Language of document : ECLI:EU:C:2018:570

Kawża C-89/17

Secretary of State for the Home Department

vs

Rozanne Banger

[talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21 TFUE – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għal moviment liberu u għal residenza fit-territorju tal-Unjoni – Direttiva 2004/38/KE – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(b) – Sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata – Ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu – Applikazzjoni għal permess ta’ residenza – Eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tal-applikant – Artikoli 15 u 31 – Protezzjoni ġudizzjarja effettiv – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Lulju 2018

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità wara li jkun irrisjeda fi Stat Membru ieħor sempliċiment fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni – Dritt ta’ residenza dderviat mill-membri tal-familja tiegħu, ċittadini ta’ Stat terz – Kundizzjonijiet – Applikazzjoni b’analoġija tal-kudizzjonijiet tal-għoti previsti mid-Direttiva 2004/38

(Artikolu 21(1) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38)

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità wara li jkun irrisjeda fi Stat Membru ieħor sempliċiment fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni – Talba għal għoti ta’ permess ta’ residenza lis-sieħeb mhux irreġistrat li għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, mal-imsemmia ċittadin – Obbligu tal-Istat Membru li jiffaċilita l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni

(Artikolu 21(1) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38)

3.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità wara li jkun irrisjeda fi Stat Membru ieħor sempliċiment fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni – Talba għal għoti ta’ permess ta’ residenza lis-sieħeb mhux irreġistrat li għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, mal-imsemmia ċittadin – Ċaħda – Obbligu li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tkun ibbażata fuq eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tal-applikant

(Artikolu 21 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 3(2))

4.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Benefiċjarji – Membri oħra tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadini ta’ pajjiżi terzi, mhux koperti mid-definizzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-direttiva – Sieħeb li għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, mal-imsemmia ċittadin – Applikazzjoni għal permess ta’ residenza – Ċaħda – Dritt għal azzjoni legali – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Artikolu 47; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 3(2), 15(1), 30 u 31)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 27-29)

2.      L-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istat Membru li ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità tiegħu li jiffaċilita l-għoti ta’ permess ta’ residenza lis-sieħeb mhux irreġistrat, ċittadin ta’ Stat terz u li miegħu dan iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, meta l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni, wara li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment sabiex jaħdem fi Stat Membru ieħor, konformement mal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, jirritorna mas-sieħeb tiegħu sabiex jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi speċifikat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(b) tal-imsemmija direttiva jikkonċerna speċifikament is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata. Din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li l-Istat Membru ospitanti għandu jiffavorixxi, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-dħul u r-residenza ta’ dan is-sieħeb.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza favur ċittadini ta’ Stat terz previsti minn din id-dispożizzjoni, iżda timponi fuq dawn l-Istati Membri l-obbligu li jagħtu ċertu vantaġġ lit-talbiet imressqa minn ċittadini ta’ Stati terzi previsti fl-imsemmi artikolu meta mqabbla ma’ talbiet ta’ dħul u ta’ residenza mressqa minn ċittadini oħra ta’ Stati terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C-83/11, EU:C:2012:519, punt 21).

(ara l-punti 30, 31, 35, dispożittiv 1)

3.      L-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni li tiċħad l-għoti ta’ permess ta’ residenza lis-sieħeb mhux irreġistrat, ċittadin ta’ Stat terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni, li, wara li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment sabiex jaħdem fi Stat Membru ieħor, konformement mal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38, jirritorna mas-sieħeb tiegħu sabiex jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, għandha tkun ibbażata fuq eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tal-applikant u għandha tkun immotivata.

Fil-kuntest tal-imsemmi eżami tas-sitwazzjoni personali tal-applikant, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni fatturi differenti li jistgħu jkunu rilevanti skont il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C-83/11, EU:C:2012:519, punt 23).

Fid-dawl kemm ta’ nuqqas ta’ regoli iktar preċiżi fid-Direttiva 2004/38 u tal-użu tal-kelmiet “skond il-leġislazzjoni nazzjonali” fl-Artikolu 3(2) tagħha, għandu jiġi kkonstatat li kull Stat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla ta’ fatturi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni.Għaldaqstant, l-Istati Membri ospitanti għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tinkludi kriterji li jkunu konformi mat-tifsira normali tal-kelma “jiffaċilita” u li ma jeliminawx l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C-83/11, EU:C:2012:519, punt 24).

(ara l-punti 39-41, dispożittiv 2)

4.      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi previsti minn din id-dispożizzjoni għandu jkollhom rimedju sabiex jikkontestaw deċiżjoni li tiċħad l-għoti ta’ permess ta’ residenza adottata fil-konfront tagħhom, li wara li dan jiġi eżerċitat il-qorti nazzjonali għandha tkun tista’ tivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ ċaħda hijiex ibbażata fuq bażi fattwali soda biżżejjed u jekk ġewx osservati l-garanziji proċedurali. Fost dawn il-garanziji huwa inkluż l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jwettqu eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tal-applikant u li jimmotivaw kull ċaħda ta’ dħul jew ta’ residenza.

Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38, il-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 ta’ din tal-aħħar għandhom japplikaw b’analoġija għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Skont l-Artikolu 31(1) ta’ din id-direttiva, il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn xieraq, amministrattivi fl-Istat Membru ospitanti biex jikkontestaw deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħhom minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jsemmux espressament il-persuni previsti, b’mod partikolari, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38.

F’dan ir-rigward, kir irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “membri tal-familja” jintuża, f’dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2004/38, bħala li jiġbor fih ukoll il-persuni previsti fl-Artikolu 3(2) ta’ din tal-aħħar.

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 38 tas-sentenza odjerna, l-Isati Membri għandhom, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, jipprevedu l-possibbiltà li l-persuni previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, ikunu jistgħu jiksbu deċiżjoni dwar it-talba tagħhom, li tkun ibbażata fuq eżami fid-dettall tas-sitwazzjoni personali tagħhom u li, fil-każ ta’ rifjut, din id-deċiżjoni tkun immotivata.

Issa, peress li id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 għandhom jingħataw interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti naxxenti mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C-300/11, EU:C:2013:363, punt 50), dawn il-persuni għandu jkollhom rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni adottata, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, li jippermetti li tiġi mistħarrġa fattwalment u legalment il-legalità ta’ din id-deċiżjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov, C-430/10, EU:C:2011:749, punt 41).

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2004/38 huma applikabbli għall-persuni previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(b) ta’ din tal-aħħar.

Fir-rigward tal-portata ta’ dawn il-garanziji proċedurali, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, persuna prevista mill-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva għandha d-dritt li titlob li jiġi vverifikat minn qorti jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha baqgħux fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni ddefinit mill-imsemmija direttiva (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C-83/11, EU:C:2012:519, punt 25).

Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika b’mod partikolari jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ibbażata fuq bażi fattwali soda biżżejjed. Barra minn hekk, dan l-istħarriġ għandu jkopri l-osservanza tal-garanziji proċedurali, li għandha importanza fundamentali li jippermetti lil qorti tivverifika jekk ġewx issodisfatti l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ April 2017, Fahimian, C-544/15, EU:C:2017:255, punti 45 u 46). Fost dawn il-garanziji huwa inkluż, konformement mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, l-obbligu ta’ dawn l-awtoritajiet li jwettqu eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tal-applikant u li jimmotivaw kull ċaħda ta’ dħul jew ta’ residenza.

(ara l-punti 44-52, dispożittiv 3)