwali u tas-sitwazzjoni personali ta’ din tal-aħħar (40). Dan l-eżami jseħħ f’żewġ stadji separati. L-ewwel fażi tikkonċerna l-istabbiliment taċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu l-provi insostenn tal-applikazzjoni, filwaqt li t-tieni fażi tikkonċerna l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn il-provi, li tikkonsisti f’li jiġi deċiż jekk, fid-dawl tal-fatti li jikkaratterizzaw każ speċifiku, ir-rekwiżiti bażiċi previsti mill-Artikoli 9 u 10 jew 15 tad-Direttiva 2011/95 għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali humiex issodisfatti. Fil-kuntest tal-ewwel fażi – li taħta jaqgħu r-raba’, il-ħames u s-seba’ domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju – għalkemm l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li huwa normalment l-applikant li għandu jipproduċi l-provi kollha meħtieġa sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat għandu l-obbligu li jikkoopera ma dan l-applikant fl-istadju tad-determinazzjoni tal-elementi rilevanti ta’ din l-applikazzjoni, konformement mal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva (41).

46.      Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti sabiex jeżaminaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandhom, jekk ikun il-każ, jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fir-rigward tan-nuqqas ta’ provi u l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-verifiki mwettqa minn dawn l-awtoritajiet, abbażi tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, fejn ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għall-ażil ma humiex sostnuti minn provi dokumentati jew oħrajn, dawk l-aspetti ma jeħtiġux konferma, sakemm ir-rekwiżiti kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 4(5)(a) sa (e) tal-istess direttiva jkunu ssodisfatti (42).

47.      Fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali bbażati fuq il-biża ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet reliġjużi, li l-eżami tagħhom ta’ spiss jirriżulta partikolarment kumpless, ikun hemm bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, barra l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali tal-applikant, it-twemmin tiegħu li jikkonċerna lir-reliġjon u l-mod kif kisbu, il-mod kif jifhem u jgħix il-fidi tiegħu (jew in-nuqqas ta’ fidi tiegħu), tar-rapport tiegħu mal-aspetti dottrinali, ritwali jew preskrittivi tar-reliġjon li huwa jiddikjara li jemmen fiha jew li jixtieq jabbanduna, il-fatt jekk għandux rwol speċifiku, jekk ikun il-każ, fil-firxa tal-fidi tiegħu, pereżempju permezz tat-tagħlim jew tal-konverżjoni, kif ukoll l-interazzjonijiet bejn fatturi reliġjużi u fatturi ta’ identità, etniċi (43) jew abbażi tas-sess.

48.      Għalkemm l-elementi li għadni kif indikajt jippermettu li jiġu pprovduti indikazzjonijiet dwar xi tfisser ir-reliġjon għall-applikant għal protezzjoni internazzjonali, u sabiex jinftiehem aħjar il-mod kif ikun affettwat mir-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ reliġjon tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, għandu jiġi enfasizzat li, fl-eżami tal-applikazzjonijiet ibbażati fuq biża ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet reliġjużi, il-kwistjoni sabiex isir magħruf xi jfisser il-kunċett ta’ reliġjon għall-atturi (potenzjali) tal-persekuzzjoni tgawdi minn importanza fundamentali. Risposta għal tali domanda tippermetti li tiġi ddeterminata l-atitudni li wieħed jista’ jistenna minn tali atturi lejn it-twemmin jew l-identità reliġjuża tal-applikant kif ukoll fir-rigward tal-aġiri (jew tan-nuqqasijiet (44)) li jikkostitwixxi l-manifestazzjoni esterna (45).

49.      Fil-każ ta’ B. Fathi, l-oriġini Kurda tiegħu, il-fatt li kkonverta għall-Kristjaneżmu, u l-metodi ta’ din il-konverżjoni, il-parteċipazzjoni tiegħu f’xandira ta’ stazzjon nisrani pprojbit fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, l-arrest tiegħu, l-interrogazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż, kif ukoll l-ammissjonijiet tiegħu fir-rigward tal-konverżjoni tiegħu waqt id-detenzjoni tiegħu, huma kollha elementi li d-DAB kienet marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni waqt din l-ewwel fażi tal-evalwazzjoni tagħha, flimkien mal-fatti rilevanti li jikkonċernaw lill-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, konformement mal-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2011/95.

50.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li r-risposta għar-raba’, il-ħames u s-seba’ domanda preliminari, ikkunsidrati flimkien, tkun li l-Artikolu 10(1)(b) u l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali li insostenn tal-applikazzjoni tiegħu jinvoka riskju ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet marbuta mar-reliġjon ma għandux, sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu li jikkonċernaw it-twemmin reliġjuż tiegħu, jippreżenta dikjarazzjonijiet jew jipproduċi dokumenti fuq l-elementi kollha tal-kunċett ta’ “reliġjon” hekk kif iddefiniti fl-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95. B’mod partikolari, tali applikant ma għandux neċessarjament jiddikjara, taħt piena ta’ ċħid tal-applikazzjoni tiegħu, it-twettiq, fl-isfera pubblika, ta’ atti marbuta mal-imsemmi twemmin jew imposti minnu jew in-nuqqas ta’ twettiq ta’ atti li ma humiex kompatibbli ma’ dan it-twemmin, u lanqas ma għandu juri, bis-sostenn ta’ provi dokumentarji, il-materjalità tal-allegazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward.

