Language of document : ECLI:EU:C:2023:270

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Marzu 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni ta’ data personali — Regolament (UE) 2016/679 — Artikolu 88(1) u (2) Ipproċessar ta’ data fil-qasam tal-impjieg — Sistema skolastika reġjonali — Tagħlim live permezz ta’ videokonferenza minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 — Implimentazzjoni mingħajr il-kunsens espliċitu tal-għalliema”

Fil-Kawża C‑34/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, Il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura

Hauptpersonalrat der Lehrerinnen und Lehrer beim Hessischen Kultusministerium

vs

Minister des Hessischen Kultusministeriums,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxu bħala Imħallfin tal-Ewwel Awla, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: S. Beer, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Ġunju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Hauptpersonalrat der Lehrerinnen und Lehrer beim Hessischen Kultusministerium, minn J. Kolter, avukat,

–        għall-Minister des Hessischen Kultusministeriums, minn C. Meinert,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Kunnert u J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u A. Wellman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher, H. Kranenborg u D. Nardi, bħala aġenti,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 88(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Hauptpersonalrat der Lehrerinnen und Lehrer beim Hessischen Kultusministerium (il-Kumitat Prinċipali tal-Persunal tal-għalliema fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u tal-Kultura tal-Land ta’ Hessen, il-Ġermanja) u l-Minister des Hessischen Kultusministeriums (il-Ministru tal-Edukazzjoni u tal-Kultura tal-Land ta’ Hessen, il-Ġermanja) dwar il-legalitá ta’ sistema ta’ xandir direttament tal-lezzjonijiet permezz ta’ videokonferenza li tqiegħed fis-seħħ fl-iskejjel tal-Land ta’ Hessen (il-Ġermanja) mingħajr ma jkun previst il-kunsens infurmat minn qabel tal-għalliema kkonċernati.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 95/46/KE

3        Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal‑24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), tħassret, b’effett mill‑25 ta’ Mejju 2018, mir-RĠPD. L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, kien ifformulat kif ġej:

“1.      Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

–        fil-lezzjonijiet ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea [fil-verżjoni tagħha qabel it-Trattat ta’ Lisbona], u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

[…]”

 IrRĠPD

4        Il-premessi 8 sa 10, 13, 16, 45 u 155 tar-RĠPD jistabbilixxu:

“(8)      Fejn dan ir-Regolament jipprevedi speċifikazzjonijiet jew restrizzjonijiet għar-regoli tiegħu mil-liġijiet tal-Istati Membri, l-Istati Membri jistgħu, sa fejn ikun meħtieġ għall-koerenza u biex id-dispożizzjonijiet nazzjonali jkunu komprensibbli għall-persuni li għalihom japplikaw, jinkorporaw elementi ta’ dan ir-Regolament fil-liġi nazzjonali tagħhom.

(9)      L-għanijiet u l-prinċipji tad-Direttiva [95/46] jibqgħu sodi, iżda din ma waqqfitx il-frammentazzjoni fl-implimentazzjoni fil-protezzjoni tad-data fl-Unjoni [Ewropea] kollha, in-nuqqas ta’ ċertezza legali jew perċezzjoni pubblika mifruxa li hemm riskji sinifikanti għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-attività online. Id-differenzi fil-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Istati Membri jistgħu jimpedixxu l-fluss liberu tad-data personali fl-Unjoni kollha. Dawk id-differenzi jistgħu jkunu ta’ xkiel għat-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-livell tal-Unjoni, jgħawwġu l-kompetizzjoni u jxekklu lill-awtoritajiet fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni. Tali differenza fil-livelli ta’ protezzjoni hija dovuta għall-eżistenza ta’ differenzi fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva [95/46].

(10)      Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha. Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali għall-konformità ma’ obbligu legali, għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali biex jispeċifikaw aktar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament. Flimkien mal-liġi ġenerali u orizzontali dwar il-protezzjoni tad-data għall-implimentazzjoni tad-Direttiva [95/46], l-Istati Membri għandhom diversi liġijiet speċifiċi għas-settur f’oqsma li jeħtieġu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi. Dan ir-Regolament jipprovdi wkoll marġni ta’ manuvrar għall-Istati Membri biex jispeċifikaw ir-regoli tagħhom, inkluż għall-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali (‘data sensittiva’). Sa dak il-punt, dan ir-Regolament ma jeskludix il-liġijiet tal-Istati Membri li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi għal sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar, inkluż li jiġu ddeterminati b’mod aktar preċiż il-kondizzjonijiet li taħthom l-ipproċessar ta’ data personali jkun legali.

[…]

(13)      Sabiex ikun żgurat livell konsistenti ta’ protezzjoni għall-persuni fiżiċi fl-Unjoni kollha u sabiex ma jkunx hemm diverġenzi li jfixklu l-moviment liberu tad-data personali fis-suq intern, huwa meħtieġ Regolament li jipprovdi ċertezza legali u trasparenza għall-operaturi ekonomiċi […], biex jipprovdi lill-persuni fiżiċi fl-Istati Membri kollha l-istess livell ta’ drittijiet u obbligi infurzabbli bil-liġi u responsabbiltajiet għall-kontrolluri u għall-proċessuri, sabiex ikun żgurat monitoraġġ konsistenti tal-ipproċessar tad-data personali, u sanzjonijiet ekwivalenti fl-Istati Membri kollha kif ukoll kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Istati Membri differenti. Il-funzjonament adatt tas-suq intern jeħtieġ li l-moviment liberu tad-data personali fl-Unjoni ma jkunx ristrett jew ipprojbit għal raġunijiet marbutin mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. […]

[…]

(16)      Dan ir-Regolament ma japplikax għal kwistjonijiet ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali jew il-fluss liberu ta’ data personali relatata ma’ attivitajiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, bħal attivitajiet rigward is-sigurtà nazzjonali. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet fir-rigward tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni.