D.      Fuq is-sitt domanda preliminari

51.      Permezz tas-sitt domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema ċirkustanzi, xi limitazzjonijiet għall-libertà tar-reliġjon, previsti fl-Istat ta’ oriġini tal-applikant, bħall-projbizzjoni tal-konverżjoni jew il-projbizzjoni ta’ atti kuntrarji għar-reliġjon uffiċjali ta’ dan l-Istat, li huma ġġustifikati mill-għan ta’ ordni pubbliku f’dan il-pajjiż, jistgħux jikkostitwixxu atti ta’ persekuzzjoni abbażi tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95, moqri fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-Karta. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll fuq il-kwistjoni jekk l-eżistenza biss ta’ tali projbizzjonijiet, anki meta ma jipprevedux reliġjon partikolari, hijiex suffiċjenti sabiex tagħti lok għal persekuzzjoni fil-każ fejn il-ksur tagħhom ikun punibbli permezz tal-piena kapitali.

52.      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxi l-elementi li jippermettu li jitqies li ninsabu fil-preżenza ta’ att ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 1, tat-Taqsima A tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Skont il-kliem tal-Artikolu 9(1)(a) tad-direttiva msemmija, tali att għandu, “ikun serju biżżejjed fin-natura jew ripetizzjoni tiegħuli jikkostitwixxi vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont l-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fondamentali (46)”. Skont il-paragrafu (2)(b) u (c) tal-istess Artikolu 9, l-atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-paragrafu 1, jistgħu partikolarment jieħdu l-forma ta’ “miżuri legali, amministrattivi, miżuri mill-pulizija u/jew miżuri ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f’manjiera diskriminatorja” u ta’ “prosekuzzjoni jew kastig, li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju”.

53.      Id-dritt għal-libertà tar-reliġjon stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta (47) jikkorrispondi għad-dritt iggarantit fl-Artikolu 9 tal-KED(48).

54.      Hekk kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 57 tas-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518), il-libertà tar-reliġjon tirrappreżenta waħda mill-pedamenti ta’ soċjetà demokratika u tikkostitwixxi dritt fundamentali tal-bniedem. Interferenza għad-dritt għal-libertà tar-reliġjon tista’ tkun ta’ serjetà tali li tista’ titqabbel mal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 15(2) tal-KEDB, li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/95, b’mod indikattiv, sabiex jiġi stabbilit liema atti għandhom, b’mod partikolari, jitqiesu bħala persekuzzjoni.

55.      Madankollu, hekk kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 58 u 59 tal-istess sentenza, dan ma jfissirx li kull interferenza għad-dritt għal-libertà tar-reliġjon iggarantit bl-Artikolu 10(1) tal-Karta tikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni li jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jagħtu l-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 lil kull min huwa espost għall-interferenza inkwistjoni, peress li “vjolazzjoni serja” tal-imsemmija libertà li taffettwa lill-persuna kkonċerna b’mod sinjifikanti tkun neċessarja sabiex l-atti kkonċernati jitqiesu bħala persekuzzjoni. Barra minn hekk, “ksur tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon jista’ jikkostitwixxi persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva [2011/95] meta l-applikant għal ażil, minħabba l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jinsab f’riskju reali, b’mod partikolari, li jiġi ppersegwitat jew jiġi suġġett għal trattamenti jew għal pieni inumani jew degradanti li jirriżultaw minn wieħed mill-atturi msemmija fl-Artikolu 6 [ta’ din id]-Direttiva” (49).

56.      Mill-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja u rripetuti iktar ’il fuq, jirriżulta li l-eżistenza ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet reliġjużi tiddependi, minn naħa, fuq is-serjetà tal-interferenza għal-libertà tar-reliġjon tal-applikant għal ażil – fejn l-interferenza għandha tikkostitwixxi ksur ta’ din il-libertà – u, min-naħa l-oħra, fuq is-serjetà tal-atti li għalihom ġie espost l-applikant minħabba l-eżerċizzju tal-imsemmija libertà fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fejn dawn iż-żewġ partijiet huma awtonomi bejniethom (50).

57.      F’dan il-kuntest, il-fatt li r-restrizzjonijiet tal-libertà tar-reliġjon imposti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, kif ukoll is-sanzjonijiet previsti għall-ksur tal-projbizzjonijiet marbuta ma’ tali restrizzjonijiet huma ġġustifikati mill-ħtieġa li jinżammu l-ordni, is-sigurtà, is-saħħa jew il-moral pubbliku f’dan il-pajjiż ma jawtorizzax li tiġi eskluża b’mod awtomatiku l-eżistenza ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95, li għandha tkun distinta mit-tfittxija leġittima ta’ tali għan (51).

58.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li limitazzjonijiet għal-libertà tar-reliġjon, intiżi għas-salvagwardja tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà pubblika jew ukoll sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn, huma ammessi fil-leġiżlazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta (52). Din tistaqsi jekk, fid-dawl tal-preċiżazzjoni mwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 66 tas-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et (C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720) f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “orjentazzjoni sesswali” (53), l-aġir li jikkostitwixxi ksur skont id-dritt intern tal-Istati Membri jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “reliġjon” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u jekk ir-ripressjoni ta’ tali aġir fil-pajjiż tal-oriġini tal-applikant jistgħux jikkostitwixxu persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95.