[…]

(45)      Fejn l-ipproċessar jitwettaq f’konformità ma’ obbligu legali li għalih ikun soġġett il-kontrollur jew fejn l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali, l-ipproċessar għandu jkollu bażi fil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. Dan ir-Regolament ma jirrikjedix liġi speċifika għal kull ipproċessar individwali. Tista’ tkun biżżejjed liġi li sservi ta’ bażi għal diversi operazzjonijiet ta’ pproċessar ibbażata fuq obbligu legali li huwa soġġett għalih il-kontrollur jew fejn l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali. Għandha tkun ukoll il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tiddetermina l-fini tal-ipproċessar. Barra minn hekk, dik il-liġi tista’ tispeċifika l-kondizzjonijiet ġenerali ta’ dan ir-Regolament li jirregola l-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali, tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet biex jiġu ddeterminati l-kontrollur, it-tip ta’ data soġġetta għall-ipproċessar, is-suġġetti tad-data kkonċernati, l-entitajiet li lilhom tista’ tiġi żvelata d-data personali, il-limitazzjonijiet tal-fini, il-perijodu tal-ħażna u miżuri oħra li jiżguraw ipproċessar legali u ġust. […]

[…]

(155)      Il-liġi tal-Istat Membru jew ftehimiet kollettivi, inklużi ‘ftehimiet tax-xogħol’, jistgħu jipprevedu regoli speċifiċi dwar l-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati fil-kuntest tax-xogħol, b’mod partikolari għall-kundizzjonijiet li taħthom id-data personali fil-kuntest tal-impjieg tista’ tkun ipproċessata fuq il-bażi tal-kunsens tal-impjegat, il-finijiet tar-reklutaġġ, it-twettiq tal-kuntratt tax-xogħol, inkluż it-twettiq tal-obbligi stabbiliti bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi, il-ġestjoni, l-ippjanar u l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-ugwaljanza u d-diversità fil-post tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u għall-għanijiet tal-eżerċizzju u t-tgawdija, fuq bażi individwali jew kollettiva, ta’ drittijiet u benefiċċji relatati mal-impjieg, u għall-għan tat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg.”

5        L-Artikolu 1 tar-RĠPD, bit-titolu “Suġġett u objettivi”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u regoli relatati mal-moviment liberu tad-data personali.

2.      Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.

3.      Il-moviment liberu tad-data personali fl-Unjoni għandu jkun la ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet marbutin mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.”

6        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

a)      matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

b)      mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE;

c)      minn persuna fiżika waqt attività purament personali jew fid-dar;

d)      mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.”

7        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

2)      ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]”

8        L-Artikolu 5 tar-RĠPD, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprevedi:

“1.      Id-data personali għandha:

a)      tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

b)      tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; f’konformità mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika ma għandux jitqies bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali (‘limitazzjoni tal-fini’);

c)      tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

d)      tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; għandu jsir dak kollu raġonevoli biex ikun żgurat li d-data personali li ma tkunx eżatta, b’kont meħud tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tissewwa mingħajr dewmien (‘preċiżjoni’);

e)      tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qed tiġi pproċessata; id-data personali tista’ tinħażen għal perijodi itwal sakemm id-data personali tiġi pproċessata biss għall-finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għall-finijiet ta’ statistika f’konformità mal-Artikolu 89(1) soġġett għall-implimentazzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi adatti meħtieġa minn dan ir-Regolament sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data (‘limitazzjoni tal-ħażna’);

f)      tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (‘integrità u kunfidenzjalità’).

2.      Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).”

9        L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu jipprovdi:

“1.      L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

b)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt;

c)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

[…]

e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.      L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b’mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.

3.      Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

a)      il-liġi tal-Unjoni, jew

b)      il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta’ data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista’ tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta’ pproċessar u proċeduri ta’ pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.”

10      Fil-Kapitolu IX tar-RĠPD, intitolat “Dispożizzjonijiet b’rabta ma’ sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar”, l-Artikolu 88 tiegħu, dwar “[i]pproċessar fil-kuntest tal-impjieġi”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu, bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi, jipprevedu regoli aktar speċifiċi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali ta’ impjegati fil-kuntest tal-impjiegi, b’mod partikolari għall-finijiet tar-reklutaġġ, it-twettiq tal-kuntratt tax-xogħol, inkluż it-twettiq tal-obbligi stipulati bil-liġi jew bi ftehimiet kollettiv, il-ġestjoni, l-ippjanar u l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-ugwaljanza u d-diversità fil-post tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol, il-protezzjoni tal-proprjetà ta’ min iħaddem jew il-klijenti, u għall-finijiet tal-eżerċizzju u t-tgawdija, fuq bażi individwali jew kollettiva, ta’ drittijiet u benefiċċji relatati mal-impjieg u għall-fini tat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg.

2.      Dawk ir-regoli għandhom jinkludu miżuri xierqa u speċifiċi biex jissalvagwardjaw id-dinjità tal-bniedem tas-suġġetti tad-data, l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tal-ipproċessar, it-trasferiment ta’ data personali fi grupp ta’ impriżi, jew grupp ta’ intrapiżi involuti f’attività ekonomika konġunta u s-sistemi ta’ monitoraġġ fil-post tax-xogħol.

3.      Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni [Ewropea] dwar dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jadotta skont il-paragrafu 1, sal‑25 ta’ Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.”

 Iddritt nazzjonali

11      L-Artikolu 26(1) tal-Bundesdatenschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tad-Data), tat‑30 ta’ Ġunju 2017 (BGBl. 2017 I, p. 2097), jipprovdi:

“Id-data personali tal-impjegati tista’ tkun is-suġġett ta’ pproċessar għall-finijiet tar-relazzjoni ta’ xogħol jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġi deċiż l-istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ xogħol jew, wara l-istabbiliment tar-relazzjoni ta’ xogħol, għall-eżekuzzjoni jew għat-terminazzjoni tagħha, jew għall-eżerċizzju tad-drittijiet jew tal-osservanza tal-obbligi rispettivament marbuta mar-rappreżentazzjoni tal-interessi tal-impjegati li jirriżultaw minn liġi jew minn strument ta’ regolamentazzjoni kollettiva ta’ xogħol, minn ftehim ta’ impriża jew ta’ servizz (ftehim kollettiv). […]”

12      Skont l-Artikolu 23 tal-Hessisches Datenschutz- und Informationsfreiheitsgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni tal-Land ta’ Hessen), tat‑3 ta’ Mejju 2018 (iktar ’il quddiem l-“HDSIG”):

“1.      Id-data personali tal-ħaddiema tista’ tiġi pproċessata għall-finijiet tar-relazzjoni ta’ impjieg jekk dan ikun meħtieġ għad-deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew, wara l-istabbiliment tar-relazzjoni ta’ impjieg, għall-applikazzjoni, it-terminazzjoni jew il-likwidazzjoni tagħha, kif ukoll għall-applikazzjoni ta’ miżuri interni ta’ ppjanar, organizzazzjoni, soċjali jew tal-persunal. […]

2.      Meta l-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati jitwettaq fuq il-bażi ta’ kunsens, hemm lok, sabiex jiġi evalwat jekk il-kunsens ingħatax liberament, li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-dipendenza tal-impjegat fir-relazzjoni ta’ xogħol kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom ingħata l-kunsens. In-natura libera tal-kunsens tista’ tintwera b’mod partikolari jekk ikun hemm, għall-impjegat, vantaġġ legali jew ekonomiku, jew jekk il-persuna li timpjega u l-impjegat ikollhom interessi konverġenti. Il-kunsens għandu jiġi stabbilit bil-miktub, ħlief meta tkun meħtieġa forma oħra minħabba ċirkustanzi partikolari. Il-persuna li timpjega hija obbligata tinforma lill-impjegat bil-miktub dwar l-għan tal-ipproċessar tad-data u bid-dritt tagħha li tirtira l-kunsens tagħha, li huwa previst fl-Artikolu 7(3) tar-[RĠPD]

3.      B’deroga mill-Artikolu 9(1) tal-[RĠPD], l-ipproċessar li jirrigwarda kategoriji partikolari ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-[RĠPD] huwa awtorizzat għall-finijiet tar-relazzjoni ta’ xogħol meta jkun meħtieġ għall-eżerċizzju ta’ drittijiet jew għar-rispett ta’ obbligi legali li jirriżultaw mid-dritt industrijali, mid-dritt tas-sigurtà soċjali u mill-protezzjoni soċjali, u li ma hemmx raġuni li wieħed jaħseb li l-interess leġittimu tas-suġġett tad-data li għandu jiġi eskluż l-ipproċessar jipprevali. Il-paragrafu 2 għandu wkoll ikun validu għall-kunsens għall-ipproċessar li jirrigwarda kategoriji partikolari ta’ data personali. F’dan ir-rigward, il-kunsens għandu jirreferi espressament għal din id-data. […]

4.      L-ipproċessar ta’ data personali, inklużi kategoriji speċjali ta’ data personali tal-ħaddiema għall-finijiet tar-relazzjoni ta’ impjieg, għandu jkun permess b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv. F’dak il-kuntest, il-partijiet fin-negozjati għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 88(2) tar-[RĠPD].

5.      Il-kontrollur għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jiżgura, b’mod partikolari, il-konformità mal-prinċipji relatati mal-ipproċessar stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-[RĠDP].

[…]

7.      Il-paragrafi 1 sa 6 japplikaw ukoll meta data personali, inklużi kategoriji partikolari ta’ data personali tal-impjegati, tiġi pproċessata mingħajr ma tkun tinsab jew tkun intiża li titqiegħed f’sistema ta’ ħażna. Id-dispożizzjonijiet tal-Hessisches Beamtengesetz ((HGBG) (il-Liġi dwar is-Servizz Pubbliku tal-Land ta’ Hessen), tal‑21 ta’ Ġunju 2018 (iktar ’il quddiem il-“HBG”)) applikabbli għall-fajls tal-persunal japplikaw mutatis mutandis għall-ħaddiema tas-settur pubbliku, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-istrument ta’ regolamentazzjoni kollettiva tax-xogħol.

8.      Impjegati skont it-tifsira ta’ din il-liġi:

1.      il-ħaddiema, inklużi l-ħaddiema temporanji fir-relazzjoni mal-utent;

[…]

7.      l-uffiċjali suġġetti għall-HBG, il-maġistrati tal-Land, kif ukoll persuni li jwettqu s-servizz pubbliku.

[…]”

13      L-Artikolu 86(4) tal-HBG jipprovdi:

“Min iħaddem jista’ jiġbor data personali mingħand l-applikanti, l-uffiċjali u l-ex uffiċjali biss sa fejn dan ikun neċessarju għall-istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew għall-implimentazzjoni, it-terminazzjoni jew il-likwidazzjoni tagħha, kif ukoll għall-applikazzjoni ta’ miżuri organizzattivi, ta’ natura soċjali jew tal-persunal, b’mod partikolari għall-ippjanar u t-tqassim tal-persunal, jew jekk dispożizzjoni leġiżlattiva jew ftehim kollettiv tas-servizz pubbliku jippermetti dan.
[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

14      Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ żewġ atti adottati matul is-sena 2020, il-Ministru tal-Edukazzjoni u tal-Kultura tal-Land ta’ Hessen stabbilixxa l-qafas ġuridiku u organizzattiv tat-tagħlim skolastiku matul il-perijodu ta’ pandemija ta’ COVID‑19. Dan il-qafas kien jirregola b’mod partikolari l-possibbiltà għall-istudenti li ma setgħux ikunu preżenti fi klassi li jassistu b’mod dirett permezz ta’ videokonferenza. Sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-istudenti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, ġie stabbilit li l-konnessjoni għas-servizz tal-videokonferenza hija awtorizzata biss bil-kunsens tal-istudenti stess jew, fil-każ ta’ minoranza tagħhom, tal-ġenituri tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-kunsens tal-għalliema kkonċernati għall-parteċipazzjoni tagħhom f’dan is-servizz ma kienx previst.

15      Il-kumitat prinċipali tal-persunal tal-għalliema fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u għall-Kultura tal-Land ta’ Hessen ippreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja) billi lmenta li x-xandir dirett tal-lezzjonijiet permezz ta’ videokonferenza ma kienx suġġett għall-kundizzjoni tal-kunsens tal-għalliema kkonċernati.