59.      Għalkemm għandu jitqies, b’analoġija għal dak li sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 66 tas-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et (C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720), li l-kunċett ta’ “reliġjon” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 ma jikkonċernax, bħala prinċipju, atti meqjusa bħala kriminali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, min-naħa l-oħra, il-fatt li din il-leġiżlazzjoni tista’ tipprevedi restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon billi tipprojbixxi ċerta mġiba u billi tikkastiga l-ksur ta’ dawn il-projbizzjonijiet permezz ta’ sanzjonijiet li għandhom natura kriminali, jew saħansitra piena ta’ priġunerija (54), ma jippermettix li tingħata konklużjoni definittiva fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ ‟atti ta’ persekuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95 u, b’mod partikolari, bl-ebda mod ma jawtorrizza li tiġi eskluża b’mod awtomatiku mill-parametru ta’ dan il-kunċett ir-ripressjoni tal-istess ksur fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant. Fil-fatt, minn naħa, il-kondotta li tista’ tiġi pprojbita u l-interferenza fil-libertà tar-reliġjon li tirriżulta minnha, jistgħu jvarjaw f’mod radikali skont id-definizzjoni mogħtija f’kull ordinament ġuridiku tal-kunċetti li jidħlu taħt id-determinazzjoni tal-elementi kostituttivi tal-ksur (55), kif ukoll, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija minn tali projbizzjonijiet, ta’ kunċetti bħalma huma l-“ordni pubbliku”, is-“sigurtà pubblika” jew “morali”. Min-naħa l-oħra, u b’mod iktar fundamentali, ma tistax, f’kull każ, tiġi injorata s-serjetà tar-ripressjoni marbuta mat-twettiq ta’ tali ksur, kif ukoll in-natura eventwalment sproporzjonata u diskriminatorja tal-pieni previsti u applikati konkretament.

60.      F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni jekk is-sempliċi ċirkustanza li l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini tal-applikant għal ażil tikkriminalizza u tissanzjona b’piena ta’ priġunerija, jew saħansitra b’piena kapitali, il-kondotta marbuta mal-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon – bħalma huma l-konverżjoni reliġjuża, id-dimostrazzjonijiet pubbliċi tal-fidi tiegħu, il-parteċipazzjoni, fil-pubbliku jew fil-privat, f’ċerimonji reliġjużi, it-tagħlim jew il-konverżjoni reliġjuża – hija fiha nnifisha suffiċjenti sabiex titqies l-eżistenza ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95, inqis li r-risposta għal tali domanda tiddependi essenzjalment fuq il-miżura li fiha tali sanzjonijiet huma effettivament applikati.

61.      B’hekk, f’xi kawżi li jpoġġu indiskussjoni l-penalizzazzjoni ta’ aġir marbut mal-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon, huwa ta’ importanza kbira li l-awtoritajiet responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal ażil jiddisponu, barra mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u mid-dokumenti eventwalment ippreżentati minnu, minn informazzjoni aġġornata li hija l-iktar kompleta possibbli, provenjenti minn sorsi affidabbli, fuq il-mod li bih is-sanzjonijiet previsti għal tali aġir huma konkretament applikati fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, sabiex jiġi stabbilit ir-riskju subit minn dan tal-aħħar, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali u taċ-ċirkustanzi kollha li jikkonċernawh, li jiġu ssuġġettati għal tali sanzjonijiet (56).

62.      Nikkonkludi billi nfakkar, li l-Qorti EDB riċentement iddeċidiet tliet darbiet f’kawżi li daħlu inkwistjoni r-rifjut ta’ applikazzjonijiet għal ażil ippreżentata minn ċittadini Iranjani li kkonvertew għall-Kristjaneżmu. Fis-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2016, l-Awla Manja tal-Qorti EDB ikkonkludiet li, “ikun hemm ksur tal-Artikoli 2 u 3 tal-[KEDB] jekk ir-rikorrent jintbagħat lejn l-Iran fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni ex nunc mill-awtoritajiet Svediżi tal-konsegwenzi tal-konverżjoni tiegħu” (57). Fid-deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2016, T.M. u Y.A. vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (58), il-Qorti EDB, min-naħa l-oħra, ċaħdet it-talba tar-rikorrenti bħala manifestament infondata, billi kkunsidrat li ma kienx hemm elementi li ppermettew li titpoġġa indiskussjoni l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet Olandiżi li tipprovdi li r-rendikont tar-rikorrenti dwar l-allegata konverżjoni tagħhom ma kienx kredibbli. Finalment, fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2017, A. vs L-Isvizzera, il-Qorti EDB eskludiet ukoll ksur tal-Artikoli 2 u 3 tal-KEDB, billi kkunsidrat bħala mhux inadegwata l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet Svizzeri li abbażi tagħha l-persuni kkonvertiti li kienu għadhom mhux magħrufa mill-awtoritajiet Iranjani, inklużi għal fatti li ma jikkonċernawx il-konverżjoni tagħhom, u li kellhom l-intenzjoni jipprattikaw il-fidi tagħhom b’mod diskret ma kinux taħt ir-riskju ta’ trattament kuntrarju għal dawn id-dispożizzjonijiet (59). Sabiex għamlet dan, l-imsemmija Qorti wettqet distinzjoni bejn il-kawża li ġiet adita biha u dawk li taw lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518) (60).