16      Il-Ministru għall-Edukazzjoni u għall-Kultura tal-Land ta’ Hessen, min-naħa tiegħu, sostna li l-ipproċessar tad-data personali li tikkonsisti fix-xandir dirett tal-lezzjonijiet permezz ta’ videokonferenza kien kopert mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-HDSIG, b’tali mod li seta’ jsir mingħajr ma jintalab il-kunsens tal-għalliem ikkonċernat.

17      Il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) tindika f’dan ir-rigward li, konformement mar-rieda tal-leġiżlatur tal-Land ta’ Hessen, l-Artikolu 23 tal-HDSIG u l-Artikolu 86 tal-HBG jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “regoli aktar speċifiċi” li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, konformement mal-Artikolu 88(1) tar-RĠPD, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ xogħol. Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-HDSIG u tal-Artikolu 86(4) tal-HBG mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 88(2) tar-RĠPD.

18      Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-HDSIG u l-Artikolu 86(4) tal-HBG huma bbażati fuq in-“neċessità”, bħala bażi legali għall-ipproċessar tad-data tal-impjegati. Issa, minn naħa, l-inklużjoni fil-liġi tal-prinċipju ta’ “neċessità” ma tikkostitwixxix regola li tispeċifika r-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 88(2) tar-RĠPD, peress li l-ipproċessar ta’ data neċessarja fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol huwa diġà rregolat mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD.

19      Min-naħa l-oħra, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-HDSIG tidher li tapplika, lil hinn mir-relazzjoni kuntrattwali nnifisha, għal kull ipproċessar ta’ data tal-impjegati. Issa, mill-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD jirriżulta li, fil-każ ta’ pproċessar ta’ data personali li jmur lil hinn mill-ipproċessar strettament neċessarju fil-kuntest tal-kuntratt ta’ xogħol, għandhom jiġu bbilanċjati l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, f’dan il-każ l-impjegati u l-uffiċjali, mal-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur, f’dan il-każ il-persuna li timpjega. Sa fejn l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-HDSIG tidher li ma tipprevedix tali bbilanċjar, din id-dispożizzjoni ma tistax titqies li hija regola settorjali speċifika wara d-dħul fis-seħħ tar-RĠPD.

20      Fit-tieni lok, il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) tqis li s-sempliċi riferiment li jinsab fl-Artikolu 23(5) tal-HDSIG, li jgħid li l-kontrollur għandu josserva b’mod partikolari l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-RĠPD, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 88(2) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni tidher li teżiġi li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi xierqa u speċifiċi li hija tipprevedi jiġu adottati sabiex jipproteġu d-dinjità tal-bniedem, l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, billi jagħtu attenzjoni partikolari lit-trasparenza tal-ipproċessar, għat-trasferiment ta’ data personali fi ħdan grupp ta’ impriżi, jew ta’ grupp ta’ impriżi involuti f’attività ekonomika konġunta u għas-sistemi ta’ kontroll fuq il-post tax-xogħol, u ma hijiex sempliċement regola li l-utent ta’ standard nazzjonali għandu josserva barra minn hekk. L-utent tal-istandard jidher li ma huwiex id-destinatarju tal-Artikolu 88(2) tar-RĠPD.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 88(1) tar-[RĠPD] għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun regola iktar speċifika li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali ta’ impjegati fil-kuntest tal-impjiegi fis-sens tal-Artikolu 88(1) [tar-RĠPD], dispożizzjoni legali għandha tissodisfa r-rekwiżiti imposti fuq tali regoli mill-Artikolu 88(2) [tar-RĠPD]?

2)      Fil-każ li ma tkunx tidher li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 88(2) tar-[RĠPD], regola nazzjonali tista’ xorta waħda tkun applikabbli?”

22      Permezz ta’ komunikazzjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Novembru 2021, il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, minħabba emendi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-ġurisdizzjoni territorjali tal-qrati amministrattivi tal-Land ta’ Hessen li kellhom jidħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Diċembru 2021, il-kawża prinċipali kienet ġiet ittrasferita lill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja). Permezz ta’ komunikazzjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Frar 2022, din il-qorti tal-aħħar ikkonfermat dan it-trasferiment u indikat lill-Qorti tal-Ġustizzja n-numru ġdid ta’ rwol mogħti fil-kawża prinċipali.

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

23      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż sostna li t-talba għal deċiżjoni preliminari kienet inammissibbli sa fejn id-domandi preliminari ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex utli għall-qorti tar-rinviju fl-eventwalità li l-ipproċessar tad-data jkun awtorizzat minħabba l-kunsens tal-għalliem. Issa, il-qorti tar-rinviju ma tidhirx li tispjega r-raġunijiet li għalihom hija ma tiħux inkunsiderazzjoni tali eventwalità.

24      Mistoqsi fuq dan il-punt waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż madankollu rrikonoxxa li d-domandi preliminari kienu rilevanti meta l-kunsens tal-għalliem ma setax jinġabar.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tagħhom ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar jekk l-istabbiliment tax-xandir dirett ta’ lezzjonijiet permezz ta’ sistemi ta’ videokonferenza jirrikjedix, minbarra l-kunsens tal-ġenituri għat-tfal tagħhom jew dak tal-istudenti maġġorenni, il-kunsens tal-għalliema kkonċernati, jew jekk, min-naħa l-oħra, l-ipproċessar tad-data personali ta’ dawn tal-aħħar huwiex kopert mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-HDSIG u mill-Artikolu 86(4) tal-HBG.

27      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) indikat fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, minn naħa, li l-leġiżlatur nazzjonali kkunsidra li l-Artikolu 23 tal-HDSIG u l-Artikolu 86 tal-HBG jikkostitwixxu regoli iktar speċifiċi fis-sens tal-Artikolu 88 tar-RĠPD u, min-naħa l-oħra, li l-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali jiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-HDSIG u l-Artikolu 86(4) tal-HBG jissodisfawx iktar ir-rekwiżiti tal-Artikolu 88 tar-RĠPD, b’mod li jistgħu jikkostitwixxu regoli iktar speċifiċi applikabbli għall-ipproċessar tad-data personali tal-għalliema fl-okkażjoni tax-xandir dirett tal-lezzjonijiet mis-sistema ta’ videokonferenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

28      Fid-dawl tal-indikazzjonijiet hekk ipprovduti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-argument imressaq mill-Gvern Ġermaniż ma huwiex ta’ natura li jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha jibbenefikaw id-domandi magħmula.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies la li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha manifestament ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, u lanqas li l-problema hija ta’ natura ipotetika, peress li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni din l-interpretazzjoni għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha.

30      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq iddomandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

31      Id-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 88(1) u (2) tar-RĠPD fil-kuntest ta’ tilwima dwar l-ipproċessar tad-data personali tal-għalliema waqt ix-xandir dirett permezz ta’ videokonferenza tal-lezzjonijiet ta’ tagħlim pubbliku li huma inkarigati li jagħtu.

32      Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk tali pproċessar jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-RĠPD fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ dan ir-regolament, dan ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq “matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;” u li, skont l-Artikolu 165(1) TFUE, l-Istati Membri huma responsabbli għall-kontenut tat-tagħlim u tal-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi tagħhom.

33      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-RĠDP, kif stabbilita fl-Artikolu 2(1) tiegħu hija wiesgħa ħafna u li l-eċċezzjonijiet għal dan il-kamp ta’ applikazzjoni, previsti fl-Artikolu 2(2) tiegħu għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen, C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 68, kif ukoll tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 61 u 62).

34      Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 2(2)(b) u mal-premessa 16 tiegħu, li tispeċifika li l-imsemmi regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ “attivitajiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, bħal attivitajiet rigward is-sigurtà nazzjonali” kif ukoll “attivitajiet fir-rigward tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 63).

35      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tar-RĠPD, li jidħol parzjalment fil-kontinwità tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, ma jistax jiġi interpretat bħala li għandu portata iktar wiesgħa mill-eċċezzjoni li tirriżulta mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, li kien diġà jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari, l-ipproċessar ta’ data personali li jseħħ fil-kuntest ta’ “attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat [UE, fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta’ Lisbona], u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat” (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 64).

36      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-attività relatata mal-organizzazzjoni tat-tagħlim fil-Land ta’ Hessen ma tistax tiġi kklassifikata fil-kategorija tal-attivitajiet li għandhom bħala għan il-preżervazzjoni tas-sigurtà nazzjonali, imsemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD.

37      Għaldaqstant, l-ipproċessar ta’ data personali ta’ għalliema fil-kuntest tax-xandir dirett permezz ta’ videokonferenza tal-lezzjonijiet ta’ tagħlim pubbliku li huma jagħtu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-RĠPD.

38      Fit-tieni lok, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-għalliema, li l-ipproċessar tad-data personali tagħhom huwa s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt is-servizz pubbliku tal-Land ta’ Hessen, u dan bħala impjegati jew uffiċjali.

39      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk tali pproċessar ta’ data personali jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 88 tar-RĠPD, li jirrigwarda l-“ipproċessar ta’ data personali ta’ impjegati fil-kuntest tal-impjiegi”.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-RĠPD ma jiddefinixxix it-termini “użati” u “relazzjonijiet ta’ impjieg”, u lanqas ma jirreferi għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiddefinixxihom. Fl-assenza ta’ tali riferiment, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, it-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jagħmlu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tiegħu għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, HK vs Danmark u HK vs Privat, C‑587/20, EU:C:2022:419, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Barra minn hekk, peress li r-RĠPD ma jiddefinixxix il-kliem “użati” u “relazzjonijiet ta’ xogħol”, dawn għandhom jiġu interpretati konformement mas-sens normali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, HK vs Danmark u HK vs Privat, C‑587/20, EU:C:2022:419, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Issa, il-kelma “impjegat” fis-sens abitwali tiegħu tirreferi għal persuna li twettaq ix-xogħol tagħha fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni mal-persuna li timpjegaha u għalhekk taħt il-kontroll tagħha (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Kuoni Travel, C‑578/19, EU:C:2021:213, punt 42).

43      Bl-istess mod, il-karatteristika essenzjali ta’ “relazzjoni ta’ impjieg” hija ċ-ċirkustanza li persuna twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo, C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 49).

44      Peress li tali karatteristika hija speċifika għall-impjegati u għar-relazzjonijiet ta’ xogħol kemm tas-settur pubbliku kif ukoll tas-settur privat, minn dan għandu jiġi dedott li t-termini “impjegat” u “relazzjonijiet ta’ impjieg”, inklużi fis-sens abitwali tagħhom, ma jeskludux lill-persuni li jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fis-settur pubbliku.

45      Fil-fatt, il-portata tal-Artikolu 88(1) tar-RĠPD ma tistax tiġi ddeterminata skont in-natura tar-rabta legali li torbot lill-impjegat mal-persuna li timpjega. Għalhekk, huwa irrilevanti l-punt dwar jekk il-persuna kkonċernata hijiex impjegata bħala impjegat jew bħala uffiċjal, jew inkella jekk ir-rabta ta’ impjieg tagħha taqax taħt id-dritt pubbliku jew id-dritt privat, peress li dawn il-kwalifiki legali fil-fatt ivarjaw skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u għalhekk ma jistgħux jipprovdu kriterju xieraq għal interpretazzjoni uniformi u awtonoma ta’ din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 1974, Sotgiu, 152/73, EU:C:1974:13, punt 5, u tat‑3 ta’ Ġunju 1986, Il‑Kummissjoni vs Franza, 307/84, EU:C:1986:222, punt 11).