63.      Żewġ kummenti huma neċessarji f’dak li jikkonċerna l-kawża li tat lok għal din l-aħħar sentenza tal-Qorti EDB imsemmija iktar ’il fuq. Fl-ewwel lok, ir-rikorrent f’dik il-kawża (bħal dak fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti EDB tat-23 ta’ Marzu 2016, F.G. vs L-Isvezja, CE:ECHR:2016:0323JUD004361111) kien ikkonverta wara li telaq mill-Iran. Għaldaqstant, l-applikazzjoni għal ażil tiegħu kienet tipprevedi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali li rriżulta “fuq il-post”, konformement mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/95. Issa, hekk kif enfasizzat ukoll il-Qorti EDB fl-imsemmija sentenza, billi rreferiet għall-prinċipji gwida fuq l-applikazzjonijiet għall-ażil ibbażati fuq ir-reliġjon, meta l-applikant għal ażil jibbaża ruħu fuq konverżjoni “fuq il-post”, xi dubji partikolari fir-rigward tal-kredibbiltà għandhom it-tendenza li jitqajmu u jkun neċessarju eżami rigoruż u fil-fond taċ-ċirkustanzi u tal-konverżjoni (61). Barra minn hekk, hekk kif semmiet ukoll il-Qorti EDB, f’dawn it-tipi ta’ kawżi, l-atturi potenzjali tal-persekuzzjonijiet għandhom it-tendenza li jagħtu inqas importanza lill-konverżjonijiet fuq il-post, minħabba n-natura ta’ spiss “opportunistika” tagħhom (62). Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, il-konverżjoni ta’ B. Fathi kienet seħħet meta kien għadu fl-Iran u, skont il-kliem tiegħu, l-awtoritajiet Iranjani kienu jafu b’dan (63). Dawn iż-żewġ elementi għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-konsegwenzi li dan jiffaċċja fil-każ tar-ritorn tiegħu lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Fit-tieni lok, prekawzjoni partikolari hija imposta, fl-opinjoni tiegħi, meta, fl-evalwazzjoni tal-importanza tar-riskju li jiġu subiti effettivament atti ta’ persekuzzjoni, l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li, ladarba jirritorna f’pajjiżu, l-applikant jista’ jagħżel “prattika diskreta tal-fidi tiegħu”. F’dan ir-rigward, infakkar li l-punt 79 tas-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C-99/11, EU:C:2012:518), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-fatt li l-parti interessata “tista’ tevita r-riskju billi tirrinunzja għal ċerti atti reliġjużi, fil-prinċipju ma huwiex rilevanti”. Il-konvinzjoni reliġjuża, l-identità jew l-istil tal-ħajja, li huma lkoll elementi tal-kunċett ta’ “reliġjon” fis-sens tal-Artikolu 1 tat-Taqsima A tal-Konvenzjoni ta’ Genève u, għaldaqstant, tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95, għandhom jitqiesu bħala tant fundamentali għall-identità umana li persuna ma tistax tiġi mġiegħla taħbihom, tbiddilhom jew tirrinunzja għalihom sabiex tevita l-persekuzzjoni (64).

64.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għas-sitt domanda preliminari fis-sens li l-eżistenza ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95, ibbażata fuq raġunijiet reliġjużi, tiddependi, minn naħa, fuq is-serjetà tal-interferenza fil-libertà tar-reliġjon tal-applikant għal ażil, u, min-naħa l-oħra, fuq is-serjetà tal-atti li ġie espost għalihom l-applikant minħabba l-eżerċizzju tal-imsemmija libertà fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Il-fatt li r-restrizzjonijiet għal-libertà tar-reliġjon imposti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, kif ukoll is-sanzjonijiet previsti għall-ksur tal-projbizzjonijiet marbuta ma’ tali restrizzjonijiet ikunu ġġustifikati mill-ħtieġa li jinżammu l-ordni, is-sigurtà, is-saħħa jew il-moral pubbliku f’dan il-pajjiż, ma jawtorizzax li tiġi eskluża b’mod awtomatiku l-eżistenza ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95. Il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għal ażil tippenalizza l-kondotta marbuta mal-eżerċizzju tal-libertà ta’ reliġjon, bħal konverżjoni reliġjuża jew il-konverżjoni reliġjuża ta’ oħrajn, permezz ta’ sanzjonijiet li huma sproporzjonati jew diskriminatorji, saħansitra bil-piena kapitali, huwa suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95, jekk jirriżulta li tali sanzjonijiet huma applikati effettivament u li l-applikant huwa espost għal riskju vverifikat li jiġu imposti fuqu fil-każ li jirritorna f’dan il-pajjiż.

III. Konklużjoni

65.      Għar-raġunijiet kollha esposti iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Administrativen Sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofia, il-Bulgarija) bil-mod li ġej:

1)      Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li jeżamina fil-mertu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lilu ma huwiex marbut li jadotta, minn qabel, deċiżjoni formali li permezz tagħha jirrikonoxxi r-responsabbiltà tiegħu abbażi tar-Regolament Nru 604/2013 sabiex jipproċedi għal tali eżami. Madankollu, dan l-Istat Membru għandu, abbażi tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, jinforma lill-applikant, billi jsegwi l-modalitajiet previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, bil-fatt li l-applikazzjoni tiegħu ser tiġi eżaminata mill-awtoritajiet kompetenti tal-imsemmi Stat Membru, kif ukoll bir-raġunijiet li wasslu sabiex jinżamm responsabbli abbażi ta’ dan ir-regolament.

2)      F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn l-Istat Membru li pproċeda bl-eżami ta’ applikazzjoni internazzjonali mressqa quddiemu, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 604/2013, ma adottax deċiżjoni espliċita li tikkonċerna r-responsabbiltà tiegħu abbażi ta’ dan ir-regolament sabiex jiddeċiedi fuq l-imsemmija applikazzjoni u fejn jirriżulta li dan l-Istat Membru ma applikax il-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tal-istess regolament, il-qorti nazzjonali adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-imsemmija applikazzjoni ma għandhiex tivverifika ex officio jekk l-imsemmi regolament japplikax għall-applikant.