46      Fir-rigward speċifikament tal-persuni li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom ma hijiex kuntratt ta’ xogħol, bħalma huma l-uffiċjali, huwa minnu li l-Artikolu 88 tar-RĠPD jirreferi, fil-paragrafu 1 tiegħu, għal “twettiq tal-kuntratt tax-xogħol”. Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dan ir-riferiment jinsab fost għanijiet oħra tal-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ regoli iktar speċifiċi adottati mill-Istati Membri, elenkati fl-Artikolu 88(1) tar-RĠPD, u li, fi kwalunkwe każ, din il-lista ma hijiex ta’ natura eżawrjenti, kif jixhed l-avverbju “b’mod partikolari” użat f’din id-dispożizzjoni.

47      Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ rilevanza tal-klassifikazzjoni tar-rabta legali bejn l-impjegat u l-amministrazzjoni li timpjegah hija kkorroborata mill-fatt li l-ġestjoni, l-ippjanar u l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-ugwaljanza u d-diversità fuq il-post tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni tal-beni li jappartjenu lill-persuna li timpjega jew lill-klijent, l-eżerċizzju u t-tgawdija tad-drittijiet u l-vantaġġi marbuta mal-impjieg, individwalment jew kollettivament, kif ukoll ix-xoljiment tar-relazzjoni ta’ xogħol, li huma elenkati wkoll f’dan l-Artikolu 88(1) tar-RĠPD jirrelataw mal-impjieg kemm fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku.

48      Konsegwentement, mir-riferiment għat-“twettiq tal-kuntratt tax-xogħol”, li jinsab fl-Artikolu 88(1) tar-RĠPD, ma jistax jiġi dedott li l-impjieg fis-settur pubbliku li ma huwiex ibbażat fuq kuntratt ta’ xogħol huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

49      L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tal-fatt li l-Artikolu 88(2) tar-RĠPD isemmi, fost it-tliet elementi li l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni “partikolari” meta jadottaw tali “regoli...speċifiċi”, it-trasferiment ta’ data personali “fi grupp ta’ impriżi, jew grupp ta’ intrapriżi involuti f’attività ekonomika konġunta”. Fil-fatt, iż-żewġ elementi l-oħra, jiġifieri t-trasparenza tat-trattament u s-sistemi ta’ kontroll fuq il-post tax-xogħol, huma rilevanti kemm għall-impjieg fis-settur privat kif ukoll għal dak fis-settur pubbliku, tkun xi tkun in-natura tar-rabta legali li torbot lill-impjegat mal-persuna li timpjega.

50      L-interpretazzjoni li tirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 88 tar-RĠPD hija kkonfermata mill-kuntest li jidħol fih dan l-artikolu kif ukoll mill-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha.

51      Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-RĠPD, moqri fid-dawl, b’mod partikolari, tal-premessi 9, 10 u 13 tiegħu, dan ir-regolament huwa intiż li jiżgura armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali li, bħala prinċipju, hija kompleta. Madankollu, numru ta’ dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament jiftħu l-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprovdu regoli nazzjonali supplimentari, iktar stretti jew derogatorji, u jħallu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni dwar il-mod kif dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu implimentati (“klawżoli ta’ ftuħ”). (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Meta Platforms Ireland (C‑319/20, EU:C:2022:322, punt 57).

52      L-Artikolu 88 tar-RĠPD, li jagħmel parti mill-Kapitolu IX ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet b’rabta ma’ sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar”, jikkostitwixxi tali klawżola ta’ ftuħ, peress li jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jadottaw “regoli aktar speċifiċi” sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali tal-impjegati fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ xogħol.

53      Il-karatteristiċi partikolari tal-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ xogħol u, konsegwentement, il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 88(1) tar-RĠPD huma spjegati b’mod partikolari mill-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni bejn l-impjegat u l-persuna li timpjega u mhux min-natura tar-rabta legali li torbot lil dan tal-ewwel ma’ dan tal-aħħar.

54      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(2) tar-RĠPD, moqri flimkien mal-premessa 10 tiegħu, dan ir-regolament għandu l-għan, b’mod partikolari, li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, peress li dan id-dritt huwa rrikonoxxut ukoll fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u marbut mill-qrib mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, stabbilit fl-Artikolu 7 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 61).

55      Issa, hija konformi ma’ dan l-għan interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 88(1) tar-RĠPD, li skontha r-“regoli aktar speċifiċi” li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ xogħol jistgħu jikkonċernaw lill-impjegati kollha, indipendentement min-natura tar-rabta legali li torbothom mal-persuna li timpjegahom.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ipproċessar ta’ data personali ta’ għalliema fl-okkażjoni tax-xandir dirett permezz ta’ videokonferenza tal-lezzjonijiet ta’ tagħlim pubbliku li huma jagħtu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u personali tal-Artikolu 88 tar-RĠPD.

 Fuq lewwel domanda

57      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk l-Artikolu 88 tar-RĠPD għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala regola iktar speċifika fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, dispożizzjoni legali għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu.

58      Kif ġie rrilevat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom il-fakultà u mhux l-obbligu li jadottaw tali regoli, peress li dawn jistgħu jkunu previsti mil-liġi jew permezz ta’ ftehimiet kollettivi.

59      Barra minn hekk, meta l-Istati Membri jeżerċitaw il-fakultà mogħtija lilhom permezz ta’ klawżola ta’ ftuħ tar-RĠPD, huma għandhom jużaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fil-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u għandhom għalhekk jilleġiżlaw b’mod li ma jippreġudikawx il-kontenut u l-għanijiet tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Meta Platforms Ireland, C‑319/20, EU:C:2022:322, punt 60).

60      Sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet u l-limiti li għalihom huma suġġetti r-regoli msemmija fl-Artikolu 88(1) u (2) tar-RĠPD u, konsegwentement, sabiex jiġi evalwat il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih din id-dispożizzjoni taqa’ kif ukoll l-objettivi u l-għanijiet tal-att li minnu jifforma parti (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2022, C‑302/20, EU:C:2022:190, punt 63).

61      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 88(1) tar-RĠPD, jirriżulta, qabelxejn, mill-użu tal-kliem “aktar speċifiċi” mir-regoli previsti minn din id-dispożizzjoni għandu jkollhom kontenut normattiv speċifiku għall-qasam irregolat u distint mir-regoli ġenerali ta’ dan ir-regolament.