3)      L-Artikolu 10(1)(b) u l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija għandhom jiġu interpretati fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali li jinvoka insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, riskju ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet marbuta mar-reliġjon ma għandux, sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu li jikkonċernaw lit-twemmin reliġjuż tiegħu, jippreżenta dikjarazzjonijiet jew jipproduċi dokumenti fuq l-elementi kollha tal-kunċett ta’ “reliġjon” hekk kif iddefiniti fl-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95. B’mod partikolari, tali applikant ma għandux neċessarjament jiddikjara, taħt piena ta’ ċħid tal-applikazzjoni tiegħu, it-twettiq, fl-isfera pubblika, ta’ atti marbuta mal-imsemmi twemmin jew imposti minnu jew in-nuqqas ta’ twettiq ta’ atti li ma humiex kompatibbli ma’ dan it-twemmin, u lanqas ma għandu juri, bis-sostenn ta’ provi dokumentarji, il-materjalità tal-allegazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward.

4)      L-eżistenza ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95, ibbażata fuq raġunijiet reliġjużi, tiddependi, minn naħa, fuq is-serjetà tal-interferenza fil-libertà tar-reliġjon tal-applikant għal ażil, u, min-naħa l-oħra, fuq is-serjetà tal-atti li ġie espost għalihom l-applikant minħabba l-eżerċizzju tal-imsemmija libertà fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Il-fatt li r-restrizzjonijiet għal-libertà tar-reliġjon imposti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, kif ukoll is-sanzjonijiet previsti għall-ksur tal-projbizzjonijiet marbuta ma’ tali restrizzjonijiet ikunu ġġustifikati mill-ħtieġa li jinżammu l-ordni, is-sigurtà, is-saħħa jew il-moral pubbliku f’dan il-pajjiż, ma jawtorizzax li tiġi eskluża b’mod awtomatiku l-eżistenza ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95. Il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għal ażil tippenalizza kondotta marbuta mal-eżerċizzju tal-libertà ta’ reliġjon, bħal konverżjoni reliġjuża jew il-konverżjoni reliġjuża ta’ oħrajn, permezz ta’ sanzjonijiet li huma sproporzjonati jew diskriminatorji, saħansitra bil-piena kapitali, hija suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95, jekk jirriżulta li tali sanzjonijiet huma applikati effettivament u li l-applikant huwa espost għal riskju vverifikat li jiġu imposti fuqu fil-każ li jirritorna f’dan il-pajjiż.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31).


3      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


4      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


5      L-ittra, li ġiet ippreżentata quddiem il-qorti tar-rinviju, kienet dikjarazzjoni ta’ impjegat ta’ Nejat TV, indirizzata lil B. Fathi u li kienet tindika “numru ta’ kawża quddiem il-UN”. Din l-ittra tikkonferma li B. Fathi huwa nisrani u li kien ippreżenta ruħu bħala tali quddiem l-istazzjon televiżiv u ppreċiża li kienu saru xi kuntatti miegħu f’diversi mumenti fil-kors tas-snin, wara t-talbiet tiegħu lill-konsulenti tat-telefon tal-istazzjon.


6      L-istatus umanitarju fis-sens tal-Artikolu 9 taż-ŻUB jikkorrispondi għall-protezzjoni sussidjarja prevista mid-Direttiva 2011/95.


7      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 67a(2) taż-ZUB, il-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet tinfetaħ mal-preżentata ta’ din l-applikazzjoni.


8      Il-Konvenzjoni ta’ Genève ġiet ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, adottat fil-31 ta’ Jannar 1967 u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967.


9      Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Dublin III, li skont il-kliem tiegħu, malli applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata fis-sens tal-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament, l-applikant huwa informat bl-applikazzjoni tiegħu (ara, wkoll, il-premessa 18 tar-Regolament Dublin III). L-Anness X tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200), hekk kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014, tat-30 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 39, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1560”), jipprevedi li, inizjalment, l-applikanti huma informati biss bl-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III u huwa biss sussegwentement – biss fil-każ fejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat għandhom xi raġunijiet sabiex jemmnu li pajjiż ieħor jista’ jkun responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni – li jirċievu informazzjoni ddettaljata fuq il-kriterji tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u fuq il-proċeduri ta’ trasferiment previsti mir-Regolament Dublin III. Fl-istess sens tal-Artikolu 4(1), imsemmi iktar ’il fuq, ara l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Dublin III, li jipprovdi li l-proċess tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jibda malli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjoni tiġi ppreżentata għall-ewwel darba fi ħdan Stat Membru.


10      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2018, Hassan (C‑647/16, EU:C:2018:368, punt 56), tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 42), u tal-25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805, punti 31 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Hassan (C‑647/16, EU:C:2018:368, dispożittiv).


12      Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Dublin III, id-dritt għall-informazzjoni tal-applikant jipprevedi, f’termini ġenerali, l-“applikazzjoni” ta’ dan ir-regolament. Is-subparagrafi minn (a) sa (f) tal-imsemmi paragrafu, ma fihom xejn għajr lista mhux eżawrjenti tal-elementi li għandhom jiġu kkomunikati lill-applikant, hekk kif juri l-użu tal-kliem “b’ mod partikulari”. Kif intqal, dan id-dritt jestendi wkoll għaldaqstant għar-riżultati konkreti tal-applikazzjoni tal-kriterji previsti mir-Regolament Dublin III u dan ukoll fil-każ fejn l-ebda proċedura ta’ trasferiment tal-applikant ma tkun ġiet prevista.