62      Sussegwentement, kif ġie rrilevat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-għan tar-regoli adottati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-impjegati fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ xogħol.

63      Fl-aħħar nett, mid-diversi finijiet li għalihom l-ipproċessar tad-data personali jista’ jsir, kif stabbiliti fl-Artikolu 88(1) tar-RĠPD, jirriżulta li r-“regoli aktar speċifiċi” li huwa jkopri jistgħu jkunu relatati ma’ numru kbir ħafna ta’ pproċessar b’rabta ma’ relazzjoni ta’ xogħol, b’mod li jkopri l-finijiet kollha li għalihom l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jsir fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol. Barra minn hekk, peress li d-dikjarazzjoni ta’ dawn il-finijiet ma hijiex eżawrjenti, kif ġie rrilevat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-ipproċessar hekk suġġett għal dawn ir-regoli iktar speċifiċi.

64      L-Artikolu 88 tar-RĠPD jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li r-regoli adottati abbażi tal-paragrafu 1 tiegħu, jinkludu miżuri xierqa u speċifiċi għall-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem, l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, billi jagħtu attenzjoni partikolari lit-trasparenza tal-ipproċessar, għat-trasferiment ta’ data personali fi ħdan grupp ta’ impriżi, jew grupp ta’ impriżi impenjati f’attività ekonomika konġunta u għas-sistemi ta’ kontroll fil-post tax-xogħol.

65      Għalhekk mill-formulazzjoni tal-Artikolu 88 tar-RĠPD jirriżulta li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jirregola l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri li jixtiequ jadottaw “regoli aktar speċifiċi” skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu. Għalhekk, minn naħa, dawn ir-regoli ma jistgħux sempliċement jirrepetu d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u għandhom ikunu intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-impjegati fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ xogħol u jinkludu miżuri xierqa u speċifiċi sabiex jipproteġu d-dinjità tal-bniedem, l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati.

66      Min-naħa l-oħra, għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-trasparenza tal-ipproċessar, għat-trasferiment ta’ data ta’ natura personali fi ħdan grupp ta’ impriżi, jew ta’ grupp ta’ impriżi involuti f’attività ekonomika konġunta, u għas-sistemi ta’ kontroll fuq il-post tax-xogħol.

67      Fir-rigward tal-kuntest, li fih jinsab l-Artikolu 88 tar-RĠPD għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-premessa 8 ta’ dan ir-regolament, li tipprovdi li, meta dan ir-regolament jipprovdi li d-dritt ta’ Stat Membru jista’ jagħmel preċiżazzjonijiet jew limitazzjonijiet għar-regoli li huwa jipprevedi, l-Istati Membri jistgħu jintegraw elementi tal-imsemmi regolament fid-dritt tagħhom sa fejn huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-koerenza u sabiex id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jinftiehmu għall-persuni li għalihom japplikaw.

68      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Kapitoli II u III tar-RĠPD jistabbilixxu, rispettivament, il-prinċipji li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali kif ukoll id-drittijiet tas-suġġett tad-data li għandu jirrispetta kull ipproċessar ta’ data personali (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali), C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 50).

69      B’mod partikolari, kull ipproċessar ta’ data personali għandu, minn naħa, ikun konformi mal-prinċipji dwar l-ipproċessar tad-data stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-RĠPD u, min-naħa l-oħra, jissodisfa wieħed mill-prinċipji relatati mal-legalità tal-ipproċessar elenkati fl-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      F’dak li jikkonċerna l-prinċipji relattivi għal-legalità tal-ipproċessar, l-Artikolu 6 tar-RĠPD jistabbilixxi lista eżawrjenti u limitattiva ta’ każijiet li fihom l-ipproċessar tad-data personali jista’ jitqies bħala legali. Għalhekk, sabiex ikun jista’ jitqies li huwa leġittimu, trattament għandu jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 6 (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Għalhekk, għalkemm, fl-eżerċizzju tal-possibbiltà mogħtija lilhom minn klawżola ta’ ftuħ tar-RĠPD, l-Istati Membri jistgħu jintegraw elementi ta’ dan ir-regolament fid-dritt tagħhom sa fejn huwa neċessarju sabiex jiżguraw il-koerenza u sabiex jagħmlu d-dispożizzjonijiet nazzjonali komprensibbli għall-persuni li għalihom japplikaw, ir-“regoli aktar speċifiċi” adottati abbażi tal-Artikolu 88(1) tal-imsemmi regolament ma jistgħux sempliċement jikkostitwixxu r-repetizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar tad-data personali kif ukoll tal-prinċipji ta’ dan l-ipproċessar, imsemmija, rispettivament, fl-Artikolu 6 u fl-Artikolu 5 tal-istess regolament, jew jibgħatu lil dawn il-kundizzjonijiet u prinċipji.

72      L-interpretazzjoni li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri waqt l-adozzjoni tar-regoli abbażi tal-Artikolu 88(1) tar-RĠPD hija limitata mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu hija konformi mal-għan ta’ dan ir-regolament, imfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li huwa li tiġi żgurata armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali li hija, bħala prinċipju, kompleta.

73      Fil-fatt, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 56, 70 u 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw “regoli aktar speċifiċi” abbażi tal-Artikolu 88(1) tar-RĠPD tista’ twassal għal nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija regoli. Issa, il-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 88(2) ta’ dan ir-regolament jirriflettu l-limiti tad-differenzazzjoni aċċettata mill-imsemmi regolament, fis-sens li dan in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni jista’ jiġi aċċettat biss meta d-differenzi li jeżistu ikunu akkumpanjati minn salvagwardji speċifiċi u xierqa li huma intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet tal-impjegati fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ xogħol.

74      Konsegwentement, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “regola aktar speċifika” fis-sens tal-Artikolu 88(1) tar-RĠPD, dispożizzjoni legali għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu. Lil hinn milli jkollhom kontenut normattiv speċifiku għall-qasam irregolat u distint mir-regoli ġenerali ta’ dan ir-regolament, dawn ir-regoli iktar speċifiċi għandhom ikunu intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-impjegati fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ xogħol u jinkludu miżuri xierqa u speċifiċi sabiex jipproteġu d-dinjità tal-bniedem, l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-trasparenza tal-ipproċessar, għat-trasferiment ta’ data personali fi ħdan grupp ta’ impriżi, jew grupp ta’ impriżi involuti f’attività ekonomika konġunta u fis-sistemi ta’ kontroll fuq il-post tax-xogħol.