13      Ara l-punti 23 sa 30 iktar ’il quddiem.


14      F’dan ir-rigward, ninnota li, skont it-termini tal-Artikolu 67a taż-ZUB, id-deċiżjoni sabiex tinfetaħ il-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli tittieħed mill-awtorità li twettaq l-intervisti individwali, u għaldaqstant, bħala prinċipju, wara li tisma’ lill-applikant.


15      Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1):


16      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU 2003, L 50, p. 1).


17      Ara, f’dak li jikkonċerna lill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin II, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Halaf (C‑528/11, EU:C:2013:342, punt 36).


18      Ara, f’dan is-sens, il-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Dublin II, COM(2001) 447 finali (iktar ’il quddiem il-“proposta għar-Regolament Dublin II”), paġna 11, fejn ġie ppreċiżat li din il-fakultà ġiet introdotta sabiex jiġi permess lil kull Stat Membru sabiex jiddeċiedi b’mod sovran, “abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi, umanitarji jew prattiċi”, ara wkoll is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Halaf (C‑528/11, EU:C:2013:342, punt 37). Ninnota li, fil-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, tal-4 ta’ Mejju 2016 [COM(2016) 270 final, iktar ’il quddiem il-“proposta għar-Regolament Dublin IV”], il-Kummissjoni tipprevedi r-restrizzjoni tal-portata tal-klawżola diskrezzjonali, sabiex tara li din ma tintużax ħlief “għal raġunijiet umanitarji f’dak li għandu x’jaqsam mal-familja usa’” (p. 17 u 18 u l-Artikolu 19 tal-proposta). Ir-“rapport Wikström”, adottat mill-Parlament Ewropew bħala kuntest għan-negozjati interistituzzjonali futuri fuq proposta għar-Regolament Dublin IV (rapport fuq il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, tas-6 ta’ Novembru 2017, A8-0345/2017), jipproponi, bil-min-naħa l-oħra, li tinżamm għall-klawżola diskrezzjonali l-istess portata li hija attwalment prevista mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III u li tiġi ppreżentata l-possibbiltà għall-applikant sabiex jitlob l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola b’talba mmotivata bil-miktub (ara l-Artikolu 19(1) tal-proposta Dublin IV kif emendata, p. 45 u 73 tar-rapport).


19      Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2011 (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609).


20      Ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Halaf (C‑528/11, EU:C:2013:342, punt 38).


21      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 98), li, filwaqt li ssegwi, f’dak li jikkonċerna r-riżultat, lis-sentenza tal-Qorti EDB tal-21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (iċċitata fil-punt 88 tas-sentenza N. S. et), issegwi triq loġika parzjalment differenti, bl-iskop li tissalvagwardja l-operattività tas-sistema ta’ Dublin. Ara, fis-sens ta’ nuqqas ta’ obbligu li jiġi applikat l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III f’sitwazzjoni fejn l-istat ta’ saħħa tal-applikant għall-ażil ma jawtorizzax it-trasferiment tiegħu għal żmien qasir lejn l-Istat kompetenti, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 88).


22      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, b’mod partikolari l-punti 64 sa 69). Ara wkoll, f’dak li jikkonċerna lill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 54), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kwistjoni tal-applikazzjoni, minn Stat Membru, tal-klawżola diskrezzjonali prevista f’din id-dispożizzjoni ma taqax taħt id-dritt nazzjonali biss u tal-interpretazzjoni li tagħtih il-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, iżda tikkostitwixxi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.


23      COM(2008) 820 finali, tat-3 ta’ Diċembru 2008.


24      Ara l-Proposta għal Regolament Dublin III, punt 4, p. 9; il-kunsens tal-applikant ġie previst fiha “sabiex ikun żgurat li l-klawsola ta’ sovranità ma tkunx applikata kontra l-interess tal-applikant”. Il-kunsens tal-applikant ġie rikjest ukoll fl-Artikolu 3(4) tal-Konvenzjoni dwar id-determinazzjoni tal-Istat responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej – Konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU 1997, C 254, p. 1). It-tħassir tal-kundizzjoni ta’ kunsens tal-parti interessata hija bbażata fuq l-idea, xi ftit sempliċi, li tgħid li l-ftehim ta’ din tal-aħħar jista’ jiġi preżunt, peress li hija ppreżentat applikazzjoni ta’ protezzjoni internazzjonali fil-pajjiż li jeżerċita l-klawżola diskrezzjonali.


25      Il-metodu tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi u ekwi kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati (ara, b’mod partikolari, il-premessa 5 tar-Regolament Dublin III). Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li d-deroga mill-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji permezz tar-rikors għall-klawżola diskrezzjonali tista’, fl-aħħar mill-aħħar, isseħħ bi ħsara għall-applikant, pereżempju permezz tal-ksur tad-dritt tiegħu għall-unità tal-familja.


26      Id-differenzi fil-kliem jikkorrispondu għal emendi li ddaħħlu fir-Regolament Dublin III kollu (“applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” minflok “applikazzjoni għall-ażil”, u l-estensjoni tal-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jippreżentaw tali applikazzjoni għall-persuni apolidi).


27      Korsiv miżjud. It-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin II tipprevedi li “[f’]dan il-każ, dak l-Istat Membru għandu jsir l-Istat Membru responsabbli fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament”.


28      Ara l-Proposta għal Regolament Dublin III, punt 4, p. 9, fejn il-Kummissjoni esponiet li “[d]iversi aspetti tal-proċedura fir-rigward tal-applikazzjoni tal-klawsoli diskrezzjonali huma ċċarati wkoll”.


29      Korsiv miżjud.


30      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 63, li tirrigwarda l-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2004/83, li kellu l-istess kontenut tad-dispożizzjoni korrispondenti tiegħu tad-Direttiva 2011/95).


31      Ara, b’mod partikolari, UN Human Rights Committee (HRC), CCPR General Comment No. 22: Article 18 (Freedom of Thought, Conscience or Religion), 30 July 1993, aċċessibbli fuq http://www.refworld.org/docid/453883fb22.html, li tikkonċerna l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.


32      Ara Prinċipji gwida fuq il-protezzjoni internazzjonali Nru 6: Applikazzjonijiet għall-ażil ibbażati fuq ir-reliġjon fis-sens tal-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni tal-1951 Konvenzjoni u/jew Protokoll tal-1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, tat-28 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem il-“Prinċipji gwida fuq l-applikazzjonijiet għall-ażil ibbażati fuq ir-reliġjon”).


33      Ibidem, punti 1 u 2.


34      Ara UNHCR il-Prinċipji gwida fuq l-applikazzjonijiet għall-ażil ibbażati fuq ir-reliġjon, punti 5 et seq.


35      Għal ħarsa ġenerali lejn il-kwistjonijiet li fih l-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali bbażati fuq il-biża ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet reliġjużi, ara T.J. Gunn, The Complexity of Religion in Determining Refugee Status, aċċessibbli fuq is-sit http://www.unhcr.org/protection/globalconsult/3e5f2f7f6/complexity-religion-determining-refugee-status-t-jeremy-gunn.html.


36      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 65). Fl-istess sens, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot, fil-kawżi magħquda Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:224, punt 52).


37      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 66).


38      Għalkemm is-sempliċi sħubija f’komunità reliġjuża partikolari normalment ma tkunx suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza ta’ applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, jistgħu jeżistu madankollu sitwazzjonijiet partikolari li fihom is-sempliċi sħubija tkun ġustifikazzjoni suffiċjenti, b’mod partikolari meta s-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tkun tali li ambjent ta’ nuqqas ta’ sikurezza jeżisti għall-membru ta’ din il-komunità. Ara UNHCR, Gwida tal-proċeduri u kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat l-istatus ta’ refuġjat fir-rigward tal-Konvenzjoni tal-1951 u tal-Protokoll tal-1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, Jannar1992, punt 73; Guidelines on International Protection:Religion-based Refugee Claims under Article 1A(2) of the 1951 Convention and/or the 1967 Protocol relating to the Status of Refugees, tat-28 ta’ April 2004, punt 14.


39      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, F (C‑473/16, EU:C:2018:36, punti 31 u 32). Ara wkoll, UNHCR, Guidelines on Religion-based Refugee Claims, punt 9.


40      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 41) u, b’analoġija, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd (C‑472/13, EU:C:2015:117, punt 26), u tad-9 ta’ Frar 2017, M (C‑560/14, EU:C:2017:101, punt 36). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jadattaw il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tagħhom tad-dikjarazzjonijiet u tal-elementi ta’ prova dokumentali jew oħrajn, fir-rigward tal-karatteristiċi speċifiċi għal kull kategorija ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, b’rispett għad-drittijiet iggarantiti mill-Karta, ara s-sentenzi tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 36) u tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 54).


41      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M., (C-277/11, EU:C:2012:744, punti 64 u 65) u tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 56).


42      Ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 58).


43      Hekk kif tenfasizza l-UNHCR fil-Guidelines on:Religion-based Refugee Claims tagħha, l-awtoritajiet li jeżaminaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq raġunijiet reliġjużi għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-interkonnessjonijiet bejn fatturi reliġjużi u etniċi (ara l-punt 27(d)).


44      Fil-każ ta’ konverżjoni, ma huwiex biżżejjed li jittieħed inkunsiderazzjoni l-mod li bih persuna li temmen fir-reliġjon li fiha kkonverta l-applikant, hija pperċepita fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, iżda, għandu jitqies ukoll il-mod li bih hija pperċepita persuna li tabbanduna r-reliġjon uffiċjali ta’ dan il-pajjiż sabiex tħaddan oħra.


45      Ara, f’dan is-sens, T.J. Gunn, Op. cit., paġni 13 u 14.


46      Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma, fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem iċ-“CEDH”).


47      L-Artikolu 10 tal-Karta, intitolat “[i]l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull persuna għandha dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, waħdu jew ma’ oħrajn, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti”.


48      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 56).


49      Sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 67). Ninnota li d-definizzjoni ta’ “persekuzzjoni” li taddota l-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-punt 67 hija differenti minn dik, iktar ristretta, li tirriżulta mill-punt 61 tal-istess sentenza, fir-rigward tal-livell meħtieġ ta’ serjetà tar-riskju subit mill-applikant għal ażil. Filwaqt li, fl-imsemmi punt 67, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għal “riskju reali, b’mod partikolari, li jiġi ppersegwitat jew jiġi suġġett għal trattamenti jew għal pieni inumani jew degradanti” (korsiv miżjud minni), il-punt 61 jeskludi li “l-atti […] li s-serjetà tagħhom ma tkunx daqs dik tal-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li fir-rigward tagħhom ebda deroga ma hija possibbli skont l-Artikolu 15(2) tal-KEDB” jistgħu jitqiesu bħala persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/95 u tal-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève. F’dan ir-rigward, nenfasizza li d-definizzjoni li hemm fil-punt 67 tidher li taqbel iktar mal-kliem tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, li tirreferi b’mod indikattiv biss, kif barra minn hekk irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja stess fil-punt 57 ta’ din l-istess sentenza, għall-atti li s-serjetà tagħhom tista’ titqabbel mal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 15(2) tal-KEDB.