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 88 tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tikkostitwixxi “regola aktar speċifika”, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, fil-każ fejn hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu.

 Fuq ittieni domanda

76      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà mal-kundizzjonijiet u mal-limiti previsti fl-Artikolu 88(1) u (2) tar-RĠPD ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali tal-impjegati fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ xogħol.

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, regolament huwa obbligatorju fl-intier tiegħu u li huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tiegħu ma jeħtieġu, bħala prinċipju, ebda miżura ta’ applikazzjoni tal-Istati Membri (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et, C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 109).

78      Madankollu, kif tfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, klawżoli ta’ ftuħ previsti mir-RĠPD jiftħu l-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprovdu regoli nazzjonali supplimentari, iktar stretti jew derogatorji, u jħallu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni dwar il-mod kif id-dispożizzjonijiet ikkonċernati jistgħu jiġu implimentati.

79      Kif ġie rrilevat fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, meta l-Istati Membri jeżerċitaw il-fakultà mogħtija lilhom permezz ta’ klawżola ta’ ftuħ tar-RĠPD, huma għandhom jużaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fil-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u għandhom għalhekk jilleġiżlaw b’mod li ma jippreġudikawx il-kontenut u l-għanijiet tal-imsemmi regolament.

80      Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, li għandha tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali josservawx il-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 88 tar-RĠPD, kif miġbura fil-qosor fil-punt 74 ta’ din is-sentenza.

81      Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 sa 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 23(1) tal-HDSIG u l-Artikolu 86(4) tal-HBG, li jissuġġettaw l-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati għall-kundizzjoni li dan l-ipproċessar ikun neċessarju għal ċerti finijiet marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol, jidhru li jtennu l-kundizzjoni ta’ legalità ġenerali ta’ pproċessar diġà stabbilita fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, mingħajr ma jżidu regola iktar speċifika fis-sens tal-Artikolu 88(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, tali dispożizzjonijiet ma jidhrux li għandhom kontenut normattiv speċifiku għall-qasam irregolat u distint mir-regoli ġenerali tal-imsemmi regolament.

82      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konstatazzjoni li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma josservawx il-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti mill-Artikolu 88 tar-RĠPD, hija jkollha, bħala prinċipju, tħalli mhux applikati l-imsemmija dispożizzjonijiet.

83      Fil-fatt, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u l-atti tal-istituzzjonijiet direttament applikabbli għandhom l-effett, fir-relazzjonijiet tagħhom mad-dritt intern tal-Istati Membri, li jirrendu ipso jure inapplikabbli, minħabba d-dħul fis-seħħ tagħhom stess, kull dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 17; tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C‑213/89, EU:C:1990:257, punt 18, kif ukoll tal‑4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 52).

84      Għalhekk, fl-assenza ta’ regoli iktar speċifiċi li josservaw il-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 88 tar-RĠPD, l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, kemm fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku, huwa direttament irregolat mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jistgħu japplikaw għal ipproċessar ta’ data personali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-punti (c) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, li jipprovdu li l-ipproċessar ta’ data personali huwa legali meta dan l-ipproċessar ikun meħtieġ, rispettivament, għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur jew għat-twettiq ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika mogħtija lill-kontrollur.

86      L-Artikolu 6(3) tar-RĠPD jistabbilixxi, minn naħa, fir-rigward taż-żewġ ipoteżijiet ta’ legalità msemmija rispettivament fil-punti (c) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, li l-ipproċessar għandu jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew fuq id-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur, u jżid, min-naħa l-oħra, li l-finijiet tal-ipproċessar huma ddefiniti f’din il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar fl-imsemmi punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ kompitu ta’ interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika li huwa investit bih il-kontrollur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Inspektor v Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Finaltajiet tal-ipproċessar ta’ data personali – Investigazzjoni kriminali), C‑180/21, EU:C:2022:967, punt 95).

87      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ipproċessar legali ta’ data personali mill-kontrolluri tal-ipproċessar abbażi tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD jippresupponi mhux biss li dawn jistgħu jitqiesu bħala li jeżegwixxu kompitu ta’ interess pubbliku, iżda wkoll li l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ tali kompitu huwa bbażat fuq bażi legali msemmija fl-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Koalitsia “Demokratichna Bulgaria – Obedinenie”, C‑306/21, EU:C:2022:813, point 52).

88      Konsegwentement, meta l-qorti tar-rinviju tasal għall-konstatazzjoni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ xogħol ma josservawx il-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti mill-Artikolu 88(1) u (2) tar-RĠPD, hija għandha tivverifika wkoll jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet jikkostitwixxux bażi legali msemmija fl-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-premessa 45 tiegħu, li tosserva r-rekwiżiti previsti mill-imsemmi regolament. Jekk dan ikun il-każ, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ma għandhiex tiġi eskluża.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 88(1) u (2) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-impjegati fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għandha tiġi eskluża meta dawn id-dispożizzjonijiet ma josservawx il-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti minn dan l-Artikolu 88(1) u (2) tar-RĠPD sakemm l-imsemmija dispożizzjonijiet jikkostitwixxu bażi legali msemmi fl-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament li josserva r-rekwiżiti previsti minn dan.

 Fuq lispejjeż

90      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tikkostitwixxi “regola aktar speċifika”, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, fil-każ fejn hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu.

2)      L-Artikolu 88(1) u (2) tar-Regolament Nru 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-impjegati fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għandha tiġi eskluża meta dawn id-dispożizzjonijiet ma josservawx il-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti minn dan l-Artikolu 88(1) u (2) tar-RĠPD sakemm l-imsemmija dispożizzjonijiet jikkostitwixxu bażi legali msemmi fl-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament li josserva r-rekwiżiti previsti minn dan.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.