50      B’hekk, l-atti li jikkostitwixxu ksur serju tal-libertà tar-reliġjon jistgħu jikkostitwixxu fihom infushom atti ta’ persekuzzjoni, bħar-restrizzjonijiet inqas importanti ta’ din il-libertà, meta r-ripressjoni tagħhom tilħaq il-livell meħtieġ.


51      F’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu ammessi restrizzjonijiet għall-libertà tar-reliġjon, ara, b’mod partikolari, UN Human Rights Committee (HRC), CCPR General Comment No. 22: Article 18 (Freedom of Thought, Conscience or Religion), 30 July 1993, CCPR/C/21/Rev.1/Add.4, disponibbli fuq l-indirizz: http://www.refworld.org/docid/453883fb22.html.


52      Għal reviżjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa fuq dan is-suġġett, ara l-istudju, tal-2010, ippubblikat mill-Kunsill tal-Ewropa, Blasfemy, insult and Hatred: finding answers in a democratic society, p. 18 et seq., aċċessibbli fuq http://www.venice.coe.int/webforms/documents/?pdf=CDL-STD%282010%29047-e#page=19.


53      Fl-imsemmi punt 66, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li “skont l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva, l-orjentazzjoni sesswali ma tistax tinftiehem bħala li tinkludi atti li jitqiesu bħala kriminali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri”.


54      Bħall-Gvern Ungeriż inqis li din id-domanda hija purament spekulattiva u ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.


55      B’hekk, sabiex nirrepeti r-riferiment imwettaq mill-qorti tar-rinviju għal-leġiżlazzjoni Griega fuq il-konverżjoni li fuqha ddeċidiet il-Qorti EDB fis-sentenza tal-25 ta’ Mejju 1993, Kokkinakis vs Il-Greċja (CE:ECHR:1993:0525JUD001430788), ikun hemm evidentement impatt differenti fuq l-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon, skont jekk il-“konverżjoni” suġġetta tal-projbizzjoni tiġix iddefinita bħala “attività […] [li toffri] vantaġġi materjali jew soċjali fid-dawl li jinkisbu rabtiet ma’ Knisja jew billi [titwettaq] pressjoni abbużiva fuq persuni f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà” (ara l-punt 48 tal-imsemmija sentenza) jew inkella bħala kull dimostrazzjoni pubblika ta’ reliġjon li ma hijiex dik uffiċjali tal-Istat inkwistjoni.


56      Xi referenzi għal diversi sorsi riċenti ta’ informazzjoni li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon fl-Iran u t-trattament tal-Iranjani li kkonvertew lejn il-Kristjaneżmu li jidhru fis-sentenza tal-Qorti EDB tat-23 ta’ Marzu 2016, F.G. vs L-Isvezja (CE:ECHR:2016:0323JUD004361111).


57      Qorti EDB tat-23 ta’ Marzu 2016, F.G. vs L-Isvezja (CE:ECHR:2016:0323JUD004361111, § 158).


58      CE:ECHR:2016:0705DEC000020916.


59      CE:ECHR:2017:1219JUD006034216.


60      Ibidem, punti 44 u 45.


61      Ara Qorti EDB, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2017, A. vs L-Isvizzera, (CE:ECHR:2017:1219JUD006034216).


62      B’hekk, fis-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2016, F.G. vs L-Isvezja, il-Qorti EDB, billi tirrepeti l-“Guidelines on Religion-based Refugee Claims”, ippreċiżat li xi attivitajiet “partikolari”, jiġifieri mwettqa biss sabiex jinkiseb il-permess ta’ residenza fl-Istat fejn ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal ażil, ma joħolqux biża bbażata fuq il-persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant jekk in-natura opportunistika ta’ dawn l-attivitajiet hija evidenti għal kulħadd, inklużi għall-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż (punt 123). Dan l-argument jidher ukoll fis-sentenza tal-Qorti EDB tad-19 ta’ Diċembru 2017, A. vs. L-Isvizzera (CE:ECHR:2017:1219JUD006034216, p.43).


63      Fuq dan il-punt, nirrileva li d-digriet tar-rinviju jikkontradixxi lilu nnifsu. Fil-fatt, minn naħa, fl-espożizzjoni tal-fatti, hemm indikat li B. Fathi sostna li, waqt l-arrest tiegħu, kien ġie mġiegħel jammetti li kkonverta lejn il-Kristjaneżmu, liema ħaġa tippermetti li jitqies li l-awtoritajiet Iranjani kienu jafu bl-orjentazzjonijiet reliġjużi tiegħu. Min-naħa l-oħra, fl-espożizzjoni tal-motivi li wassluha biex tressaq is-seba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li B. Fathi kien sostna li l-awtoritajiet Iranjani ma kellhom ebda prova, u lanqas ebda informazzjoni fir-rigward tal-konverżjoni u tal-fidi Kristjana tiegħu.


64      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB tat-23 ta’ Marzu 2016, F.G. vs L-Isvezja (CE:ECHR:2016:0323JUD004361111, punt 52).